31.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 251/25


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali: l-indirizzar ta’ riskji, it-tisħiħ tas-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-iffaċilitar tal-kummerċ”

(COM(2014) 527 final)

(2015/C 251/05)

Relatur:

is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER

Korelatur:

is-Sur SIMONS

Nhar l-1 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali: L-indirizzar ta’ riskji, it-tisħiħ tas-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-iffaċilitar tal-kummerċ”

COM(2014) 527 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Frar 2015.

Matul il-505 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Frar 2015 (seduta tat-18 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’141.vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni dwar il-ġestjoni tar-riskju doganali. Għall-implimentazzjoni korretta tal-istrateġija, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkooperaw bejniethom, iżda wkoll mal-awtoritajiet tal-gvern (bħad-dipartimenti tas-saħħa u l-konsum, u d-dipartimenti tas-sigurtà permezz tal-kooperazzjoni ġudizzjarja).

Għall-KESE, l-aktar ħaġa importanti hija li tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tar-regoli doganali tal-Unjoni Ewropea u l-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni previsti mid-dritt tal-Unjoni.

1.2.

Għal ġestjoni integrata tar-riskji mid-dwani, jeħtieġ ukoll li tiġi armonizzata u rikonċiljata l-implimentazzjoni ta’ politiki oħra. L-Istati Membri diġà għandhom data uffiċjali dwar dawn il-kwistjonijiet, għalhekk hemm bżonn li l-informazzjoni relatata tinġabar u tiġi skambjata, partikolarment permezz tal-interoperabbiltà tad-data uffiċjali relatata mar-riskji gravi.

1.3.

Sabiex tadotta r-regoli tagħha u tikkomplementa s-sitwazzjoni tagħha, l-UE għandha tibbaża fuq l-istandards tal-Kompendju tal-Ġestjoni tar-Riskju u standards oħra tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) sabiex ir-regoli doganali tagħha jkunu konformi mal-maġġoranza tar-regoli eżistenti f’dan il-qasam.

1.4.

Skont l-Objettiv 3 tal-Pjan ta’ Azzjoni, għandu jiġi ddeterminat b’mod ċar min, fejn u meta għandhom jitwettqu l-kontrolli, li għandu jirriżulta konsistenti mal-mappa tar-riskji u għandu jkun ċar min, fejn u meta għandhom iwettqu kontrolli, li tkun konsistenti mal-mappa ta’ riskji u s-saħħa tagħha li l-Kummissjoni missha tadotta, bħala miżura ta’ implimentazzjoni. Għal dan l-għan u minħabba l-importanza tagħha, huwa kkunsidrat li din għandha tkun l-azzjoni prijoritarja li għandha tiġi implimentata.

1.5.

Peress li hija prijorità li tiġi garantita l-applikazzjoni uniformi tar-regoli doganali tal-UE, l-Objettiv 5 tal-Pjan ta’ Azzjoni huwa wkoll importanti ħafna. L-istrateġija kollha hija bbażata fuq il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-modi kollha ta’ twettiq u identifikazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-UE.

1.6.

Il-Kumitat jixtieq jenfasizza li. fil-mument tat-tfassil tal-istrateġija. għandhom jitqiesu l-elementi distinti tal-prattika doganali fl-Istati Membri, bħad-daqs tal-flussi kummerċjali konċernati, il-volumi u l-prattiki. Għalhekk dawn għandkom ikunu kompatibbli u jirrispettaw il-prinċipji u l-leġislazzjoni tal-Unjoni.

1.7.

Il-KESE jaqbel mal-importanza mogħtija fil-Komunikazzjoni għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, iżda jixtieq jenfasizza wkoll l-importanza u r-rwol li jistgħu jaqdu aġenti soċjali oħra involuti fl-istrateġija.

1.8.

