|
4.9.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 291/1 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-implikazzjonijiet tal-politika tal-klima u l-enerġija għas-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija”
(opinjoni esploratorja)
(2015/C 291/01)
|
Relatur: |
Mindaugas MACIULEVIČIUS |
Nhar is-26 ta’ Settembru 2014, il-Presidenza Latvjana li jmiss tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
L-implikazzjonijiet tal-politika tal-klima u l-enerġija għas-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija
(Opinjoni esploratorja).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-9 ta’ April 2015.
Matul il-507 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ April 2015 (seduta tat-22 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’147 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jenfasizza li t-tibdil fil-klima huwa sfida globali. Meta jiddeċiedu dwar il-kontribut tal-UE għal ftehim globali dwar il-klima, l-UE u l-Istati Membri għandhom iqisu d-differenzi fil-linji politiċi madwar id-dinja u jqisu l-impatti tat-tibdil fil-klima u l-potenzjal ta’ mitigazzjoni. Il-politiki tal-UE għandhom jindirizzaw l-isfida li tinżamm is-sigurtà tal-ikel minkejja d-domanda dejjem tikber, filwaqt li jżommu l-kompetittività tal-UE fis-setturi agrikoli u tal-forestrija, u jsaħħu l-attrazzjoni ta’ produtturi lokali tal-UE mingħajr ma jimponu piżijiet żejda fuq il-bdiewa u s-sidien tal-foresti. L-UE għandha tkun mudell ta’ biedja ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli. Il-qafas tal-politika tal-UE jeħtieġ li jkun koerenti u konsistenti. |
|
1.2. |
Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat il-kuntest globali sabiex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni intensiva fl-enerġija u fl-emissjonijiet lejn partijiet oħra tad-dinja, li jista’ anke jwassal għal żieda tal-emissjonijiet globali totali filwaqt li titnaqqas il-kompetittività tas-setturi Ewropej tal-agrikoltura u l-forestrija. |
|
1.3. |
Id-deċiżjoni li jiġu integrati l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) fil-qafas ta’ politika ta’ wara l-2020 toħloq livell għoli ta’ inċertezza għas-settur tal-biedja, u f’xi każijiet għas-settur tal-forestrija. Għadu mhuwiex ċar jekk din twassalx għal “sink-effect” jew jekk l-integrazzjoni twassalx għal emissjonijiet addizzjonali f’għadd ta’ reġjuni. Kwalunkwe deċiżjoni trid tkun ibbażata fuq ix-xjenza u għandha tittieħed wara li tkun saret valutazzjoni tal-impatt adatta tal-alternattivi differenti fil-livell tal-Istati Membri. |
|
1.4. |
Meta tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar il-miri għal wara l-2020 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra għall-Istati Membri fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija, il-KESE jappella għal flessibbiltà, speċjalment fl-Istati Membri li bħalissa qed iħallu impronta ambjentali iżgħar b’mod sinifikanti fl-agrikoltura jew il-forestrija. |
|
1.5. |
Minħabba li hu mistenni impatt ekonomiku u soċjali pożittiv ħafna, speċjalment għall-ħolqien tal-impjiegi f’żoni rurali, il-KESE jħeġġeġ strateġija attiva li tqis il-potenzjal għal tkabbir sostenibbli u ekonomikament vijabbli ta’ bijomassa għall-bijoenerġija u l-bijoekonomija inġenerali, kif ukoll l-agrikoltura intensifikata b’mod sostenibbli, biex b’hekk jiġi garantit dħul addizzjonali għoli u stabbli għall-bdiewa, is-sidien tal-foresti u l-komunitajiet rurali, u tingħata spinta lill-investiment fl-infrastruttura u l-ħtiġijiet soċjali taż-żoni rurali. |
|
1.6. |
