1.8.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 220/10 |
Rapport finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)
Universal Music Group/EMI Music
(COMP/M.6458)
2013/C 220/07
(1) |
Fis-17 ta' Frar 2012, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (2) li biha Universal Music Holdings Limited (“Universal”) tikseb kontroll, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, tal-assi ta' mużika rrekordjata tal-EMI Group Global Limited (“EMI”), permezz ta' xiri ta' ishma (Universal u l-EMI huma msejħa “l-partijiet”). |
1. Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet
(2) |
Fit-23 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet (“DO”) imbagħad intbagħtet lil Universal fid-19 ta' Ġunju 2012, u ngħatat skadenza ta' ġimagħtejn għat-tweġiba li ġiet estiża mid-DĠ Kompetizzjoni b'jumejn fuq talba mingħand Universal. |
(3) |
Fid-DO, is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni indikaw li l-konċentrazzjoni nnotifikata tista' timpedixxi b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa ta' mużika diġitali fil-livell taż-ŻEE kif ukoll f'25 Stat Membru (3) u s-suq tal-bejgħ bl-ingrossa ta' mużika fiżika rrekordjata fi 22 Stat Membru. (4) |
(4) |
Universal ressqet it-tweġiba tagħha għad-DO qabel l-iskadenza mingħajr ma talbet għal seduta verbali. |
(5) |
Il-karatteristika proċedurali ewlenija ta' dan il-każ hija li tqajmu bosta kwistjonijiet dwar l-aċċess għall-fajl fir-rigward tal-użu ta' kamra tad-dejta. |
1.1. Aċċess għall-fajl
1.1.1. Aċċess “bikri” għall-fajl
(6) |
Diġà qabel il-ħruġ tad-DO, Universal talbet għall-aċċess għad-dejta ta' partijiet terzi miġbura mid-DĠ Kompetizzjoni u li ntużaw fl-analiżi tat-Tim tal-Ekonomist Prinċipali (CET – Chief Economist Team). Universal argumentat li t-tali aċċess kien meħtieġ sabiex ma ssirx ħsara lid-drittijiet tagħha għad-difiża u sabiex jiġu identifikati possibbiltajiet għal impenji. |
(7) |
Id-DĠ Kompetizzjoni rrifjuta din it-talba minħabba li l-informazzjoni mitluba kienet parti mill-fajl li jingħata aċċess għalih biss wara n-notifika tad-DO skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (5). Fir-rigward tal-argument ta' Universal dwar l-impenji, id-DĠ Kompetizzjoni wieġeb li kwalunkwe xogħol fuq dejta li jitwettaq mill-Kummissjoni ma jaffettwax il-ħila ta' Universal biex tressaq rimedji xierqa qabel ma toħroġ kwalunkwe DO. |
(8) |
Universal imbagħad staqsietni, qabel ma ntbagħtet id-DO, biex issir analiżi tar-regoli dwar il-kamra tad-dejta li kien fassal id-DĠ Kompetizzjoni għal dan il-proċediment (ir-“Regoli”). Universal wieġbet li d-drittijiet tagħha għad-difiża jkun qed jinkisru l-aktar minħabba t-tliet argumenti li ġejjin: L-ewwel nett, l-ambitu tad-divulgazzjoni maħsub kien strett wisq, minħabba li ma jippermettix lil Universal taċċedi għad-dejta mhux ipproċessata u l-kodiċijiet rilevanti li ntużaw biex jinbnew is-settijiet tad-dejta finali li fuqhom saret l-analiżi tas-CET. Madankollu t-tali informazzjoni tqieset bħala meħtieġa sabiex tippermetti lill-konsulenti ekonomiċi esterni tagħha jivverifikaw is-solidità tal-analiżi tas-CET u l-kredibbiltà tad-dejta. It-tieni nett, ġie allegat li dispożizzjonijiet speċifiċi fir-Regoli li jillimitaw l-użu tad-dejta jistgħu jipprojbixxu lill-konsultenti ekonomiċi esterni ta' Universal milli jivverifikaw u jittestjaw tajjeb l-analiżi tas-CET. Fl-aħħar nett, Universal stqarret li ma kienx meħtieġ, u li kien disproporzjonat u mhux raġonevoli li d-dejta tas-CET tiġi anonimizzata. Kien argumentat li l-anonimizzazzjoni tista' tipprojbixxi lill-konsulenti ekonomiċi esterni ta' Universal milli jifhmu l-kuntest fattwali speċifiku li fih kienet iġġenerata d-dejta. |
