|
15.1.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 12/75 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi, li jemenda r-Regolament (UE) Nru XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007”
(COM(2014) 180 final – 2014/0100 (COD))
(2015/C 012/12)
|
Relatur: |
is-Sur Krauze |
|
Amministratur: |
is-Sinjura Guarinoni |
Nhar it-2 ta' April 2014 u nhar it-28 ta' April 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi, li jemenda r-Regolament (UE) Nru XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali] u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007
COM(2014) 180 final – 2014/0100 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Ottubru 2014.
Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'61 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 5 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-proposta leġislattiva tal-Kummissjoni u l-intenzjoni tagħha li tippromovi l-iżvilupp tal-biedja organika fl-Ewropa b'mod parallel mal-iżvilupp tad-domanda, filwaqt li jaqbel li hemm bżonn jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-sistema attwali. Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ kemm l-iżvilupp tal-biedja organika kif ukoll il-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti organiċi. |
|
1.2 |
Madankollu, jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni ma tevalwax kif suppost l-impatti li tħalli leġislazzjoni ġdida fuq l-iżvilupp ulterjuri tal-biedja organika fl-Ewropa. Lanqas ma tivvaluta l-impatt fuq il-bdiewa organiċi u l-effetti ta' din il-leġislazzjoni fuq il-kontinwazzjoni tal-produzzjoni. |
|
1.3 |
Il-KESE jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tħeġġeġ lin-negozji ż-żgħar jipprattikaw il-biedja organika u li tnaqqas il-piż amministrattiv matul il-katina kollha tal-prodotti organiċi. |
|
1.4 |
L-UE hija importatur nett ta' prodotti organiċi; madanakollu, l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-piż amministrattiv li dejjem jiżdiedu u li jaffettwaw il-bdiewa Ewropej ma jippermettux li s-settur jiżviluppa b'mod sodisfaċenti l-produzzjoni organika fl-Istati Membri tal-UE biex jindirizza d-domanda dejjem akbar min-naħa tal-konsumaturi. |
|
1.5 |
B'mod ġenerali, il-KESE jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni ta' tranżizzjoni sħiħa għall-biedja organika bil-kundizzjoni li jiġu previsti derogi f'ċerti każijiet. Hemm bżonn li jittieħdu wkoll miżuri ta' appoġġ supplimentari sabiex tiġi faċilitata t-tranżizzjoni tal-bdiewa lejn agrikoltura 100 % organika |
|
1.6 |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirfina l-proposta għal Regolament rigward il-propagazzjoni ta' materjal veġetattiv u ż-żrieragħ, għax se jkun diffiċli għall-produtturi tal-biedja organika li jużaw 100 % żrieragħ organiċi sal-2021. |
|
1.7 |
Il-KESE jispera li n-negozjati dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) u ftehimiet oħra li ser jiġu konklużi ma jkollhomx l-effett li jdgħajfu l-istandards tal-UE tal-prodotti organiċi u jerġgħu jiftħu d-diskusskoni dwar il-kundizzjonijiet li japplikaw għall-produzzjoni, il-bejgħ u ċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti organiċi, jew li dawn il-kundizzjonijiet jinbidlu. |
|
1.8 |
