27.9.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 280/1 |
Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-prijoritajiet tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-2014 abbażi tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea”
2013/C 280/01
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Programm ta’ Ħidma tagħha għall-2013 (1), |
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta’ Novembru 2012 dwar il-Prioritajiet tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-2013 abbażi tal-Programm Leġislattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea (2), |
— |
wara li kkunsidra l-Protokoll ta’ Kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tar-Reġjuni, iffirmat fis-16 ta’ Frar 2012, |
L-Unjoni fl-2014
1. |
jara l-2014 bħala sena ta' bidliet deċiżivi għall-Unjoni Ewropea li ser tkun immarkata mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-ħatra ta' Kummissjoni ġdida, il-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni għall-2014-2020 taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid, ir-reviżjoni ta' nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-kontinwazzjoni tal-ħidma sabiex tiġi kkompletata u tissaħħaħ l-unjoni ekonomika u monetarja; |
2. |
iqis li l-isfidi prinċipali għall-UE fl-2014 ser ikunu: il-ġenerazzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi permezz tat-trasformazzjoni tal-ekonomiji tagħna għal futur sostenibbli b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju; it-tisħiħ taċ-ċittadinanza tal-UE, b'mod partikolari fil-mument kruċjali tal-elezzjonijiet Ewropej u l-ksib mill-ġdid tal-fiduċja fil-proġett Ewropew bil-għan li tingħata spinta lil-"leġittimità demokratika" tal-UE, liema ħaġa titlob sforzi kontinwi biex jiġu difiżi l-valuri fundamentali tal-UE kontra l-erożjoni mill-forzi populisti u antidemokratiċi; |
3. |
jinsab imħasseb li l-livell ta' attività tal-Kummissjoni Ewropea jista' jintlaqat mill-fatt li l-mandat daqt jispiċċa filwaqt li hemm bżonn ta' azzjoni urġenti f'numru vast ta' oqsma; |
4. |
ifakkar li fl-okkażjoni tal-20 anniversarju, il-Kumitat tar-Reġjuni beħsiebu jwettaq proċess ta' riflessjoni dwar kif jista' jsaħħaħ ir-rwol istituzzjonali u politiku tiegħu; |
5. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tressaq rapport dwar l-istat attwali tad-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa dwar il-futur tal-Ewropa, inklużi r-riżultati tad-dibattiti maċ-ċittadini fis-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013; barra minn hekk, bħala parti mid-dibattitu li għandu l-għan li terġa' tinħoloq rabta maċ-ċittadini, huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex fl-2014 tibda tħejji r-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej; |
L-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-finanzi pubbliċi
6. |
jitlob lill-Kummissjoni tressaq malajr kemm jista' jkun il-proposti tagħha dwar abbozz ta' regolament li jwaqqaf Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni, u dwar is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet marbutin mar-riforma strutturali tas-settur bankarju; |
7. |
jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tressaq proposta biex tiġi kkunsidrata mill-ġdid is-sistema tat-Trojka bil-għan li jiġi garantit skrutinju demokratiku u r-responsabbiltà tagħha fil-konfront tal-Parlament Ewropew; |
8. |
jitlob li jerġgħu jinfetħu n-negozjati dwar id-Direttiva dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti b'mod parallel mal-Proposta għal Direttiva li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet tal-kreditu u l-impriżi ta' investiment; |
9. |