(9) |
Id-DĠ Kompetizzjoni ġġustifika dawn il-limitazzjonijiet fuq il-bażi tan-natura partikolarment sensittiva tad-dejta mill-klijenti u l-kompetituri fl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Tetra/Laval (6). |
(10) |
Wara li kkunsidrajt l-ħtieġa għall-veloċità fil-każijiet ta’ fużjoni, irrivedejt r-Regoli billi applikajt il-prinċipji li ġejjin. Id-destinatarji tad-DO għandhom jingħataw aċċess sħiħ għal kull evidenza kuntrarja. Jekk l-evidenza tkun kunfidenzjali, l-aċċess għandu jingħata sa fejn huwa indispensabbli għad-drittijiet ta’ difiża tad-destinatarju. F’termini ta’ evidenza kwantitattiva, li kienet is-suġġett tat-talbiet ta' Universal, dan ifisser li destinatarju għandu normalment ikun kapaċi jwettaq tliet proċessi. L-ewwel, id-destinatarju għandu jkun f’pożizzjoni li jirreplika l-analiżi tas-CET (jiġifieri għandu jingħata aċċess għad-dejta u l-metodoloġija użati). It-tieni, id-destinatarju għandu jkun jista' jittestja l-analiżi tal-Kummissjoni (jiġifieri l-aċċess għandu jingħata aċċess għad-dejta skartati, il-varjabbli alternattivi u l-informazzjoni li tispjega l-valuri iżolati eċċ.). Fl-aħħar nett, id-destinatarju għandu jitħalla jivverifika l-kredibbiltà tad-dejta, mill-inqas, fuq il-bażi ta’ kontrolli każwali. Dwar dan l-aħħar punt, jekk il-konsulenti esterni tad-destinatarju jistgħu jindikaw żbalji konkreti u speċifiċi li jirriżultaw mill-kontrolli każwali, jista' jingħata aċċess addizzjonali skont l-ambitu tal-iżbalji u l-ambitu tad-dejta li fil-fatt tinsab fil-fajl. F’dan il-kuntest, u fid-dawl tan-natura ta’ spiss waħda kunfidenzjali tad-dejta, jidher ġustifikabbli li jiġu imposti restrizzjonijiet, partikolarment li jeħtieġu li (a) id-destinatarju jispjega lill-Kummissjoni x'biħsiebhom jagħmlu il-konsulenti esterni tiegħu u (b) jitwettqu dawn il-komputazzjonijiet taħt is-superviżjoni tal-uffiċjali tal-Kummissjoni. |
(11) |
Weġibt lil Universal permezz tal-ittra tat-18 ta' Ġunju 2012 li, wara d-diskussjonijiet tiegħi mad-DĠ Kompetizzjoni, ir-Regoli kienu ġew emendati biex jindirizzaw il-prinċipji msemmijin hawn fuq. Fir-rigward tal-ambitu tad-divulgazzjoni, ir-Regoli ġew iċċarati biex jikkonfermaw li d-dejta mhux ipproċessata u l-kodiċijiet kollha se jiġu inklużi fil-kamra tad-dejta. Fir-rigward tar-restrizzjonijiet fuq l-użu tad-dejta, dawn saru inqas stretti fir-Regoli sabiex jippermettu lill-konsulenti ekonomiċi esterni ta' Universal iwettqu t-testijiet u l-verifiki tal-analiżi tas-CET indikati fl-ittra. Dwar l-anonimizzazzjoni tad-dejta, enfasizzajt li l-Kummissjoni qieset li d-dejta tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali partikolarment sensittivi, u d-divulgazzjoni tagħha jista’ jkollha effett negattiv fuq il-pożizzjoni kompetittiva ta’ ċerti fornituri tad-dejta. Fid-dawl tal-aċċess addizzjonali li r-Regoli emendati issa kienu jipprevedu, u