31.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 94/1


OPINJONI Nru 1/2014

(skont l-Artikolu 325(4), TFUE)

dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli

2014/C 94/01

IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 325(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (1),

Wara li kkunsidrat it-talba għal opinjoni indirizzata lill-Qorti tal-Awdituri mill-Parlament Ewropew fid-19 ta' Diċembru 2013,

ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA:

INTRODUZZJONI

1.

L-objettiv segwit mill-abbozz ta' regolament huwa l-applikazzjoni tajba tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fl-oqsma doganali u agrikoli, li tipprovdi b'mod partikolari lill-Kummissjoni, iżda wkoll lill-awtoritajiet doganali u awtoritajiet oħra tal-Istati Membri, mekkaniżmi aktar effettivi biex jassistuha fil-prevenzjoni, fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta' operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali u agrikola. Għal dak il-għan il-proposta:

(a)

tfittex li ttejjeb il-ġlieda kontra frodi relatata mad-dwana u, b'mod partikolari, każijiet ta' dikjarazzjoni ħażina tal-oriġini, deskrizzjoni ħażina tal-merkanzija u użu ħażin tas-sistema ta’ tranżitu (2), billi:

(i)

tistabbilixxi database ċentrali tal-movimenti ta' kontejners (3), l-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet u d-data relatata mat-tranżitu;

(ii)

tikkjarifika l-bażi legali għall-kondiviżjoni ta' data relatata mad-dwana bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri;

(b)

tagħti setgħa lill-Kummissjoni biex tikseb direttament mill-kumpaniji tas-settur privat id-dokumenti ta’ sostenn għad-dikjarazzjoni ta’ importazzjoni u esportazzjoni, bl-għan li jitħaffu l-proċeduri ta’ investigazzjoni relatati mad-dwana u b'hekk jitnaqqas l-għadd ta' dawk li jiġu preskritti wara tliet snin (4);

(c)

tikkjarifika tliet kwisjonijiet oħra fir-Regolament (5) eżistenti, billi:

(i)

toħloq il-possibbiltà li l-viżibbiltà fid-databases tiġi limitata għal utenti magħżula;

(ii)

tissimplifika s-superviżjoni tal-protezzjoni tad-data;

(iii)

tneħħi l-inċertezza legali fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-informazzjoni miġbura permezz tal-assistenza reċiproka bħala evidenza fi proċedimenti kriminali nazzjonali.

2.

Il-Qorti eżaminat il-proposta tal-Kummissjoni fid-dawl tar-riżultati tax-xogħol tal-awditjar tagħha.

KUMMENTI ĠENERALI

3.

Il-Qorti tqis li l-proposta se tikkontibwixxi għall-ilħuq tal-objettivi segwiti mir-regolament, suġġett għal xi kummenti speċifiċi li ssir referenza għalihom fil-paragrafi 5 sa 8. Barra minn hekk, il-proposta biex jiġi emendat l-Artikolu 18b u d-direttorju previst fl-Artikoli 18a u 18g tal-abbozz ta' Regolament tindirizza t-tħassib espress fil-paragrafi 9 u 10 tal-opinjoni Nru 3/2007 (6) tal-Qorti, maħruġa fl-aħħar okkażjoni li dan ir-Regolament ġie emendat. Il-Qorti tqis ukoll bħala utli l-kjarifika fl-Artikolu 12 li l-informazzjoni miksuba permezz ta' kooperazzjoni reċiproka tista' tikkostitwixxi evidenza ammissibbli fi proċedimenti kriminali fl-Istati Membri. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tilqa' l-proposta tal-Kummissjoni.

4.

Billi l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data huwa l-awtorità kompetenti għal mistoqsijiet relatati mas-superviżjoni tal-protezzjoni tad-data u dan se jkollu jiġi kkonsultat kif meħtieġ mill-Kummissjoni, il-Qorti ma tindirizzax dik il-kwistjoni fl-opinjoni preżenti.

KUMMENTI SPEĊIFIĊI

5.

