21.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 376/3


Laqgħa tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur fid-9 u l-10 ta' Diċembru 2013

2013/C 376/05

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA:

1.

IFAKKAR li taħt l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni, kif ukoll li l-azzjoni tal-Unjoni għandha tikkumplementa l-politiki nazzjonali u tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, għandha wkoll tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa pubblika u, jekk neċessarju, tagħti appoġġ lill-azzjoni tagħhom, u tirrispetta b'mod sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni u t-twassil tas-servizzi tas-saħħa u l-kura medika;

2.

IFAKKAR li l-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar sistemi tas-saħħa moderni, reattivi u sostenibbli, adottati fis-6 ta' Ġunju 2011, stieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jibdew proċess ta' riflessjoni taħt l-awspiċi tal-Grupp ta' Ħidma dwar is-Saħħa Pubblika fil-Livell Għoli li għandu l-għan li jidentifika metodi effettivi għall-investiment fis-saħħa, sabiex issir ħidma għal sistemi tas-saħħa moderni, reattivi u sostenibbli;

3.

IFAKKAR l-impenn sabiex jinkisbu l-objettivi ta' Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv inkluża l-koordinazzjoni ta' sforzi nazzjonali permezz taċ-ċiklu annwali ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika, is-Semestru Ewropew;

4.

IFAKKAR li l-isfidi, l-objettivi u l-prinċipji identifikati fil-White Paper “Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE” adottata mill-Kummissjoni fit-23 ta' Ottubru 2007 u kkonfermata mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5-6 ta' Diċembru 2007 jibqgħu validi u jikkontribwixxu għall-kisba tal-mira ta' Ewropa 2020;

5.

IFAKKAR dwar il-Konklużjonijiet tal-Kunsill “Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni” tal-20-21 ta' Ġunju 2013 (1), il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fil-Kuntest tas-Semestru Ewropew tat-28 ta' Frar 2013 (2) u l-approvazzjoni tar-Rapport tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali dwar ir-riformi tal-politika soċjali għat-tkabbir u l-koeżjoni fil-kuntest tal-Evalwazzjoni tas-Semestru Ewropew tal-2013 fil-politiki tal-impjiegi u dawk soċjali tal-15 ta' Ottubru 2013 (3);

6.

JIEĦU NOTA tal-progress miksub fil-proċess ta' riflessjoni, f'dak li jirrigwarda l-inklużjoni tas-saħħa f'politiki oħrajn fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-identifikazzjoni tat-temi għal kooperazzjoni eqreb possibbli fost l-Istati Membri, l-iskambju tal-aħjar prattiki u progress lejn kooperazzjoni aktar ikkoordinata fil-livell tal-UE sabiex ikunu appoġġati l-Istati Membri, fejn hu xieraq, fl-isforzi tagħhom sabiex jassiguraw li s-sistemi tas-saħħa tagħhom jegħlbu sfidi futuri;

7.

JILQA' l-ħidma li għaddejja dwar il-proċess ta' riflessjoni dwar il-ħames objettivi definiti:

it-tisħiħ tar-rappreżentazzjoni adegwata tas-saħħa fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 u fil-proċess tas-Semestru Ewropew;

id-definizzjoni ta' fatturi ta' suċċess għall-użu effettiv tal-Fondi Strutturali għall-investimenti fis-saħħa;

l-użu kosteffettiv tal-mediċini;

mudelli ta' kura integrata u ġestjoni aħjar ta' sptarijiet;

it-tkejjil u l-monitoraġġ tal-effettività tal-investimenti fis-saħħa.

WAQT LI JIKKUNSIDRA LI:

(a)

matul il-perijodu tal-ewwel tliet Semestri Ewropej, ir-rwol tal-kwistjonijiet tas-saħħa ġie rinfurzat b'mod konsistenti u t-ton u l-kuntest tar-referenzi għar-riformi fis-sistemi tas-saħħa evolvew, bil-għan doppju li jkun assigurat l-aċċess ugwali u universali għal kura tas-saħħa ta' kwalità għolja kif ukoll il-fondi bbażati fuq il-prinċipju ta' solidarjetà u użu aktar effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi li issa huwa inkluż bħala għan tal-politika fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni għall-2013;

(b)

is-saħħa tan-nies, minbarra li hija valur fiha nnifisha, jista' jkollha influwenza pożittiva fuq eżiti ekonomiċi bħall-provvista tax-xogħol u l-produttività, il-kapital uman, u l-infiq pubbliku ġenerali u għalhekk għandha rwol ewlieni fil-kisba tal-objettivi ta' Ewropa 2020 u fi ħdan is-Semestru Ewropew;