l-ispjegazzjonijiet tekniċi mogħtija lili mid-DĠ Kompetizzjoni, deherli li l-konsulenti ekonomiċi esterni ta' Universal kienu f’pożizzjoni li jwettqu l-komputazzjonijiet li kienu speċifikaw biżżejjed fit-talba tagħhom u għalhekk ma kienx indispensabbli li titneħħa l-anonimizzazzjoni. Fl-aħħar nett, għarraft lil Universal dwar il-possibbiltà li jressquli aktar sottomissjonijiet motivati fil-każ li l-konsulenti ekonomiċi esterni ta' Universal jiltaqgħu ma’ eżempji konkreti speċifiċi ta’ xejriet ta' dejta mhux spjegabbli u jkollhom raġuni biex jemmnu li l-aċċess addizzjonali kien għadu meħtieġ biex teżerċita kif xieraq id-dritt tagħha li tinstema’. |
(12) |
Permezz tal-ittra ddatata d-19 ta' Ġunju 2012 Universal staqsietni biex jiġu emendati aktar ir-Regoli, peress li kien għad fihom limitazzjonijiet fuq l-użu tad-dejta tas-CET li jaffettwaw id-drittijiet ta’ difiża ta' Universal. B’mod partikolari, Universal sostniet, b’referenza għal komputazzjonijiet speċifiċi, li l-konsulenti ekonomiċi esterni tagħha jkunu ostakolati milli jivverifikaw l-affidabbiltà u l-preċiżjoni ta’ ċerti dejta u kalkoli. Bi tweġiba għat-talbiet addizzjonali ta' Universal li ġew speċifikati biżżejjed, ir-Regoli ġew emendati aktar biex jipprovdu lill-konsulenti ekonomiċi esterni ta' Universal aktar possibbilitajiet biex iwettqu kontrolli tar-robustezza u jagħmlu aktar komputazzjonijiet. |
1.1.2. Aċċess għall-fajl wara n-notifika tad-DO
(13) |
Universal ingħatat aċċess għall-fajl fl-20 ta' Ġunju 2012. |
(14) |
Permezz ta’ talba motivata bid-data tat-22 ta' Ġunju 2012, Universal formalment tenniet, l-ewwel nett, it-talba preċedenti tagħha biex tingħata aċċess sħiħ għall-analiżi kwantitattiva mhux favorevoli u ġeddedt it-tliet ilmenti tagħha fir-rigward tal-limitazzjoni tal-ambitu tal-aċċess, ir-restrizzjoni tal-użu ta’ dejta tas-CET u l-anonimizzazzjoni. It-tieni, Universal talbet li l-konsulenti legali esterni tagħha jingħataw aċċess għall-kamra tad-dejta. Universal sostniet li tali aċċess kien meħtieġ biex jiġi żgurat l-eżerċizzju xieraq tad-drittijiet ta’ difiża tagħha peress li l-konsulenti legali esterni kienu jeħtieġu (i) li jkunu jistgħu janalizzaw l-informazzjoni fil-kamra tad-dejta u kwalunkwe analiżi kunfidenzjali mwettqa mill-konsulenti ekonomiċi esterni, (ii) li jaraw il-kontenut kunfidenzjali tar-rapport tal-kamra tad-dejta li verżjoni tiegħu mhux kunfidenzjali biss se tiġi kkomunikata lil Universal u (iii) li jipprovdu pariri dwar il-konformità tal-proċess tal-kamra tad-dejta mar-Regoli. |
(15) |
Jien irrifjutajt iż-żewġ partijiet tat-talba ta' Universal permezz ta’ deċiżjoni adottata fid-29 ta' Ġunju 2012 skont l-Artikolu 7 tat-Termini ta’ Referenza. Fuq il-bażi tal-informazzjoni teknika li rċevejt mingħand id-DĠ Kompetizzjoni, ir-Regoli ppermettew lill-konsulenti ekonomiċi esterni ta' Universal, fir-rigward ta’ dawk il-komputazzjonijiet li ġew speċifikati biżżejjed, iwettqu, f’ċerti każijiet, kwalunkwe komputazzjoni li riedu. F’każijiet oħra, il-konsulenti ekonomiċi esterni jistgħu jipproponu li jitwettqu komputazzjonijiet u jiddiskutu dawn il-proposti mal-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, ċerti komputazzjonijiet ma setgħux jitwettqu minħabba li l-fajl tal-każ ma kienx fih d-dejta meħtieġa. Fir-rigward tad-divulgazzjoni mitluba tad-dejta anonimizzata, Universal ma kinitx ipprovdiet evidenza konkreta u speċifika li din kienet indispensabbli biex teżerċita d-drittijiet ta’ difiża tagħha. |
(16) |
Jien irrifjutajt ukoll it-tieni parti tat-talba ta' Universal, jiġifieri li l-konsulenti legali estern tagħha jitħallew jidħlu fil-kamra tad-dejta. Tali aċċess imur lil hinn mill-iskop proprju tal-kamra tad-dejta li kien li tippermetti lill-konsulenti ekonomiċi esterni tal-partijiet jaċċessaw id-dejta kwantitattiva miġbura mill-Kummissjoni. Sal-punt li l-kamra tad-dejta fiha sigrieti kummerċjali ta’ partijiet terzi l-proċedura hija eċċezzjoni għall-obbligu ġenerali tal-Kummissjoni li ma tiġi divulgata l-informazzjoni kunfidenzjali. Billi din il-proċedura hija eċċezzjoni, huma meħtieġa salvagwardji stretti biex tiġi evitata d-divulgazzjoni, anki mhux intenzjonata, tad-dejta. Jien sibt li d-drittijiet ta’ difiża ta' Universal ma kinux jeħtieġu aċċess dirett għall-konsulenti legali estern tagħha għall-kamra tad-dejta, minħabba li huwa biżżejjed li l-avukati esterni fit-tliet sitwazzjonijiet indikati minn Universal ikunu jistgħu jikkomunikaw mal-konsulenti ekonomiċi esterni barra mill-kamra tad-dejta. |
(17) |
Fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut, wara li rċeviet kopja minn qabel, Universal talbitni nirrevedi d-deċiżjoni tiegħi li ttenni b’mod ġenerali l-argumenti preċedenti tagħha rigward ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-konsulenti ekonomiċi esterni u l-inabbiltà tagħhom li jwettqu ċerti analiżijiet. Hija reġgħet qalet ukoll li l-konsulenti legali esterni tagħha għandhom jingħataw aċċess dirett lis-sett ta’ dejta tas-CET f’forma mhux editjata peress li dan kien meħtieġ biex jiġi żgurat li d-dritt ta' Universal għal rappreżentanza u pariri legali ma tkunx ristretta ħafna. |
(18) |
Wara li erġajt ikkunsidrajt bir-reqqa l-argumenti ta' Universal, iddeċidejt fit-12 ta' Lulju 2012 li nżomm id-deċiżjoni inizjali tiegħi. L-ewwel nett, kuntrarju għall-argument ta' Universal, ir-Regoli ppermettew lill-konsulenti ekonomiċi esterni ta' Universal iwettqu l-analiżi mitluba fil-kamra tad-dejta. Il-fatt li l-konsulenti ekonomiċi esterni ma għamlux użu minnha ma kienx raġuni għalija biex nirrevedi d-deċiżjoni preċedenti tiegħi jew ir-Regoli dwar dan il-punt. It-tieni, filwaqt li kien korrett li parti fil-proċedimenti għandu jkollha rappreżentanza u pariri legali effettivi bħala parti mid-drittijiet ta’ difiża tagħha, dan ma jbiddilx il-ħtieġa li jiġi muri li l-aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali kien indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet. |
(19) |
Madankollu, fid-dawl ta’ nuqqas ta' fehim jew interpretazzjoni ħażina potenzjali tar-Regoli mill-partijiet, stedint lil Universal biex tikkuntattja lid-DĠ Kompetizzjoni biex tiddiskuti kwalunkwe proposti għal aktar analiżijiet ta’ rigressjoni li l-konsulenti ekonomiċi esterni ta' Universal jixtiequ jwettqu. Għal dan l-iskop, il-kamra tad-dejta kellha ssir disponibbli għal dan l-għan speċifiku. Barra minn hekk, id-DĠ Kompetizzjoni avviċina lill-fornituri tad-dejta, f’ismi, bil-ħsieb li jikseb il-kunsens biex wieħed mill-konsultenti legali esterni ta' Universal jitħalla jidħol fil-kamra tad-dejta, b’mod li l-konsulenti ekonomiċi esterni jkunu jistgħu jkunu assistiti fuq il-post bl-interpretazzjoni tar-Regoli. Madankollu, Universal ddeċidiet li ma tużax din l-offerta eċċezzjonali ta' aċċess. |