Fl-azjendi organiċi jeħtieġ li jiġu applikati, f'ħafna livelli, standards ta' benesseri tal-animali ogħla minn dawk applikati fl-azjendi konvenzjonali; madankollu, f'ċerti każijiet il-produtturi organiċi jistgħu jsibuha diffiċli li jikkonformaw mar-rekwiżiti għolja. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinvestiga u tidentifika bir-reqqa l-possibbiltajiet ta' deroga, fir-rigward ta' rekwiżiti minimi applikabbli fil-qafas tal-benesseri tal-annimali fil-biedja organika, sabiex jiġu preservati r-regoli u l-metodi ta' trobbija tradizzjonali użati għal żmien twil għar-razez lokali. |
|
1.9 |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina u tieħu kunsiderazzjoni tad-differenzi fit-tradizzjoni, l-istorja, u l-klima tal-Istati Membri u tar-reġjuni fl-UE, kif ukoll l-ispeċifiċitajiet nazzjonali tal-produzzjoni sabiex jinżamm ċertu livell ta' flessibilità fl-applikazzjoni tad-derogi u fl-istess ħin għandu jiġi garantit ċertu livell ta' armonizzazzjoni. |
|
1.10 |
Il-produtturi organiċi għandhom ikunu kapaċi jikkonformaw mal-impenji li jkun ttieħdu u għal din ir-raġuni jkun jaqbel li, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-ġdid f'nofs it-terminu tal-perjodu ta' finanzjament 2014-2020 tal-programmi għall-iżvilupp rurali, il-produtturi jkollhom garanzija li jkunu jistgħu jissoktaw bl-impenji tagħhom qabel jew wara r-Regolament il-ġdid. Għandu jiġi żgurat li l-bidliet fil-qafas legali attwali fi ħdan perjodu ta' kuntratt kurrenti ma jwasslux għal sanzjonijiet retroattivi għal dawk il-bdiewa li ma jistgħux jadattaw għar-rekwiżiti emendati. |
|
1.11 |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tqis l-ispeċifiċità taż-żoni ultraperiferiċi Ewropej biex tippermettilhom jiżviluppaw agrikoltura bijoloġika lokali (aċċess għaż-żrieragħ, nuqqas ta' diversità tal-provvisti, problemi sanitarji). |
|
1.12 |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiċċara l-istatut tal-ħalib tan-naħal, il-polline u x-xama' tan-naħal billi tinkludihom fil-lista tal-prodotti l-oħra elenkati fl-Anness I A u B tal-Abbozz ta' Regolament. |
|
1.13 |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi għajnuna adegwata għall-informazzjoni u t-taħriġ fil-qasam tal-biedja organika b'enfasi partikolari fuq it-taħriġ professjonali taż-żgħażagħ u t-tagħlim tul il-ħajja fost il-produtturi attivi. |
|
1.14 |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tħabbrek favur it-tfassil ta' Proposta għal Regolament li tippromovi l-implimentazzjoni tal-bejgħ dirett u l-ktajjen qosra għall-provvista ta' prodotti organiċi. |
|
1.15 |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-Regolament jinkludi l-għodod meħtieġa għall-promozzjoni tax-xiri pubbliku u kollettiv tal-ikel organiku fl-iskejjel, l-isptarijiet u faċilitajiet pubbliċi oħra. |
2. Kummenti ġenerali
Informazzjoni ġenerali dwar il-pożizzjonijiet meħuda mill-partijiet interessati
|
2.1 |
Il-biedja organika hija sistema ta' produzzjoni ġenerali bbażata fuq il-ġestjoni tar-riżorsi naturali, li timponi limiti stretti fuq l-użu ta' sustanzi kimiċi u sintetiċi, tipprevedi l-eliminazzjoni ta' fertilizzanti minerali u tipprojbixxi l-użu ta' organiżmi modifikati ġenetikament. |
|
2.2 |
L-agrikoltura organika mhijiex limitata biss għal mod partikolari ta' produzzjoni jew ta' produzzjoni ta' ċerti prodotti, iżda tinkorpora dan il-mod ta' produzzjoni f'kunċett usa'. L-agrikoltura organika tikkunsidra kemm l-ambjent fiżiku fejn titwettaq kif ukoll il-kundizzjonijiet soċjali tagħha. Din hija forma ta' produzzjoni b'viżjoni ħafna usa' fejn tiġi kkunsidrata wkoll id-dimensjoni soċjoekonomika, politika u soċjokulturali. |