Il-foresti u l-prodotti tal-injam jistgħu jaħżnu iżjed CO2. Kemm il-ġestjoni attiva tal-foresti kif ukoll l-użu akbar ta’ prodotti tal-injam jistgħu jżidu t-tneħħija u l-ħżin tas-CO2. L-effetti ta’ sostituzzjoni addizzjonali jistgħu jkunu mistennija meta prodotti tal-injam jissostitwixxu prodotti jew materjali konvenzjonali. |
|
1.7. |
Is-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija huma kumplessi, strutturi bijoloġiċi mhux mifhuma kompletament, fejn bidliet kbar m’għandhomx jiġu proposti u implimentati bħala soluzzjonijiet temporanji biex jintlaħqu miri għal medda qasira ta’ żmien. L-enfasi fuq il-miri tal-2020 u tal-2030 tirrapreżenta perjodu wisq qasir għal sistemi bijoloġiċi. M’għandhom jiġu proposti l-ebda soluzzjonijiet globali dwar sistemi bijoloġiċi għar-reġjun kollu tal-UE, fid-dawl taċ-ċirkostanzi lokali differenti ħafna u li xi kultant mhumiex mistennija. |
|
1.8. |
Ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp huma l-fatturi ewlenin li jwasslu għal tranżizzjoni lejn agrikoltura u forestrija sostenibbli, inkluż għall-bijoenerġija u l-bijoekonomija, f’konformità mal-objettivi tal-politika dwar il-klima. Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex iżidu l-finanzjament għal ħidma f’dan il-qasam, u jappella għal sforz konġunt fejn is-sejbiet huma kondiviżi bejn il-komunitajiet tar-riċerka. Is-soluzzjoni għal implimentazzjoni b’suċċess tal-innovazzjoni hija li tiġi promossa b’mod attiv permezz ta’ korpi konsultattivi u edukattivi lill-utenti finali fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija. |
|
1.9. |
Politiki tal-UE, flimkien ma’ programmi ta’ riċerka u innovazzjoni speċifiċi kkombinati ma’ inċentivi finanzjarji lill-bdiewa u lis-sidien tal-foresti għandhom:
|
|
1.10. |
Il-KESE jenfasizza li d-djalogu ċivili u l-inizjattivi ċivili bejn il-partijiet interessati u l-istituzzjonijiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej huma l-aktar mod effiċjenti kif jinħoloq il-qafas tal-politika għas-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija. L-aħjar eżempji ta’ dan it-tip ta’ involviment, inklużi sħubijiet pubbliċi-privati li rnexxew, għandhom jiġu maqsuma fost l-Istati Membri. |
2. Introduzzjoni
|
2.1. |
Fuq talba għal konsultazzjoni tal-Presidenza Latvjana tal-UE, il-KESE iddeċieda li jħejji din l-Opinjoni sabiex jikkomunika l-fehmiet tas-soċjetà ċivili dwar l-aħjar modi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u tiżdied it-tneħħija tas-CO2 fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija b’mod kosteffiċjenti u mingħajr ma jiġu mxekkla l-iżvilupp sostenibbli u l-kompetittività tal-UE. |
|
2.2. |
Il-KESE jirrikonoxxi li l-implikazzjonijiet tal-politika tal-UE dwar il-klima u l-enerġija għall-iżvilupp tas-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija huma kumplessi. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, l-Opinjoni għandha l-għan li tiddeskrivi l-impatti ewlenin tal-qafas ta’ politika attwali tal-UE għaż-żewġ setturi u l-kontribut li diġà sar għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, biex jiġu enfasizzati l-opportunitajiet potenzjali għas-setturi, u jiġu indirizzati l-aspetti soċjali u l-effetti fuq is-soċjetà ċivili u biex jiġu proposti rakkomandazzjonijiet dwar il-post u r-rwol tas-setturi tal-agrikoltura u tal-foresterija fil-qafas ta’ politika tal-enerġija u tal-klima għall-2030 tal-UE. |
|
2.3. |
L-Unjoni Ewropea qablet fuq l-għanijiet tagħha tal-enerġija u tal-klima fil-pakkett ta’ leġislazzjoni vinkolanti tal-2009 (1) li jinforza l-hekk imsejħa miri “20-20-20”. Il-qafas ta’ politika tal-2020 ma stabbilixxiex mira speċifika għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet għall-agrikoltura u s-settur LULUCF. |
|
2.4. |