(c)

l-Istati Membri għandhom għalhekk jitrattaw ir-riskji soċjali u ta' saħħa matul il-ħajja tan-nies, b'kont meħud partikolarment tal-benefiċċji ta' prevenzjoni bikrija tal-mard u l-promozzjoni tas-saħħa kif ukoll il-kura, l-iżgurar tal-aċċess universali għal servizzi tal-kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja u l-immodernizzar tas-sistemi tal-kura tas-saħħa biex jittejbu l-kosteffettività, l-aċċessibbiltà u s-sostenibbiltà tagħhom;

(d)

l-infiq kosteffettiv u effiċjenti fuq is-saħħa huwa tip ta' nfiq produttiv u favur it-tkabbir u l-investiment fis-saħħa għandu jkun rikonoxxut bħala kontribut għat-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali;

(e)

l-Istati Membri jaffaċċaw sfidi komuni minħabba popolazzjoni li qed tixjieħ, il-piż ta' mard kroniku, sfidi relatati ma' mard li jittieħed, bidliet fil-ħtiġijiet tal-popolazzjoni, inugwaljanzi fis-saħħa, żieda fl-aspettattivi tal-pazjenti u l-ispejjeż li dejjem jiżdiedu tal-kura tas-saħħa kif ukoll ir-riżorsi li dejjem qed jonqsu disponibbli għas-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri minħabba s-sitwazzjoni ekonomika attwali;

(f)

il-koordinazzjoni mtejba tal-politika ekonomika tista' teħtieġ koordinazzjoni aktar b'saħħitha fil-livell tal-UE fil-qasam tas-saħħa, filwaqt li jiġi rrispettat l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

(g)

il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard huma fatturi ewlenin għas-sostenibbiltà fit-tul tas-sistemi tas-saħħa kif ukoll biex wieħed iżid aktar snin ta' saħħa tajba f'ħajtu;

(h)

il-proċessi ta' tfassil ta' politika u ta' teħid ta' deċiżjonijiet għandhom ikunu, sa fejn hu possibbli, ibbażati fuq l-evidenza u appoġġati minn sistemi ta' informazzjoni dwar is-saħħa adegwati;

(i)

investimenti fis-saħħa ffinanzjati, fost l-oħrajn, permezz ta' Fondi Strutturali u ta' Investiment jistgħu jkunu fattur importanti tas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa, madankollu l-potenzjal sħiħ għall-użu aħjar ta' Fondi Strutturali u ta' Investiment għall-investimenti fis-saħħa mill-Istati Membri fil-perijodu 2014-2020 għad irid jinkiseb;

(j)

jittejbu l-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi tas-saħħa u għalhekk tittejjeb is-sostenibbiltà tagħhom;

(k)

ir-rwol tal-UE fil-qasam tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-saħħa (HSPA) f'koordinazzjoni u kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, b'mod partikolari l-OECD u l-WHO jista' jiġi intensifikat aktar, filwaqt li jiġi allinjat mas-sistemi eżistenti;

(l)

l-Istati Membri jeħtieġu jsostnu l-provvista ta' farmaċewtiċi u apparat mediku affordabbli, innovattivi, effettivi u sikuri lill-popolazzjoni tagħhom filwaqt li tkun issalvagwardjata s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tas-saħħa.

JILQA':

(a)

ir-riżultati tal-proċess ta' riflessjoni taħt l-awspiċi tal-Grupp ta' Ħidma dwar is-Saħħa Pubblika f'Livell Għoli bl-għan li jiġu identifikati modi effettivi ta' investiment fis-saħħa, sabiex issir ħidma għal sistemi tas-saħħa moderni, reattivi u sostenibbli;

(b)

ir-riżultati tal-proċess ta' riflessjoni dwar approċċi innovattivi għal mard kroniku fis-sistemi pubbliċi tas-saħħa u tal-kura tas-saħħa;

(c)

l-approċċ deskritt fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar “L-Investiment fis-Saħħa” adottat bħala parti mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni” (“Pakkett ta' Investiment Soċjali”) kif adottat fit-18 ta' Frar 2013 (4) li jenfasizza li s-saħħa hija valur fiha nnifisha kif ukoll prekondizzjoni għall-prosperità ekonomika u l-koeżjoni soċjali;

(d)

il-progress li sar mis-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu fl-implimentazzjoni tal-pjan strateġiku tagħha, kif ukoll it-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali li nbdiet mill-għażla ta' siti ta' referenza;

(e)

żvilupp u konsolidazzjoni ulterjuri, filwaqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol, ta' sistema ta' informazzjoni u ta' monitoraġġ tas-saħħa fil-livell tal-UE bbażata fuq l-Indikaturi Bażiċi tas-Saħħa Ewropej (ECHI) u sistemi eżistenti tal-monitoraġġ tas-saħħa u tar-rappurtar bħala riżultat ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri appoġġati mill-Programmi ta' Azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-Saħħa;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI SABIEX:

(a)

jivvalutaw, kif xieraq, l-impatti possibbli tar-riformi tas-sistemi tas-saħħa kif ippreżentati fil-Programmi ta' Riforma Nazzjonali, inkluż effetti diretti u mhux diretti fuq is-saħħa, il-faqar tal-popolazzjoni, ir-rati tal-impjieg, il-produttività u l-kompetittività;

(b)

jiżguraw koordinazzjoni xierqa bejn il-formazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill (eż. EPSCO, ECOFIN eċċ.) li jittrattaw l-aspetti differenti tas-saħħa fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 u s-Semestru Ewropew sabiex tittejjeb il-kwalità tad-djalogu politiku u sabiex jiżdied il-valur miżjud tad-diskussjonijiet tal-UE dwar politiki tas-saħħa li qegħdin jaffaċċaw sfidi li jmorru lil hinn minn sempliċi sostenibbiltà fiskali;

(c)

ikomplu d-djalogu mmirat lejn it-titjib tal-użu effettiv tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (ESIF) għall-investimenti fis-saħħa u sabiex isir skambju ta' prattiki tajba dwar ippjanar, implimentazzjoni, monitoraġġ u soluzzjoni tal-problemi fil-perijodu 2014-2020 abbażi tal-eżiti tal-proċess ta' riflessjoni dwar dik it-tema, u b'mod partikolari l-għodda għall-użu effiċjenti tal-ESIF għall-investimenti fis-saħħa;

(d)

jistabbilixxu u jiżviluppaw, fuq bażi volontarja, politiki u programmi nazzjonali dwar forom integrati tal-kura u jiffurmaw mill-ġdid it-twassil frammentat tas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali billi:

il-kura integrata ssir prijorità fil-politiki u l-programmi tas-saħħa tagħhom fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;

jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-proċessi u l-għodod, b'enfasi speċjali fuq l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-istrumenti finanzjarji;

jinkoraġġixxu l-organizzazzjonijiet tal-professjonisti tas-saħħa biex ikollhom rwol attiv fil-kura integrata;

jippromovu t-taħriġ tal-ħaddiema fil-kura tas-saħħa dwar il-kura integrata;

tingħata s-setgħa lill-pazjenti u jiġu infurmati permezz tal-involviment ta' organizzazzjonijiet tal-pazjenti fl-iżvilupp ta' politiki u programmi dwar il-kura integrata fil-livelli xierqa kollha;

jiżviluppaw u jippromovu r-riċerka u l-innovazzjonijiet dwar il-kura integrata;

(e)

jużaw il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-saħħa (HSPA) għat-tfassil tal-politika, ir-responsabbiltà u t-trasparenza;

(f)

jikkunsidraw l-iżvilupp tar-repożitorju ta' prattiki tajba li jista' jipprovdi illustrazzjoni għall-modernizzazzjoni b'suċċess tas-sistemi tas-saħħa u l-kura u jgħin biex jittejbu l-aqwa soluzzjonijiet, filwaqt li titqies il-ħidma tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu;

(g)

jitolbu lill-Grupp ta' Ħidma dwar is-Saħħa Pubblika fil-Livell Għoli:

imexxi l-attivitajiet taħt it-taqsimiet IV u V, kif koperti mill-kompetenzi tiegħu, bl-użu tal-fora eżistenti, kif adatt;

jiżviluppa u jadotta l-metodi biex isaħħaħ il-kapaċitajiet tiegħu.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI U LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

(a)

ikomplu r-riflessjonijiet dwar ir-rappreżentazzjoni adegwata tas-saħħa fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 sabiex ikun żgurat li din il-kwistjoni strateġika tiġi inkluża anke waqt eżerċizzji futuri tas-Semestru Ewropew, soġġett għall-evalwazzjoni li jmiss ta' dan il-proċess;

(b)

jiżguraw il-koordinazzjoni neċessarja fil-livell nazzjonali u tal-UE sabiex is-settur tas-saħħa jiġi rrappreżentat b'mod adegwat fil-proċess tas-Semestru Ewropew, u biex jiġu simplifikati l-valutazzjonijiet tal-kura tas-saħħa li għaddejjin fil-livell tal-UE, b'mod partikolari permezz ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni msaħħa mal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u l-Kumitat tal-Politika Ekonomika, u billi tiġi eżaminata u stabbilita relazzjoni ta' ħidma bejn il-Grupp ta' Ħidma dwar is-Saħħa Pubblika fil-Livell Għoli u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali;