|
2.3 |
L-azjendi organiċi ġeneralment fihom aktar bijodiversità, u jgħixu fihom aktar speċijiet ta' pjanti u insetti meta mqabblin ma' azjendi li mhumiex organiċi. L-art tagħhom għandha ħafna iktar ħlejjaq fil-ħamrija li jgħinu biex jinżammu l-istruttura tal-ħamrija u livell għoli ta' materja organika, li jtejbu l-ventilazzjoni u d-drenaġġ tal-ħamrija. |
|
2.4 |
Il-kwalità tal-ilma fil-madwar ta' dawn l-azjendi tkun aħjar għaliex il-produtturi organiċi ma jużawx fertilizzanti u lanqas minerali sintetiċi li jagħmlu ħsara. In-newba tal-uċuħ tar-raba' kif suppost tgħin biex titjieb il-fertilità tal-ħamrija u l-effikaċja tal-elementi nutrittivi. Tqabbil bejn l-azjendi juru li t-tnixxija tan-nitrati għal kull ettaru hija inqas minn 57 % fl-azjendi organiċi. |
|
2.5 |
Il-biedja organika tippromovi l-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi. Studju li sar fl-2011 fir-Renju Unit u l-Irlanda dwar ir-rata tal-impjieg fl-azjendi organiċi juri li dawn tal-aħħar jirrappreżentaw 135 % ta' impjiegi full-time meta mqabblin ma' azjendi agrikoli konvenzjonali (1). |
|
2.6 |
Matul il-konsultazzjoni onlajn imnedija mill-Kummissjoni fl-2013, l-organizzazzjonijiet ta' partijiet interessati enfasizzaw li r-reviżjoni tal-leġislazzjoni f'dan il-qasam għandha tibni fuq is-suċċess tal-leġislazzjoni fis-seħħ u tippermetti li l-UE tiżviluppa l-produzzjoni organika. Fost ix-xenarji proposti mill-Kummissjoni, il-parti l-kbira tal-partijiet interessati kienu favur l-alternattiva politika ta' titjib tal-istatus quo, jiġifieri applikazzjoni aħjar tal-leġislazzjoni eżistenti u l-adattament tagħha. |
|
2.7 |
Minkejja l-opinjonijiet imressqa mill-organizzazzjonijiet ta' partijiet interessati u tas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-leġislazzjoni l-ġdida, il-Kummissjoni Ewropea ħejjiet u ppreżentat proposta leġislattiva li tintroduċi tibdil sinifikanti. |
Informazzjoni ġenerali dwar l-inizjattivi leġislattivi tal-Kummissjoni
|
2.8 |
Il-Proposta tal-Kummissjoni tiffoka fuq tliet objettivi ewlenin: li tinżamm il-fiduċja tal-konsumatur, tinżamm il-fiduċja tal-produtturi, u li jitħaffef il-proċess biex il-bdiewa isiru produtturi organiċi. |
|
2.9 |
Il-Kummissjoni tipproponi li ssaħħaħ u tarmonizza r-regoli applikabbli kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fir-rigward ta' prodotti importati permezz ta' tneħħija ta' bosta derogi eżistenti għall-produzzjoni u l-kontrolli; ġestjoni aħjar tal-aspett internazzjonali tal-kummerċ ta' prodotti organiċi billi jiddaħħlu dispożizzjonijiet ġodda dwar l-esportazzjonijiet; u fl-aħħar nett, permezz ta' tisħiħ tal-kontrolli abbażi tar-riskji. |
|
2.10 |
Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Kummissjoni huwa li tiffaċilita t-tranżizzjoni ta' bdiewa żgħar għall-biedja organika billi tingħatalhom l-opportunità li jissieħbu f'sistema ta' ċertifikazzjoni ta' grupp, u billi tissemplifika l-leġislazzjoni b'mod li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi imposti fuq il-bdiewa u tiżdied it-trasparenza. |
3. Osservazzjonijiet ġenerali u partikolari
|
3.1 |
Il-KESE jaqbel li hemm bżonn jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-sistema attwali. Pereżempju, huwa essenzjali li n-negozji ż-żgħar jiġu mħeġġa jibdew produzzjoni organika u li l-piż amministrattiv jitneħħa biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni indaqs u biex tittejjeb il-fiduċja tal-konsumaturi fil-biedja organika. |
