12.9.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 311/47 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew”
COM(2014) 14 final
2014/C 311/07
Relatur: is-Sinjura Sirkeinen
Nhar it-28 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew
COM(2014) 14 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta' Marzu 2014.
Matul l-498 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-29 u t-30 ta' April 2014 (seduta tad-29 ta' April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’139 vot favur, vot wieħed (1) kontra u żewġ astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jilqa' l-komunikazzjoni dwar ir-rinaxximent industrijali u jikkonkludi li:
|
1.2 |
Il-KESE jirrakkomanda li l-fehmiet u l-proposti ppreżentati fil-Komunikazzjoni jiġu appoġġjati u implimentati malajr mill-partijiet rilevanti. |
1.3 |
Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li:
|
2. Introduzzjoni
2.1 |
Il-kriżi ekonomika wriet l-importanza tal-industrija għall-istabbiltà ekonomika, l-impjiegi, l-innovazzjoni u l-prestazzjoni internazzjonali tal-ekonomiji Ewropej. L-industrija tammonta għal aktar minn 80 % tal-esportazzjonijiet tal-Ewropa u 80 % tar-riċerka u l-innovazzjoni privata. Madwar 15 % tal-impjiegi fl-UE huma fl-industrija; barra minn hekk, kull impjieg industrijali joħloq sa 1,5 – 2 impjiegi f'setturi oħra. Barra minn hekk, illum l-impjiegi industrijali huma impjiegi ta' kwalità għolja u l-pagi huma ogħla mill-medja. L-industrija mhijiex għan fih innifsu, iżda mezz ta' impjieg u taż-żamma tal-istandards tajbin ta' għajxien. |
2.2 |
L-industrija tal-UE għadha tiġġenera eċċess kbir fil-kummerċ globali ta' prodotti manifatturati u hija mexxejja dinjija fis-sostenibbiltà. Madankollu, kif jidher fir-rapport dwar il-Kompetittività Ewropea tal-2013, is-sehem tal-industrija Ewropea tal-produzzjoni tal-manifattura globali dejjem kien qed jonqos matul dawn l-aħħar għaxar snin. Id-distakk fil-produttività meta mqabbel mal-Istati Uniti reġa' kiber. Wara xi rkupru fil-perjodu tal-2009-11, is-sehem tal-industrija tal-PDG tal-UE reġa' mar lura għal 15,1 %, anqas sew mill-mira ta' 20 % sal-2020. Mill-2008 intilfu 3,5 miljun impjieg. Madankollu, is-sitwazzjon tvarja ħafna minn Stat Membru għall-ieħor. |
2.3 |
Il-politika industrijali hija, fil-fatt, waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE ħareġ opinjonijiet dwar il-proposti ewlenin tal-Kummissjoni fl-2010 u 2012 (1) u fassal diversi opinjonijiet oħra dwar l-aspetti differenti tal-politika industrijali, inkluż analiżi settorjali bħala parti mill-ħidma tas-CCMI (il-Kumissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali tal-KESE) (2), attwalment dwar ir-rilokazzjoni industrijali u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ. Din l-opinjoni tibni fuq dawk l-opinjonijiet preċedenti u tikkumplimentahom. |
2.4 |
Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tistabbilixxi l-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni għall-politika industrijali bħala kontribut għad-dibattitu tal-Kunsill Ewropew dwar il-politika industrijali, skedat għal Marzu 2014. Hija tipprovdi ħarsa ġenerali tal-azzjoni diġà meħuda u tressaq xi miżuri ġodda biex titħaffef il-kisba ta' dawn il-prijoritajiet. Dan juri li l-politika industrijali u politiki oħra tal-UE qed isiru dejjem aktar integrati, u jindika għaliex dan il-proċess ta' integrazzjoni għandu jkompli. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
Il-KESE jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, billi waslet dritt bi sfond ta' kriżi ekonomika u tħassib dejjem jiżdied dwar il-kompetittività tal-industriji Ewropej. L-isfidi li qed tiffaċċja l-industrija mhux qed ibattu – anzi bil-maqlub. L-ambjent kummerċjali globali qed jinbidel kontinwament, u b'pass dejjem aktar mgħaġġel tant li jeħtieġ li l-kumpaniji tagħna jkunu kapaċi jirreaġixxu għalih. Mingħajr industrija kompetittiva, l-Ewropa mhux ser tkun kapaċi tiżgura iżjed tkabbir u aktar impjiegi. Ukoll, approċċ li jiddependi fuq disinn u funzjonijiet tal-inġinerija biss, mingħajr produzzjoni u kuntatti mal-klijent aħħari, mhuwiex mistenni li jkun ta' suċċess fit-tul. |
3.2 |
Fid-dawl tal-qagħda serja, il-KESE kien jistenna sett aktar b'saħħtu ta' proposti għall-politika industrijali tal-UE b'viżjoni ċara u miżuri urġenti. Jinħtieġu messaġġi ċari sabiex l-intrapriżi jiġu konvinti li l-Ewropa ser tkun reġjun attraenti għal investimenti ġodda fil-futur. Il-komunikazzjoni issa tkopri ftit karatteristiċi ġodda meta mqabbla mal-komunikazzjonijiet tal-2010 u l-2012. Hija prinċipalment rendikont ta' azzjoni tal-passat u dik ippjanata fl-oqsma prijoritarji ewlenin tal-politika industrijali, kif stabbilit hawn fuq. Dan jiżvela xogħol mhux lest u tenfasizza l-ħtieġa għal implimentazzjoni kemm fil-livelli tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri. |
3.3 |
Il-KESE jappoġġja l-konklużjonijiet tal-komunikazzjoni, inkluża l-mira ta' 20 % għas-sehem tal-industrija tal-PDG, għalkemm trid tikkwalifika l-appoġġ tagħha għal dan: il-mira ta' 20 % hija purament kwantitattiva, filwaqt li tkun aktar konformi mal-aspirazzjonijiet tal-UE għal kompetittività soċjalment u ambjentalment sostenibbli biex iżżid aspetti kwalitattivi. Il-mira ta' 20 % għandha tkun akkumpanjata minn miri oħra, li dwarhom il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tesplora aktar, b'mod partikolari dawk li jirriflettu kwistjonijiet li ser jipprovdu valur miżjud f'kuntest internazzjonali. |
3.4 |
Il-KESE jilqa' b'mod partikolari l-messaġġ ċar tal-Kummissjoni dwar l-importanza tal-integrazzjoni tal-kumpaniji Ewropej fil-ktajjen tal-valur internazzjonali. Fir-realtà, in-natura speċjalizzata ħafna, u kumplessa u dinamika ħafna tal-attivitajiet industrijali llum tista' tiġi deskritta aħjar bħala netwerks ta' valur. Il-kumpaniji qed jikkompetu globalment għal pożizzjonijiet ewlenin f'dawn in-netwerks. L-għan tal-politika industrijali Ewropea għandu jkun li ttejjeb il-possibbiltajiet tal-kumpaniji Ewropej biex jiksbu dawn il-pożizzjonijiet ewlenin u jimmassimizzaw il-qbid tal-valur għall-Ewropa. Għandhom jitfasslu politiki u miri kif xieraq. |
3.5 |
Fil-fehma tal-KESE, l-ekonomija ekoloġika u inklużiva ser tkun l-isfida prinċipali fis-snin li ġejjin. Approċċ aktar ekoloġiku mill-industriji Ewropej huwa meħtieġ bħala prijorità sabiex ikun hemm tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u ekonomija li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti sal-2050 permezz ta' politika industrijali mġedda. Madankollu, dak li teħtieġ l-Ewropa biex tikseb dan huwa pass lejn setturi industrijali u tas-servizzi bbażati aktar fuq l-għarfien u t-teknoloġija, li għandhom valur miżjud ogħla, u li huma innovattivi, kompetittivi u sostenibbli u, jekk l-għan tal-Ewropa huwa li tiggarantixxi t-tkabbir industrijali u l-ħolqien tal-impjiegi, dawn għandhom ikunu ffinanzjati minn pjan ambizzjuż ta' investiment. |
3.6 |
L-indirizzar u l-ksib tal-bżonnijiet li m'humiex imħarsa fis-soċjetà kif ukoll il-kompetizzjoni jagħtu spinta lill-innovazzjoni, u l-kumpaniji kollha fis-suq intern, irrispettivament mill-mudell tan-negozju, għandu jkollhom l-istess kundizzjonijiet li permezz tagħhom ikunu jistgħu jikkompetu. Fil-fehma tal-KESE, għandha tiġi evitata l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri fl-għoti ta' għajnuna mill-istat. Waħda mill-għanijiet tal-politika tal-għajnuna mill-istati għandha tkun li jsir provvediment għall-għoti ta' għajnuna prekompetittivà għan-negozji li jistgħu javvanzaw l-għanijiet ta' tkabbir tal-UE filwaqt li jillimitaw it-tgħawwiġ ta' kompetizzjoni. Jekk, u meta, tiġi pprovduta l-għajnuna mill-istat, din għandha tiġi ddirezzjonata biex tgħin lill-kumpaniji jiżviluppaw u jadattaw, u mhux biex tappoġġja attivitajiet mhux kompetittivi b'mod permanenti. Jeħtieġ li jkun hemm kundizzjonijiet ugwali fis-swieq globali, b'mod partikolari għall-industriji li huma intensivi fl-enerġija. |
3.7 |
Ir-rwol tas-servizzi jistħoqqlu aktar attenzjoni. L-interdipendenza tas-servizzi u l-manifattura hija rikonoxxuta b'mod wiesa', peress li l-attivitajiet industrijali jinkludu numru dejjem jikber ta' elementi ta' forniment tas-servizz, u ħafna servizzi huma dipendenti fuq il-prestazzjoni industrijali. Madankollu, il-potenzjal ta' servizzi bbażati fuq l-għarfien u l-ICT bħala industriji li jesportaw fihom infushom, kif ukoll l-implimentazzjoni tagħhom fis-setturi kollha tan-negozju bħala muturi ewlenin tal-produttività, huwa enormi. Għandhom jiġu żviluppati politiki speċifiċi sabiex jgħinu biex jiġi żviluppat dan il-potenzjal. |
3.8 |
Jeħtieġ li l-atturi kollha – l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni, l-impjegati u min iħaddem u partijiet interessati oħra – ikunu involuti fil-ħidma kumplessa tal-ħolqien ta' ambjent aktar favorevoli għall-industrija. L-inizjattivi għandhom jinbnew fuq speċjalitajiet reġjonali li jikkumplimentaw lil xulxin u jinteraġixxu b'mod li jagħtu l-frott. Il-qafas politiku għandu jkun stabbli u prevedibbli, inkluża l-leġislazzjoni nazzjonali f'oqsma bħat-tassazzjoni. |
3.9 |
Il-KESE jitlob għal strutturi ta' governanza aktar b'saħħithom għall-politiki mikroekonomiċi. Il-Kunsill Ewropew għandu jassumi tmexxija strateġika ċara f'dan ir-rigward. Ir-rwol tal-Kunsill tal-Kompetittività għandu jkun aktar b'saħħtu u għandu jissuġġetta d-deċiżjonijiet relatati mal-industrija minn formazzjonijiet oħra tal-Kunsill għal skrutinju reali fir-rigward tal-kompetittività. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-inklużjoni tal-ħidma tagħha permezz ta' soluzzjonijiet effettivi ta' ġestjoni. L-Istati Membri għandhom konsistentement jimplimentaw deċiżjonijiet konġunti, u l-kwistjonijiet ta' politika industrijali għandhom jiġu integrati b'mod sħiħ fis-Semestru Ewropew, inkluż il-ħruġ ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi skont il-pajjiż. |
4. Kummenti speċifiċi għall-oqsma ta' politika
4.1 Suq uniku Ewropew integrat
4.1.1 |
Rwol ċentrali għall-gvernijiet huwa li jiżguraw il-provvista ta' netwerks ta' prima klassi tat-trasport, l-informazzjoni u l-enerġija għal kulħadd , u l-aċċess għalihom, li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet li qed jiżviluppaw tas-soċjetà, inklużi n-negozji. Karatteristiċi f'waqthom f'dan il-qasam, rikonoxxut mill-Kummissjoni, huma infrastrutturi marbuta mal-teknoloġija spazjali, il-konverġenza ta' netwerks tal-informazzjoni u l-enerġija, u għad-distribuzzjoni ta' karburanti alternattivi. |
4.1.2 |
Il-fruntieri fi ħdan l-UE m'għandhom jagħmlu l-ebda differenza għall-ħidma tal-infrastrutturi u l-aċċess għalihom. Jeħtieġ li jitneħħew l-ostakli regolatorji, amministrattivi u tekniċi li fadal. L-UE u s-sorsi finanzjarji nazzjonali għandhom jiddaħħlu f'investimenti neċessarji f'dan il-qasam, li jimmobilizzaw massimu ta' finanzjament privat. |