Fit-22 ta’ Jannar 2014 il-Kummissjoni Ewropea ħarġet “Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta’ bejn l-2020 u l-2030” (2). Il-miri l-ġodda, appoġġjati mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Ottubru, jinkludu: tnaqqis ta’ 40 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra meta mqabbel mal-livelli tal-1990, sehem minimu ta’ 27 % tal-konsum ta’ enerġija rinnovabbli u titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija b’27 %. |
|
2.5. |
Fil-qafas tal-2030 il-Kummissjoni ssuġġeriet: “Biex jiġi żgurat li s-setturi kollha jikkontribwixxu b’mod kosteffettiv għall-isforzi ta’ mitigazzjoni, l-agrikoltura, l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija għandhom jiġu inklużi fil-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra għall-2030.” |
|
2.6. |
Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni teżamina l-aħjar mezzi li jippromwovu l-intensifikazzjoni sostenibbli tal-produzzjoni tal-ikel, filwaqt li jitjieb kemm jista’ jkun il-kontribut tas-settur għall-mitigazzjoni u s-sekwestru tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, inkluż permezz tal-afforestazzjoni (3). |
|
2.7. |
Fl-aħħar tal-2015 għandu jiġi adottat ftehim globalment vinkolanti dwar il-ħarsien tal-klima waqt il-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) f’Pariġi. Għandu jimpenja lill-pajjiżi biex inaqqsu l-emissjonijiet u jieħdu miżuri ta’ adattament. |
|
2.8. |
Barra minn hekk, l-azzjoni li ħadet il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida fil-kuntest tal-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT) u r-reviżjoni ta’ politiki eżistenti, li l-KESE ġeneralment jappoġġja, tista’ tkun opportunità tajba biex jiġu riżolti l-kontradizzjonijiet u tiġi żgurata l-konsistenza tal-politiki ambjentali (ilma, arja u ħamrija), u dawk tal-agrikoltura u tal-foresterija tal-UE, b’mod partikolari għas-setturi tal-agrikoltura u tal-foresterija. Huwa importanti ħafna wkoll li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif ukoll koerenza bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali individwali u l-awtoritajiet reġjonali (koerenza bejn linji politiċi nazzjonali u reġjonali). |
|
2.9. |
Stati Membri differenti għandhom sitwazzjonijiet, kundizzjonijiet u strateġiji differenti fir-rigward tal-forestrija u tal-agrikoltura. Meta jitqiesu dawn id-differenzi, ikun diffiċli li tinstab soluzzjoni waħda għal kulħadd. Madankollu, ir-rwol tal-UE għandu jkun li tippromwovi u xxerred l-aħjar prattiki fil-forestrija u l-agrikoltura fost l-Istati Membri, kif ukoll li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, il-komunitajiet lokali, is-sidien tal-art, l-industriji rilevanti u r-riċerkaturi. |
3. Impatti
|
3.1. |
F’reġjuni differenti tal-UE, it-tibdil fil-klima qed iħalli impatt fuq is-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija b’modi multipli, b’konsegwenzi kemm negattivi kif ukoll pożittivi. Għalkemm hemm inċertezza fir-rigward tad-daqs ta’ dawn l-impatti fil-futur, diġà qed iseħħu għadda ta’ bidliet sinifikanti, inklużi: bidliet fit-tendenzi ta’ preċipitazzjoni annwali u staġjonali, avvenimenti estermi, bidliet fid-disponibilità tar-riżorsi tal-ilma, organiżmi li jagħmlu ħsara, mard u bidliet fil-ħamrija. Dawn il-bidliet min-naħa tagħhom jaffettwaw il-volum u l-kwalità tal-produzzjoni u l-istabbiltà tal-produzzjoni tal-ikel, u jolqtu kemm is-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija kif ukoll il-konsumaturi. Dawn iwasslu wkoll għal riskji akbar għaż-żoni rurali, bħal riskju ikbar ta’ għargħar u ta’ ħsara għall-infrastruttura. |
|
3.2. |