|
3.2 |
Permezz tat-titjib fl-istandards tal-kwalità għall-produzzjoni organika, u l-introduzzjoni ta' regoli aktar stretti għall-produzzjoni manwali jistgħu jiżdiedu l-fiduċja tal-konsumatur u fl-istess ħin jiġu ġustifikati d-differenzi fil-prezzijiet meta mqabblin ma' prodotti konvenzjonali. Madankollu, ma nistgħux ninsew li l-azjendi ż-żgħar li jixtiequ jirrispettaw dawn l-istandards jistgħu jidħlu f'diffikultajiet ekonomiċi. |
|
3.3 |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tindika b'mod ċar li l-punti prinċipali tar-regolament attwali ser jiġu inklużi fir-regolament il-ġdid iktar milli fl-atti delegati u ser jibqgħu validi. Jeħtieġ li jiġu eżaminati fi żmien xieraq u f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati, il-każijiet li jirrikjedu atti ta' implimentazzjoni u dawk li jirrikjedu atti delegati. |
|
3.4 |
Il-KESE jinnota li l-biedja organika hija inkompatibbli mal-użu tal-prodotti modifikati ġenetikament fil-proċess tal-produzzjoni, l-istess bħal fil-każ ta' kultivazzjoni ta' pjanti modifikati ġenetikament fis-sistemi ta' biedja organika u fil-viċinanzi tagħhom. |
|
3.5 |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkunsidra l-istudji xjentifiċi dwar id-dakra. Id-dakra, li żviluppat matul miljuni ta' snin għall-fertilizzazzjoni tal-pjanti bil-fjuri, tiddependi direttament mid-distanza tat-titjira tal-ħlejjaq dakkara, inkluż in-naħal (Apis mellifera). Madankollu, bħalissa dawn il-ħlejjaq pollinaturi jistgħu jġorru wkoll l-għabra tad-dakra li jkun fiha ġeni modifikati ġenetikament. Pereżempju, studji xjentifiċi (2) juru li n-naħla, waħda mill-pollinaturi ewlenin, tista' ttir sa 14-il km. |
|
3.6 |
Il-KESE jibża' li l-introduzzjoni ta' valuri ta' limitu għall-prodotti tal-biedja organika kif tipprevedi pereżempju d-Direttiva 2006/125/KE ser tfisser spejjeż addizzjonali għall-bdiewa. Dan jista' jtellef jew jimpedixxi spinta fis-settur u jkollu effett fuq il-produtturi ż-żgħar tal-biedja organika. Il-KESE jemmen li l-bdiewa tal-prodotti organiċi bħal bdiewa oħra huma esposti għall-istess kundizzjonijiet ambjentali. Għalhekk m'għandux ikun hemm valuri ta' limitu separati. Il-protezzjoni tal-konsumatur m'għandhiex tinqasam fi tnejn. |
|
3.7 |
Il-KESE jenfasizza li l-livelli ta' residwi fil-prodotti organiċi huma bażikament aktar baxxi minn dak fil-prodotti ta' agrikoltura konvenzjonali, madankollu, attwalment dawn il-limiti ta' residwi m'humiex stabbiliti. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-ewwel għandu jitwettaq studju bir-reqqa li jinkludi valutazzjoni tal-impatt. Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza li m'hemmx regoli uniformi fil-livell Ewropew li jikkonċernaw it-tagħmir tal-laboratorji Ewropej, il-metodi applikati jew il-livelli massimi ta' diżattivazzjoni eżistenti fi ħdan il-korpi ta' ċertifikazzjoni. Din l-armonizzazzjoni għandha tkun prerekwiżit għal kwalunkwe forma ta' ffissar ta' livell massimu ta' diżattivazzjoni Ewropew. Din l-inizjattiva għandha b'mod imperattiv tintrabat mat-twaqqif ta' mekkaniżmu Ewropew ta' kumpens għall-operaturi li jisfaw vittmi fejn ikollhom iħallsu l-ispejjeż huma stess f'każ ta' kontaminazzjoni aċċidentali jew provokata. |
|
3.8 |