(20) |
Fis-26 u s-27 ta' Ġunju 2012, Universal qalet li d-DĠ Kompetizzjoni kien ċaħad b'mod żbaljat it-talba tagħha biex il-konsulenti ekonomiċi esterni tagħha jikkondividu l-verżjoni kunfidenzjali ta' wieħed mir-rapporti tagħhom tal-kamra tad-dejta mal-konsulenti legali esterni ta' Universal u (f’forma editjata) ma' Universal. L-informazzjoni mitluba tikkonċerna l-ishma tar-royalties tal-partijiet għal kull pjattaforma li toffri mużika diġitali rrekordjata lill-konsumaturi finali, li kienu ġew ikkalkulati mill-konsulenti ekonomiċi esterni fuq il-bażi tad-dejta fil-kamra tad-dejta. Universal qalet li jekk jiċħad id-divulgazzjoni tal-informazzjoni kkonċernata, id-DĠ Kompetizzjoni jkun qed jiċħad l-aċċess għall-evidenza mhux favorevoli kif ukoll ta' appoġġ, minħabba li, fl-opinjoni ta' Universal, l-informazzjoni tista’ tintuża biex tiġi kkontestata l-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni li l-ishma tas-suq tal-IFPI (7) kienu aktar kredibbli mill-ishma tas-suq ikkalkulati mill-partijiet. Wara diskussjonijiet u laqgħat bejn il-konsulenti legali u ekonomiċi esterni ta' Universal, id-DĠ Kompetizzjoni u l-membri tal-Uffiċċju tas-Seduti, kien miftiehem li dawn li ġejjin jistgħu jiġu divulgati lil Universal: (i) għadd ta’ ishma eżatti ta' royalties li ġew ikkunsidrati li ma jiddivulgawx informazzjoni kunfidenzjali; (ii) firxiet għal informazzjoni oħra aktar kunfidenzjali oħra u l-konferma jekk l-ishma tar-royalties kienux taħt l-40 %; u (iii) deskrizzjonijiet testwali kollha tal-ishma kollha tar-royalties. |
(21) |
Permezz tad-Deċiżjoni tal-4 ta' Lulju 2012, meħuda skont l-Artikolu 7 tat-Termini ta’ Referenza, jien irrifjutajt it-talba ta' Universal biex taċċedi għall-informazzjoni kunfidenzjali li tinsab fir-rapport tal-kamra tad-dejta tal-konsulenti ekonomiċi esterni. Billi kien hemm possibilità reali li Universal, u sa ċertu punt anki l-konsulenti legali esterni tagħha, ikunu f’pożizzjoni li jikkuppjaw ċerta informazzjoni sensittiva jekk jingħataw aċċess għall-ishma ta' royalties kunfidenzjali li jkun fadal (jiġifieri dawk li ma jaqgħux taħt il-kategorija (i) hawn fuq), u minħabba l-aċċess addizzjonali mogħti permezz ta' (ii) u (iii) hawn fuq, jiena kkonkludejt li aktar aċċess ma kienx indispensabbli għas-salvagwardja tad-drittijiet tad-difiża ta' Universal. Barra minn hekk, il-konsulenti ta' Universal għażlu li ma jagħmlux użu tal-aċċess addizzjonali mogħti taħt (iii) hawn fuq. Id-drittijiet ta' Universal ma kinux miksura għax il-konsulenti legali esterni tagħha setgħu jużaw l-informazzjoni provduta bħala evidenza ta' appoġġ jew biex jikkontestaw l-evidenza mhux favorevoli. |
1.2. Persuni terzi interessati
(22) |
Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni, aċċettajt it-talbiet minn Impala, Merlin BV, Warner Music Group, Sony Music, Beggars Group Ltd, is-soċjetajiet kollettriċi tar-Renju Unit MCPS u PRS kif ukoll il-kumpaniji tad-diski Naïve u Because Music li jinstemgħu bħala persuni terzi interessati. |
2. Ittra tal-fatti
(23) |
