16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/104


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Aġenda tal-Ġustizzja tal-UE għall-2020 – It-tisħiħ tal-fiduċja, tal-mobbiltà u tat-tkabbir fl-Unjoni”

COM(2014) 144 final

(2014/C 451/17)

Relatur:

IS-SUR VERBOVEN

Nhar l-14 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Aġenda tal-Ġustizzja tal-UE għall-2020 – It-Tisħiħ tal-Fiduċja, tal-Mobbiltà u tat-Tkabbir fl-Unjoni

COM(2014) 144 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-20 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni bi 72 vot favur u vot wieħed (1) kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat ħa nota tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u qies li kien hemm bżonn li jagħmel xi kummenti dwar l-għanijiet ta' politika mfassla mill-Kummissjoni, kif ukoll li jagħmel għadd ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi oħra.

1.2

Fir-rigward tal-għan ta' politika dwar it-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka, il-Kumitat huwa tal-fehma li din hija prijorità ta' politika ġustifikata u konformi mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fit-taqsima dwar il-ġustizzja. Madankollu, fir-rigward tal-inizjattivi li jistgħu jittieħdu fil-ħames snin li ġejjin biex tissaħħaħ din il-fiduċja, il-Kummissjoni hija vaga u ma daħlitx fil-fond. Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandha tkompli titħeġġeġ il-kooperazzjoni li fil-passat twettqet billi ntlaħqu ftehimiet ta' kooperazzjoni, bil-ħolqien ta' strumenti ta' segwitu.

1.3

Fir-rigward tal-għan ta' politika dwar il-kontribuzzjoni għat-tkabbir ekonomiku, il-Kumitat jinnota li l-isforz għat-tkabbir ekonomiku huwa rikonoxxut bħala prijorità importanti, tal-inqas jekk ikun immirat lejn tkabbir sostenibbli. Madankollu, it-tkabbir ekonomiku waħdu ma jistax ikun ikkunsidrat bħala għan ta' politika fi ħdan il-politika tal-ġustizzja li, b'kunsiderazzjoni tat-TFUE, għandha tiżgura b'mod prijoritarju livell għoli ta' sigurtà u aċċess faċli għall-ġustizzja, ħaġa li m'għandhiex tkun sekondarja għat-tkabbir ekonomiku. Dan ma jbiddilx il-fatt li ġustizzja li tiffunzjona sew fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jista' jkollha effett pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-Unjoni billi l-kunflitti ċivili jkunu jistgħu jiġu indirizzati iktar malajr u b'mod iktar effettiv, u tittejjeb iċ-ċertezza legali, u fil-livell kriminali jiġu indirizzati b'mod effikaċi l-fenomeni bħall-ħasil tal-flus u l-kriminalità organizzata li huma ta' ħsara għall-ekonomija regolari.

1.4

Fir-rigward tal-għan ta' politika għall-appoġġ tal-mobilità, il-Kumitat jirrimarka li l-appoġġ għall-mobbiltà fl-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari billi jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jeżerċitaw drittijiethom kullimkien fl-Unjoni, jista' jintrabat mal-għan stabbilit mit-TFUE tal-iffaċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja. Għandu jiġi enfasizzat li fit-Titolu V ma tiġix proposta biss 'libertà' bħala għan, iżda anke sigurtà u ġustizzja, li jistgħu jwasslu għal-limitazzjoni tal-libertà. Minflok kontribuzzjoni għall-mobbiltà, l-għan għandu jkun il-protezzjoni tal-aċċess għall-ġustizzja effiċjenti għaċ-ċittadini kollha li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment ħieles.

1.5

Barra minn hekk, il-Kumitat jirrimarka li fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hemm xi affarijiet li ma jissemmewx, li għad jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

L-ewwel nett jista' jiġi kkunsidrat li fl-Istati Membri jinħatru maġistrati speċjalizzati fil-liġi Ewropea, sabiex ikun hemm iktar ċertezza legali għaċ-ċittadin f'każ ta' tilwim li jikkonċerna l-leġislazzjoni Ewropea.

It-tieni nett, jista' jiġi kkunsidrat li titwaqqaf operazzjoni Ewropea ta' pulizija u spezzjoni, sabiex il-kriminalità u l-frodi b'aspetti transkonfinali jkunu jistgħu jiġu indirizzati b'mod effettiv.