B'mod ġenerali, il-KESE jista' jifhem l-għan tal-Kummissjoni ta' tranżizzjoni sħiħa tal-azjendi mħallta għall-biedja organika. Madankollu, attwalment hemm ħafna azjendi mħallta, fejn parti minnhom tkun ġestita f'konformità mar-rekwiżiti applikabbli għall-produzzjoni organika u l-parti l-oħra tkun immexxja skont il-prinċipji tal-biedja konvenzjonali. Il-proposta leġislattiva tipprevedi t-tneħħija gradwali tal-azjendi mħallta sal-2017. Il-KESE jemmen li ser ikun diffiċli għal bosta azjendi agrikoli li jikkonvertu l-azjenda agrikola għalkollox. Barra minn hekk, xejn mhuwa ċar liema konsegwenzi jista' jkollha implimentazzjoni riġida ta' dan il-prinċipju. It-taqsim strateġiku tal-azjendi agrikoli jew iż-żieda fl-abbandun tal-produzzjoni organika jkunu pjuttost kontroproduttivi. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li tinżamm il-flessibbiltà f'ċerti każi. |
|
3.9 |
Il-KESE jirrakkomanda li jinżammu derogi f'każijiet speċifiċi ta' produzzjoni parallela (li tirriżulta minn prodotti organiċi u prodotti konvenzjonali). Jekk id-deroga ma tiġix applikata dan jista' jxekkel l-iżvilupp tal-biedja organika. Għandhom jinżammu d-derogi f'dawn il-każijiet: 1) għall-istituzzjonijiet xjentifiċi li jwettqu studji kemm fl-agrikoltura organika kif ukoll f'dik konvenzjonali; 2) il-prodotti mhux tal-ikel, pereżempju azjendi organiċi involuti fl-agrituriżmu li għandhom ikunu jistgħu jżommu żwiemel ta' rkib konvenzjonali; 3) il-konsum personali pereżempju fl-azjendi li jipproduċu pjanti organiċi fejn is-sidien għandhom baqar jew tiġieġ għall-użu personali tagħhom; 4) l-azjendi f'żoni ġeografiċi differenti pereżempju jekk parti mill-art jew il-bini tal-azjenda tinsab fil-muntanji filwaqt li parti oħra f'wied jew jekk żewġ azjendi biż-żmien saru ħaġa waħda filwaqt li bejniethom hemm distanza ta' kilometri, u li jiggarantixxu li ma teżistix kontaminazzjoni ta' prodotti organiċi minn prodotti konvenzjonali; 5) għall-uċuħ perenni, inklużi l-uċuħ tas-siġar, il-vitikultura jew il-pjanti fragranti, eċċ.; 6) għall-uċuħ li m'għandhom l-ebda opportunità jintużaw fil-biedja organika. |
|
3.10 |
F'ħafna livelli tal-azjendi organiċi jeħtieġ jiġu applikati standards iktar għoljin tal-benesseri tal-annimali minn dawk applikati fl-azjendi konvenzjonali. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni li teżamina bir-reqqa l-eżiġenzi partikolari imposti fuq il-produtturi organiċi u li tqis il-possibbiltà ta' deroga fejn jidħlu projbizzjonijiet speċifiċi applikabbli fil-qasam tal-benesseri tal-annimali fil-biedja organika (il-qtugħ tad-denb, iż-żamma ta' annimali marbutin eċċ.). Biex nagħtu eżempju, f'bosta Stati Membri tal-UE snin twal ta' tnissil selettiv wasslu għal razez ta' nagħaġ tradizzjonali fejn il-qtugħ tad-denb huwa indispensabbli u mingħajru l-annimali jsofru. Il-KESE jqis li xi projbizzjonijiet u n-nuqqas ta' derogi jistgħu jnaqqsu l-benesseri tal-annimali jekk ifixklu l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet u metodi agrikoli tradizzjonali li jintużaw għar-razez lokali u li ilhom jintużaw għal żmien twil. Il-projbizzjonijiet jistgħu jwasslu wkoll għat-telfa sħiħa ta' ċertu razez ta' produzzjoni li tkun telfa konsiderevoli f'termini ta' riżorsi ġenetiċi. |
|
3.11 |