jinnota l-introduzzjoni b'suċċess tal-bonds tal-proġetti fis-suq fil-kuntest tal-fażi pilota li għaddejja bħalissa u jitlob li din l-inizjattiva tiġi estiża għall-perjodu kollu tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (2014-2020) u għal oqsma oħra ta' politika apparti l-oqsma tal-enerġija, it-trasport u l-infrastrutturi tat-telekomunikazzjoni; jipproponi li l-ambitu ta' parteċipazzjoni jiġi estiż għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) bil-għan li l-fondi għall-investiment reġjonali jiġu trasmessi lejn l-SMEs u tissaħħaħ l-industrija Ewropea tal-kapital ta' riskju bbażata fuq ir-reġjuni; |
10. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tkompli tissorvelja s-sitwazzjoni u l-iżvilupp tal-finanzi pubbliċi fil-livell reġjonali u lokali fir-Rapport Annwali tagħha dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-Unjoni Monetarja Ewropea; |
L-Istrateġija Ewropa 2020 u s-Semestru Ewropew
11. |
iqis li s-sitwazzjoni attwali mhux sodisfaċenti tal-Istrateġija Ewropa 2020 s'issa hija dovuta mhux biss għall-kriżi ekonomika u n-nuqqas ta' ambizzjoni tal-Istati Membri iżda wkoll għan-nuqqas ta' involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġija u, b'mod aktar ġenerali, għan-nuqqas ta' dimensjoni territorjali ġenwina fl-Istrateġija Ewropa 2020; |
12. |
jappella lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi malajr qafas għar-reviżjoni tagħha ta' nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020, li tmur lil hinn mill-intenzjoni stipulata tagħha li tniedi metodoloġija; |
13. |
ifakkar li huwa qiegħed jissorvelja kontinwament il-progress li sar fl-inizjattivi ewlenin kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020 u diġà qiegħed jaħdem fuq valutazzjoni ta' nofs it-term minn perspettiva lokali u reġjonali; |
14. |
jikkundanna l-fatt li la l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 u lanqas ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi ma għamlu referenza għall-bżonn ta' approċċ ibbażat fil-lokal u għal sħubija f'diversi livelli fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Huwa jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tissodisfa l-obbligi tagħha li tiżgura li l-Istati Membri jibnu sħubijiet mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-abbozzar u l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali ta' riforma; |
Is-suq uniku u l-politika industrijali
15. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tidentifika u tagħti prijorità lill-funzjonament tas-suq uniku lil dawk l-oqsma li l-aktar li jistgħu jiġġeneraw innovazzjoni u joħolqu impjiegi ta' kwalità; |
16. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel proposti għal politika industrijali Ewropea bħala waħda mill-pilastri tal-proġett Ewropew u li din għandha tiġi ttrattata bħala prijorità politika ġenwina fuq l-istess livell politiku tal-koeżjoni, l-infrastruttura u l-agrikoltura; |
17. |
jappoġġja l-proposta tal-Parlament Ewropew sabiex jinħoloq grupp ta' tmexxija dwar il-politika industrijali sabiex jingħaqdu flimkien il-poteri Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali u r-riżorsi li attwalment jinsabu mxerrda mal-livelli u s-setturi kollha; |
18. |
jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tikkonsulta formalment lill-KtR fit-tħejjija tal-linji gwida l-ġodda li jirregolaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat; |
19. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tippromovi l-iżvilupp tal-pjani ta' azzjoni reġjonali għall-innovazzjoni inkluż ukoll l-iżvilupp industrijali; |
20. |
jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħmel segwitu tal-Komunikazzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 billi tanalizza aktar l-ostakli reali li jiffaċċjaw l-intraprendituri żgħażagħ u jħeġġeġ li jkun hemm aktar skambju u possibbiltajiet transkonfinali għalihom; |
Il-politika ta' koeżjoni u t-trasport
21. |
itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tipprepara White Paper dwar il-koeżjoni territorjali li għandha tanalizza l-konnessjoni bejn l-Aġenda Territorjali 2020 u l-Istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll l-impatt territorjali ex post tal-politika ta' koeżjoni fl-2007-2013; |
22. |
jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tagħmel rapport dwar jekk l-awtoritajiet lokali u reġjonali kinux involuti b'mod strutturat u f'waqtu fl-abbozzar tal-Ftehimiet ta' Sħubija u l-Programmi Operattivi għall-2014-2020, b'konformità mal-prinċipji tas-sħubija u tal-governanza f'diversi livelli li jinsabu fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni kif ukoll fil-Kodiċi ta' Kondotta dwar is-Sħubija; |
23. |
jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tippubblika gwida prattika u faċli biex tintuża għall-partijiet interessati lokali dwar kif għandhom jintużaw il-fondi strutturali l-ġodda hekk kif jiġu adottati r-regolamenti l-ġodda; |
24. |
fir-rigward tal- Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, għandu preokkupazzjonijiet serji dwar il-fondi insuffiċjenti għall-perjodu kollu ta' programmazzjoni li jmiss u l-konċentrazzjoni tiegħu fl-2014/2015, liema ħaġa tixħet dubju fuq is-sostenibbiltà u l-effiċjenza tiegħu. Għalhekk, jitlob b'mod partikolari li jiġi emendat l-Artikolu 9f tar-Regolament dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali sabiex titneħħa l-limitazzjoni espliċita tal-intestatura baġitarja l-ġdida tal-Inizjattiva għal EUR 3 biljun. Dan ikun meħtieġ b'mod partikolari biex jiġi evitat li, wara l-2016, ikun hemm konċentrazzjoni eċċessiva tal-programmi li huma kritiċi għall-koeżjoni, bħall-programmi dwar il-kooperazzjoni transkonfinali jew partijiet mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; |
25. |
ser jikkoopera mal-Kummissjoni Ewropea sabiex ir-REKT jiġi integrat fil-politiki tal-UE, kif iddikjarat fil-ftehim fis-seħħ bejn iż-żewġ istituzzjonijiet u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tippromovi l-użu tar-REKT fl-implimentazzjoni tal-Politika dwar il-Viċinat; il-KtR ser jesplora l-possibbiltajiet sabiex jitwaqqfu REKT mal-pajjiżi msieħba tal-viċinat permezz tal-ARLEM u l-CORLEAP; |
26. |
jistieden lill-Kummissjoni tipprepara Komunikazzjoni dwar il-mobbiltà f'reġjuni li għandhom sfidi ġeografiċi u demografiċi; |
L-impjieg u l-inklużjoni soċjali u l-impriżi ż-żgħar u ta' daqs medja
27. |
fil-kuntest tal-livell għoli ta' qgħad f'ħafna Stati Membri, li huwa partikolarment sever għaż-żgħażagħ, jappoġġja l-isforzi li saru sabiex tingħata Garanzija għaż-Żgħażagħ u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tkompli tiżviluppa dan il-qasam u toħroġ rapport dwar il-progress matul l-2014; |
28. |
jappella li l-Kummissjoni Ewropea tipproponi "Patt ta' Investiment Soċjali" kif mitlub ukoll mill-Parlament Ewropew; |
29. |
jemmen li hemm bżonn ta' ċertezza legali ikbar għall-attivitajiet fl-ekonomija soċjali u f’dan il-kuntest jappella għal statut ta’ impriża mutwa Ewropea; |
30. |
fid-dawl tal-potenzjal tal-SMEs li joħolqu l-impjiegi fil-livell lokali u reġjonali u sabiex dawn jiġu megħjuna jiffaċċjaw il-kriżi persistenti, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tkompli tħeġġeġ aktar lill-istituzzjonijiet finanzjarji biex isellfu u jinvestu fl-SMEs bħala mezz kif jiżguraw is-sopravivenza tagħhom kif ukoll jippromovu t-tkabbir tagħhom. Għal dan il-għan, jistenna li jintlaħaq ftehim mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju dwar il-proposti għall-"pjan ta' investiment" il-ġdid, u jħeġġeġ investimenti ġodda f'innovazzjoni miftuħa u start-ups intraprenditorjali; |
31. |
jitlob lill-Kummissjoni tissokta bl-isforzi tagħha biex tissemplifika u timminimizza l-piż regolatorju għall-SMEs fl-ambitu tal-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT), u jitlobha wkoll biex, permezz ta' konsultazzjonijiet regolari mal-SMEs, tidentifika l-liġijiet tal-UE u l-oqsma ta' leġislazzjoni li huma jqisu li huma l-aktar ta’ piż (l-inizjattiva "Top Ten"); |