It-tielet nett, fil-qasam kriminali għandu jiġi analizzat x'għandu jkun il-livell minimu għall-penali kriminali biex jiġu determinati l-atti kriminali u s-sanzjonijiet b'rabta ma' tipi ta' kriminalità partikolarment serji b'dimensjoni transkonfinali, bħat-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament sesswali, it-traffikar ta' drogi illegali, it-traffikar tal-armi, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni, l-iffalsifikar, iċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità organizzata.

Ir-raba' nett tista' tiġi kkunsidrata l-implimentazzjoni obbligatorja tal-azzjoni kollettiva (class action) li għandha ttejjeb ir-rikors legali għaċ-ċittadini tal-UE.

Il-ħames nett tkun ħaġa tajba li tinżamm tabella ta' valutazzjoni tar-riżultati tat-twettiq fil-qasam tal-ġustizzja u b'mod partikolari l-implimentazzjoni tal-pjani ta' politika.

Is-sitt nett huwa assolutament essenzjali li fil-Kummissjoni l-ġdida jinħatar Kummissarju inkarigat mid-drittijiet tal-bniedem.

2.   Il-kontenut essenzjali tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni  (1)

2.1   Kuntest tal-Komunikazzjoni

2.1.1

Il-Kummissjoni Ewropea diġà nediet diversi inizjattivi leġislattivi, kemm fil-qasam kriminali kif ukoll dak ċivili, li permezz tagħhom diġà ttieħdu għadd numeruż ta' passi biex jinkiseb spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

2.1.2

Il-linji gwida ġew stabbiliti f'diversi pjani ta' ħames snin bħall-Programm ta' Tampere, il-Programm tal-Aja u fl-aħħar nett il-Programm ta' Stokkolma. L-aħħar wieħed jintemm fl-aħħar tal-2014. Fid-dawl ta' tmiem il-Programm ta' Stokkolma, u b'kunsiderazzjoni taż-żieda fis-setgħat tal-Unjoni fil-qasam tal-ġustizzja permezz tat-Trattat ta' Lisbona, l-għan tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni huwa li tiddetermina l-prijoritajiet politiċi li għandhom jiġu segwiti biex sal-2020 isir progress fit-triq lejn spazju Ewropew ta' libertà, sigurtà u ġustizzja li jaħdem sew, u bbażat fuq il-fiduċja, il-mobilità u t-tkabbir.

2.1.3

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa li tikkontribwixxi għal-linji gwida strateġiċi tal-ippjanar leġislattiv u operattiv li l-Kunsill Ewropew ftiehem dwarhom skont l-Artikolu 68 tat-TFUE bil-għan li jinkiseb spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, kif ukoll l-għażliet strateġiċi li l-Parlament Ewropew ser jagħmel f'dan il-qasam (2).

2.2   Kontenut tal-Komunikazzjoni

2.2.1

Sfidi għall-ġejjieni/għanijiet ta' politika

Fil-Komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni tiddefinixxi tliet għanijiet għall-ġejjieni:

a)

Fiduċja reċiproka

Li tkompli tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini, il-prattikanti tal-liġi u l-imħallfin fid-deċiżjonijiet ġudizzjarji, irrispettivament mill-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea li jkunu ttieħdu fih.

b)

Mobbiltà

L-ostakli li għadhom jiffaċċjaw iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea għall-moviment ħieles għandhom jitneħħew.

c)

Tkabbir ekonomiku

Il-politika tal-ġustizzja għandha tibqa' tappoġġja t-tkabbir ekonomiku, fost oħrajn billi fir-relazzjonijiet kummerċjali transkonfinali ssaħħaħ l-infurzabbiltà tal-kuntratti u bl-appoġġ tal-ekonomija diġitali.

2.2.2

Il-mezzi definiti mill-Kummissjoni għat-twettiq tal-għanijiet imsemmija hawn fuq huma: il-konsolidazzjoni, il-kodifikazzjoni u t-twettiq. Hawnhekk il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li l-komplementarjetà tal-istrumenti ta' politika eżistenti dejjem għandha titwettaq bil-għan li tittejjeb il-fiduċja reċiproka u jissaħħaħ it-tkabbir u li jagħmlu ħajjet iċ-ċittadini iktar faċli.

3.   Kummenti

Kummenti dwar l-għanijiet ta' politika definiti mill-Kummissjoni

3.1   Il-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-ġustizzja

3.1.1

Il-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-ġustizzja ġew determinati b'mod espliċitu fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE. Dan it-titolu jismu: L-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

3.1.2

L-Artikolu 67 tat-TFEU jipprevedi li l-Unjoni għandha tikkonsisti fi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja b'rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri.

3.1.3

F'dan il-kuntest l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom il-kompitu (3):

li jiżguraw li ma jkunx hemm kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni u li tiġi żviluppata politika komuni dwar l-asil, l-immigrazzjoni u l-kontroll fil-fruntieri esterni;

li jiżguraw livell għoli ta' sigurtà;

li jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja.

3.1.4

Sabiex twettaq dawn il-kompiti l-Unjoni hija kompetenti fil-qasam tal-ġustizzja, il-pulizija u l-asil u l-migrazzjoni.

3.1.5

Fir-rigward tal-ġustizzja, l-Unjoni għandha s-setgħa kemm fil-qasam ċivili kif ukoll dak kriminali.

3.1.6

Il-kompetenzi fil-qasam kriminali jinkludu l-ewwel nett il-kompetenza li tadotta miżuri sabiex jiġi implimentat il-prinċipju tar-rikonoxximennt reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji u li tiddetermina regoli minimi fi proċeduri kriminali. Din il-kompetenza tinkludi pereżempju l-kompetenza li tiddetermina regoli minimi f'każijiet tad-drittijiet tal-persuni fil-proċedura kriminali jew ta' vittmi tal-kriminalità, kif ukoll il-kompetenza li tadotta miżuri biex jiġu evitati u solvuti kunflitti ta' ġurisdizzjoni. It-tieni nett, il-kompetenzi fil-qasam kriminali tal-UE jinkludu l-kompetenza li jiġu stabbiliti regoli minimi dwar id-determinazzjoni ta' ksur u sanzjonijiet kriminali b'rabta ma' tipi ta' kriminalità partikolarment serji b'dimensjoni transkonfinali, bħat-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament sesswali, it-traffikar ta' drogi illegali, it-traffikar ta' armi illegali, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni, l-iffalsifikar, iċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità organizzata. It-tielet nett, l-UE tista' tieħu miżuri biex titħeġġeġ il-prevenzjoni tal-kriminalità. Ir-raba' nett, il-kompetenza fil-qasam kriminali tinkludi l-konsolidazzjoni u l-iżvilupp tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali li għandhom ir-responsabbiltà tar-riċerka u s-segwitu. Il-ħames nett, il-kompetenza fil-qasam kriminali tinkludi l-kompetenza tat-twaqqif ta' Ministeru Pubbliku Ewropew bil-għan li jiġu miġġielda l-atti kriminali li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

3.1.7

Il-kompetenzi ġudizzjarji fil-qasam ċivili tal-UE jinkludu l-kompetenza li jittieħdu miżuri meħtieġa biex (1) jiġi promoss u eżegwit ir-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri, (2) it-tifsira u l-għoti tal-għarfien dwar it-transkonfinalità jsiru iktar faċli, (3) jiġu determinati r-regoli dwar l-allokazzjoni tal-kompetenzi ġurisdizzjonali u t-twaqqif tal-liġi applikabbli (id-dritt internazzjonali privat), (4) l-iżgurar ta' kooperazzjoni fil-ġbir tal-provi, (5) il-garanzija ta' aċċess ġenwin għar-rikors legali, u (6) it-tneħħija tal-ostakli għat-tħaddim tajjeb tal-proċedura tal-liġi ċivili, (7) ir-regoli applikabbli fil-qasam tal-kunflitt ta' liġijiet u ta' kompetenzi jsiru kompatibbli, u (8) l-iżvilupp ta' metodi ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim.

3.2   Fir-rigward tal-konformità tal-għanijiet ta' politika definiti mill-Kummissjoni mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-ġustizzja

3.2.1   Fir-rigward tal-għanijiet ta' politika dwar it-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka

3.2.1.1

Huwa ġustifikabbli li fil-qasam tal-ġustizzja l-Kummissjoni tipproponi għan ta' politika għat-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri differenti fid-deċiżjonijiet rispettivi tagħhom, u dan l-għan għandu jiġi appoġġjat, anke jekk huwa iktar mezz biex titwettaq il-kooperazzjoni ġudizzjarja milli għan fih innifsu.

3.2.1.2

Skont it-TFUE l-Unjoni għandha timplimenta politika kemm fil-qasam kriminali kif ukoll dak ċivili li tkun immirata lejn il-kooperazzjoni ġudizzjarja bbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, li jassumi l-fiduċja reċiproka fid-deċiżjonijiet ta' xulxin (4).

3.2.1.3

Madankollu, fir-rigward tal-inizjattivi li jistgħu jittieħdu fil-ħames snin li ġejjin biex tissaħħaħ din il-fiduċja reċiproka, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija vaga u ma daħlitx fil-fond. Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni li fil-passat twettqet billi ntlaħqu ftehimiet ta' kooperazzjoni tista' titħeġġeġ u tiġi appoġġjata iktar billi jinħolqu strumenti ta' segwitu ġudizzjarji.

3.2.2   Fir-rigward tal-għan ta' politika tal-appoġġ għat-tkabbir ekonomiku

3.2.2.1

Mhijiex ħaġa evidenti li fil-qasam tal-ġustizzja l-Kummissjoni tipproponi appoġġ għat-tkabbir ekonomiku. Fit-TFUE l-Unjoni tingħata setgħat fil-ġustizzja biex jiġi żgurat livell għoli ta' sigurtà fil-qasam kriminali u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għar-rikors legali fil-qasam ċivili. Dawn huma għanijiet li mhumiex sekondarji għal għan bħat-tkabbir ekonomiku.

3.2.2.2

Tul dawn l-aħħar snin, b'mod partikolari taħt l-effett tal-kriżi finanzjarja u l-kriżi tad-dejn sovran u b'konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020, il-politika tal-UE fir-rigward tal-ġustizzja saret ukoll strument bil-għan li jappoġġja l-irkupru ekonomiku, it-tkabbir u r-riformi strutturali. Il-Kumitat jenfasizza madankollu li t-tkabbir ekonomiku waħdu ma jistax ikun ikkunsidrat bħala għan ta' politika fi ħdan il-politika tal-ġustizzja. Jeħtieġ li jiġi evitat li, fil-politika futura tal-UE dwar il-ġustizzja, tingħata prijorità f'kull każ lill-inizjattivi li għandhom l-għan uniku li jiffaċilitaw l-iskambji kummerċjali jew li jistgħu jiġu interpretati biss fid-dawl ta' dan il-għan. Għaldaqstant, hemm ir-riskju li aspetti oħra relatati ma' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, jew saħansitra aktar relatati ma' dan, ma jiġux ikkunsidrati (jew ma jibqgħux jiġu kkunsidrati), bħall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

3.2.2.3

L-isforz għat-tkabbir ekonomiku huwa rikonoxxut bħala prijorità importanti, tal-inqas sakemm l-għan ikun it-tkabbir sostenibbli. Madankollu, it-tkabbir ekonomiku waħdu ma jistax ikun ikkunsidrat bħala għan ta' politika fi ħdan il-politika tal-ġustizzja li, b'kunsiderazzjoni tat-TFUE, għandha tiżgura b'mod prijoritarju livell għoli ta' sigurtà u aċċess faċli għall-ġustizzja, ħaġa li m'għandhiex tkun sekondarja għat-tkabbir ekonomiku. Dan ma jbiddilx il-fatt li ġustizzja li tiffunzjona sew fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jista' jkollha effett pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-Unjoni billi l-kunflitti ċivili jkunu jistgħu jiġu indirizzati b'mod effettiv u tittejjeb iċ-ċertezza legali, u fil-livell kriminali jiġu indirizzati b'mod effettiv il-fenomeni bħall-ħasil tal-flus u l-kriminalità organizzata li huma ta' ħsara għall-ekonomija regolari.

3.2.3   Fir-rigward tal-għan ta' politika għall-appoġġ tal-mobbiltà

3.2.3.1

Il-fatt li l-Kummissjoni, fil-qasam tal-ġustizzja, tipproponi bħala għan ta' politika l-appoġġ għall-mobilità fl-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jeżerċitaw drittijiethom kullimkien fl-Unjoni, jista' jintrabat mal-għan stabbilit mit-TFUE tal-iffaċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja.