4.1.3 |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li b'mod urġenti, jeħtieġ li l-proposti leġislattivi pendenti tas-suq intern jiġu adottati. L-Istati Membri għadhom mhumiex jimplimentaw u jinfurzaw il-qafas leġislattiv kif suppost, u b'hekk qed jisfidaw lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni ulterjuri ġustifikabbli minħabba nuqqas ta' konformità. |
4.2 Ninvestu fl-innovazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda
4.2.1 |
Fl-opinjonijiet preċedenti dwar il-politika industrijali, il-KESE ta l-fehmiet tiegħu dwar l-inizjattivi tal-UE għall-innovazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda, prinċipalment billi esprima l-appoġġ sod tiegħu għalihom u enfasizza l-ħtieġa għal finanzjament suffiċjenti tal-UE, l-Istati Membri u dak privat. |
4.2.2 |
Il-KESE, b'mod partikolari, appoġġja l-għażla tal-Kummissjoni u l-azzjoni fuq is-sitt oqsma strateġiċi u trasversali fil-manifattura avvanzata: teknoloġiji abilitanti essenzjali, prodotti b'bażi bijoloġika, vetturi u bastimenti nodfa, il-kostruzzjoni u l-materja prima sostenibbli, grilji intelliġenti u l-infrastruttura diġitali. It-teknoloġiji l-ġodda b'potenzjal kbir li jeħtieġu attenzjoni jinkludu r-robotika, data kbira, l-istampar 3D, l-internet industrijali u d-disinn industrijali. Ir-riżorsi finanzjarji tal-UE, bħall-Orizzont 2020 u l-finanzjament reġjonali, għandhom ikunu konsistentement indirizzati lejn l-innovazzjoni f'dawn l-oqsma. Il-KESE jappella wkoll għall-implimentazzjoni aktar mgħaġġla tal-Komunità tal-Għarfien u l-Innovazzjoni għall-manifattura b'valur miżjud. |
4.2.3 |
Il-perjodu ta' żmien involut biex l-innovazzjoni titwassal fis-suq għall-użu huwa tal-akbar importanza għall-kompetittività industrijali. It-tisħiħ tal-faċilità tal-kapital ta' riskju u l-kapaċitajiet l-oħra tal-qsim tar-riskju tal-BEI, kif ukoll l-użu innovattiv ta' fondi strutturali, huma eżempji ta' miżuri meħtieġa ħafna tal-UE biex jattiraw l-investiment privat fi proġetti ta' riċerka riskjużi. |
4.3 L-aċċess għall-finanzjament
4.3.1 |
Minkejja li l-klima ekonomika qed titjieb, l-aċċess tal-kumpaniji għall-kreditu bankarju għadu limitat, speċjalment għall-SMEs. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-UE f'dan il-qasam: il-ħolqien tal-Unjoni Bankarja, l-inizjativa ta' finanzjament għall-SMEs, ir-regolament dwar ir-rekwiżit ta' kapital, il-MiFID, id-direttiva dwar it-trasparenza riveduta, u l-miżuri li jsaħħu s-suq pan-Ewropew tal-kapital ta' riskju. |
4.3.2 |
Sabiex tittejjeb il-kapaċità ta' self tal-banek, l-UE għandha tilħaq bilanċ tajjeb bejn iż-żieda fl-istabbiltà finanzjarja u l-appoġġ għall-ħtieġa tal-kumpaniji għall-finanzi. Barra minn hekk, il-miżuri regolatorji mmirati lejn is-settur finanzjarju m'għandhomx jimpedixxu s-self privat. |
4.3.3 |
L-SMEs fl-UE huma aktar dipendenti fuq il-finanzjament bankarju minn postijiet oħra. L-isforzi kemm fuq livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali għandhom ikabbru d-diversifikazzjoni tal-finanzjament korporattiv għal sorsi oħra, bħal fondi ta' ekwità, kapital ta' riskju u l-garanziji korporattivi, kif ukoll metodi ta' finanzjament ibrida. Irid jiġi żviluppat pjan b'approċċ lejn il-finanzjament li jqis iċ-ċiklu tal-ħajja, u jiġu identifikati strumenti innovattivi. |
4.4 Enerġija
4.4.1 |
Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza tal-prezzijiet tal-enerġija għall-kompetittività industrijali. Il-prezzijiet tal-enerġija Ewropej għall-industrija huma ħafna ogħla minn dawk tal-kompetituri ewlenin tagħha: il-prezzijiet tal-elettriku huma darbtejn ogħla minn dawk fl-Istati Uniti u r-Russja u 20 % ogħla milli fiċ-Ċina. Il-prezzijiet tal-gass huma tlieta jew erba' darbiet dawk fl-Istati Uniti, ir-Russja u l-Indja u 12 % ogħla milli fiċ-Ċina. |
4.4.2 |
Id-distakk fil-prezz tal-enerġija bejn l-UE u l-kompetituri tagħha jirriżulta parzjalment minn fatturi li ma jistgħux jiġu mibdula minn azzjoni ta' politika fl-UE. Madankollu, għandha tittieħed kull miżura raġonevoli biex inċekknu d-distakk, b'mod partikolari bil-ħsieb li nerġgħu nistabbilixxu s-setturi u l-impjiegi ta' produzzjoni intensivi fl-enerġija fl-Ewropa. L-industriji tal-UE s'issa rnexxielhom jikkumpensaw parzjalment għaż-żidiet fl-ispejjeż tal-enerġija billi tejbu l-effiċjenza, iżda l-potenzjal għal dan qed jonqos. |
4.4.3 |
Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija hija kruċjali għall-industriji kollha. Fil-preżent qed niġu mfakkra b'mod serju dwar il-ħtieġa li nnaqqsu d-dipendenza fuq l-enerġija minn sorsi mhux stabbli u mhux ta' min niddependu fuqhom. Taħlita ta' enerġija diversifikata, kif ġie deċiż mill-Istati Membri li qed jaġixxu f'kooperazzjoni u b'konformità mal-impenji ambjentali, hija kwistjoni ta' interess komuni qawwi għall-UE. |
4.4.4 |
Xi miżuri ta' politika tal-enerġija, b'mod partikolari biex jiżdied l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, kellhom l-għan addizzjonali li joħolqu impjiegi ġodda. Skont l-informazzjoni disponibbli s'issa, dan ma jidhirx li mmaterjalizza: studji eżistenti prinċipalment juru li kien hemm impatt żgħir pożittiv jew newtrali fuq l-impjiegi, filwaqt li l-istrutturi tax-xogħol qegħdin jinbidlu drastikament. |
4.5 Materja prima u effiċjenza fir-riżorsi
4.5.1 |
Il-KESE jappoġġja l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-diplomazija tal-materja prima u l-pjani tagħha sabiex telimina d-distorsjonijiet tal-prezzijiet fuq il-kontributi għall-industrija. |
4.5.2 |
L-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tal-materja prima fi ħdan l-UE għandhom jiżdiedu u għandu jiġi armonizzat ir-regolament rilevanti. Fir-rigward tal-inizjattivi leġislattivi dwar l-effiċjenza tar-riżorsi u l-iskart, dawn għandhom jitfasslu bir-reqqa sabiex jinkisbu l-aqwa riżultati filwaqt li jiġu evitati piżijiet ta' spejjeż mhux meħtieġa (fi żmien qasir) għall-kumpaniji. In-newtralità politika fl-aċċess għall-bijomassa hija meħtieġa għall-applikazzjoni effiċjenti tal-prinċipju kaskata fl-użu tal-bijomassa. |
4.6 Titjib tal-ħiliet u faċilitazzjoni tal-bidla industrijali
4.6.1 |
Ħames miljun żagħżugħ jinsabu bla xogħol fl-Ewropa llum, filwaqt li għandna żewġ miljun post vakanti fis-suq tax-xogħol. In-nuqqas tat-tqabbil tal-ħiliet u l-kwistjonijiet ta' taħriġ qegħdin fil-quċċata tal-aġenda politika industrijali. |
4.6.2 |
Għandu jingħata spinta lin-numru u l-kwalità tal-gradwati fil-livelli kollha tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika u għandu jiġi mħeġġeġ bil-qawwa l-aċċess tan-nisa ta' kull età għal dawn is-setturi u l-professjonijiet. |
4.6.3 |
L-apprendistati u, pereżempju, is-sistemi ta' tagħlim doppju jikkontribwixxu b'mod ċar għall-profili tal-ħiliet marbuta mal-bżonnijiet reali tas-suq tax-xogħol. Jeħtieġ li jiġu esplorati l-aħjar prattiki mill-Istati Membri u l-imsieħba soċjali, u li jiġu applikati wkoll, inklużi l-mudelli effiċjenti għal apprendistati transkonfinali. |
4.6.4 |
