16.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 226/61


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fiż-żieda fil-kapital tal-Fond Ewropew għall-Investiment”

COM(2014) 66 final – 2014/0034 (COD)

2014/C 226/11

Relatur Ġenerali: is-Sur SMYTH

Nhar it-18 ta’ Frar 2014 u nhar l-24 ta’ Frar 2014, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 173(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fiż-żieda fil-kapital tal-Fond Ewropew għall-Investiment

COM(2014) 66 final – 2014/0034 (COD).

Nhar il-25 ta’ Frar 2014, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-497 Sessjoni Plenarja tiegħu tal-25 u s-26 ta' Marzu 2014 (seduta tal-25 ta' Marzu) li jaħtar lis-Sur Smyth bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b'133 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1

Il-KESE jappoġġa l-isforz biex jiġi rikapitalizzat il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) sabiex ikun jista' jespandi r-rwoli tiegħu bħala provveditur ta' kapital ta' riskju lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) li jikbru malajr u li huma innovattivi.

1.2

Id-deċiżjoni biex jiżdied il-kapital sottoskritt tal-FEI b'somma li tilħaq sa EUR 1,5 biljun hija spinta sinifikanti fil-potenzjal ta' investiment tal-FEI fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u l-istaġnar tal-ekonomija Ewropea, u għaldaqstant huwa tajjeb li wieħed jistaqsi jekk din iż-żieda hijiex żgħira wisq?

1.3

Sondaġġi u data reċenti dwar il-finanzjament tal-SMEs u s-self tal-banek juru li l-ikbar problema urġenti li qed jiffaċċjaw l-SMEs hija l-aċċess għall-finanzjament (kemm investiment kif ukoll kapital operatorju). It-tkabbir fis-self tal-banek lin-negozji naqas f'kull wieħed mill-aħħar tliet xhur. Filwaqt li l-mandat tal-FEI huwa speċifiku għal negozji innovattivi u li għandhom rati għolja ta' tkabbir, jidher li hemm bżonn ta' rikapitalizzazzjoni akbar tal-Fond sabiex ikun jista' jaqdi r-rwol tiegħu dejjem iżjed

1.4

Il-KESE jtenni l-appell tiegħu biex il-FEI jiġi rikapitalizzat b'mod sostanzjali sabiex jaqdi r-rwol li oriġinarjament ġie maħsub għalih – jiġifieri fond ta' kapital ta' riskju Ewropew u b'mandat speċjali biex jiffinanzja start-ups ta' teknoloġija avvanzata.

1.5

Il-KESE jipproponi li 20 % tal-profitt nett jitħallas f'dividendi u jintuża biex ikopri parti mill-ispejjeż taż-żieda fil-kapital. Il-KESE jappoġġja t-tentattiv biex jiġi bilanċjat il-qligħ finanzjarju u dak politiku tal-FEI u li jiġu ingaġġati istituzzjonijiet finanzjarji adatti biex jiżdied il-kapital sottoskritt.

2.   Il-proposta

2.1

Il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) jaqdi żewġ rwoli ewlenin:

forniment ta' kapital ta' riskju biex titjieb il-provvista ta' dan il-kapital għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) li jikbru malajr u li huma innovattivi;

l-għoti ta' garanziji u inizjattivi oħra għall-kondiviżjoni tar-riskji sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tas-self ta' istituzzjonijiet finanzjarji lill-SMEs.

2.2

Il-Fond juża l-fondi proprji tiegħu u huwa wkoll ġestjonarju ta' għadd ta' programmi tal-UE, bħall-Orizzont 2020 u COSME, fis-snin li ġejjin. Il-FEI qed jistenna li jirdoppja l-espożizzjoni tiegħu għar-riskji ta' kapital ta' garanzija u ta' kapital ta' riskju u għaldaqstant hija essenzjali żieda fil-kapital tal-Fond. Bħalissa l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-azzjonista bil-maġġoranza tal-ishma tal-FEI (62,1 %). L-azzjonisti l-oħra huma l-Unjoni Ewropea (30 %) u 24 istituzzjoni finanzjarja pubblika u privata (7,9 %).