32. |
jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ politiku ġdid iffukat fuq l-intraprenditorija u strateġiji ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, kif ukoll skoperti intraprenditorjali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, mill-iskejjel tal-primarja sal-iskejjel vokazzjonali u l-universitajiet; l-enfasi għandha ssir fuq kif l-Ewropej – mill-mexxejja lokali u reġjonali sal-industrijalisti u l-intraprendituri tal-istart-ups – jistgħu jinteraġixxu mal-istudenti fl-iskejjel tal-primarja sabiex isiru iżjed intraprenditorjali fl-attitudni tagħhom u l-attivitajiet ta' kuljun sa minn età żgħira ħafna; |
33. |
jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta dwar l-informazzjoni lill-ħaddiema, il-konsultazzjoni tagħhom, l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tar-ristrutturazzjoni, kif deskritt fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2013; |
34. |
jappella lill-Kummissjoni toħroġ rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali tal-gvern; |
Il-ġustizzja u l-affarijiet interni
35. |
jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex ikomplu jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni u b'mod speċifiku fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil kif ukoll fil-ġlieda li qed issir bħalissa kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u l-protezzjoni tal-vittmi; |
36. |
itenni l-impenn tiegħu għas-sħubija strateġika offruta mill-Kummissjoni Ewropea fl-2012 permezz tal-Aġenda Ewropea riveduta dwar l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u d-djalogu ta' politika mwettaq fi ħdan il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tinsisti fuq l-użu tal-patti territorjali f'dan il-qasam ta' politika kif issuġġerit fl-aġenda riveduta tagħha dwar l-integrazzjoni; |
L-agrikoltura u l-politika marittima
37. |
jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tirrevedi d-Direttiva 2004/18/KE dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti sabiex "prodott lokalment" jista' jkun kriterju standard ta' għażla fis-sejħiet għall-offerti għall-provvista ta' ikel, pereżempju, għall-iskejjel, id-djar tax-xjuħ u l-faċilitajiet pubbliċi (3); |
38. |
jitlob li jiġi evalwat bir-reqqa l-impatt territorjali tal-proposti kollha sabiex jitneħħew il-mekkaniżmi li jirregolaw is-suq tal-agrikoltura, inklużi l-ftehimiet tal-kummerċ bilaterali u l-ftehimiet ta' assoċjazzjoni, u li jiġi ċċekkjat jekk dawn il-proposti jmorrux kontra l-għan tal-koeżjoni territorjali minqux fit-Trattat ta' Lisbona; |
39. |
jitlob lill-Kummissjoni tipproponi strateġija Ewropa għall-iżvilupp rurali sabiex jerġa' jkun hemm bilanċ tar-riżorsi favur l-oqsma rurali li l-livell tagħhom ta' żvilupp għadu taħt il-medja tal-UE; |
40. |
jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni tajba tal-approċċ reġjonalizzat il-ġdid tat-teħid ta' deċiżjonijiet fi ħdan il-Politika Komuni tas-Sajd riformata, li tipprevedi li d-deċiżjonijiet jiġu adottati fil-livell tal-baċir marittimu minflok il-mikroġestjoni attwali tal-UE, u li jiġi garantit involviment aħjar tal-partijiet interessati kollha; huwa mħasseb dwar l-użu mill-Kummissjoni tal-atti ddelegati għax dan m'għandux isir a skapitu tal-karatteristiċi speċifiċi ta' kull żona tas-sajd u tal-baħar; |
L-ambjent u l-enerġija
41. |
ifakkar fir-rwol ewlieni li trid taqdi t-tranżizzjoni lejn provvista ta' enerġija rinnovabbli fil-politika tal-UE dwar il-klima u l-enerġija; għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi żieda li torbot bil-liġi fil-mira tal-enerġija rinnovabbli għall-2030, kif ukoll il-miri intermedji għall-2040 bil-għan li tintlaħaq il-mira ta' 100 % rinnovabbli sal-2050; |