Id-deroga għall-użu ta' żerriegħa mhux organika se titneħħa gradwalment sal-2021. L-organizzazzjonijiet tal-biedja organika jinnutaw li, f'ħafna pajjiżi, il-bdiewa li jkabbru varjetajiet speċifiċi mhux se jkun faċli għalihom li sal-2021 jilħqu l-mira ta' użu ta' żrieragħ organiċi biss. Sabiex jingħelbu d-diffikultajiet għall-bdiewa organiċi f'dan il-qasam, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tirfina l-proposta għal Regolament; id-deroga għandha tapplika biss għall-uċuħ tar-raba' li għalihom is-suq ma jipprovdix żrieragħ adatti għall-klima u l-kundizzjonijiet lokali. |
|
3.12 |
Il-Kummissjoni għandha tipprevedi mekkaniżmi ta' appoġġ għall-iżvilupp tal-produzzjoni taż-żerriegħa sabiex jintlaħaq dan l-għan u tintroduċi dispożizzjonijiet għal dan l-għan, jiġifieri l-użu esklużiv ta' żrieragħ u ta' materjal veġetattiv tal-propagazzjoni organiċi. |
|
3.13 |
Jaqbel li tingħata attenzjoni speċjali lil aspetti oħra tas-suq għaż-żrieragħ organiċi. Pereżempju, ma nistgħux inneħħu d-drittijiet tal-bdiewa li jpartu ż-żrieragħ tagħhom bejniethom. Din hija kundizzjoni essenzjali għall-akkwist ta' żrieragħ 100 % organiċi. Dan l-iskambju huwa essenzjali għall-għażla li l-bdiewa jagħmlu fil-livell lokali. Din l-għażla tippermetti lill-bdiewa jiksbu varjetajiet adatti għall-kundizzjonijiet klimatiċi lokali f'reġjun speċifiku u li jkabbruhom mingħajr l-użu ta' fertilizzanti minerali jew pestiċidi, skont id-differenzi storiċi u klimatiċi u l-ispeċifiċitajiet nazzjonali tal-produzzjoni. |
|
3.14 |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tal-produzzjoni organika għall-ekotipi tal-varjetajiet u għall-għelejjel lokali li mhumiex imdaħħla fir-reġistru tal-varjetajiet. Ikun jaqbel li jissaħħaħ ir-rwol tal-bdiewa fil-produzzjoni taż-żerriegħa u t-tiftix għal varjetajiet ġodda. Wieħed mill-argumenti prinċipali li tressqu huwa n-nuqqas ta' żrieragħ organiċi, b'mod partikolari dawk tal-legumi. Fil-biedja konvenzjonali, l-enfasi ssir fuq prodotti ta' interess għas-suq dinji, jiġifieri l-użu ta' varjetajiet ibridi, fuq skala globali, u li huma proprjetà ta' kumpaniji multinazzjonali u li, kif huwa magħruf, jitkabbru b'mod konvenzjonali u ma jistgħux jintużaw fil-produzzjoni organika. |
|
3.15 |
Il-logo Ewropew ġdid għall-prodotti organiċi għadu mhux biżżejjed magħruf. Il-logos organiċi nazzjonali huma importanti għall-konsumaturi u għandhom jibqgħu jintużaw. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jingħataw l-għażla li jistabbilixxu rekwiżiti iktar stretti u jwaqqfu standards nazzjonali jew privati għall-ispeċijiet ta' annimali mhux koperti mir-Regolament (ċriev, summien, ħnieżer selvaġġi) kif ukoll għall-forniment tal-ikel tal-massa. |
|
3.16 |
Il-KESE jaqbel mal-ħtieġa għal kontrolli aktar stretti tal-prodotti minn pajjiżi terzi sabiex tkun żgurata l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tal-UE. Il-kontroll tal-importazzjonijiet jista' jissaħħaħ fir-rigward tar-rikonoxximent ta' korpi ta' kontroll f'pajjiżi terzi, jekk tiġi applikata l-konformità, minflok l-ekwivalenza. Madankollu, ma nistgħux nidentifikaw l-impatti negattivi potenzjali kollha għas-swieq nazzjonali tal-prodotti organiċi fl-UE li jistgħu jirriżultaw jekk tiddaħħal il-konformità minflok l-ekwivalenza. Pereżempju, fl-2001, l-introduzzjoni ta' regoli ġodda għal importazzjonijiet fil-Ġappun wasslet għal tnaqqis fis-suq nazzjonali ta' prodotti organiċi. Valutazzjoni tal-impatt aktar dettaljata hija indispensabbli. |
|
3.17 |
