29.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/4


Sommarju eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi u dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar l-eżerċizzju tad-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva fil-kuntest tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li tagħti servizz

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jinstab bl-EN, bil-FR u bil-DE fuq is-sit elettroniku tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

2013/C 27/03

1.   Introduzzjoni

1.1.   Konsultazzjoni tal-KEPD

1.

Fil-21 ta' Marzu 2012, il-Kummissjoni adottat:

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (il-“Proposta dwar l-Impjieg ta’ Ħaddiema”) (1) u

Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-eżerċizzju tad-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva fil-kuntest tal-libertà tal-istabbiliment u tal-libertà li tagħti servizz (il-“Proposta dwar Azzjoni Kollettiva”) (2).

2.

Iż-żewġ proposti li huma relatati ntbagħtu lill-KEPD għal konsultazzjoni fis-26 ta' Marzu 2012.

3.

Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni kkonsultatu formalment wara li ġew adottati l-Proposti u li saret referenza għal din l-Opinjoni fil-preambolu tal-Proposta dwar l-Impjieg ta’ Ħaddiema. Madankollu jiddispjaċih li ma ngħatax l-opportunità jagħti kummenti informali qabel ma ġew adottati l-abbozzi tal-Proposti.

1.2.   Għanijiet u sfond tal-Proposti

4.

L-għan tal-Proposta dwar l-Impjieg ta’ Ħaddiema huwa li ttejjeb, iżżid u ssaħħaħ il-mod li bih id-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (“id-Direttiva dwar l-Impjieg ta’ Ħaddiema” (3)) hija implimentata, applikata u msaħħa fil-prattika fl-Unjoni Ewropea kollha. Il-proposta għandha l-għan li tikseb dan billi tistabbilixxi qafas ġenerali komuni għal implimentazzjoni, applikazzjoni u infurzar aħjar u iktar uniformi tad-Direttiva, inklużi miżuri għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe tidwir mar-regoli u abbuż minnhom (4).

5.

L-għan tal-Proposta ta’ Azzjoni Kollettiva huwa li tiċċara l-prinċipji ġenerali u r-regoli applikabbli fil-livell tal-UE fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt fundamentali li tittieħed azzjoni kollettiva fi ħdan il-kuntest tal-libertà tal-provvista ta' servizzi u tal-libertà tal-istabbiliment (5).

1.3.   Dispożizzjonijiet relevanti; għanijiet tal-Opinjoni tal-KEPD

6.

Għad li mhuwiex l-għan ewlieni ta' ebda waħda miż-żewġ Proposti li tipproċessa dejta personali, tal-inqas waħda mill-Proposti - il-Proposta dwar l-Impjieg ta’ Ħaddiema – teħtieġ l-ipproċessar ta’ ammont notevoli ta’ dejta personali. Kif sejjer jintwera iktar ’il isfel, din id-dejta personali tista’ tkun relatata mal-ħaddiema impjegati kif ukoll ma’ individwi li jaġixxu f’isem l-impriżi tal-impjiegi bħall-uffiċjali korporattivi, il-maniġment, ir-rappreżentanti jew l-impjegati tagħhom. Barra dan, l-impriżi tal-impjiegi stess jistgħu jkunu persuni fiżiċi huma wkoll. Jekk dan ikun il-każ, id-dejta personali tagħhom tista’ tiġi pproċessata wkoll. Partijiet mid-dejta pproċessata jistgħu jkunu sensittivi (6): b’mod partikolari, dejta dwar suspett ta’ tidwir mar-regoli jew abbuż minnhom jista’ jiġi skambjat bejn awtoritajiet kompetenti.

7.

Mill-perspettiva ta’ protezzjoni tad-dejta, l-iktar tliet dispożizzjonijiet relevanti tal-Proposta dwar l-Impjieg ta’ Ħaddiema huma

l-Artikolu 6(2) li jippermetti li jsiru skambji bilaterali ta’ informazzjoni (li jikkonsisti f’‘li jintwieġbu t-talbiet ta’ informazzjoni ġġustifikati’);

l-Artikolu 6(6), li jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-reġistri ta’ fornituri tas-servizzi jistgħu jiġu kkonsultati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn ‘skont l-istess kondizzjonijiet’; u

l-Artikolu 7(2), li jeħtieġ li l-Istat Membru tal-istabbiliment, fuq inizjattiva proprja tiegħu, jikkomunika lill-Istat Membru li fih qiegħed iseħħ l-impjieg dak it-tagħrif relevanti dwar irregolaritajiet possibbli.

8.

L-ipproċessar ta’ dejta personali fit-tliet każi kollha kemm huma huwa previst li jsir permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI” – Internal Market Information System) (7).

9.

Dwar il-Proposta ta’ Azzjoni Kollettiva, jidher li l-mekkaniżmu ta’ twissija previst fl-Artikolu 4 jippermetti l-iskambju ta’ dejta personali, possibbilment inkluża dejta sensittiva (tagħrif dwar il-parteċipazzjoni fi strajks jew azzjoni kollettiva simili (8)). Madankollu kif sejjer jiġi osservat fit-Taqsima 4 iktar ’l isfel, l-iskambju ta’ dejta personali jidher li mhuwiex l-intenzjoni leġiżlattiva, u għaldaqstant, kwalunkwe tħassib jista’ preżumibilment jiġi ttrattat permezz ta’ kjarifika sempliċi li tgħid li ma għandha tkun inkluża l-ebda dejta personali f’dawn it-twissijiet.