42. |
jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex fl-2014 tniedi aktar inizjattivi fi ħdan il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi (4), pereżempju billi minbarra l-indikatur prinċipali tal-produttività tar-riżorsi użat biex jitkejjel l-għan ewlieni tal-Pjan Direzzjonali – jiġifieri li tittejjeb il-prestazzjoni ekonomika filwaqt li tonqos il-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali – jinħolqu indikaturi komplementari relatati mal-effiċjenza tar-riżorsi u indikatur ġdid prinċipali dwar l-impatti naturali fuq il-kapital u l-ambjent tal-użu tar-riżorsi, u sabiex twettaq progress fir-rigward tal-miri bbażati fuq dawn l-indikaturi; jiġifieri li jkun jista' jitkejjel b'mod kontinwu u bl-irħis il-progress fit-titjib tal-użu effiċjenti tar-riżorsi; itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni Ewropea tavvanza azzjonijiet lejn miri obbligatorji għall-akkwist pubbliku ekoloġiku, filwaqt li tqis li hemm fatturi importanti oħra fl-akkwist pubbliku (5); |
43. |
jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li r-reviżjoni tagħha prevista għall-2014 tal-leġislazzjoni tal-iskart u tal-miri eżistenti dwar il-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, l-irkupru u l-alternattivi għall-miżbliet ser tqis kif dovut l-Opinjoni ta' prospettiva tal-Kumitat mitluba mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-kwistjoni; ir-reviżjoni għandha tkun konsistenti mal-"miri ambizzjużi" stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi li jwittu t-triq lejn ekonomija bbażata fuq l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, bi skart residwu kważi xejn; jitlob li fil-kuntest tar-reviżjoni tal-2014 tingħata attenzjoni speċjali lill-iskart tal-plastik; |
44. |
bħala segwitu għall-Green Paper, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tfassal qafas ambizzjuż ġdid dwar il-klima u l-enerġija għall-perjodu sal-2030; dan il-qafas għandu speċifikament jipprovdi għal rati ogħla ta' kofinanzjament mill-UE għall-proġetti ta' infrastruttura li jappoġġjaw l-għanijiet għat-tibdil fil-klima u huma relatati b'mod sinifikanti mal-klima; |
45. |
jitlob li l-Kummissjoni tiżviluppa strateġija dwar il faqar enerġetiku, li tkun akkumpanjata mill-proposti adatti, inkluża definizzjoni fil-livell tal-UE tal-faqar enerġetiku; |
46. |
jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tagħmel l-isforzi kollha sabiex tippromovi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tipproponi miri nazzjonali vinkolanti għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija akkumpanjati minn valutazzjoni ddettaljata tal-impatt baġitarju u pakkett ta' miżuri finanzjarji; itenni li f'dan il-qasam hemm bżonn li l-politika tiġi implimentata waqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sħubija u waqt li jiġi segwit l-approċċ tal-governanza f'diversi livelli; |
Is-sussidjarjetà, il-valutazzjoni tal-impatt u regolamentazzjoni aħjar
47. |
jitlob lill-Kummissjoni tibda u tikkonkludi ħafna mill-eżerċizzji tal-valutazzjoni previsti fil-kuntest tal-Istrateġija għal Regolamentazzjoni Aħjar u b'mod partikolari r-REFIT, u jfakkar fl-offerta tiegħu biex jagħti kontribut permezz tan-netwerks konsultattivi tiegħu; |
48. |
jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tagħmel il-Valutazzjoni tal-Impatt Territorjali operattiva u obbligatorja f'ċerti oqsma ta' politika; itenni r-rieda tiegħu li jikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni f'dan il-qasam u jissuġġerixxi li d-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana jsir punt ta' kuntatt uniku għall-Valutazzjoni tal-Impatt Territorjali; |
49. |