Fir-rigward tal-kummerċ u l-ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi, il-KESE jqis li għandu jkun hemm garanziji li l-prodotti maħsuba għall-esportazzjoni lejn l-UE jkunu konformi ma' rekwiżiti ta' produzzjoni li, mill-inqas, ikunu ta' livell simili għal dawk stabbiliti għall-produzzjoni organika fl-Ewropa. Il-KESE jappoġġja l-introduzzjoni ta' ċertifikati elettroniċi għal kunsinni ta' prodotti, akkumpanjati minn bażijiet tad-data siguri, b'mod li jippermettu rispons rapidu mill-Istati Membri f'każijiet ta' ksur billi jimblukkaw prodotti mhux konformi. |
|
3.18 |
Il-KESE jassumi li l-istandards organiċi tal-UE m'għandhomx jiddgħajfu, u l-kundizzjonijiet applikabbli għall-produzzjoni, il-bejgħ u ċ-ċertifikazzjoni ta' prodotti organiċi mhux ser jerġgħu jinfetħu għal diskussjoni jew jinbidlu fil-kuntest tan-negozjati tat-TTIP. |
|
3.19 |
Il-biedja organika hija metodu ta' produzzjoni ddefinit mill-proċess tagħha; għalhekk ma tistax tiġi karatterizzata minn prodotti lesti li jissodisfaw standard wieħed jew aktar. Huwa importanti li l-kontrolli jibqgħu ffukati fuq il-proċess. |
|
3.20 |
Il-KESE jappoġġja ż-żamma tal-kontrolli annwali u jqis li dawn għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju tal-valutazzjoni tar-riskji, u jkun jaqbel li dan l-approċċ jiġi armonizzat fil-livell tal-UE. L-ispejjeż tal-kontrolli għandhom ikunu proporzjonati sabiex ma tiżdiedx in-nefqa tal-produtturi fil-biedja organika u biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkollhom l-opportunità jakkwistaw prodotti organiċi bi prezz raġonevoli. Madankollu, ladarba l-approċċ ta' kontroll ibbażat fuq ir-riskju juri li huwa sikur u kredibbli għas-sistema ta' kontroll, l-intervall tal-kontrolli fl-irziezet jista' jkun aġġustat. |
|
3.21 |
Il-KESE jappoġġja ċ-ċertifikazzjoni ta' grupp fil-każ ta' operaturi żgħar kif previst fil-proposta tal-Kummissjoni sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta' spezzjoni u ċertifikazzjoni u l-piż amministrattiv assoċjat magħhom, u b'hekk jiġi żgurat li l-bdiewa fl-UE jkollhom l-istess kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni bħal operaturi ta' pajjiżi terzi. Fl-istess waqt il-KESE jinnota li dan huwa eżerċizzju kumpless u għandu jiġi implimentat gradwalment. |
|
3.22 |
Il-KESE jqis li ma jkunx jaqbel li titneħħa d-dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni li tippermetti li l-bejjiegħa bl-imnut jibbenefikaw minn eżenzjonijiet minħabba li l-intrapriżi li jbiegħu prodotti organiċi ppakkjati minn qabel għandhom ikunu ċċertifikati. Dan ir-rekwiżit jaffettwa l-kummerċ ta' prodotti organiċi, inaqqas in-numru ta' postijiet minn fejn isir il-bejgħ u jnaqqas l-aċċess tal-konsumatur għal dawn il-prodotti. Minħabba dan, il-ħwienet iż-żgħar jaf ma jkunux jixtiequ jonfqu flus biex jiksbu ċertifikat li jippermettilhom jbiegħu prodotti organiċi jekk ma jkunux beħsiebhom ibigħu prodotti organiċi tal-istaġun. Il-produtturi organiċi għalhekk jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet kbar biex ibiegħu l-prodotti tagħhom. |
|
3.23 |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu miżuri fil-livell tal-UE rigward is-sorveljanza tas-suq sabiex tinġabar informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta' prodotti differenti fis-suq Ewropew u t-tendenzi tas-suq, inkluż id-disponibbiltà ta' żrieragħ organiċi fl-Istati Membri differenti. |
|
3.24 |