Għalkemm il-Komunikazzjoni tissuġġerixxi dan, iżda ma tindirizzahx direttament, il-Kumitat jappella għal viżibilità akbar għall-proġetti pilota fuq il-post, u b’hekk jitrawwem rwol akbar mill-aġenti involuti li jwassal għal investiment privat addizzjonali li jsaħħaħ l-istrateġija tal-Komunikazzjoni billi tiġi xprunata l-innovazzjoni.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Il-ġestjoni tar-riskju hija prinċipju bażiku tal-metodi moderni ta’ kontroll doganali. L-amministrazzjonijiet doganali jimplimentaw mekkaniżmi ta’ analiżi u reviżjoni bil-għan li jiżguraw l-effettività tal-proċeduri ta’ kontroll fit-territorju doganali kollu. Il-proċeduri għandhom ikunu riveduti u aġġustati kontinwament, jekk ikun meħtieġ, biex ikunu sodisfatti domandi ġodda.

2.2.

Abbażi tal-ġestjoni tar-riskju, l-amministrazzjonijiet doganali għandhom l-għan li jilħqu bilanċ raġonevoli u ġust bejn, minn naħa, il-ġlieda kontra l-frodi u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jixxekkel mill-inqas il-moviment legali tal-merkanzija u l-persuni u li l-ispejjeż jinżammu baxxi kemm jista’ jkun.

2.3.

Minħabba li xi kultant huwa impossibbli li tiġi kkontrollata parti sinifikanti tal-merkanzija, il-Programm SAFE jibni l-pedamenti tal-iskema tal-“operaturi ekonomiċi awtorizzati”, li tikkonsisti f’li l-intrapriżi jiġu akkrediati bħala msieħba ta’ fiduċja fil-qasam doganali permezz ta’ verifika ex ante. Għal dan l-għan, l-awtoritajiet għandhom jifhmu perfettament l-attività tal-operatur, ikollhom stampa ċara tal-proċessi kummerċjali tan-negozju u tal-ambjent intraprenditorjali li jopera fih u jkollhom aċċess permanenti għar-reġistru tal-kontijiet tiegħu. Fl-Unjoni, ir-Regolament (KE) Nru 648/2005 (1) jiddefinixxi fl-Artikolu 5a tiegħu l-istatus ta’ “operatur ekonomiku awtorizzat” u l-konċessjoni tiegħu. L-operaturi ekonomiċi jqisu li din il-kundizzjoni hija meħtieġa sabiex jiffunzjonaw b’mod adegwat fis-suq.

2.4.

Fl-Unjoni Ewropea, l-“unjoni doganali” tissemma fit-TFUE bħala kompetenza esklużiva, l-istess bħall-formalitajiet u d-drittijiet tal-importanzzjoni u l-esportazzjoni. Din il-politika hija stabbilita bħala dritt sopranazzjonali, fil-livell tad-dritt oriġinarju, kif jidher fit-titolu relatat mal-“moviment ħieles tal-merkanzija” fl-Artikolu 28 u l-artikoli li jsegwu, sal-Artikolu 37. Iżda llum id-dwani għandhom ukoll kompiti oħra, li dejjem huma aktar numerużi. Fil-fatt jeżistu tliet pilastri: il-fiskalità, is-sigutà u l-monitoraġġ tar-regoli mhux tariffarji. Għalhekk, parti minn dawn l-attivitajiet hija, pereżempju, regolata mill-Artikolu 87 tat-TFUE dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija, li mhijiex kompetenza esklużiva tal-UE.

2.5.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Jannar 2013 (2) tintroduċi approċċ komuni għall-ġestjoni integrata tar-riskju, li, fil-punti tad-dħul u tal-ħruġ tal-unjoni doganali, jippermetti li jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin:

allokazzjoni aħjar tar-riżorsi umani u finanzjarji li għandhom jiġu kkonċentrati, fejn meħtieġ;

applikazzjoni integrali u uniformi tal-leġislazzjoni doganali tal-UE;

sistema integrata ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet, l-operaturi u t-trasportaturi; u

prattiki ssemplifikati u tnaqqis fil-ħin u l-ispejjeż marbutin mat-tranżazzjonijiet.