Waqt li jiġi vvalutat kif emissjonijiet mill-agrikoltura u l-LULUCF għandhom ikunu integrati fil-qafas tal-2030, huwa importanti li jiġi nnutat ir-rwol tal-agrikoltura u l-forestrija f’termini tal-ħażna kbira tagħhom ta’ karbonju fil-ħamrija, kif ukoll il-kontribut ewlieni għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE mill-importazzjonijiet tal-enerġija billi jipprovdu l-bijoenerġija. L-agrikoltura tikkontribwixxi madwar 10 % tal-emissjonijiet totali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE 28 u 18 % tal-emissjonijiet fis-settur li ma jagħmilx parti mill-ETS regolat mid-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi. Madankollu, għandu jkun rikonoxxut li mill-1990 l-agrikoltura tal-UE kisbet tnaqqis ta’ CO2 ekwivalenti għal madwar 18 % meta mqabbel mat-tnaqqis globali ta’ 17 % fl-UE fl-istess perjodu. Fl-istess ħin, il-produzzjoni agrikola żdiedet. |
|
3.3. |
L-għanijiet tal-klima jimplikaw li hemm bżonn ta’ forom ta’ agrikoltura li huma effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u fis-CO2. Meta jiġu ddeterminati l-miri kosteffiċjenti għas-settur, għandu jiġi kkunsidrat l-ekwivalenti ta’ CO2 għal kull unità prodotta. Barra minn hekk, jeħtieġ li jitqies il-kuntest globali sabiex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni intensiva fl-enerġija u fl-emissjonijiet lejn partijiet oħra tad-dinja, li jista’ anke jwassal għal żieda tal-emissjonijiet totali filwaqt li titnaqqas il-kompetittività tas-setturi Ewropej tal-agrikoltura u l-forestrija. |
|
3.4. |
Is-settur agrikolu u tal-foresterija tal-UE huwa dipendenti ħafna mill-karburanti fossili, prinċipalment minħabba l-użu ta’ fertilizzanti u karburanti fossili għall-makkinarju. Politiki tal-UE futuri, flimkien ma’ programmi ta’ riċerka u innovazzjoni speċifiċi kkombinati ma’ inċentivi finanzjarji lill-bdiewa u lis-sidien tal-foresti, għandhom:
Barra minn hekk, għandu jiġi promoss mudell sostenibbli magħluq tal-agrikoltura u tal-forestrija sabiex tingħata spinta lill-kompetittività ta’ dawn is-setturi globalment. |
|
3.5. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-miżuri ambjentali introdotti permezz tar-riforma riċenti tal-PAK, madankollu jenfasizza d-differenzi fil-kundizzjonijiet klimattiċi, it-tipi ta’ rziezet u speċifiċitajiet oħra, inkluż in-nuqqas ta’ għarfien fl-Istati Membri tal-UE. Meta jitfasslu miżuri futuri, għandha tiġi assigurata l-flessibbiltà għall-bdiewa. Il-protezzjoni tal-ambjent, il-produzzjoni agrikola u l-proċessi ta’ ġestjoni tal-foresti għandhom ikunu integrati b’mod li jsaħħaħ b’mod sostenibbli l-kapaċità tal-produzzjoni u jikkontribwixxi lejn l-effiċjenza, il-produttività u l-innovazzjoni. |
|
3.6. |
Skont l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), iż-żieda fid-domanda globali għall-ikel se tilħaq sa 70 % sal-2050 u ħafna minnha se tkun għal livell għoli ta’ proteini minn prodotti minn annimali. Is-settur tal-biedja tal-UE qed jiffoka ħafna fuq żieda fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fl-irziezet, u b’hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom għal kull unità prodotta bl-adozzjoni ta’ prattiki sostenibbli. Tali prattiki jenħtieġ li jinkorporaw standard għoli ta’ benessri tal-annimali, u l-UE għandha wkoll tagħmel pressjoni biex dan ikun rikonoxxut internazzjonalment. Madankollu, il-KESE jirrikonoxxi li anke jekk isiru sforzi u investimenti kbar lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan mill-produzzjoni tal-bhejjem, iż-żieda fin-numru ta’ annimali xorta tista’ potenzjalment iżżid l-emissjonijiet netti. |
|
3.7. |