L-UE, l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali jistgħu jġibu progress lill-industrija fir-rigward ta' teknoloġiji ġodda u innovazzjonijiet biss jekk dawn jistabbilixxu politiki mmirati biex itejbu l-għarfien tal-ħaddiema u jiġi żviluppat tagħlim tul il-ħajja bil-ħsieb li jiġu premjati għall-investiment tagħhom. Ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol huma essenzjali għall-involviment tal-ħaddiem. Djalogu soċjali msaħħaħ għandu jkollu rwol essenzjali fir-rinaxximent industrijali Ewropew. |
4.7 SMEs u intraprenditorija
4.7.1 |
Il-KESE jkompli jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-UE biex ittejjeb l-SMEs, inklużi l-għexieren ta' mudelli ta' negozju, sabiex twettaq il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”. L-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar irid jiġi mhux biss aġġornat iżda mġedded u estiż biex jindirizza l-ostakli li fadal għall-iżvilupp u t-tkabbir. Dawn ir-riformi għandhom ikunu marbuta mas-Semestru Ewropew. |
4.7.2 |
Il-mistoqsija profonda u wiesgħa li tiswa “biljun euro” hija, fil-fatt, kif se nibdlu l-mentalità Ewropea u niggwidawha biex nagħtu valur lill-intraprenditorija u t-teħid tar-riskji. |
4.7.3 |
Fil-fehma tal-KESE, jeħtieġ li l-miżuri biex jitnaqqsu l-ispejjeż regolatorji u amministrattivi, b'mod partikolari l-programm REFIT, kif ukoll biex jiġu eliminati ostakli għat-tkabbir tan-negozji ma jittiħdux bi ħsara għar-regolamenti li jipproteġu l-konsumatur, l-ambjent, is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kif ukoll l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tagħhom, u għandhom jirrispettaw ukoll il-ftehimiet konklużi fil-qafas tad-djalogu soċjali. |
4.7.4 |
In-netwerks u r-raggruppamenti ta' kooperazzjoni jistgħu joffru l-mezzi għall-SMEs biex jikbru, kif uriet il-Kummissjoni. L-approċċ għandu jkopri s-setturi kollha, id-daqsijiet kollha ta' negozji, u madwar l-Ewropa kollha kif ukoll il-ktajjen ta' valur internazzjonali. |
4.8 L-internazzjonalizzazzjoni tal-kumpaniji tal-UE
4.8.1 |
Il-KESE jappoġġja l-azzjoni tal-Kummissjoni biex tiżgura aċċess għas-swieq internazzjonali ewlenin għall-kumpaniji tal-UE. Għandu jkun hemm b'mod konsistenti aġenda ambizzjuża tal-FTA u negozjati oħra ta' kummerċ, fi spirtu ta' reċiproċità, b'mod partikolari mal-akbar imsieħeb kummerċjali tal-UE, l-Istati Uniti, u bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Mediterran tan-Nofsinhar u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant. |
4.8.2 |
Għandhom jintużaw strumenti bilaterali u multilaterali biex jiġi żgurat li l-imsieħba kummerċjali ewlenin tal-UE jinfurzaw l-impenji internazzjonali tagħhom. |
4.8.3 |
L-istandards industrijali f'reġjuni ekonomiċi differenti jvarjaw ħafna, u joħolqu ostakli għall-kummerċ u b'mod aktar ġenerali jimpedixxu li jkun hemm kundizzjonijiet ugwali. Bil-kundizzjoni li jiġu rispettati l-esiġenzi essenzjali tas-saħħa, is-sigurtà, il-ħarsien tal-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur previsti fl-Artikolu 114 tat-TFUE, il-KESE jappoġġja l-promozzjoni ta' standards internazzjonali u kooperazzjoni regolatorja, kif ukoll l-azzjoni, inkluża s-sorveljanza tas-suq, biex jiġi żgurat li l-kumpaniji tal-UE jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet ta' proprjetà industrijali tagħhom. Il-komunikazzjoni setgħet kienet aktar konkreta dwar il-miżuri f'dan ir-rigward. |
Brussels, 29 ta' April 2014.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) ĠU C 327, 12.11.2013, p. 33, ĠU C 327, 12.11.2013, p. 1, ĠU C 181, 21.6.2012, p. 125.