2.6.

Il-KESE kkummenta (3) favur din il-Komunikazzjoni tal-2013, fejn qies fundamentali li jkun hemm approċċ komuni tal-ġestjoni tar-riskju doganali u s-sigurtà tal-katina tal-provvista biex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi u nondiskriminatorja tal-leġislazzjoni tal-UE min-naħa tal-awtoritajiet kollha kkonċernati fit-territorju kollu tal-unjoni doganali.

2.7.

Il-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2013 adotta konklużjonijiet dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-ġestjoni tar-riskju doganali, u stieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija koerenti. L-UE tikkondividi l-objettivi strateġiċi komuni tal-protezzjoni tas-sigurtà u l-integrità tal-katina tal-provvista u s-sigurtà taċ-ċittadini, l-interessi finanzjarji tal-UE u l-Istati Membri tagħha kif ukoll l-objettivi li jiġi ffaċilitat u aċċellerat il-kummerċ leġittimu sabiex tiġi promossal-kompetittività.

2.8.

Il-kodiċi doganali attwalment fis-seħħ, adottat bir-Regolament Nru 952/2013 (4), mhux biss jinkludi l-ġestjoni tar-riskju bħala funzjoni speċifika tad-dwani, iżda jqiegħed il-funzjoni tas-“sorveljanza” fil-bażi tas-sistema, jiġifieri r-Regolament tat-Tariffa Doganali Komuni. L-inklużjoni tal-ġestjoni tar-riskju fil-kodiċi doganali ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, doganali u mhux doganali, u l-Kummissjoni, waqt li xi kultant din tal-aħħar tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni għal dak l-iskop.

3.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

3.1.

Il-Kummissjoni tippreżenta strateġija ġdida biex tittejjeb il-ġestjoni tar-riskju doganali fl-Unjoni Ewropea, li flimkien ma’ pjan ta’ azzjoni dettaljat, ser tiġġestixxi b’mod aktar effiċjenti l-volum dejjem jikber ta’ kummerċ permezz ta’ katina tal-provvista internazzjonali dejjem aktar kumplessa.

3.1.1.

Il-pjan ta’ azzjoni jiżviluppa sensiela ta’ azzjonijiet għal kull objettiv. Dawn huma azzjonijiet li għandhom l-għan li jirrimedjaw in-nuqqasijiet li hemm, sabiex b’mod gradwali jissaħħu l-kapaċitajiet doganali tal-Unjoni Ewropea u tiġi kkonsolidata kooperazzjoni iktar sistematika ma’ korpi, operaturi ekonomiċi u msieħba kummerċjali internazzjonali oħra, inklużi, f’ċerti każijiet, l-appoġġ u l-iżvilupp ta’ regoli u standards internazzjonali.

3.1.2.

Il-Kummissjoni qiegħda tfittex il-komplementarjetà u l-koerenza ma’ inizjattivi oħra tal-Unjoni, kemm fil-kuntest tad-dwana kif ukoll fil-kuntest ta’ politiki oħra, pereżempju, fl-inizjattivi dwar is-sigurtà, it-trasport jew il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

3.2.

Id-dwani jużaw il-ġestjoni tar-riskji biex iwettqu kontrolli effettivi u effiċjenti, jevitaw tfixkil bla bżonn għall-kummerċ leġittimu u jużaw b’mod effiċjenti r-riżorsi, filwaqt li jorganizzaw dawn ir-riżorsi u jagħtu prijorità lil dawk l-oqsma li jippreżentaw riskju akbar u aktar serju.

3.3.

L-Istrateġija tirreferi għall-ġestjoni tar-riskju u għall-kontroll tal-merkanzija li tidħol fl-Unjoni, toħroġ mill-Unjoni jew tgħaddi mill-Unjoni, waqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tagħha, il-livell ta’ riskju u l-ispejjeż. Dan jeħtieġ il-kapaċità biex jiġu identifikati, evalwati u analizzati t-theddid u r-riskji kollha assoċjati mal-merkanzija u l-moviment tagħha.