jistieden lill-Kummissjoni tibgħat lill-Kumitat proposti għal kollaborazzjoni fil-qasam tal-konsultazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-fażi preleġislattiva (Artikolu 2 tal-Protokoll dwar is-Sussidjarjetà u l-Proporzjonalità) u fil-qasam tal-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; |
Il-kultura, l-innovazzjoni u t-turiżmu
50. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea ttejjeb il-qafas regolatorju tal-UE għas-setturi tal-kultura u l-kreattività, b'enfasi fuq is-semplifikazzjoni u l-aċċess għall-finanzjament. Il-kultura u l-kreattività għandhom jiġu integrati aħjar fl-Istrateġija Ewropa 2020; |
51. |
fid-dawl tal-Pakkett dwar l-Investiment fl-Innovazzjoni, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiddefinixxi b'mod ċar u tenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-programmi u l-proġetti relatati mas-sħubijiet pubbliċi-privati. Ir-reġjuni u l-bliet huma atturi ewlenin fil-ħoloqien tal-kundizzjonijiet qafas adatti għall-ambjenti innovattivi. Bħala intermedjarji, huma jlaqqgħu flimkien, fi ħdan it-territorju tagħhom, l-atturi ewlenin tat-trijangolu tal-innovazzjoni, taħlita ta' akkademiċi, universitajiet, riċerkaturi, industriji u negozji; |
52. |
jenfasizza l-bżonn li tinħareġ Komunikazzjoni dwar l-istrateġija għal turiżmu kulturali sostenibbli u kompetittiv bħala mezz sabiex jiġu appoġġjati opportunitajiet ġodda ta' impjiegi u jissaħħu l-ekonomiji lokali u reġjonali. Strateġija bħal din tista' toffri qafas komuni għall-promozzjoni u l-finanzjament tal-wirt arkitettoniku, etnografiku u industrijali tar-reġjuni Ewropej; |
L-Ewropa bħala attur globali
53. |
jirrikonoxxi l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-KtR fit-tisħiħ tad-dimensjoni lokali u reġjonali fil-proċess tat-tkabbir; jitlob li dan jiġi rifless fir-rapporti annwali dwar il-progress tat-tkabbir; |
54. |
jistieden lill-Kummissjoni tesplora aktar il-possibbiltajiet li l-Faċilità tal-Amministrazzjoni Lokali (FAL) tiġi estiża għall-gvernijiet lokali fil-pajjiżi msieħba tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Euromed; |
55. |
jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill biex iżommu approċċ ta' "aktar b'aktar" fil-Pjan Direzzjonali l-ġdid għas-Sħubija tal-Lvant, fejn l-inizjattiva għandha titqies aktar bħala strument biex jiġi applikat il-poter trasformattiv tal-kontribut tal-Unjoni Ewropea u sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu inklużi fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva; |
56. |
fil-kuntest tal-kooperazzjoni tal-Euromed, jilqa' l-enfasi li tpoġġiet fuq l-iżvilupp reġjonali u jixtieq jara l-involviment tal-ARLEM fl-hekk imsejħa Proġetti Pilota għall-Iżvilupp Reġjonali; |
57. |
ifakkar fl-appoġġ sħiħ tiegħu biex l-2015 tiġi ddikjarata s-Sena Ewropea għall-Iżvilupp bil-għan li jiġi żgurat is-segwitu tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju, u jilqa' r-riflessjonijiet imnedija mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-approċċ globali tal-futur għall-iżvilupp; jappella lill-Kummissjoni tiddefendi qafas globali għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju wara l-2015 li jgħaqqad it-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli: dik ekonomika, dik soċjali u dik ambjentali; |
58. |
huwa fiduċjuż li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu ser jitqiesu kif dovut fil-proċess tat-tħejjija tal-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2014 u jagħti struzzjonijiet lill-President tal-Kumitat tar-Reġjuni sabiex iressaq din ir-Riżoluzzjoni lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Presidenza Litwana tal-Kunsill tal-UE u l-Presidenzi li jmiss Griega u Taljana. |
Brussell, 4 ta’ Lulju 2013.
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Ramón Luis VALCÁRCEL SISO
(1) COM(2012) 629 final.
(2) CdR 2204/2012.
(3) Ara CdR 341/2010.
(4) COM(2011) 571 final.
(5) Ara CdR 140/2011 fin.