16.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 226/54


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Shift2Rail”

COM(2013) 922 final – 2013/0445 (NLE)

2014/C 226/10

Relatur ġenerali: is-Sur Mendoza Castro

Nhar il-11 ta' Frar 2014, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità mal-Artikoli 187 u 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Shift2Rail

COM(2013) 922 final – 2013/0445 (NLE).

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-497 sessjoni plenarja tiegħu tal-25 u s-26 ta' Marzu 2014 (seduta tal-25 ta' Marzu) li jaħtar lis-Sur Mendoza Castro bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b'177 vot favur, l-ebda vot kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva S2R, li hija kontribut importanti għall-industrija ferrovjarja Ewropea.

1.2

Il-KESE jenfasizza l-importanza potenzjali tal-S2R għall-impjieg, peress li fis-sistema ferrovjarja kollha jaħdmu mat-tliet miljun ruħ.

1.3

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-UE għal perjodu fit-tul l-industrija ferrovjarja għandha bżonn twettaq bidla li ma tkunx biss teknika iżda wkoll kulturali.

1.4

Il-baġit totali previst għall-S2R huwa ta' EUR 920 miljun, li huwa inqas mill-investiment meħtieġ, stmat għal EUR 1,4 biljun. Dan ser jeħtieġ li tiġi prijoritizzata r-riċerka.

1.5

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-S2R sabiex l-industrija ferrovjarja Ewropea tikkompeti f'suq globali ta' EUR 146 biljun fis-sena.

1.6

L-impriżi Ewropej Kumpaniji Ewropej jitilfu l-kontroll kontra l-kompetituri Asjatiċi tagħhom, li qegħdin jinvestu ħafna fir-riċerka u l-iżvilupp. Kull darba, is-suq globali qiegħed jippreżenta aktar sfidi minħabba li qegħdin jiżdiedu l-parteċipanti fil-prodotti u s-setturi kollha.

1.7

Is-sistema ta' sinjalar ERTMS hija eżempju ta' kif ir-rieda għall-kooperazzjoni għandha teċċedi l-interess nazzjonali.

1.8

Skont il-KESE, ir-riċerka għandha tagħti prijorità lill-azzjonijiet relatati mas-sigurtà tal-persuni, l- effiċjenza ekonomika u l-informazzjoni lill-utenti tal-ferroviji.

1.9

Il-ħames programmi ta' riċerka (IP) tal-S2R ikopru l-oqsma u l-għanijiet ewlenin ta' livell għoli.

1.10

Il-KESE jqis utli li jiġi definit min hu sid il-prodotti li joħorġu mir-riċerka. Il-kwistjoni relatata mal-proprjetà intellettwali u l-brevetti hija ċentrali, iżda l-proposta tal-Kummissjoni ma tindirizzax dawn l-aspetti.

1.11

L-industrijalizzazzjoni tal-prodotti li jirriżultaw minn riċerka ffinanzjata mill-Unjoni għandha titwettaq f'territorju Ewropew.

1.12

B'differenza għal dak li tistabbilixxi l-proposta tal-Kummissjoni, l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għandha tkun l-unika entità responsabbli mid-definizzjonijiet tekniċi dwar l-interoperabbiltà.

2.   Sfond u kontenut tal-Proposta għal Regolament

2.1

Il-White Paper dwar il-politika tat-trasport (1) u r-raba' pakkett ferrovjarju (2) jistabbilixxu l-kuntest ta' suq intern kbir tal-ferroviji (3).

2.2

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Orizzont 2020 hu li tissaħħaħ l-industrija Ewropea permezz ta' azzjonijiet li jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni f'firxa ta' setturi industrijali ewlenin.

2.3

L-Impriża Konġunta Shift2Rail (S2R) ser ikollha l-istatut ta' “korp tal-Unjoni” (Artikolu 187 tat-TFUE, Artikolu 209 tar-Regolament Finanzjarju).

2.4

Barra minn hekk, l-S2R hija meħtieġa sabiex jiġu indirizzati problemi serji attwali: il-frammentazzjoni tal-isforzi minn diversi regoli u sforzi nazzjonali toħloq ostakli li jimpedixxu milli l-prodotti industrijali komuni jintużaw fis-settur ferrovjarju u jipprevjenu l-awtorizzazzjonijiet trasversali għall-prodotti ferrovjarji, it-tnaqqis sfurzat fl-isforzi tar-riċerka f'kumpaniji ferrovjarji mexxejja, l-investiment baxx mis-settur privat u pubbliku u ż-żieda fir-riskji finanzjarji.

2.5

L-għanijiet tal-S2R huma:

li tiġi appoġġjata l-Istrateġija Teknika Ferrovjarja, li l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea ppubblikat fi Frar 2014;

li jsir tnaqqis ġenerali sa 50 % tal-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja;

li jkun hemm żieda ta' 100 % fil-kapaċità tas-sistema tat-trasport ferrovjarju;

li l-affidabbiltà u l-puntwalità tas-servizzi tittejjeb b'50 %;

li tittejjeb l-interoperabbiltà; u

li jitnaqqsu l-fatturi negattivi, bħall-istorbju.

2.5.1

Għandu jiġi stabbilit proċess ta' validazzjoni sabiex b'mod kwantitattiv jiġi mmonitorjat kif ir-riżultati futuri tal-S2R ser jikkontribwixxu b'mod konkret għall-ksib ta' dawn l-għanijiet ta' livell għoli. L-inġinerija ta' kwalità u l-ġestjoni tar-rekwiżiti huma approċċi ta' livell għoli li jippermettu superviżjoni minima tal-progress relatat mal-għanijiet u, għalhekk, dawn l-approċċi għandhom jiġu inklużi fl-S2R b'mod professjonali.

2.6

L-S2R ser tiffoka l-attività tagħha fuq erba' modi tas-sistema ferrovjarja:

Trasport interoperabbli b'veloċità għolja tal-passiġġieri.

Trasport interoperabbli reġjonali tal-passiġġieri.

Trasport urban/suburban mhux interoperabbli tal-passiġġieri.

Trasport interoperabbli tal-merkanzija.

2.7

Il-finanzjament ser ikun ipprovdut mill-Unjoni, li ser tagħti kontribut massimu ta' EUR 450 miljun u mill-membri l-oħra, li għandhom jipprovdu mill-inqas EUR 470 miljun.

2.8

Dan għandu jdum sal-31 ta' Diċembru 2024.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   L-importanza tal-S2R.

Il-KESE jappoġġja b'mod entużjast l-inizjattiva S2R, peress li din hija kontribut prinċipali għall-industrija Ewropea f'settur strateġiku bħall-ferroviji. Barra minn hekk, il-KESE jilqa' l-integrazzjoni b'saħħitha tal-impriżi ferrovjarji fl-abbozz.

3.2   Impjieg

Il-KESE jenfasizza b'mod partikolari l-importanza tal-S2R għall-impjieg. Fl-Ewropa huwa stmat li madwar 4 00  000 persuna hija impjegata direttament jew indirettament mill-fornituri tas-settur. Barra minn hekk, aktar minn 1 3 50  000 persuna jaħdmu għall-amministraturi tal-infrastruttura Ewropej u għall-kumpaniji li joperaw il-ferroviji. L-impjieg fis-settur tal-ferroviji urbana probabbilment huwa sinifikanti bl-istess mod u n-numru totali ta' impjiegi fis-settur jitla' għal madwar tliet miljuni.

3.3   Sfida kbira għall-industrija ferrovjarja Ewropea

Il-Kumitat jinnota li sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-UE għal perjodu fit-tul hemm bżonn ta' bidla profonda li ma tkunx biss teknika iżda wkoll kulturali. Minbarra l-istabbiliment ta' standards u miżuri ta' armonizzazzjoni, l-UE għandha tippromovi qafas transnazzjonali konġunt ta' ħidma.

3.4   Finanzjament

Il-Kumitat japprezza l-infiq involut fl-S2R. Madankollu, il-baġit totali previst – EUR 920 miljun – għandu jiġi estiż permezz ta' fondi addizzjonali peress li l-S2R teħtieġ investiment totali li huwa stmat għal EUR 1,4 biljun. Jekk dan ma jseħħx, ikun jeħtieġ li tiġi stabbilita ordni ta' prijorità fl-attivitajiet differenti tal-S2R.

3.5   Attivitajiet addizzjonali

Il-baġit totali jinkludi previżjoni ta' EUR 120 miljun għall-kontributi għal “attivitajiet addizzjonali”. Dawn huma attivitajiet li l-membri tal-Impriża Konġunta ser iżidu mal-investiment tagħhom fir-R&Ż appoġġjat mill-fondi tal-UE. Dak l-ammont għalhekk mhux ser ikun iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.

3.6   Is-suq globali tal-industrija ferrovjarja

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-S2R sabiex tinżamm il-kompetittività tal-industrija Ewropea, li madankollu tipproduċi iktar mill-50 % tat-total globali tat-tagħmir u tas-servizzi ferrovjarji (fl-Ewropa, 80 %). Il-volum totali tas-suq huwa stmat għal EUR 146 biljun fis-sena, għalkemm il-parti “aċċessibbli” ta' dan is-suq tilħaq il-EUR 106 biljun fis-sena (4).

3.7   L-Ewropa qed titlef postha

Huwa fatt magħruf tajjeb li l-pajjiżi Ażjatiċi qegħdin jinvestu sostanzjalment fir-R&Ż għall-industriji ferrovjarji nazzjonali tagħhom. Il-kumpaniji Ewropej jinsabu taħt pressjoni kbira mill-kompetituri Ażjatiċi tagħhom. Is-suq globali qed ikun dejjem aktar ta' sfida għall-industrija ferrovjarja Ewropea peress li hemm dejjem aktar u aktar parteċipanti fil-prodotti u s-setturi kollha. Filwaqt li huwa tassew diffiċli biex ikun hemm kompetizzjoni mal-kumpaniji Ażjatiċi fil-prezzijiet, l-industrija ferrovjarja Ewropea għadha taqdi rwol importanti fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni.

3.8   Ir-rwol tal-SMEs

3.8.1

Sabiex ikun hemm l-innovazzjoni fis-suq ferrovjarju, il-prodotti jridu jkunu industrijalizzati, għalhekk hemm il-bżonn tal-mexxejja dinjija/ġganti industrijali li jikkummerċjalizzaw is-soluzzjoni innovattiva żviluppata fl-S2R.

3.8.2

Madankollu, il-KESE japprezza li l-SMEs ser jaqdu wkoll rwol importanti fl-S2R permezz ta' tliet modi possibbli:

billi jiffurmaw clusters u japplikaw għal pożizzjoni ta' membru assoċjat, waqt li jikkommettu 2,5 % tal-valur ta' Programm ta' Innovazzjoni (iffinanzjat bis-47,6 %);

billi jiftħu sejħiet għal proposti (EUR 135 miljun disponibbli għal dan u ffinanzjati 100 %);

billi jsiru sottokuntratturi ta' wieħed mill-membri tal-Impriżi Konġunti (membri fundaturi jew membri assoċjati). Dawn l-attivitajiet ser ikollhom ukoll rata ta' finanzjament ta' 100 %.

3.9   L-eżempju tal-ERTMS

Is-sistema ta' sinjalar ERTMS – li ġiet stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea – turi li r-rieda għall-kooperazzjoni għandha teċċedi l-interess nazzjonali. L-ERTMS probabbilment hija l-akbar sfida sabiex jinkiseb is-suċċess tal-industrija ferrovjarja peress li saret l-aktar sistema użata fil-ferroviji mhux biss fl-Ewropa iżda wkoll f'ħafna pajjiżi tad-dinja, bil-potenzjal ta' interoperabilità sħiħa. Għalhekk jeħtieġ li jittieħdu sforzi b'saħħithom għar-riċerka biex jinkisbu l-għanijiet ta' interoperabilità sħiħa u biex tiżdied il-kapaċità kif ukoll titnaqqas l-ispiża tal-implimentazzjoni.

3.10   Fil-qosor, l-S2R hija pass fid-direzzjoni t-tajba

Għall-ewwel darba, il-kumpaniji prinċipali tal-industrija ferrovjarja Ewropea (li jikkompetu ma' xulxin) iddeċidew li jikkooperaw u jaħdmu fuq programm komuni ta' riċerka.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Riċerka u żvilupp (R&Ż)

4.1.1

Fuq l-istruttura tad-Direttiva dwar l-interoperabilità (5), il-programm propost tar-R&Ż jinkludi: materjal fuq ir-roti fuq il-ferroviji tal-merkanzija u l-passiġġieri, infrastruttura, sistema ta' kontroll remot u sinjalar.

4.1.2

Il-KESE jinnota li jkun utli li fil-programmi tingħata prijorità lill-azzjonijiet biex jiżdiedu s-sigurtà tan-nies u l-effiċjenza ekonomika tal-ferroviji. It-teknoloġiji ġodda għandhom itejbu wkoll l-informazzjoni għall-utenti tal-ferroviji.

4.2   Programmi ta' innovazzjoni

Il-Kumitat jinnota li l-S2R hija magħmula minn ħames programmi ta' innovazzjoni identifikati mill-esperti li jaħdmu taħt il-koordinazzjoni tal-UNIFE.