5.   Konklużjonijiet

32.

Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Proposta dwar l-Impjieg ta’ Ħaddiema tittratta kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-dejta. Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-fatt li l-użu ta’ sistema ta’ informazzjoni eżistenti, jiġifieri l-IMI, huwa propost għall-kooperazzjoni amministrattiva, li diġà toffri, fil-livell prattiku, għadd ta’ salvagwardji ta’ protezzjoni tad-dejta, u li huwa mistenni li għaliha jiġu adottati dalwaqt salvagwardji speċifiċi skont ir-Regolament tal-IMI.

33.

Biex jittratta kwalunkwe tħassib li jifdal relatat mal-protezzjoni tad-dejta, il-KEPD jipprovdi r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin.

34.

Bħala kumment ġenerali, il-KEPD jirrakkomanda li r-referenza għall-qafas applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta għandu jiġi stabbilit f’dispożizzjoni sostantiva minflok fi premessa u għandha ssirilha distinzjoni sottili permezz ta’ referenza għal “regoli nazzjonali li jimplimentaw” id-Direttiva 95/46/KE.

35.

Fi skambji bilaterali ta’ informazzjoni skont il-Proposta dwar l-Impjieg ta’ Ħaddiema (Artikolu 6(2)), il-KEPD jirrakkomanda li l-iskopijiet permissibbli ta’ skambju ta’ informazzjoni għandhom jiġu speċifikati b’mod iktar ċar fil-Proposta. B’mod partikolari, il-frażi ‘każijiet possibbli ta’ attivitajiet transnazzjonali mhux leġittimi’ għandha titħassar u għandha terġa’ tiġi abbozzata d-dispożizzjoni biex jiġi żgurat li kwalunkwe skambju ta’ dejta personali jkun possibbli biss għall-iskopijiet ta’ “investigazzjoni ta’ xi abbużi ta’ regoli applikabbli dwar l-istazzjonament tal-ħaddiema” (jew skopijiet oħrajn meħtieġa speċifikati b’mod ċar fil-Proposta).

36.

Dwar l-aċċess għal reġistri ta’ fornituri ta’ servizzi mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħrajn (Artikolu 6(6)), il-KEPD jirrakkomanda li l-Proposta għandha tispeċifika b’mod iktar ċar liema reġistri huma kkonċernati fil-verità. B’mod partikolari, dan l-Artikolu ma għandux jintuża bħala bażi legali biex jippermetti li jsir aċċess għal reġistri stabbiliti f’xi Stati Membri fejn l-impriżi tal-impjieg iridu jiddikkjaraw, fost l-oħrajn, ċerta dejta personali relatata mal-impjegati tagħhom.

37.

Barra dan, jekk u meta tkun ippjanata interkonnessjoni ta’ reġistri bħala proġett komuni Ewropew f’dan il-qasam ukoll, għandhom jitqiesu bir-reqqa salvagwardji għall-protezzjoni tad-dejta fil-livell Ewropew.

38.

Fir-rigward tas-sistema ta’ twissija dwar irregolaritajiet possibbli (Artikolu 7(2)), il-KEPD jirrakkomanda li l-Proposta:

tispeċifika bla ambigwità li t-twissijiet jistgħu jintbagħtu biss f’każ ta’ “suspett ġustifikabbli” ta’ irregolaritajiet possibbli;

għandha teħtieġ l-għeluq ta’ każi b’mod awtomatiku mar-riċevuta ta’ twissija, biex tgħin tiżgura li s-sistema ta’ twissija taħdem bħala mekkaniżmu ta’ twissija, u mhux bħala lista sewda fit-tul; u

tiżgura li t-twissijiet jintbagħtu biss lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u li dawn l-awtoritajiet għandhom iżommu t-tagħrif riċevut bħala kunfidenzjali u li dawn ma jerġgħux iqassmuh jew jippubblikawh.

39.

Dwar il-Proposta dwar Azzjoni Kollettiva, l-Artikolu 4 għandu jiċċara li f’dawn it-twissijiet ma għandu jkun hemm l-ebda dejta personali sensittiva.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Lulju 2012.

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta


(1)  COM(2012) 131 finali.

(2)  COM(2012) 130 finali.

(3)  Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p.1).

(4)  Ara l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, paġna 11, Taqsima 3.1, para 1.

(5)  Ara l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, paġna 10, Taqsima 3.1, para 4.

(6)  Jaqgħu fi ħdan id-definizzjoni ta’ ‘kategoriji speċjali ta’ dejta’ fit-tifsira tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46/KE.

(7)  Ara l-Artikolu 19 tal-Proposta dwar l-Impjieg ta’ Ħaddiema, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-IMI. Ara wkoll il-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) disponibbli fuq http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0522:FIN:MT:PDF Huwa mistenni li r-Regolament dwar l-IMI jiġi adottat iktar tard din is-sena. F’Novembru 2011, il-KEPD ħareġ Opinjoni dwar il-Proposta tal-Kummissjoni (ĠU C 48, 18.2.2012, p. 2).

(8)  Jiġifieri, ‘kategoriji speċjali ta’ dejta’ fit-tifsira tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46/KE.