3.3.1.

Skont il-Komunikazzjoni, il-prinċipji fil-bażi tal-ġestjoni min-naħa tal-Unjoni tar-riskju doganali tal-katina tal-provvista huma dawn li ġejjin:

valutazzjoni minn qabel, b’kontroll fejn meħtieġ;

kooperazzjoni bejn il-korpi differenti;

approċċ f’diversi livelli u koordinat, u

użu effiċjenti tar-riżorsi.

3.3.2.

Biex jitjiebu l-effikaċja u l-effiċjenza tal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw sabiex jippromovu ġestjoni tar-riskju doganali f’diversi livelli fl-UE bil-għan li jiġu adottati l-miżuri meħtieġa, jiġifieri:

tittejjeb il-kwalità tad-data u tas-sistemi ta’ reġistrazzjoni;

tiġi garantita d-disponibbiltà tad-data dwar il-katina tal-provvista u l-informazzjoni marbuta mar-riskju tiġi kondiviża bejn l-awtoritajiet doganali;

jiġu applikati miżuri sabiex jikkontrollaw u jtaffu r-riskji meta jkun meħtieġ;

jissaħħu l-kapaċitajiet;

jiġu promossi l-kooperazzjoni bejn il-korpi u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u awtoritajiet oħra fil-livell tal-Istati Membri u tal-Unjoni;

titjieb il-kooperazzjoni mas-settur kummerċjali, u

jiġi sfruttat il-potenzjal tal-kooperazzjoni doganali fil-livell internazzjonali.

3.3.3.

Il-Komunikazzjoni tispeċifika l-mezzi biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija wieħed wieħed sabiex din il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri tkun tista’ twassal għall-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE japprova u jappoġġja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jqis fundamentali li jkun hemm approċċ aktar komuni tal-ġestjoni tar-riskju doganali u s-sigurtà tal-katina tal-provvista biex jiġu żgurati s-sigurtà legali u applikazzjoni uniformi tal-leġislazzjoni doganali Ewropea, li għandha tiffaċilita l-moviment ħieles tal-merkanzija.

4.1.1.

L-għan huwa li jissaħħu u jiġu applikati xi strumenti doganali stabbiliti sew bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni fuq naħa u l-operaturi ekonomiċi fuq in-naħa l-oħra, waqt li tiġi inkorporata funzjoni, li hija l-ġestjoni tar-riskju, li tissupplementa l-funzjonijiet eżistenti, jiġifieri l-applikazzjoni tat-tariffi, il-miżuri kummerċjali u listatistika.

4.2.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni jistipula objettivi u mezzi sabiex dawn jintlaħqu, u b’hekk jissaħħu l-kapaċitajiet doganali tal-Unjoni u jkun hemm kooperazzjoni aktar sistematika ma’ korpi oħra, kemm jekk huma operaturi ekonomiċi jew saħansitra msieħba kummerċjali internazzjonali.

4.2.1.

L-istrateġija ta’ komplementarjetà ma’ awtoritajiet kompetenti oħra involuti fil-movimenti tal-katina tal-provvista għandha tissemma b’mod ċar. Żvilupp adegwat tal-istrateġija jeħtieġ kooperazzjoni aktar mill-qrib u aktar effikaċi bejn l-awtoritajiet doganali fil-livell internazzjonali u anke bejn id-dwana u awtoritajiet pubbliċi oħra, bħall-awtoritajiet tas-saħħa u dawk tal-konsumaturi, fost l-oħrajn.

4.2.2.