4.2.1   (IP1) Teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija u l-massa għall-ferroviji ta' kapaċità għolja

4.2.1.1

Huwa propost li tinħoloq ġenerazzjoni futura ta' ferroviji eħfef u aktar effiċjenti mil-lat ta' enerġija, b'inqas ħsara għall-binarji u inqas impatti ambjentali. It-teknoloġiji ġodda għandhom jinkludu: sistemi ta' trazzjoni (traction drives), sistemi ta' kontroll u sewqan (TCMS), chassis (car body shell) b'materjali eħfef, materjal fuq ir-roti (running gear), sistemi tal-brejkijiet u bibien.

4.2.1.2

L-għanijiet ta' livell għoli tal-IP1 huma:

li tiżdied il-kapaċità fiżika tal-vetturi u jiġi promoss it-tisħiħ tal-kapaċità tat-trasport tal-linji ferrovjarji;

li jitnaqqsu l-interruzzjonijiet fl-ivvjaġġar għall-passiġġieri billi jiżdiedu l-affidabbiltà u d-disponibbiltà tat-tħaddim tal-vetturi, jew billi jintużaw komponenti fundamentalment aktar affidabbli jew permezz ta' arkitetturi affidabbli ta' sistemi/sottosistemi;

li jitnaqqsu l-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja tal-vetturi (tnaqqis tal-manutenzjoni, konsum tal-enerġija, eċċ.) u ta' sottosistemi oħra li huma marbuta mal-vetturi (tnaqqis tal-ħsara fil-binarji, eċċ.);

li tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija u titnaqqas il-massa tal-vettura;

li tiżdied il-kapaċità li jkun hemm konnessjoni bejn l-unitajiet għal aktar flessibbiltà operattiva.

4.2.2   (IP2) Sistemi Avvanzati għall-Ġestjoni u l-Kontroll tat-Traffiku

4.2.2.1

Storikament, is-suq ferrovjarju uża soluzzjonijiet nazzjonali differenti għas-sinjalar ta' linji prinċipali. Fis-suq tas-sinjalar, hemm soluzzjonijiet differenti sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urbani (is-sistema ta' kontroll tal-ferroviji bbażata fuq il-komunikazzjoni (CBTC)) u l-S2R ser tinvestiga l-possibbiltà u l-kapaċità għal interoperabbiltà/standardizzazzjoni/integrazzjoni akbar fl-ERTMS għal dawn il-ħtiġijiet.

4.2.2.2

L-għanijiet ta' livell għoli tal-IP2 huma:

li tiġi żviluppata ġenerazzjoni ġdida ta' sistemi ta' sinjalar u kontroll sabiex ikun hemm ġestjoni intelliġenti tat-traffiku b'ferroviji misjuqa b'mod awtomatiku (mingħajr konduttur) u jiżdiedu l-kapaċità u l-affidabbiltà waqt li jitnaqqsu b'mod drastiku l-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja għall-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura;

li tinżamm id-dominanza tal-ERTMS bħala soluzzjoni għas-sinjalar tal-ferroviji u s-sistemi ta' kontroll fid-dinja kollha permezz ta' metodi professjonali ta' speċifikazzjonijiet formali u miftuħa sabiex tinkiseb l-interoperabbiltà sħiħa bi prezz raġonevoli;

li jiġu estiżi s-sinerġiji u l-interoperabbiltà mas-setturi ferrovjarji urbani u tat-trasport kollettiv;

li jitnaqqsu l-interruzzjonijiet fl-ivvjaġġar għall-passiġġieri billi jiżdiedu l-affidabbiltà operattiva u d-disponibbiltà tat-trasport ferrovjarju, jew billi jintużaw komponenti fundamentalment aktar affidabbli jew permezz ta' arkitetturi ta' sistemi/sottosistemi;

4.2.3   (IP3) Infrastruttura ta' Kapaċità Għolja u Kosteffiċjenti

4.2.3.1

Hemm erba' oqsma ta' riċerka:

Punti ġodda fejn il-linji tal-ferroviji jaqsmu ma' xulxin (Switches & Crossings – S&C): titjib tas-S&C eżistenti u kunċett ġdid għat-tibdil fid-direzzjoni tal-ferroviji (Mechatronic S&C) sabiex jonqsu l-istorbju, il-każijiet ta' dewmien minħabba nuqqasijiet f'tagħmir bħal dan u l-ispejjeż tal-manutenzjoni.