L-Artikoli 18a u 18g tal-proposta jistipulaw l-arranġamenti li bihom il-Kummissjoni se tistabbilixxi u tanalizza direttorju tad-data riċevuta mill-fornituri tas-servizzi pubbliċi jew privati attivi fil-katina tal-provvista internazzjonali u tikkondividi din id-data mal-awtoritajiet tal-Istati Membri. L-Artikoli 18a(6) u 18g(3) jillimitaw l-aċċess għal dan id-direttorju għal ċerti dipartimenti tal-Kummissjoni u awtoritajiet nazzjonali u jagħmlu t-trasferiment ta' data lil istituzzjonijiet oħra suġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet tal-liġi sekondarja ma jistgħux jirrestrinġu s-setgħat tal-awditjar tal-Qorti stabbiliti permezz tal-liġi primarja, jiġifieri l-Artikolu 287(3) TFUE. Filwaqt li mhuwiex strettament meħtieġ li ssir referenza għas-setgħat tal-awditjar tal-Qorti fir-Regolament (KE) Nru 515/97 emendat, madankollu jkun utli li jiġi indikat fl-Artikoli rilevanti li dawk id-dispożizzjonijiet huma bla preġudizzju għad-dritt ta' aċċess tal-Qorti għal dokumenti u informazzjoni taħt l-Artikolu 287(3) TFEU. Dan jiżgura li l-partijiet kollha involuti fl-implimentazzjoni tar-Regolament ikunu konxji mis-setgħat tal-awditjar tal-Qorti u li dawn ma jistgħux isiru suġġetti għal kundizzjonijiet restrittivi. Għall-istess raġuni, ikun utli li, fl-Artikolu 29, issir referenza għall-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali.

6.

L-Artikoli 18c sa 18f jistabbilixxu l-arranġamenti li bihom il-Kummissjoni se tikseb u tipproċessa informazzjoni dwar movimenti tal-kontejners għal ġo, ġewwa u 'l barra mit-territorju doganali tal-Unjoni. Din l-informazzjoni se tingħata minn fornituri tas-servizzi pubbliċi u privati, jiġifieri l-kumpaniji ta' tbaħħir. Il-Kunsill tat-Tbaħħir Dinji (WSC), li jirrappreżenta madwar 90 % tal-kapaċità globali ta' bastimenti tal-linja (7), ġie kkonsultat bħala parti mit-tħejjija tal-proposta leġiżlattiva. Din il-proċedura tagħti grad ta' aċċertament li l-proposta hija prattikabbli u li mhijiex se tirriżulta fi spejjeż mhux raġonevoli għall-kumpaniji ta' tbaħħir (8).

7.

Il-Qorti tinnota li ma hemm ebda dispożizzjoni fl-abbozz ta' leġiżlazzjoni għal kwalunkwe verifikazzjoni tal-kompletezza, l-affidabbiltà u l-puntwalità tad-data pprovduta mill-kumpaniji ta' tbaħħir. Barra minn hekk, ma hemm ebda riżorsi mwarrbin fir-rapport finanzjarju leġiżlattiv għal tali proċedura. Il-kompletezza, l-affidabbiltà u l-puntwalità tad-data huma riskji li jeħtieġ li jiġu indirizzati, b'kont dovut tal-ispejjeż ta' kwalunkwe kontroll stabbilit.

8.

L-Artikolu 18h tar-Regolament propost jagħti setgħa lill-Kummissjoni (OLAF) biex tikseb direttament mill-operaturi ekonomiċi d-dokumenti ta’ sostenn għad-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni u esportazzjoni meta dawn ikunu meħtieġa għal investigazzjonijiet. L-għan huwa li jitħaffu l-investigazzjonijiet tal-OLAF u b'hekk jitnaqqas ir-riskju ta' preskrizzjoni. Il-Qorti tqis li din il-miżura hija xierqa. Madankollu, fl-interess ta' kooperazzjoni sinċiera u effettiva bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, ikun xieraq li f'dan l-Artikolu jiġi pprovdut:

(a)

li l-Kummissjoni għandna tinforma lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati dwar kwalunwke talba li ssir lill-operaturi ekonomiċi; u

(b)

li l-Kummissjoni tista' titlob assistenza mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex tikseb dokumenti, b'mod partikolari fejn l-operaturi ekonomiċi ma jikkonformawx immedjatament mat-talba tagħha.

Din l-opinjoni ġiet adottata mill-Awla CEAD, immexxija mis-Sur Igors LUDBORŽS, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-25 ta' Frar 2014.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  COM(2013) 796 final tal-25 ta' Novembru 2013.

(2)  Ara l-paragrafu 3.3.1 tal-valutazzjoni tal-impatt li akkumpanjat il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni (Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2013) 483 final tal-25 ta' Novembru 2013).

(3)  Magħrufin fl-industrija tat-tbaħħir bħala Messaġġi dwar l-Istatus tal-Kontejner (CSMs).

(4)  Ara l-paragrafu 3.3.2.1 tal-valutazzjoni tal-impatt li akkumpanjat il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni (Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2013) 483 final tal-25 ta' Novembru 2013).

(5)  Ibid, il-paragrafu 3.3.2.2.

(6)  ĠU C 101, 4.5.2007, p. 4.

(7)  Ara l-paragrafu 2.4.2 tal-valutazzjoni tal-impatt li akkumpanjat il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni (Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2013) 483 final tal-25 ta' Novembru 2013).

(8)  Ibid, paġna 27. Dan l-approċċ huwa bbażat fuq l-esperjenza tad-WSC fl-implimentazzjoni ta' rekwiżiti simili mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika.