12.9.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 311/63 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi”
COM(2013) 812 final – 2013/0398 (COD)
2014/C 311/10
Relatur: is-Sur Šarmír
Nhar id-9 ta' Diċembru 2013 u nhar il-11 ta' Diċembru 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 42, 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi
COM(2013) 812 final – 2013/0398 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-1 ta' April 2014.
Matul l-498 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-29 u t-30 ta' April 2014 (seduta tat-30 ta' April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’154 vot favur, 4 voti kontra u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex il-politika ta' promozzjoni għall-prodotti agrikoli Ewropej issir iktar sempliċi u iktar effikaċi. |
1.2 |
Il-KESE jilqa' b'mod partikolari l-fatt li l-Kummissjoni tat l-għan lilha nnifisha li żżid b'mod sinifikanti l-baġit allokat sabiex jiġu appoġġjati l-azzjonijiet ta' promozzjoni u sabiex timplimenta strateġija ġenwina ta' promozzjoni. |
1.3 |
Il-KESE jirrikonoxxi l-bżonn li l-promozzjoni fil-pajjiżi terzi tiġi appoġġjata iktar, peress li dawn il-pajjiżi għandhom potenzjal kbir biex jieħdu dawn il-prodotti agroalimentari Ewropej u s'issa, anqas minn 30 % tal-baġit huwa destinat għal azzjonijiet ta' promozzjoni fir-rigward ta' dawn il-pajjiżi. Madankollu, għall-KESE, l-ambizzjoni li 75 % tal-baġit jiġu allokati għal azzjonijiet ta' promozzjoni fil-pajjiżi terzi tidher sproporzjonata meta jitqiesu l-isfidi reali tas-settur agroalimentari Ewropew. Distribuzzjoni adegwata tal-ammonti destinati għall-promozzjoni fl-Ewropa u fil-pajjiżi terzi pjuttost tkun ta' 50 %-50 %. |
1.4 |
Skont il-KESE, fis-suq tal-UE l-prodotti agrikoli Ewropej iridu jiffaċċjaw kompetizzjoni dejjem iktar ħarxa mill-prodotti importati Għal din ir-raġuni ser ikun hemm bżonn li jiżdiedu l-azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni għall-prodotti agrikoli Ewropej fi ħdan l-UE. Dan minħabba li l-maġġoranza kbira tal-konsumaturi Ewropej jinjoraw il-vantaġġi paragunabbli ta' dawn l-istess prodotti. |
1.5 |
F'każijiet definiti tajjeb u b'mod eċċezzjonali, il-KESE jirrakkomanda li jkun possibli li jiġu promossi l-prodotti agroalimentari ta' Stat Membru fit-territorju tiegħu stess. |
1.6 |
Huwa jirrakkomanda wkoll li l-prodotti tal-ikel li jintużaw fl-ipproċessar sekondarju (li mhumiex inklużi fl-Anness I tat-TFUE) jiġu inklużi b'mod espliċitu fl-Artikolu 5 bħala prodotti eliġibbli. Huwa jitlob ukoll li l-esklużjoni espliċita tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura titneħħa. |
1.7 |
Il-KESE jirrakkomanda li l-promozzjoni tal-inbid tkun tibbenefika mill-appoġġ Ewropew mhux biss jekk prodott tal-ikel ieħor ikun parti mill-programm ikkonċernat, imma wkoll meta dan il-programm ikun marbut ma' proġett ta' agrituriżmu. |
1.8 |
Il-KESE jirrakkomanda li l-appoġġ tal-UE għall-promozzjoni tal-ħalib maħsub speċifikament għat-tfal fl-iskejjel tal-Unjoni għandu jkopri 60 % tal-ispejjeż, bħalma huwa l-każ għall-frott u l-ħaxix. |