Fil-25 ta' Lulju 2012, il-Kummissjoni bagħtet ittra tal-fatti lill-partijiet li tistabbilixxi elementi addizzjonali, jiġifieri aktar dejta dwar il-pożizzjoni relattiva fis-suq tal-majors, b’appoġġ tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni finali. Il-partijiet ingħataw sal-1 ta' Awwissu 2012 biex jipprovdu l-kummenti tagħhom bil-miktub. Fit-tweġiba tagħhom tal-1 ta' Awwissu 2012 il-partijiet qalu li l-ittra tal-fatti biddlet it-teorija tal-ħsara stabbiliti fid-DO u b’hekk “tifformula mill-ġdid in-natura essenzjali tal-oġġezzjonijiet preliminari” imressqa kontrihom. |
(24) |
Id-DĠ Kompetizzjoni wieġeb għal din l-ittra fit-3 ta' Awwissu 2012 billi nnota li din id-dejta fattwali ġdida appoġġat is-sejba preliminari tal-Kummissjoni fid-DO li Universal kienet akbar minn kwalunkwe major ieħor f’għadd ta’ pajjiżi. Id-DĠ Kompetizzjoni indika wkoll li l-ittra tal-fatti pprovdiet biss informazzjoni purament fattwali bħala appoġġ għat-teoriji eżistenti tal-ħsara deskritti fid-DO u ma stabbilietx teorija ġdida ħsara bbażata biss fuq id-daqs relattiv tal-majors. Il-partijiet ingħataw l-opportunità li jipprovdu aktar kummenti, iżda ddeċidew li ma jipprovdux. Għalhekk, inqis li din il-kwistjoni hija magħluqa. |
3. Impenji
(25) |
Sabiex jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni fid-DO, il-partijiet issottomettew impenji fis-27 ta' Lulju 2012 skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. It-test tas-suq ta’ dan is-sett ta’ impenji tnieda fl-istess jum sabiex jinġabru l-opinjonijiet tal-parteċipanti rilevanti fis-suq dwar l-effettività tal-impenji u l-kapaċità tagħhom li jerġgħu jistabbilixxu kompetizzjoni effettiva fis-swieq fejn ġie identifikat tħassib dwar il-kompetizzjoni. |
(26) |
Fid-dawl tar-riżultati tat-test tas-suq, il-partijiet issottomettew sett rivedut ta’ impenji fit-13 ta' Awwissu 2012, li ġie sussegwentement emendat fis-17 ta' Awwissu 2012. L-impenji finali ġew sottomessi fil-25 ta' Awwissu 2012. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impenji proposti mill-partijiet fil-25 ta' Awwissu 2012 indirizzaw biżżejjed it-tħassib kollu li fadal fir-rigward tal-kompatibbiltà tat-tranżazzjoni proposta mas-suq intern. |
4. L-Abbozz tad-Deċiżjoni
(27) |
Skont l-Artikolu 16 tat-Termini ta’ Referenza, jien eżaminajt jekk l-abbozz tad-deċiżjoni jindirizzax biss l-oġġezzjonijiet rigward liema l-partijiet ingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom, u jien ilħaqt konklużjoni pożittiva. |
5. Rimarki ta’ konklużjoni
(28) |
B'mod ġenerali, jien nikkonkludi li l-parteċipanti kollha fil-proċedimenti setgħu jeżerċitaw id-drittijiet proċedurali tagħhom effettivament f'dan il-każ. |
Brussell, il-11 ta’ Settembru 2012.
Michael ALBERS
(1) Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29), (it-“Termini ta’ Referenza”).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).
(3) L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit, kif ukoll l-Islanda u n-Norveġja.
(4) L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit, kif ukoll l-Islanda u n-Norveġja.
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tal-21 ta' April 2004 (ĠU L 133, 30.4.2004, p. 1).
(6) Il-Kawża T-5/02 Tetra Laval v il-Kummissjoni [2002] Ġabra II-4381.
(7) Federazzjoni Internazzjonali tal-Industrija Fonografika.