2.3

Il-proposta hija li jiżdied il-kapital sottoskritt tal-Fond minn EUR 3 biljun għal EUR 4,5 biljun, li minnhom 20 % huma kapital mħallas. Din iż-żieda fil-kapital se żżid il-kapaċità tal-FEI għal attivitajiet ta' tisħiħ tal-kreditu u tistimola bejn EUR 11-il biljun u EUR 20 biljun ta' self lill-SMEs fl-2014 u l-2015.

3.   Kummenti dwar il-proposta

3.1

Mal-ewwel daqqa t'għajn, ir-rikapitalizzazzjoni tal-FEI hija żvilupp pożittiv ċar. Data mill-BĊE juru li s-self totali lin-negozji naqas f'kull wieħed mill-aħħar tliet xhur sa Jannar 2014. Is-sondaġġ l-iżjed reċenti dwar is-self mill-banek juri li l-aċċess għall-finanzjament huwa l-ikbar problema urġenti li qed jiffaċċjaw l-SMEs fiż-żona tal-euro, għalkemm id-distribuzzjoni ġeografika kienet tvarja. Il-fatturi ewlenin li jaffettwaw il-ħtieġa tal-SMEs għal finanzjament estern kienu kapital operatorju u ħtiġijiet ta' investiment fiss. Ir-rikapitalizzazzjoni tal-FEI se tindirizza parti minn din il-problema iżda l-ħtieġa hija enormi.

3.2

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikapitalizzazzjoni tal-FEI. Huwa jinnota li l-Kunsill Ewropew ta' Diċembru appella lill-Kummissjoni u lill-BEI biex jespandu iżjed il-kapital tal-FEI u qed jistenna r-riżultat ta' din il-proposta. F'Opinjonijiet preċedenti l-Kumitat qajjem xi tħassib dwar ir-rwol tal-FEI u issa qed itenni dan l-istess tħassib (1).

3.3

Iż-żieda fil-kapital tal-FEI ser tgħin biex jinkiseb l-għan tal-ħolqien ta' kapaċità ta' investiment kapitali suffiċjenti biex jiġu appoġġjati l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku tal-kumpaniji kollha tal-Istati Membri. Sabiex jinkiseb dan il-għan b'nefqa baġitarja minima, il-KESE jirrakkomanda li fil-laqgħa annwali tal-FEI 2014 tittieħed deċiżjoni biex 20 % tal-qligħ ġdid jitħallas bħala dividendi. Il-KESE jqis li jkun utli jekk id-dividendi annwali li għandhom jiġu applikati bejn l-2014 u l-2017 għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-Fond jiġu kkunsidrati bħala dħul assenjat estern u jintużaw biex ikopru parti mill-ispejjeż għaż-żeda fil-kapital. Il-KESE jappoġġja t-tentattiv li jiġu bbilanċjati r-riżultati politiċi u finanzjarji tal-FEI u li tinżamm bis-sħiħ l-istruttura tripartitika. F'dan ir-rigward jappella biex jiġu aċċettati istituzzjonijiet aktar simili bħala partijiet interessati ġodda.

3.4

Meta tfassal oriġinarjament fl-1993, ġie rakkomandat li l-FEI għandu jappoġġa negozji mhux biss permezz ta' garanziji ta' ekwità u ta' self iżda wkoll billi jistabbilixxi fond Ewropew ta' kapital ta' riskju ta' somma li tilħaq sa EUR 60 biljun. L-għan kien li jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta' kapital ta' riskju privat fl-Ewropa meta mqabbel mal-Amerika ta' Fuq u biex titnaqqas id-dipendenza fuq self b'interessi fissi li jippenalizza impriżi ġodda u dawk li għadhom fi stadju bikri. Meta ġie stabbilit l-FEI fl-1994, ir-rwol ta' kapital ta' riskju ġie xi ftit sottovalutat u beda jiddomina r-rwol ta' garanzija għal self.

3.5

Il-KESE huwa tal-fehma li l-FEI għandu jkollu mandat ta' kapital ta' riskju iktar b'saħħtu, kif kien maħsub oriġinarjament.

Brussell, 25 ta' Marzu 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 143, 22.05.2012, p. 10.