L-hekk imsejħa “data uffiċjali”, għalkemm diġà teżisti fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-kontrolli distinti fil-fruntiera, tiġi ġestita permezz ta’ sistemi tal-IT (kontrolli esterni tas-saħħa – tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti – kontrolli farmaċewtiċi u dawk kosmetiċi, eċċ.). Madankollu, dawn mhumiex ċentralizzati jew kondiviżi, u għalhekk għandu jitjieb il-funzjonament tas-sistema u għandha tiġi ffaċilitata l-ħidma tad-dwana, peress li dan l-istrument jirrifletti d-data ta’ riskju li tidentifika l-merkanzija fil-katina kollha tal-provvista.

4.2.3.

Minħabba d-dimensjoni transnazzjonali tat-theddid u għalhekk tas-soluzzjonijiet tiegħu, jissaħħaħ il-fatt li d-“data uffiċjali” li teżisti fil-livell nazzjonali għandha tiġi kondiviża. Għalhekk qed jiġi propost li l-kriterji li jiġu ffissati fil-livell tal-Unjoni jinbnew fuq l-istandards internazzjonali komuni u jissupplimentawhom meta jiġu applikati fl-Unjoni. Għaldaqstant, il-KESE jenfasizza l-bżonn li tiġi żgurata l-interoperabbiltà tad-data, bil-għan li l-azzjonijiet imsemmija fl-istrateġija jiġu implimentati u mwettqa b’mod effikaċi, peress li d-dimensjoni transnazzjonali hija dik li ssaħħaħ il-fatt li “data uffiċjali” li teżisti diġà fil-livell nazzjonali għandha tiġi kondiviża.

4.2.4.

Normalment, sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva fl-użu ta’ sistema li tidentifika r-riskji, il-KESE jistenna li s-sistema użata, fost affarijiet oħra, tkun ibbażata fuq il-prinċipji li ġejjin:

il-miżuri, il-kriterji u l-istandards tar-riskju u l-emendi għalihom, sabiex jiġu identifikati bi preċiżjoni l-prodotti li għandhom riskji assoċjati, għandhom jiġu koperti mis- “Sistema tal-Ġestjoni tar-Riskju Doganali” stabbilita taħt ir-Regolament (UE) Nru 952/2013, waqt li jitqiesu s-sistemi ta’ twissija bikrija u l-liġi dwar il-protezzjoni tad-data;

jitħeġġu r-rabtiet mas-sistemi l-oħra rilevanti kollha, bħal dawk żviluppati taħt ir-Regolament tal-Kunsill Nru 515/1997 (5);

l-użu tal-prinċipji bażiċi tas-sistema ta’ informazzjoni tas-suq intern (IMI), bl-għarfien li s-sistema fiha għodod li diġà ġew evalwati, u jiġu adattati għad-dwani;

il-miżuri, il-kriterji u l-istandards li jiddefinixxu l-livelli tar-riskji relatati mal-prodotti, il-materjali, l-itinerarji, l-oriġini u fatturi oħra li jidentifikaw ir-riskju, bl-użu tas-sistema TARIC sabiex kemm jista’ jkun u meta jkun possibbli jiġu enfasizzati l-aktar riskji serji;

Barra minn hekk, il-KESE jtenni l-bżonn li l-awtoritajiet jipproċedu għall-iskambju ta’ informazzjoni.

4.2.5.

Fir-rigward tal-komplementarjetà tal-kooperazzjoni prevista fl-istrateġija, għandhom jitqiesu wkoll l-azzjonijiet ta’ politika li huma rilevanti fir-rigward tas-sigurtà tal-prodotti, is-sigurtà tal-annimali, is-sigurtà tal-ikel u l-għalf, il-protezzjoni tal-ambjent kif ukoll l-inizjattivi relatati fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI). Il-KESE jqis importanti ħafna l-iskambju ta’ informazzjoni dwar problemi serji għas-saħħa pubblika u l-ambjent, kif ukoll għas-sigurtà u l-protezzjoni taċ-ċittadini.

4.3.