Minħabba l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq is-settur agrikolu u dak tal-forestrija, żoni għall-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’ tradizzjonali qed jinbidlu wkoll. Il-KESE jinnota li huwa meħtieġ ammont sinifikanti ta’ riċerka u żvilupp sabiex jiġu żviluppati l-aqwa tekniki, kif ukoll dawk l-iktar produttivi, kosteffikaċi u sostenibbli, u varjetajiet ta’ pjanti (kultivari), filwaqt li jitqiesu t-tibdil fil-klima u kondizzjonijiet lokali u reġjonali speċifiċi għall-agrikoltura u l-forestrija fl-Ewropa. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ tekniki ta’ tnissil u għażla tradizzjonali, u għandha tingħata prijorità għal varjetajiet ta’ pjanti lokali. Il-produttività tal-ħamrija u l-intensifikazzjoni sostenibbli huma kruċjali għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. |
4. Opportunitajiet
|
4.1. |
Filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi attwali u dawk futuri, il-KESE jitlob li jinstabu soluzzjonijiet intelliġenti għall-isfidi li diġà qed jinħolqu minħabba t-tibdil fil-klima, iżda jirrikonoxxi wkoll li l-għanijiet ta’ politika ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija għal wara l-2020 jirrappreżentaw opportunità fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija tal-UE, li għandhom rwol sinifikanti fi ħdan il-qafas tal-politika. Il-KESE jirrikonoxxi li l-isforz għandu jkun wieħed komuni u attiv bejn is-soċjetà ċivili, u l-livelli lokali, reġjonali, tal-Istati Membri u tal-UE. |
|
4.2. |
Il-miżuri li se jiġu implimentati fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija jeħtieġu li jkollhom impatt pożittiv fit-tul fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-assorbimenti tas-CO2, mill-perspettiva tal-użu tal-art, billi ħafna mill-miżuri ta’ tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra fil-qasam tal-forestrija jistgħu jżidu l-emissjonijiet fuq medda qasira ta’ żmien, iżda għandhom impatt pożittiv ħafna iżjed sinifikanti fuq medda twila ta’ żmien. L-enfasi fuq il-miri tal-2020 u tal-2030 tirrapreżenta perjodu wisq qasir għal sistemi bijoloġiċi. |
|
4.3. |
Il-KESE jinnota li l-agrikoltura fl-Ewropa taqdi rwol kruċjali, speċjalment għall-biedja tal-familji, is-sigurtà tal-ikel, l-impjieg rurali, l-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli f’żoni rurali. Sabiex tiġi salvagwardjata, deċiżjonijiet rigward l-iżvilupp ulterjuri tas-settur li jinvolvu t-tnaqqis fil-gassijiet b’effett ta’ serra għandhom jiġu evalwati bir-reqqa, b’mod komprensiv u b’kunsiderazzjoni xierqa ta’ kwistjonijiet nazzjonali. |
|
4.4. |
Il-foresti għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Il-karattru multifunzjonali tagħhom li jservi skopijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali jeħtieġ li jiġi rikonoxxut. Il-KESE jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżviluppaw Strateġiji tal-Foresti Attivi u jaġġornaw il-programmi nazzjonali eżistenti tal-foresti filwaqt li jiġu kkunsidrati l-prinċipji u l-għanijiet tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti. |
|
4.5. |
Attwalment, fil-livell reġjonali, ir-riżorsi tal-foresti disponibbli fl-Ewropa jaqbżu l-użu potenzjali tagħhom. Madankollu, hemm domanda dejjem tikber għall-bijomassa fl-UE. Jeħtieġ li tiġi promossa afforestazzjoni ulterjuri sabiex tiġi żgurata provvista lokali suffiċjenti għall-ħtiġijiet ta’ enerġija, għall-industriji b’bażi tal-injam u l-bijoekonomija inġenerali. Dan għandu jinkoraġġixxi wkoll l-użu ta’ residwi u skart, bħal fergħat, fdalijiet ta’ injam, u zkuk ta’ valur baxx. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat użu iktar effiċjenti tal-bijomassa, waqt li tingħata prijorità lill-produzzjoni ta’ prodotti ta’ valur għoli u l-iżgurar ta’ kondizzjonijiet għall-użu ta’ dawn il-prodotti fil-produzzjoni tal-enerġija fi tmiem il-ħajja tagħhom. |
|
4.6. |