3.2.3.2

Għandu jiġi enfasizzat li fit-Titolu V ma tiġix proposta biss il-'libertà' bħala għan, iżda jiġu proposti wkoll is-sigurtà u l-ġustizzja, li jistgħu jwasslu għal-limitazzjoni tal-libertà. Minflok appoġġ għall-mobilità, l-għan huwa l-protezzjoni tal-aċċess għal ġustizzja effiċjenti biex iċ-ċittadin ikun jista' jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment ħieles. Inkella nerġgħu nispiċċaw fi spettru ħafna usa' minn sempliċi ġustizzja u taħlita mifruxa ta' diversi oqsma, bħall-eliminazzjoni tal-burokrazija bl-eżerċitar tad-dritt għall-moviment ħieles, ir-regolazzjoni tad-divorzju u s-suċċessjoni għal dawk li jagħmlu użu mill-moviment ħieles, ir-regolamenti dwar it-trasferiment tal-kapital tal-pensjoni għaċ-ċittadini li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment ħieles, ir-regolamenti dwar l-ispezzjoni Ewropea tal-vetturi, eċċ.

3.3   Kummenti speċifiċi

3.3.1

Fil-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni ma jissemmewx xi affarijiet, li madankollu jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

3.3.2

L-ewwel nett jista' jiġi kkunsidrat li fl-Istati Membri jinħatru maġistrati speċjalizzati fil-liġi Ewropea, sabiex ikun hemm iktar ċertezza legali għaċ-ċittadini f'każ ta' tilwim li jikkonċerna l-leġislazzjoni Ewropea.

3.3.3

Il-Kummissjoni tinsisti bir-raġun fuq il-bżonn li l-imħallfin u l-prokuraturi kollha jiġu mħarrġa fil-liġi tal-Unjoni Ewropea. Hija tappella wkoll biex “jittieħed pass 'il quddiem” billi l-professjonijiet kollha tal-ġustizzja jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-programmi ta' taħriġ Ewropew fil-qafas tal-Programm Ġustizzja 2014-2020. Il-KESE jqis li dan il-punt huwa kruċjali. B'konformità mal-għan stabbilit mill-Programm ta' Stokkolma li jissaħħu d-drittijiet tad-difiża, huwa jqis li huwa partikolarment importanti li l-avukati, li huma wkoll l-ewwel punt ta' aċċess tad-dritt, għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mit-tali programmi.

3.3.4

It-tieni nett, jista' jiġi kkunsidrat li jitwaqqaf servizz Ewropew ta' pulizija u spezzjoni, sabiex il-kriminalità u l-frodi b'aspetti transkonfinali jkunu jistgħu jiġu indirizzati b'mod effettiv.

3.3.5

It-tielet nett fil-qasam kriminali għandu jiġi żgurat f'liema każijiet ikun jeħtieġ li jitfasslu regoli minimi relatati mad-definizzjoni tal-ksur penali u s-sanzjonijiet b'rabta ma' tipi ta' kriminalità partikolarment serji b'dimensjoni transkonfinali, bħat-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament sesswali, it-traffikar ta' drogi illegali, it-traffikar tal-armi, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni, l-iffalsifikar, iċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità organizzata. Fir-rigward tal-approċċi fil-qasam kriminali, fejn hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri u li jistgħu jfixklu d-drittijiet tal-bniedem u ċ-ċertezza legali, għandu jiġi investigat kemm tkun ta' tfixkil l-armonizzazzjoni tal-liġi kriminali (5).

3.3.6

Ir-raba' nett tista' tiġi kkunsidrata l-implimentazzjoni obbligatorja tal-azzjoni kollettiva (class action) li għandha ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini tal-UE.

3.3.7

Il-ħames nett tkun ħaġa tajba li tinżamm tabella ta' valutazzjoni tar-riżultati tat-twettiq fil-qasam tal-ġustizzja u b'mod partikolari l-implimentazzjoni tal-pjani ta' politika.

3.3.8

Is-sitt nett jeħtieġ li fil-Kummissjoni l-ġdida jinħatar Kummissarju inkarigat mid-drittijiet tal-bniedem.

Brussell, 10 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2014) 144 final.

(2)  COM(2014) 144 final, punt 1 'Introduzzjoni'.

(3)  Artikolu 67 tat-TFUE

(4)  Artikoli 81 u 82 tat-TFUE

(5)  Ara CESE 1302/2012 – Il-politika Ewropea dwar id-drogi.