7.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 358/15


Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta’ falliment

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab fil-lingwi EN, FR u DE fuq is-sit elettroniku tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

2013/C 358/09

1.   Introduzzjoni

1.1.   Konsultazzjoni tal-KEPD

1.

Fit-12 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (“ir-Regolament propost”) (1). Din il-Proposta ntbagħtet lill-KEPD għal konsultazzjoni fit-13 ta’ Diċembru 2012.

2.

Il-KEPD jilqa’ l-fatt li qiegħed jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni u li hija inkluża referenza għal din l-Opinjoni fil-preambolu tal-istrument legali propost.

3.

Qabel l-adozzjoni tar-Regolament propost, il-KEPD ingħata l-opportunità li jipprovdi kummenti informali lill-Kummissjoni.

4.

Il-KEPD jiddispjaċih li ġew ikkunsidrati biss ftit mill-kummenti tiegħu fir-Regolament propost. Anki jekk issa hemm Artikolu sħiħ li huwa ddedikat għall-protezzjoni tad-data, is-salvagwardji ma ġewx imsaħħa kif xieraq.

1.2.   L-objettivi u l-ambitu tar-Regolament propost

5.

Ir-Regolament propost jemenda r-Regolament dwar il-Falliment sabiex jindirizza n-nuqqasijiet żvelati fl-applikazzjoni prattika tiegħu (2). Fost l-oħrajn, huwa jindirizza kwistjonijiet relatati mal-ambitu tar-Regolament, id-determinazzjoni tal-Istat Membru kompetenti biex jiftaħ il-proċedimenti, il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji u r-regoli dwar il-pubbliċità tad-deċiżjonijiet rigward il-ftuħ u l-għeluq tal-proċedimenti ta’ falliment.

6.

Fost il-miżuri proposti li sejrin iħallu impatt fuq il-protezzjoni tad-data, il-Proposta tipprovdi għal pubblikazzjoni obbligatorja tad-deċiżjonijiet rigward il-ftuħ u l-għeluq ta’ proċediment, filwaqt li tinkoraġġixxi u torganizza skambji ta’ informazzjoni transkonfinali bejn il-partijiet interessati.

7.

Għaldaqstant, l-informazzjoni ppubblikata u/jew skambjata tista’ tidentifika (direttament jew indirettament) debituri, kredituri u likwidaturi involuti fil-proċediment. Għalhekk, għandha tapplika l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. B’mod partikolari, id-Direttiva 95/46/KE sejra tapplika għall-ipproċessar tad-data mill-partijiet interessati fl-Istati Membri u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 45/2001 sejjer japplika għall-ipproċessar tad-data mill-Kummissjoni permezz tal-Portal tal-Ġustizzja Elettronika.

1.3.   L-għan tal-Opinjoni tal-KEPD

8.

Ir-Regolament propost jista’ jaffettwa d-drittijiet tal-individwi relatati mal-ipproċessar tad-data personali tagħhom billi, fost l-oħrajn, huwa jittratta l-pubblikazzjoni tad-data personali f’reġistru li huwa aċċessibbli għall-pubbliku fuq l-Internet, mingħajr ebda ħlas, bl-interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali eżistenti u bi skambju ta’ informazzjoni transkonfinali bejn il-partijiet interessati.

9.

Għalkemm il-KEPD jilqa’ l-isforz li sar mill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi l-applikazzjoni korretta tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali fir-Regolament propost, huwa identifika xi nuqqasijiet u inkonsistenzi fil-mod kif ir-Regolament propost jittratta l-kwistjonijiet relatati ma’/li jikkonċernaw id-data personali.

3.   Konklużjonijiet

54.

Il-KEPD huwa sodisfatt bl-attenzjoni mogħtija b’mod speċifiku għall-protezzjoni tad-data fir-Regolament propost, iżda identifika lok għal xi titjib.

55.

Il-KEPD jirrakkomanda li:

ir-referenzi għal din l-Opinjoni jiġu inklużi fil-preamboli tal-proposti kollha;

l-Artikolu 46(a) tar-Regolament propost jikkjarifika r-referenza għad-Direttiva 95/46/KE billi jispeċifika li d-dispożizzjonijiet japplikaw skont ir-regoli nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE;

jiġu implimentati salvagwardji konkreti u effettivi għall-protezzjoni tad-data għal kwalunkwe sitwazzjoni fejn huwa previst l-ipproċessar ta’ data personali;

jiġu vvalutati n-neċessità u l-proporzjonalità tas-sistema proposta għall-pubblikazzjoni fuq l-Internet ta’ deċiżjonijiet rigward il-ftuħ u l-għeluq ta’ proċedimenti ta’ falliment, filwaqt li jiġi vverifikat jekk l-obbligu tal-pubblikazzjoni jmurx ’lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-interess pubbliku segwit u jekk hemmx miżuri inqas restrittivi sabiex jintlaħaq l-istess għan. Soġġett għall-eżitu ta’ dan it-test tal-proporzjonalità, l-obbligu tal-pubblikazzjoni għandu, fi kwalunkwe każ, ikun appoġġjat minn salvagwardji adegwati maħsuba biex jiżguraw ir-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-persuni kkonċernati, is-sigurtà/il-preċiżjoni tad-data u t-tħassir tagħha wara perjodu ta’ żmien adegwat;

56.

Barra minn hekk, il-KEPD jirrakkomanda wkoll li:

il-modalitajiet tal-funzjonament tad-databases nazzjonali u tad-database tal-UE fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-data jiġu kkjarifikati permezz tal-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet aktar dettaljati fir-Regolamenti proposti, b’konformità mad-Direttiva 95/46/KE u mar-Regolament (KE) Nru 45/2001. B’mod partikolari, id-dispożizzjoni li tistabbilixxi d-database(s) għandha (i) tidentifika l-għan tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar u tistabbilixxi liema huma l-użijiet kompatibbli; (ii) tidentifika liema entitajiet (l-awtoritajiet kompetenti, il-Kummissjoni) ser ikollhom aċċess għal liema data maħżuna fid-database u li ser ikollhom il-possibbiltà li jimmodifikaw id-data; (iii) tiżgura d-dritt tal-aċċess u ta’ informazzjoni xierqa għas-suġġetti tad-data kollha li d-data personali tagħhom tista’ tinħażen u tiġi skambjata (iv) tiddefinixxi u tillimita l-perjodu ta’ żamma għad-data personali għall-minimu neċessarju sabiex ikun jista’ jintlaħaq dak il-għan;

jiġu stabbiliti fil-Proposta preżenti mill-inqas il-prinċipji ewlenin tas-sistema deċentralizzata għall-interkonnessjoni tar-reġistri tal-insolvenza, bħan-neċessità u l-proporzjonalità, filwaqt li mistennija jiġu pprovduti xi salvagwardji oħrajn fil-proposta leġiżlattiva li jmiss tal-Kummissjoni għall-portal tal-Ġustizzja elettronika.

jiġi speċifikat jekk kwalunkwe data hijiex sejra tinħażen fil-portal tal-Ġustizzja elettronika. Jekk dan ikun il-każ, għandhom jiżdiedu xi salvagwardji speċifiċi.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Marzu 2013.

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  COM(2012) 744 finali.

(2)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 dwar proċeduri ta’ falliment (minn hawn ’il quddiem: “il-Proposta”).