Miżuri ta’ afforestazzjoni, fejn adatti, għandhom impatt pożittiv ħafna, mhux biss fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, iżda wkoll fuq it-tisħiħ tal-bijodiversità u t-tnaqqis tal-iskarsezza tal-ilma. Dan il-mod ta’ żvilupp għandu jiġi kkunsidrat ukoll f’reġjuni bi problemi ta’ skarsezza tal-ilma bħala mod sostenibbli kif tiġi indirizzata l-kwistjoni kemm ekonomikament kif ukoll soċjalment. Jistgħu jinkisbu benefiċċji soċjali addizzjonali minn foresti urbani u siġar barra l-foresti, bħal fuq il-ġnub tal-awtostradi. |
|
4.7. |
L-iżvilupp tal-bijomassa prodotta b’mod sostenibbli għandu jsir fi ħdan qafas ta’ politika definit b’mod ċar li jirrispetta l-limiti fuq il-produzzjoni u fuq l-użu, kif ukoll l-aspetti soċjali u l-bijodiversità. It-tmexxija tal-UE hija meħtieġa f’dan il-qasam sabiex tiġi żgurata aktar evoluzzjoni tal-bijoekonomija b’tali mod li twassal għal benefiċċji soċjali, ekonomiċi u ambjentali. |
|
4.8. |
Il-foresti u l-prodotti tal-injam jistgħu jaħżnu iżjed CO2. Kemm il-ġestjoni attiva tal-foresti kif ukoll l-użu akbar ta’ prodotti tal-injam jistgħu jżidu t-tneħħija u l-ħżin tas-CO2. L-effetti ta’ sostituzzjoni addizzjonali jistgħu jkunu mistennija meta prodotti tal-injam jissostitwixxu prodotti jew materjali konvenzjonali. |
|
4.9. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal ġestjoni sostenibbli u attiva tal-foresti msejsa fuq l-użu effiċjenti ta’ prodotti tal-foresti, kif ukoll għar-riġenerazzjoni tal-foresti skont miri ta’ produttività u sostenibbiltà. Barra minn hekk, għandhom jiġu kkunsidrati miżuri effettivi, immirati u msejsa fuq ix-xjenza, bħal sistemi ta’ drenaġġ, il-qtugħ riġenerattiv, il-qtugħ biex titnaqqas id-densità tas-siġar, it-tferrix ta’ rmied u fertilizzazzjoni fuq ħamrija degradata, billi dawn iżidu r-rendimenti tal-foresti u l-potenzjal tat-tneħħija tas-CO2. |
|
4.10. |
Hemm żoni konsiderevoli ta’ foresti produttivi fejn l-użu tal-bijomassa u iktar żidiet fit-tneħħija potenzjali ta’ CO2 huma limitati mill-aċċessibbiltà ta’ dawn l-artijiet b’mod ekonomiku. Jenħtieġ l-investiment għall-iżvilupp tal-infrastruttura u t-teknoloġiji tal-foresti sabiex dawn ir-riżorsi jsiru aċċessibbli. Dan jista’ jsir permezz ta’ fondi tal-UE li jappoġġjaw l-għanijiet ta’ koeżjoni. |
|
4.11. |
Fil-maġġoranza tal-Istati Membri hemm żoni kbar ħafna ta’ art li attwalment mhux qed jintużaw, bħal żoni li kienu jintużaw għall-mergħat u mhumiex adattati għall-produzzjoni taċ-ċereali jew ta’ uċuħ simili, kif ukoll żoni ta’ uċuh tar-raba’, li jintużaw b’mod estensiv minħabba d-deterjorazzjoni tal-infrastruttura u n-nuqqas ta’ investiment għal sistemi ta’ drenaġġ, u limiti ambjentali oħra. Dawn l-artijiet, jekk jiġu appoġġjati mir-riċerka u l-innovazzjoni, jistgħu jiġu rritornati għall-produzzjoni ta’ agrikoltura tradizzjonali, uċuħ tar-raba’ għall-bijoenerġija jew l-afforestazzjoni. |
|
4.12. |
L-użu ta’ bijomassa prodotta b’mod sostenibbli għall-enerġija huwa kontributur importanti għall-għanijiet ta’ indipendenza enerġetika fi ħdan il-politika tal-enerġija ġenerali tal-UE. Se jkollu wkoll impatt pożittiv ħafna fuq il-bilanċ kummerċjali ġenerali, minħabba li dan ifisser li l-bijomassa lokali tkun tista’ tintuża minflok ma jiiħallsu pajjiżi terzi għal karburanti fossili impurtati. |
|
4.13. |
Il-KESE jappella għal aktar appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tal-forestrija sabiex jiġu identifikati u pprovduti tekniki u metodi ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti, filwaqt li jitqiesu l-isfidi li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima, id-differenzi ambjentali bejn ir-reġjuni Ewropej u pressjonijiet ekonomiċi li qed jaffaċċja s-settur huwa u jipprova jżomm jew iżid il-kompetittività tiegħu. |
|
4.14. |
Il-proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fil-bijoenerġija għandhom jikkontribwixxu sabiex jiġi żgurat li l-katina sħiħa ta’ produzzjoni hija kosteffikaċi, sostenibbli u ekonomikament vijabbli mingħajr il-ħtieġa ta’ dipendenza fuq kwalunkwe sussidji nazzjonali jew Ewropej għall-bijoenerġija fil-futur. Sabiex jipprovdu kundizzjonijiet indaqs, għandhom jitneħħew gradwalment kwalunkwe sussidji jew appoġġ mhux finanzjarju ieħor għall-enerġija fossili. |
|
4.15. |
Il-KESE jilqa’ l-approċċ transsettorjali li ttieħed mill-Kummissjoni fl-appoġġ tal-bijoekonomija inġenerali u jappella għal aktar kooperazzjoni fost id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni għall-promozzjoni ta’ bijomassa prodotta b’mod sostenibbli. |
|
4.16. |
Il-KESE jenfasizza li l-użu ta’ teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) u programmi eżistenti tal-Kummissjoni, bħal Galileo, għas-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija, qed jgħinu biex jittejbu t-tekniki ta’ produzzjoni sostenibbli għall-materja prima fl-UE. Il-KESE jappella għal aktar riċerka u żvilupp f’dan il-qasam. |
|
4.17. |
Il-Kummissjoni Ewropea għandha rwol x’taqdi fil-promozzjoni u t-tħeġġiġ ta’ approċċ koerenti bejn l-awtoritajiet responsabbli fl-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw b’suċċess programmi fil-livell nazzjonali. |
|
4.18. |
Il-KESE huwa konxju li aktar minn EUR 220 miljun kienu disponibbli biex jiġu ffinanzjati proġetti fl-agrikoltura u l-forestrija sostenibbli fl-ambitu tas-Seba’ Programm Kwadru għar-riċerka. Huwa jappella biex il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Orizzont 2020 ikun dejjem iktar ambizzjuż. Il-KESE jenfasizza l-fatt li s-suċċess aħħari tar-riċerka se jiddependi mit-tixrid effettiv tar-riżulati ta’ proġetti ta’ riċerka lill-utenti finali fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija. |
|
4.19. |
Il-KESE jenfasizza li l-aktar użu sostenibbli tal-bijomassa huwa fil-livell lokali. Madankollu, jagħraf li s-suq attwali tal-bijoenerġija huwa internazzjonali. Is-sitwazzjoni speċifika ta’ pajjiżi bi provvista żejda ta’ bijomassa għandha tiġi rikonoxxuta billi l-produzzjoni tal-bijomassa twassal għal emissjonijiet mis-setturi LULUCF f’pajjiżi li jesportaw u għal tnaqqis ta’ emissjonijiet fis-settur tal-enerġija fil-pajjiżi li jimportaw. Meta tittieħed deċiżjoni dwar il-miri tal-emissjonijiet mil-LULUCF tal-UE, huma meħtieġa strumenti speċifiċi ta’ kumpens għall-pajjiżi esportaturi. |
5. Aspetti soċjali
|
5.1. |
L-iżvilupp ta’ żoni rurali fl-Unjoni Ewropea huwa dipendenti b’mod qawwi fuq il-vijabbiltà tas-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija. Il-KESE jenfasizza li l-użu akbar tal-bijomassa sostenibbli u l-agrikoltura intensifikata b’mod sostenibbli, speċjalment it-trobbija tal-annimali, għandu jkollhom impatt pożittiv ħafna u ewlieni fuq il-komunitajiet rurali f’termini tal-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u l-ġenerazzjoni ta’ dħul. |
|
5.2. |
Il-KESE jenfasizza li l-ipproċessar ulterjuri ta’ materja prima tal-bijomassa jew prodotti agrikoli sabiex jinħolqu prodotti ta’ valur għoli għandu wkoll jiġi promoss lokalment, billi dan għandu impatt sekondarju pożittiv ħafna fuq l-impjiegi u l-ġenerazzjoni ta’ dħul f’żoni rurali. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħidma tal-Kummissjoni s’issa dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni bil-għan li jinstabu modi ġodda biex jinkiseb valur aħjar minn prodotti tal-bijomassa u agrikoli. Il-KESE jitlob għal programm ta’ investiment saħansitra aktar ambizzjuż sabiex tkun assigurata t-tmexxija tal-UE f’dan il-qasam fuq livell dinji. |
|
5.3. |
Il-KESE jinnota li l-ġenerazzjoni tal-enerġija mix-xemx u mir-riħ toffri opportunitajiet ġodda u sostenibbli għal żoni rurali. L-ispejjeż ta’ dawn l-iskemi qed ikomplu jonqsu u l-effiċjenza tagħhom qed tiżdied, iżda sabiex jiġu promossi dawn il-mezzi ta’ produzzjoni ta’ enerġija f’zoni rurali, il-bdiewa u l-komunitajiet rurali għandhom jiġu inċentivati. Skemi deċentralizzati jippermettu lill-individwi u lill-komunitajiet jaqsmu l-ispejjeż u l-benefiċċji tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u jidentifikaw opportunitajiet għal tlaqqigħ aħjar tal-provvista u d-domanda. |
|
5.4. |
Dħul supplimentari mill-agrikoltura intensifikata b’mod sostenibbli, l-ipproċessar ulterjuri ta’ materja prima, il-produzzjoni tal-bijomassa u aktar ipproċessar, kif ukoll il-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, jistgħu jipprovdu dħul għoli addizzjonali u stabbli għall-bdiewa, is-sidien tal-foresti u l-komunitajiet rurali. Se jinkoraġġixxi wkoll – u jista’ jkun is-sors ta’ – aktar investiment pubbliku jew privat fl-infrastruttura f’żoni rurali. |
|
5.5. |
Il-KESE jenfasizza li żvilupp ulterjuri tal-bijoekonomija ġeneralment jista’ jipprovdi opportunitajiet ta’ impjieg ta’ kwalità għolja u b’hekk jinċentiva lin-nies biex jibqgħu jew jiċċaqalqu, għal żoni rurali, biex b’hekk tiġi ttratta l-problema ta’ depopolazzjoni ta’ dawn iż-żoni, li hija sfida ewlenija fl-UE. |
|
5.6. |
Il-koeżjoni territorjali u soċjali għandha tkun l-objettiv ewlieni għall-politiki kollha tal-UE, u l-miżuri kollha, inklużi dawk li jirriżultaw mill-qafas ta’ politika tal-enerġija u tal-klima tal-UE, għandhom jgħinu biex tagħmel dan. |
|
5.7. |
Il-bijodiversità x’aktarx li tiġi affettwata b’mod qawwi mill-impatti diretti u indiretti tat-tibdil fil-klima. Madankollu, il-bijodiversità għandha wkoll rwol importanti fl-adattament għat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tal-impatti tiegħu. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ żoni naturali u parks naturali protetti fit-tisħiħ tal-bijodiversità, u jenfasizza r-rwol ta’ strumenti ta’ protezzjoni ambjentali eżistenti, bħal LIFE u Natura 2000. Dawn l-oqsma għandhom rwol importanti għas-setturi tal-agrikoltura u l-foresterija, u għandhom benefiċċji soċjali sinifikanti. |
|
5.8. |
Il-KESE jinnota li ħafna sidien tal-foresti fl-Ewropa ma jimmaniġġjawx il-foresti tagħhom sew minħabba nuqqas ta’ għarfien jew riżorsi, u jenfasizza li l-kooperazzjoni tista’ tippermetti li jkun hemm ġestjoni aktar effiċjenti u aħjar ta’ din l-art. |
|
5.9. |
L-edukazzjoni u appoġġ tekniku għal-bdiewa u s-sidien tal-foresti għandhom ikunu prijorità kemm għall-UE kif ukoll għall-istituzzjonijiet nazzjonali. L-innovazzjoni, il-biedja sostenibbli u mudelli tal-forestrija li jirriżultaw minn proġetti ta’ riċerka u żvilupp ffinanzjati mill-UE għal għandhom jiġu promossi b’mod mifrux minn ċentri ta’ għarfien nazzjonali u minn korpi konsultattivi. |
|
5.10. |
Għodod ta’ implimentazzjoni sempliċi għandhom ikunu stabbiliti għall-kejl tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija. Għandhom ikunu msejsa fuq suppożizzjonijiet ibbażati fuq l-għarfien u fuq ix-xjenza. Ir-rekwiżiti tal-qafas ta’ politika tal-UE dwar l-enerġija u l-klima għall-2030 m’għandhomx iwasslu għal regolamentazzjoni eċċessiva tas-settur agrikolu u tal-forestrija jew għal piżijiet żejda fuq il-bdiewa jew fuq is-sidien ta’ foresti, u għandhom jirrispettaw il-prinċipju li l-bdiewa u s-sidien tal-foresti jkollhom l-impjieg tagħhom ta’ kuljum u riżorsi limitati għal amministrazzjoni. |
Brussell, it-22 ta’ April 2015.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) Direttivi 2009/28/KE, 2009/29/KE, 2009/31/KE u d-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE.
(2) COM(2014) 15 final.
(3) EUCO 169/14, punt 2.14, p. 5.