(2) ĠU C 198, 10.7.2013, p. 45, ĠU C 299, 4.10.2012, p. 54, ĠU C 327, 12.11.2013, p. 82.
APPENDIĊI
Għall- Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
L-emenda li ġejja, li ġabret mill-inqas kwart tal-voti mixħuta, ġiet irrifjutata matul id-dibattitu (Artikolu 39(2) tar-Regoli ta’ Proċedura):
Punt 3.5
Ibdel it-test kif ġej:
“3.5 |
Fil-fehma tal-KESE, l-ekonomija kompetittiva ekoloġika u inklużiva ser tkun l-isfida prinċipali fis-snin li ġejjin. Approċċ aktar ekoloġiku mill-industriji Ewropej huwa meħtieġ bħala prijorità sabiex ikun hemm tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u ekonomija li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti sal-2050 permezz ta' politika industrijali mġedda. Madankollu, dak li teħtieġ l-Ewropa biex tikseb dan huwa pass lejn setturi industrijali u tas-servizzi bbażati aktar fuq l-għarfien u t-teknoloġija, li għandhom valur miżjud ogħla, u li huma innovattivi, kompetittivi u sostenibbli u, jekk l-għan tal-Ewropa huwa li tiggarantixxi t-tkabbir industrijali u l-ħolqien tal-impjiegi, dawn għandhom ikunu ffinanzjati minn pjan ambizzjuż ta' investiment. Dawn l-objettivi ambizzjużi jeħtieġu iktar u iktar kundizzjonijiet ta' qafas effettivi għal investimenti. ” |
Raġuni
1) |
Jekk l-ekonomija ma tkunx kompetittiva mhux ser tkun sostenibbli b'mod ambjentali jew b, mod ieħor. Sabiex l-ekonomija tiġġenera biżżejjed riżorsi biex issostni soċjetà prosperuża, inklużiva u ekoloġika, din teħtieġ li tkun kompetittiva globalment. |
2) |
Bidla fl-istil. |
3) |
It-tranżizzjoni tas-setturi produttivi tagħna lejn oqsma ta' valur aktar miżjud, eċċ., hija importanti mhux biss għal bidla aktar ekoloġika imma meħtieġa għas-salvagwardja ta' futur prosperuż għall-Ewropa anki fir-rigward ta' affarijiet oħra. |
4) |
Il-politika industrijali mhijiex, u m'għandhiex tkun, dwar pjani ta' investiment pubbliku. Minkflok, għandha tkun sett ta' miżuri li joħolqu ambjent ta' negozju li jattira l-investimenti privati fuq termini tas-suq. L-esperjenza, mhux l-inqas minn pajjiżi stess fis-sebgħajnijiet, turi li skemi kbar ta' investiment pubbliku u dawk fejn jintgħażel ir-rebbieħ (“pick-the-winner” schemes) għall-industrija għandhom tendenza jkunu għaljin għal min iħallas it-taxxa, mingħajr l-ebda benefiċċji fit-tul. |
Votazzjoni
Favur |
: |
41 |
Kontra |
: |
81 |
Astensjonijiet |
: |
11 |