Il-KESE jilqa' l-għan tal-Kummissjoni li tfassal pjan ta' azzjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika fl-Unjoni Ewropea u l-għanijiet tagħha filwaqt li jinnota li l-pjan huwa wisq ġenerali u mhux sħiħ. Huwa kruċjali li l-miżuri li qed tipproponi l-Kummissjoni fil-pjan ta' azzjoni jiġu definiti b'mod ċar u preċiż. Pereżempju f'ċerti oqsma l-Kummissjoni beħsiebha biss tipproponi, tagħti parir, tgħin, tqis jew tħeġġeġ filwaqt li l-bdiewa u l-pubbliku qed jistennew miżuri konkreti. |
|
3.25 |
Il-KESE jqis li waħda mill-prijoritajiet tal-pjan ta' azzjoni għandha tkun ir-relazzjoni bejn il-produtturi organiċi, il-produtturi konvenzjonali u l-produtturi ta' pjanti modifikati ġenetikament bil-għan li jonqos ir-riskju ta' kontaminazzjoni mill-OĠM. L-uniku modi ta' kif nistgħu niksbu r-riżultati u niżguraw koeżistenza bejn dawn l-oqsma differenti huma komunikazzjoni interpersonali f'waqtha, diskussjoni dwar il-problemi eżistenti u riċerka għas-soluzzjonijiet. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni toħloq il-mezzi neċessarji sabiex tinforma lill-partijiet interessati u tinvolvihom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. |
|
3.26 |
Il-miżuri tal-pjan ta' azzjoni magħmula biex iżidu l-għarfien dwar l-istrumenti Ewropej ta' appoġġ għall-biedja organika mhux ser ikunu biżżejjed biex jagħtu spinta lill-kompetittività tal-produtturi organiċi tal-UE jew lill-volum tal-produzzjoni agrikola. Il-KESE jirrakkomanda li tiġi organizzata kampanja finanzjata mill-UE li tipprovdi iktar informazzjoni dwar is-sistema tal-produzzjoni organika fl-Ewropa kollha u dwar il-logo Ewropew il-ġdid għall-prodotti organiċi. |
|
3.27 |
Il-KESE jqis li l-Kummissjoni għandha tipprovdi iktar appoġġ għat-taħriġ vokazzjonali taż-żgħażagħ, it-tagħlim tul il-ħajja u l-innovazzjoni fil-qasam tal-biedja organika permezz ta' riżorsi mill-programm għall-iżvilupp rurali u programmi Ewropej oħra. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkumplementa l-leġislazzjoni u l-programmi korrispondenti billi tipprevedi l-possibbiltà li l-iskejjel, il-kulleġġi u istituzzjonijiet edukattivi oħra jiksbu għajnuna għat-taħriġ u l-innovazzjoni fil-biedja agrikola. |
|
3.28 |
Barra minn hekk, il-produzzjoni organika saret wieħed mill-iżjed mezzi importanti għaż-żgħażagħ biex jidħlu fis-settur agrikolu. L-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-inklużjoni ta' abitanti urbani żgħażagħ fis-settur agrikolu permezz tal-produzzjoni organika jipprovdu opportunità importanti għas-settur biex jinbidel fi xprun għall-innovazzjoni fiż-żoni żvantaġġati. |
Brussell, 16 ta' Ottubru 2014.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) Morison, J., Hine, R. u Pretty, J., 2005. Survey and Analysis of Labour on Organic Farms in the UK and Republic of Ireland. International Journal of Agricultural Sustainability Volume 3 (1).
(2) Displaced honey bees perform optimal scale-free search flights Andrew M. Reynolds, Alan D. Smith, Randolf Menzel, Uwe Greggers, Donald R. Reynolds, u Joseph R. Riley, Rothamsted Research, Harpenden, Hertfordshire AL5 2JQ United Kingdom, Freie Universität Berlin, FB Biologie/Chemie/Pharmazie, Institut für Biologie – Neurobiologie, Königin-Luise-Str. 28/30, 14195 Berlin, Germany, Natural Resources Institute, University of Greenwich, Chatham, Kent ME4 4TB United Kingdom
Ecology, 88(8), 2007, pp. 1955-1961.