Binarji innovattivi b'mod radikali. Ottimizzazzjoni tan-netwerk kollu tal-binarji: tfassil ġdid tal-binarji kollha sabiex tiġi ottimizzata r-reazzjoni għat-traffiku u l-iżvilupp/l-implimentazzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda.

Manutenzjoni intelliġenti tal-infrastruttura: soluzzjonijiet ġodda għar-reġistri tal-assi ferrovjarji, għodda ta' kejl u monitoraġġ l-aktar reċenti, manutenzjoni skont l-użu minflok skont il-kundizzjoni (inġinerija tal-manutenzjoni) u manutenzjoni skont id-disinn ser jikkontribwixxu aktar sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż, tiżdied il-kapaċità u jitnaqqas l-istorbju.

Effiċjenza fl-użu tal-enerġija: integrazzjoni innovattiva tal-enerġija ta' rkupru, tagħmir għall-ħażna tal-enerġija fil-qiegħ tal-binarji, użu effiċjenti tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll l-interazzjoni intelliġenti mal-grilja tal-elettriku, ser ipoġġu lill-ferroviji fuq quddiem ta' din it-teknoloġija.

4.2.4   (IP4) Soluzzjonijiet tal-IT għal ferroviji attraenti u mingħajr interruzzjonijiet

4.2.4.1

Mhuwiex previst li tinħoloq pjattaforma komuni, iżda qafas ta' interoperabbiltà fejn dawk li jixtiequ jistgħu sempliċiment idaħħlu l-iżviluppi tagħhom abbażi ta' interfaċċji miftuħa, u b'hekk tiġi evitata d-dipendenza tas-sistema kollha tad-distribuzzjoni globali. B'dan il-mod, l-esperjenza tal-ivvjaġġar issir il-prodott. L-attivitajiet attwali ta' riċerka u żvilupp tal-industrija ferrovjarja għandhom jiġu inklużi fil-proġett.

4.2.5   (IP5) Teknoloġiji għal merkanzija Ewropea sostenibbli u attraenti

4.2.5.1

L-isfida ewlenija tal-IP5: li jiġi definit il-progress kollu mil-lat teknoloġiku u ta' proċess li huwa neċessarju għat-twettiq ta' waħda mill-għanijiet prinċipali mill-White Paper: 30 % tat-traffiku fi-triq imur lejn it-trasport ferrovjarju u l-passaġġi navigabbli sal-2030 u 50 % sal-2050. Il-KESE jirrakkomanda – bil-għan li fuq kollox jiġi aċċettat it-trasport tal-merkanzija bil-ferroviji – li tiġi integrata r-riċerka dwar il-protezzjoni kontra l-istorbju fl-IP5.

4.3   Sistemi ta' pjattaformi ta' demostrazzjoni (SPD)

4.3.1

Il-KESE jinnota li l-għan S2R mhuwiex biss li jinħolqu prototipi iżda prodotti totalment operattivi sabiex jintużaw fis-sistemi ferrovjarji. It-teknoloġiji u l-innovazzjonijiet il-ġodda żviluppati fi ħdan il-Programm tal-Innovazzjoni tal-S2R ser jiġu ppreżentati f'kundizzjonijiet reali jew simulati permezz tad-Demonstraturi Teknoloġiċi Integrati. Is-sistemi ta' pjattaformi ta' demostrazzjoni tal-S2R jipproponu li jiġu żviluppati u murija dawn it-teknoloġiji sabiex jaslu għal livell ta' maturità teknoloġika li huwa biżżejjed għal ġenerazzjoni ġdida ta' sistemi ferrovjarji.

4.3.2

Il-post fejn ser jiġu installati d-Demonstraturi Teknoloġiċi Integrati għadu ma ġiex definit peress li dan għandu jsir fi tmiem l-inizjattiva S2R. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni hija f'idejn il-membri futuri tal-Impriża Konġunta (membri fundaturi u membri assoċjati) u l-Kummissjoni Ewropea. Il-valutazzjoni virtwali jew fiżika tal-SPDs ser tiddependi l-iktar mid-definizzjoni u r-riżultati tad-Demonstraturi Teknoloġiċi Integrati.