Fir-rigward tal-Kompendju tal-Ġestjoni tar-Riskju Doganali u regoli oħra tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali, ikun utli li l-kriterji li jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni jkunu bbażati fuq dawn l-istandards komuni, u jiġu ssupplimentati għall-applikazzjoni fl-UE.

4.4.

Hija ħaġa pożittiva li l-programmi tal-operatur ekonomiku awtorizzat jassoċjaw dan il-korp mal-ġestjoni tar-riskji, minħabba l-proċess estensiv ta’ evalwazzjoni li l-operatur u l-ambjent tiegħu jiġi sottomess għalih fil-proċess tal-ħruġ taċ-ċertifikat, li huwa konsistenti mal-proċeduri doganali aktar sempliċi li jibbenefika minnhom id-detentur taċ-ċertifikat.

4.5.

Fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ kontroll u ta’ mitigazzjoni tar-riskji, fejn meħtieġ, għandha titqies il-metodoloġija proposta fil-Kompendju mfassal mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali.

4.6.

Fil-kuntest tal-karta dwar l-iggradar tar-riskji li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni, wara li jiġu kkonsultati f’waqtu u bit-trasparenza kollha l-esperti tal-Istati Membri u wara li jiġu mismugħa l-operaturi ekonomiċi, abbażi tal-Artikoli 50(1) u 284 tal-Kodiċi, l-Objettiv 3 tal-Pjan ta’ Azzjoni għandu jkun aktar speċifiku bil-għan li jiġi ċċarat eżatt min, meta, fi x’ħin u x’inhu l-għan tal-evalwazzjoni minn qabel, b’kontroll meta jkun hemm bżonn. Fir-realtà, din għandha tkun l-ewwel azzjoni li għandha titlesta peress li, b’dan il-mod, ikun hemm livell akbar ta’ ċarezza fl-implimentazzjoni tal-pjani l-oħra ta’ azzjoni u fil-valutazzjoni tar-riskji u aktar ċertezza legali.

4.7.

L-Objettiv 5 tal-Pjan ta’ Azzjoni huwa wkoll estremament importanti peress li l-għan prinċipali tal-istrateġija huwa li tiġi promossal-kooperazzjoni u tiġi kondiviża l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u dawk tal-Unjoni, aspett li l-KESE dejjem tah importanza kbira. Għall-qosor, il-KESE jfakkar fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar din il-kwistjoni fil-punti 1.9 u 1.10 u fil-punt 4 “Il-ġestjoni tar-riskju tal-katina tal-provvista” fl-Opinjoni tiegħu tal-2013 dwar kooperazzjoni iżjed strutturata u sistematika bejn id-dwani u l-awtoritajiet l-oħra li joperaw fis-suq intern, kif ukoll l-applikazzjoni koerenti u kkoordinata tal-miżuri fil-Pjan ta’ Azzjoni.

4.8.

Il-KESE jtenni li din l-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju ma għandhiex timpedixxi lill-Istati Membri milli japplikaw il-leġislazzjoni doganali, b’tali mod li jkunu jistgħu jkomplu jikkunsidraw il-volum tal-flussi kummerċjali kkonċernati, iżda waqt li tinżamm il-konformità mad-Dritt tal-Unjoni.

4.9.

F’dan ir-rigward, il-KESE jsostni li huwa possibbli li l-Istati Membri jżommu livell għoli ta’ protezzjoni u fl-istess ħin jintensifikaw il-miżuri li jiffaċilitaw il-kummerċ, waqt li jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi billi jippromovu proċeduri mingħajr karti, u jissemplifikaw il-proċeduri u l-implimentazzjoni tal-istatus tal-operatur awtorizzat.

4.10.

Għandha tiġi promossa kooperazzjoni mill-qrib ma’ ministeri u korpi oħra nazzjonali ta’ infurzar kompetenti f’dan il-qasam biex, fost affarijiet oħra, jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-piżijiet, inklużi dawk amministrattivi, għall-operaturi kummerċjali. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jirrakkomanda li jitqiesu l-prinċipji bażiċi tal-IMI. Jekk fl-aħħar nett tintgħażel l-armonizzazzjoni, il-kooperazzjoni doganali jew taħlita taż-żewġ approċċi, il-proposti għandhom ikunu bbażati fuq “l-aħjar prattiki” u mhux fuq livell medju Ewropew.