1.9 |
Il-KESE jitlob li l-Istati Membri jkomplu jintalbu jikkontribwixxu sa 30 % tal-ispejjeż tal-kampanji ta' promozzjoni. F'każ li dan ma jseħħx, ħafna kandidati potenzjali ma jkollhomx ir-riżorsi finanzjarji li jeħtieġu sabiex iwettqu programmi ta' promozzjoni. Il-KESE jisħaq fuq il-bżonn li l-organizzazzjonijiet professjonali fl-Istati Membri kollha jkollhom l-istess opportunitajiet li jibbenefikaw mill-appoġġ sabiex jippromovu l-prodott agroalimentari tagħhom. |
1.10 |
Il-KESE jirrakkomanda li l-applikazzjoni mressqa mill-organizzazzjonijiet biex jiksbu l-appoġġ mill-UE għandhom jintbagħtu lill-punti uniċi ta' kuntatt tal-Kummissjoni, u li l-informazzjoni li tikkonċerna kull applikazzjoni tintbagħat lill-Istat ta' oriġini tal-organizzazzjoni tal-applikant qabel ma l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni. |
1.11 |
Il-KESE jirrakkomanda li l-proċeduri amministrattivi marbuta mat-tħejjija u s-segwitu tal-programmi ta' promozzjoni jiġu ssemplifikati, partikolarment billi jitnaqqas in-numru ta' rapporti mitluba mill-Kummissjoni. Huwa partikolarment importanti li jitnaqqas il-piż amministrattiv. Hemm bżonn ta' livell ogħla ta' flessibbiltà sabiex il-programmi jkunu jistgħu jiġu adattati għall-kundizzjonijiet dejjem jinbidlu tas-suq matul il-fażi tal-implimentazzjoni. Sabiex jinkiseb dan l-għan, għandu jitnaqqas l-ammont ta' informazzjoni ddettaljata mitluba matul il-preżentazzjoni tal-programmi (1). |
2. Kummenti ġenerali
2.1 |
Il-politika għall-appoġġ tal-promozzjoni tal-prodotti agrikoli hija neċessarja sabiex jiġi żgurat it-tkabbir tal-agrikoltura Ewropea. Fil-fatt, l-operaturi tas-settur agroalimentari jridu jiffaċċjaw kompetizzjoni dejjem aktar diffiċli biex jistabbilixxu ruħhom fis-suq Ewropew u globali. |
2.2 |
Ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 ppermetta li jitwettqu attivitajiet ta' promozzjoni appoġġjati mill-Unjoni Ewropea. Il-mekkaniżmi tiegħu wrew li kienu aktar adatti għall-isfidi tal-ekonomija globalizzata milli s-sistema preċedenti stabbilita mir-Regolamenti (KE) Nru 2702/1999 u 2826/2000. Il-kampanji ta' promozzjoni mwettqa skont ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 ppromovew il-kwalità, il-valur nutrijenti u s-sigurtà tal-prodotti agroalimentari tal-Unjoni Ewropea, u ġibdu wkoll l-attenzjoni lejn karatteristiċi u vantaġġi oħra li kienu speċifiċi għal dawn il-prodotti, bħall-metodi ta' produzzjoni, it-tikkettar, il-benessri tal-annimali u r-rispett tal-ambjent. L-attivitajiet ta' promozzjoni setgħu jsiru bħala kampanji ta' riklamar, promozzjoni fil-post tal-bejgħ, kampanji ta' relazzjoni pubblika, parteċipazzjoni f'wirjiet u fieri, eċċ. Bejn l-2000 u l-2012, l-UE kkofinanzjat 552 programm ta' promozzjoni. |
2.3 |
Madankollu, l-esperjenza relatata mas-sistema ta' appoġġ għall-promozzjoni tal-prodotti agrikoli prevista fir-Regolament (KE) Nru 3/2008 diġà wriet il-limiti tar-Regolament, peress li f'kuntest milqut mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, huwa partikolarment kruċjali li jintużaw aktar riżorsi u li l-azzjonijiet ta' promozzjoni jkunu mmirati aħjar. |