4.4   Privattivi

4.4.1

Minħabba s-sistema ta' finanzjament multiplu u kompost stabbilita u l-volum sinifikanti ta' riżorsi Komunitarji impenjati, il-Kumitat jikkunsidra li jeħtieġ li jiġu definiti b'mod preċiż l-użu u l-allokazzjoni tal-prodotti finali tar-riċerka li ser jitnedew mix-Shift2Rail. Fid-dawl ta' dan il-kwistjoni tal-proprjetà intelletwali u l-privattivi hija ċentrali. Il-kontenut tagħhom u l-mod tagħhom kif jiffunzjonaw għandhom ikunu parti minn artikolu li jkun inkluż fit-test innifsu tar-Regolament. F'opinjonijiet li adotta dwar l-impriżi komuni “Mediċi innovattivi”, “Clean Sky”, “ENIAC” u “Ċelloli tal-Fjuwil”, il-KESE kien diġà indika dan in-nuqqas u r-riskji li jġib miegħu. Fl-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta (JTI) preżenti, dan in-nuqqas jista' jsir iżjed sensittiv milli diġà hu f'każ li l-prodott finali tar-riċerka jkun ta' interess għall-impriżi li jkunu direttament f'kompetizzjoni ma' xulxin fis-suq (Ara l-punt 3.10 ta' din l-Opinjoni).

4.4.2

Fi kwalunkwe każ, il-Kumitat isostni li jeħtieġ li jiġi żgurat li l-invenzjonijiet iffinanzjati minn fondi pubbliċi jservu l-interess pubbliku. Għal dan il-għan, għandhom jitqiesu b'mod partikolari l-mekkaniżmi li jippromovu qligħ fuq l-investiment tal-fondi tal-UE u għandu jiġi żgurat li l-industrijalizzazzjoni tar-riżultati tar-riċerka tal-impriża konġunta titwettaq fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

4.5   Ħolqien ta' standards ta' interoperabbiltà

4.5.1

L-istatuti tal-Impriża Komuni Shift2Rail (Anness 1, punt 2h) jipprevedu li l-impriża “[t]iġbor flimkien ir-rekwiżiti u [t]iddefinixxi l-istandards tal-interoperabbiltà biex [t]iggwida l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni lejn soluzzjonijiet operazzjonali u kummerċjalizzabbli”. Il-memorandum ta' spjegazzjoni (punt 3.3) tal-proposta għal Regolament jikkonferma dan.

4.5.2

Dan il-prinċipju għandu jiġi rrifjutat minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

it-tfassil tal-istandards m'għandux ikun f'idejn korpi kostitwiti bħal intrapriżi pubbliċi-privati u li l-qasam ta' azzjoni tagħhom huwa limitat ħafna. Ir-rekwiżit minimu għall-ispeċifikazzjonijiet jew l-istandards tekniċi għandu jkun li dawn jiġu stabbiliti f'kooperazzjoni mal-partijiet interessati kollha, jew bil-kunsens tagħhom jew billi jiġu infurmati. L-istatuti tax-Shift2Rail jikkontradixxu lil xulxin b'mod radikali;

id-Direttiva attwali dwar l-interoperabbiltà (Direttiva 2008/57/KE) diġà stabbilixxiet qafas legali fil-livell tal-UE li jirregola l-istabbiliment ta' speċifikazzjonijiet tekniċi ta' interoperabbiltà. Il-proġetti relatati mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta' interoperabbiltà ser jitħejjew mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea abbażi tal-verifika tas-sottosistemi f'kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet u l-imsieħba soċjali;

l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea ser tgawdi biss minn statut ta' osservatur (Artikolu 11 tal-Anness). F'xi każijiet, l-aġenzija ser tieħu ħsieb il-koordinazzjoni, għalkemm de facto ser ikunu l-Kummissjoni u t-tmien impriżi bħala membri fundaturi biss li jistgħu jiddeċiedu. Diffiċli li wieħed jifhem għalfejn qed issir duplikazzjoni tal-kompetenzi istituzzjonali fil-livell tal-UE.

4.5.3

B'konsegwenza, it-tfassil tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-interoperabbiltà jista' jsir biss mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea.

Brussell, 25 ta' Marzu 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti, COM(2011) 144 final.

(2)  Ir-Raba' Pakkett Ferrovjarju – Tlestija taż-żona ferrovjarja unika Ewropea biex jitrawmu l-kompetittività u tkabbir fl-Ewropa, COM(2013) 25 final.

(3)  ĠU C 327, 12.11.2013, p.122.

(4)  Roland Berger “World Rail Market Study, forecast 2012-2017”. (Studju dwar is-suq ferrovjarju globali, previżjonijiet għall-2012-2017).

(5)  ĠU L 191, 18.7.2008, p.1.