4.11.

Il-Kumitat iħeġġeġ li fit-tfassil u l-iżvilupp tal-istrateġija jitqiesu l-emendi futuri tar- Regolament (KE) Nru 515/97 dwar għajnuna reċiproka doganali (il-Proposta għal Regolament COM(2013) 796), minħabba l-affinità enormi bejn il-każijiet trattati.

4.12.

Il-KESE jtenni l-bżonn li l-proġetti pilota jingħataw aktar viżibilità, waqt li tiġi promossal-prattika tagħhom, bil-għan li dawk interessati jitħeġġu jaqdu rwol aktar importanti. Dan jista’ jiffaċilita l-investiment privat li, b’dan il-mod, ikompli jmexxi ‘l quddiem l-istrateġija prevista fil-Komunikazzjoni, waqt li jħeġġeġ l-innovazzjoni.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Fl-attivitajiet li l-Kummissjoni ssejjaħ ta’ appoġġ u żvilupp ta’ regoli u standards internazzjonali, li huma msemmija fil-punt 3.1.1, għandu jkun possibbli li tiġi promossa standardizzazzjoni li twassal għal timbru tad-dwana li jippermetti l-kontrolli permezz ta’ sistemi awtomatizzati, sabiex tiddaħħal fil-Qafas ta’ Standards tal-Organizzazzjoni Doganali Dinjija li Jiżguraw u Jiffaċilitaw il-Kummerċ Globali (SAFE).

5.2.

L-istrateġija ma ssemmix ir-riskju ta’ frodi fl-informazzjoni jew il-possibbiltà li “jittieħed vantaġġ” mir-reputazzjoni tajba (imseħja “identity tag”). Il-ġestjoni tar-riskju għandha tippermetti lill-awtoritajiet doganali li jikxfu l-frodi fl-informazzjoni u l-użu ħażin tar-reputazzjoni tajba bil-għan li tiġi evitata l-importazzjoni ta’ prodotti ffalsifikati u perikolużi.

5.2.1.

Minkejja li l-Kummissjoni diġà ssemmi dan fl-Objettiv 6, il-Kumitat jappella sabiex il-proġetti pilota intiżi sabiex jintroduċu l-innovazzjonijiet f’sistemi ta’ kontroll ikunu awtorizzati b’mod aktar ċar – naturalment b’numru ta’ kundizzjonijiet – u, jekk jinkisbu riżultati pożittivi, għandha tiġi awtorizzata wkoll l-implimentazzjoni sussegwenti tagħhom.

5.3.

Skont il-Kummissjoni Ewropea, l-istrateġija l-ġdida ser tikkontribwixxi biex il-volum dejjem jikber ta’ kummerċ bil-katina ta’ provvista internazzjonali dejjem aktar kumplessa jiġi ġestit b’mod aktar effiċjenti (punt 3.1) u għalhekk għandu jkun hemm aktar effiċjenza fil-ġestjoni, li għandu jwassal għal titjib fil-katina tal-provvista.

5.4.

Il-KESE jiddispjaċih li fl-istrateġija ppreżentata, il-Kummissjoni qed tikkontempla biss il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, waqt li tinjora r-rakkomandazzjonijiet li saru f’opinjonijiet preċedenti dwar il-bżonn li titqies il-kooperazzjoni mal-operaturi ekonomiċi.

Brussell, it-18 ta’ Frar 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tat-13 ta’ April 2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 117, 4.5.2005, p. 13) kif ukoll f’testi leġislattivi oħra bħar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

(2)  COM(2012) 793 final.

(3)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 15.

(4)  Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013).

(5)  ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1.