2.4 |
Din il-proposta kienet preċeduta mill-Green Paper dwar il-miżuri ta' promozzjoni u ta' informazzjoni għall-prodotti agrikoli: strateġija Ewropea b'valur miżjud għoli għall-promozzjoni tal-palat tal-prodotti tal-Ewropa (COM(2011) 436 final) u mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-promozzjoni u l-informazzjoni għall-prodotti agrikoli: strateġija Ewropea b'valur miżjud għoli għall-promozzjoni tat-togħmiet tal-Ewropa (COM(2012) 148 final). Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta l-fehmiet tiegħu dwar dawn iż-żewġ dokumenti (2). Huwa jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni, fil-biċċa l-kbira, qieset il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet taż-żewġ opinjonijiet tal-KESE, b'mod partikolari fir-rigward taż-żieda fil-baġit u s-semplifikazzjoni tal-proċedura amministrattiva. |
2.5 |
Għan ieħor tal-proposta huwa l-implimentazzjoni ta' strateġija Ewropea ta' promozzjoni, li għandha tippermetti li l-azzjonijiet jiġu mmirati aħjar. Din l-istrateġija għandha twassal sabiex jiżdiedu n-numru ta' programmi mmirati għall-pajjiżi terzi, kif ukoll il-programmi “multi” (imressqa mill-organizzazzjonijiet ta' diversi Stati Membri) u sabiex jiġi rimedjat il-fatt li ħafna konsumaturi fis-suq intern mhumiex konxji tal-merti tal-prodotti agrikoli Ewropej. Fil-fatt, bejn l-2010 u l-2011, ftit inqas minn 30 % tal-baġit immarkat għall-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni ntefqu fuq miżuri mmirati għas-swieq tal-pajjiżi terzi, minkejja li dawn is-swieq joffru potenzjal importanti ta' tkabbir. Barra minn hekk, 14 % biss tal-Ewropej jagħrfu l-logos tal-prodotti li jibbenefikaw minn Denominazzjoni Protetta ta' Oriġini (DPO) jew minn Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP). |
2.6 |
Skont il-proposta ser ikun hemm żieda sostanzjali fl-ammont totali minfuq fuq l-appoġġ u l-proġetti ser jiġu vvalutati biss fil-livell tal-Kummissjoni, mingħajr valutazzjoni minn qabel fil-livell tal-Istat Membru. |
2.7 |
Innovazzjonijiet prinċipali oħrajn introdotti mill-proposta jikkonċernaw il-possibbiltà, bl-għajnuna ta' linji gwida, li jissemmew l-oriġini u l-marki tal-prodotti, l-inklużjoni tal-organizzazzjonijiet ta' prodotturi fost il-benefiċjarji u numru ogħli ta' prodotti eliġibli. |
3. Kummenti speċifiċi
3.1 L-istrateġija l-ġdida ta' promozzjoni
3.1.1 |
Wieħed mill-għanijiet ovvji tal-istrateġija futura ta' promozzjoni huwa li jiġu appoġġjati aktar l-azzjonijiet fil-pajjiżi terzi. Dan l-għan huwa bla dubju importanti peress li dawn is-swieq il-ġodda b'potenzjal kbir għat-tkabbir għandhom il-kapaċità li jassorbu proporzjon tajjeb tal-produzzjoni Ewropea, dment li l-konsumaturi jkunu konvinti bil-merti speċifiċi tal-prodotti agroalimentari Ewropej. Madankollu, din il-prijorità strateġika m'għandhiex titwettaq a skapitu tal-isforzi ta' promozzjoni fis-suq intern, fejn il-prodotti agroalimentari Ewropej iridu wkoll jiffaċċjaw kompetizzjoni dejjem aktar ħarxa minn prodotti importati. B'riżultat ta' dan, il-KESE jqis li l-ambizzjoni li 75 % tal-infiq stmat jiġu kkonsakrati għall-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli tal-UE fil-pajjiżi terzi (premessa 8) hija sproporzjonata u eċċessiva meta mqabbla mal-isfidi reali tal-agrikoltura Ewropea. Għan aktar ibbilanċjat jista' jkun li jiġu allokati 50 % tal-infiq. |
3.1.2 |
Il-prezzijiet tal-prodotti importati ta' spiss ikunu orħos minn dawk tal-prodotti Ewropej, mhux biss minħabba spejjeż soċjoekonomiċi orħos iżda wkoll minħabba standards ta' produzzjoni inqas stretti fir-rigward tas-sigurtà u t-traċċabbiltà tal-ikel u s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Min-naħa l-oħra, bħalma jidher fil-proposta, il-maġġoranza tal-konsumaturi fl-Istati Membri mhumiex konxji tal-“kwalità integrali” (3) tal-prodotti agroalimentari Ewropej. Għalhekk, għandhu jkun hemm l-istess ammont ta' sforz għall-promozzjoni tal-prodotti Ewropej kemm fis-suq intern kif ukoll fis-suq tal-pajjiżi terzi. Dan huwa dejjem aktar neċessarju minħabba li l-maġġoranza tal-Ewropej, għall-kontra tal-maġġoranza tal-persuni li jgħixu f'pajjiżi terzi, għandhom il-mezzi biex iħallsu għall-benefiċċji speċifiċi ta' dawn il-prodotti, li huma jkomplu jixtru sakemm jibqgħu konvinti minn dawn il-benefiċċji. Inevitabbilment, minħabba l-globalizzazzjoni u l-effetti tal-kriżi fuq maġġoranza tal-popolazzjoni Ewropea, l-UE ser tkompli timtela bi prodotti rħas minn pajjiżi terzi. |
3.1.3 |
Ir-regoli ġenerali tal-UE jipprojbixxu li jiġu promossi l-prodotti ta' Stat Membru wieħed, peress li promozzjoni bħal din tista' titqies bħala protezzjonista. Dan jidher loġiku, billi s-suq komuni għandu jkun ħieles mill-ostakoli. Minkejja dan, jidher li f'xi każijiet speċifiċi, din ir-regola għandha tinkludi xi eċċezzjonijiet. Dan jgħodd b'mod partikolari meta ċerti għanijiet tal-integrazzjoni Ewropea jiġu kompromessi, kif inhu l-każ għall-għan ta' żvilupp reġjonali bbilanċjat. Fil-fatt, il-forzi tas-suq waħedhom xi kultant iwasslu għas-sostituzzjoni tal-produzzjoni domestika ta' Stat Membru minn prodotti importati minn Stat Membru ieħor. L-iżvilupp tal-agrikoltura f'pajjiż għalhekk jinkiseb għad-detriment tal-agrikoltura ta' pajjiż ieħor. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jaħseb li jkun iġġustifikat li tiġi awtorizzata, jew saħansitra appoġġjata, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, abbażi ta' każ b'każ u skont kriterji definiti sew, il-promozzjoni ta' prodotti agrikoli ta' Stat Membru fis-suq tiegħu stess. |
3.1.4 |
Fost il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea hemm żvilupp territorjali u soċjali bbilanċjat kif ukoll is-sigurtà tal-provvista tal-ikel. Madankollu, l-iżvilupp għadu 'l bogħod milli jkun ibbilanċjat u s-sitwazzjoni mhix titjieb. Min-naħa l-oħra, f'diversi Stati Membri, ir-rata tas-sigurtà tal-provvista qed tinżel taħt limiti preokkupanti ħafna: fl-Islovakkja, pereżempju, ir-rata tal-awtosuffiċjenza hija biss ta' 47 %. Agrikoltura effikaċji hija bla dubju l-kundizzjoni prinċipali sabiex jintlaħqu ż-żewġ għanijiet imsemmija hawn fuq, u l-agrikoltura ma tistax tiffunzjona tajjeb jekk ma jkollhiex biżżejjed ftuħ. It-tinqis tal-agrikoltura f'ċerti Stati Membri huwa direttament marbut ma' dak tal-bejgħ tal-prodotti agroalimentari domestiċi fis-suq intern tal-pajjiż. Ir-raġunijiet għal dan huma kumplessi, iżda d-diversi modi sabiex jissaħħaħ is-settur tal-agrikoltura jinkludu kampanji ta' informazzjoni indirizzati għall-konsumaturi tal-pajjiż u li jfaħħru l-kwalitajiet tal-prodotti lokali. |
3.1.5 |
. Fil-fatt, skont indikazzjoni affidabbli, it-tnaqqis fix-xiri ta' prodotti lokali f'xi Stati Membri mhux dejjem jirriżulta minn rabta aħjar tal-kwalità u l-prezz tal-prodotti importanti. Dan jista' jkun marbut ma' fatturi oħra. Per eżempju, fil-pajjiżi li qabel kienu komunisti tal-Ewropa Ċentrali, il-bejjiegħa bl-imnut fuq skala kbira huma kumpaniji kummerċjali mill-Ewropa tal-Punent, li naturalment għandhom rabtiet mill-qrib mal-fornituri tal-pajjiżi fejn qabel kienu installati jew fejn ta' spiss jinsabu ċ-ċentri tagħhom ta' xiri għall-pajjiżi l-ġodda. |
3.2 Prodotti eliġibbli
3.2.1 |
Il-premessa 6 tal-preambolu kif ukoll id-dokumenti uffiċjali ta' informazzjoni ppubblikati mill-Kummissjoni jindikaw li l-iskema tal-promozzjoni issa ser tkun miftuħa għall-prodotti agroalimentari kollha li mhumiex fl-Anness I tat-TFUE (prodotti agrikoli li jerġgħu jiġu proċessati) eliġibbli għas-sistemi Ewropej ta' kwalità, bħaċ-ċikkulata, il-ħelu, il-birra, eċċ. Dan jidher bħala wieħed mill-innovazzjonijiet ewlenin tal-iskema l-ġdida. Madankollu, l-Artikolu 5 tal-proposta, li huwa dwar il-prodotti u temi eliġibbli, ma jsemmix dan għaliex dan jiddefenixxi biss bħala prodotti eliġibbli l-prodotti tal-ikel u agrikoli li jinsabu elenkati fl-Anness I, flimkien mal-inbejjed u l-brandy. Dan huwa problematiku għaliex il-kontenut ta' dawn id-dispożizzjonijiet mhuwiex ċar. |
3.2.2 |
Fost il-prodotti eliġibbli, l-inbid huwa l-uniku wieħed li l-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni huma soġġetti għal kundizzjoni, jiġifieri li għandu jiġi promoss flimkien ma' prodott ieħor. Dan huwa spjegat mill-fatt li l-informazzjoni u l-promozzjoni relatati mal-inbejjed tal-Unjoni hija waħda mill-miżuri ewlenin tal-programmi ta' appoġġ għas-settur tal-inbid skont il-PAK fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-suq. Madankollu, il-prinċipju li l-inbid jiġi promoss flimkien ma' prodotti oħra tal-ikel huwa kompromess minħabba l-esklużjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jakkumpanjaw b'mod naturali ċerti nbejjed. Il-KESE jitlob li l-eċċezzjoni marbuta ma' dawn il-prodotti fl-Artikolu 5 titneħħa. |
3.2.3 |
Madankollu, l-inbejjed Ewropej huma ffaċċjati minn kompetizzjoni partikolarment iebsa mill-“inbejjed tan-New World”, li wasslet għal produzzjoni iktar baxxa fil-pajjiżi Ewropej u produzzjoni għolja f'pajjiżi bħaċ-Ċile, l-Arġentina, l-Afrika t'Isfel, l-Awstralja, l-Istati Uniti u saħansitra ċ-Ċina. Ir-raġunijiet għal dan huma kumplessi, iżda b'mod ġenerali, l-inbejjed importati għandhom prezz orħos, għandhom inqas vantaġġi supplimentari (ftit ħafna indikazzjonijiet ġeografiċi, l-ebda kontroll uffiċjali ta' kwalità, ħafna inqas inbid matur, żona ta' produzzjoni mnaqqsa ħafna, numru limitat ta' varjetajiet ta' għeneb, eċċ.) u huma promossi ħafna. Barra minn hekk, il-kapaċità tal-produtturi tal-pajjiżi terzi li jassiguraw kunsinni regolari fi kwantitajiet suffiċjenti, b'karatteristiċi organoleptiċi stabbli u prezzijiet raġonevoli tattira ħafna l-kumpaniji kbar bl-imnut, li jfittxu dawn it-tipi ta' fornituri. Għas-settur Ewropew tal-inbid, li huwa ħafna iktar divers, huwa diffiċli iktar li jirrispondi għal dawn l-esiġenzi. |
3.2.4 |
L-inbejjed Ewropej ta' kwalità għalhekk jeħtieġu aktar azzjonijiet ta' promozzjoni u informazzjoni sabiex il-konsumaturi potenzjali jkunu jafu bil-vantaġġi paragunabbli tagħhom. Jekk l-appoġġ għall-promozzjoni tal-inbejjed Ewropej irid ikun ikkundizzjonat mir-raġunijiet msemmija hawn fuq (punt 3.2.2), il-Kumitat jirrakkomanda li tiġi prevista għażla alternattiva għall-promozzjoni simultanja ta' prodott agrikolu ieħor. Din l-alternattiva għandha tippermetti li l-promozzjoni tal-inbejjed tintrabat ma' attivitajiet ta' agrituriżmu. Fil-fatt, f'diversi pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, dan it-tip ta' promozzjoni tal-inbejjed ħadem tajjeb. |
3.2.5 |
Fil-fatt, din ir-rabta mal-agroturiżmu, li hija ta' vantaġġ b'mod reċiproku, tista' tiġi estiża għall-prodotti kollha li ġejjin mill-agrikoltura jew mit-trobbija tal-bhejjem, kif ukoll mis-sajd u l-akkwakultura, bil-għan li jiġu massimizzati s-sinerġiji u tiġi promossa d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' dħul finanzjarju fiż-żoni rurali u kostali. |
3.3 Implimentazzjoni u ġestjoni ta’ programmi sempliċi
3.3.1 |
Skont is-sistema stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 3/2008, darbtejn fis-sena l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri kienu jagħżlu minn qabel il-kampanji li jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ tal-Unjoni. Imbagħad huma kienu jibagħtu l-proposti riċevuti lill-Kummissjoni Ewropea, li min-naħa tagħha kienet tagħmel l-għażla tagħha. Din il-proposta għandha l-għan li tissemplifika l-proċedura permezz ta' punt uniku għall-għażla tal-programmi; dan għandu jitwettaq mill-Kummissjoni darba fis-sena biss. Bla dubju dan iwassal għal semplifikazzjoni tal-proċedura amministrattiva. Madankollu, il-ġestjoni tal-programmi “sempliċi” (li jikkonċernaw Stat Membru wieħed biss) ser tkompli ssir b'mod konġunt mal-Istati Membri, wara li jintgħażlu mill-Kummissjoni. |
3.3.2 |
Il-KESE jirrakkomanda li l-applikazzjoni mressqa mill-organizzazzjonijiet biex jiksbu l-appoġġ mill-UE għandhom jintbagħtu lill-punti uniċi ta' kuntatt tal-Kummissjoni, u li l-informazzjoni li tikkonċerna kull applikazzjoni tintbagħat lill-Istat ta' oriġini tal-organizzazzjoni tal-applikant qabel ma l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni. |
3.3.3 |
Fis-sistema l-antika, l-Unjoni Ewropea setgħet tiffinanzja nofs l-ispejjeż tal-kampanja. Il-kontribut tal-organizzazzjoni professjonali għall-inizjattiva kellu jikkorresondi għal mill-inqas 20 % tal-ispejjeż. L-awtoritajiet nazzjonali kellhom ikopru l-bqija (4). F'ċerti każijiet (pereżempju għall-promozzjoni tal-frott u l-ħxejjex intiżi għall-istudenti Ewropej), il-kontribut tal-Unjoni Ewropea seta' jitla' sa 60 % tal-ispejjeż. |
3.3.4 |
Fis-sistema prevista mir-Regolament propost, il-programmi ser jiġu kkofinanzjati biss mill-organizzazzjoni li qed tagħmel il-proposta u mill-Unjoni Ewropea. L-awtoritajiet nazzjonali għalhekk mhux ser ikollhom iktar l-obbligu (jew il-possibbiltà) li jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-programmi. |
3.3.5 |
Il-kontribut finanzjarju tal-Unjoni jista' jilħaq sa 50 % tal-ispejjeż tal-programm, iżda jista' jiżdied għal 60 % għal programm “multi”, għal programm li jindirizza pajjiż terz wieħed jew aktar, u għall-azzjonijiet għall-frott u l-ħxejjex destinati għat-tfal fl-iskejjel tal-Unjoni. |
3.3.6 |
Il-KESE japprezza l-fatt li aktar każijiet ser ikunu eliġibbli għal kontribut finanzjarju mill-UE li jammonta għal 60 % tal-ispiża tal-programm. Madankollu, il-kontribut tal-organizzazzjoni li qed tagħmel il-proposta ovvjament ser ikun ogħla mis-sistema preċedenti, peress li l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jipparteċipaw iktar. Dan bla dubju ser jiskoraġġixxi l-organizzazzjonijiet b'mezzi modesti, u ser iwassal sabiex l-organizzazzjonijiet relattivament sinjuri jibbenefikaw ħafna aktar minn qabel mis-sistema ta' appoġġ għall-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni. |
3.3.7 |
Skont il-KESE, għalhekk huwa mixtieq li l-awtoritajiet nazzjonali jżommu l-possibbiltà li jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-azzjonijiet ta' promozzjoni (sa 30 %) u dan għallinqas fil-każijiet fejn l-Istati Membri jipparteċipaw fil-ġestjoni tal-programmi (programmi sempliċi). |
3.3.8 |
Bl-istess mod ikun utli li jiġi awtorizzat kontribut ogħla mill-UE (60 % tal-ispejjeż) għall-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni li jikkonċernaw il-ħalib destinat għat-tfal fl-iskejjel tal-Unjoni. Fil-fatt, għal nutrizzjoni b'saħħitha u bilanċjata, it-tfal tal-lum għandhom bżonn li jikkunsmaw mhux biss aktar frott u ħaxix, iżda wkoll aktar ħalib u prodotti mill-ħalib. |
Brussell, 30 ta' April 2014
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) Opinjoni NAT/525 (relatur: is-Sinjura Slavova), CESE 1859/2011, 07.12.2011, ĠU C43, 15.02.2012, p. 59-64
(2) ĠU C 43, 15.2.2012, p. 59-64 u ĠU C 299, 4.10.2012, p. 141-144.
(3) Opinjoni tal-KESE dwar Il-mudell agrikolu Komunitarju: kwalità tal-produzzjoni u komunikazzjoni lill-konsumaturi bħala fatturi ta' kompetittività, ĠU C 18, 19.1.2011, p. 5-10.
(4) Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 3/2008.