(c)

ikomplu l-eżerċizzju ta' monitoraġġ sabiex tiġi indirizzata t-tema tas-saħħa fil-proċess tas-Semestru Ewropew, anke billi jsir skambju ta' informazzjoni mal-Istati Membri dwar żviluppi nazzjonali, u sabiex mill-kunċett ta' “aċċess għall-kura tas-saħħa ta' kwalità tajba” jinħarġu kriterji ta' valutazzjoni operattivi, fost l-oħrajn għall-iskopijiet ta' sommarji tematiċi dwar is-Sistemi tas-Saħħa;

(d)

ikomplu r-riflessjoni, fuq bażi volontarja, dwar aspetti li jista' jkollhom impatt fuq id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà, il-prezzijiet, l-ispejjeż, is-sigurtà tal-pazjenti u l-innovazzjoni tal-farmaċewtiċi u l-apparat mediku u, fejn hu rilevanti, dwar sistemi li jiffaċilitaw l-aċċess, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ l-oqsma ta' kompetenza tal-Istati Membri;

(e)

jaqsmu l-għarfien, l-esperjenza u l-aħjar prattika dwar:

programmi, strutturi u politiki ta' kura integrata, inkluż sistemi ta' rappurtar u tagħlim, bil-għan li tiġi indirizzata l-ispiża;

l-effettività ta' interventi u soluzzjonijiet ta' kura integrata fil-livell tal-kura tas-saħħa u l-evalwazzjoni tat-trasferibbiltà tagħhom;

(f)

tittejjeb il-koordinazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-Saħħa fil-livell tal-UE billi:

jiġi simplifikat id-dibattitu dwar il-qafas teoretiku tal-HSPA u jiġu identifikati metodoloġiji u għodod utli sabiex jiġi appoġġat min ifassal il-politika fit-teħid ta' deċiżjonijiet;

jiġu definiti l-kriterji għall-għażla tal-oqsma ta' prijorità għall-HSPA fil-livell tal-UE u tittejjeb id-disponibbiltà u l-kwalità ta' data u informazzjoni rilevanti;

(g)

jikkooperaw bil-għan li tiġi stabbilita sistema ta' informazzjoni dwar is-saħħa tal-UE sostenibbli u integrata, mibnija fuq dak li diġà nkiseb permezz ta' gruppi u proġetti differenti, bħall-proġetti ECHI-ECHIm, u b'mod partikolari jiġi esplorat il-potenzjal ta' konsorzju komprensiv Ewropew ta' infrastruttura għar-riċerka tal-informazzjoni dwar is-saħħa bħala għodda;

(h)

itejbu l-koordinazzjoni fil-livell tal-UE u jiżviluppaw azzjoni konkreta tal-UE għat-tnaqqis tal-piż tal-mard kroniku, inkluż billi: tiġi identifikata u tixxerred il-prattika tajba billi tintuża l-“Azzjoni Konġunta li tindirizza l-mard kroniku u tippromwovi t-tixjiħ attiv matul iċ-ċiklu tal-ħajja”, jiġu promossi l-prevenzjoni bikrija u l-immaniġġjar moderni u effettivi ta' mard kroniku kif ukoll l-investimenti fil-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, tiġi indirizzata l-multimorbożità, tiġi allinjata l-aġenda ta' riċerka mal-ħtiġijiet tas-saħħa pubblika, jintuża l-għarfien mix-xjenza komportamentali u dixxiplini oħrajn, l-allinjament ma' proċessi internazzjonali oħrajn u l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali;

(i)

jikkooperaw bil-għan li jiġu evalwati l-inizjattivi tal-UE relatati mal-għoti ta' setgħat lill-pazjenti, u jitressqu ideat għal azzjonijiet ta' politika għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet favorevoli u l-iżvilupp ta' gwida għall-għoti ta' setgħat lill-pazjenti;

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

(a)

tappoġġa l-iskambji tal-aħjar prattiki u t-tagħlim reċiproku fost l-Istati Membri dwar l-użu effettiv u usa' tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment għall-investimenti fis-saħħa;

(b)

tappoġġa proġetti ta' kura integrata, b'enfasi speċjali fuq is-setgħat tal-pazjenti u l-immaniġġjar u l-prevenzjoni ta' mard kroniku;

(c)

tappoġġa Stati Membri permezz tal-użu tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-saħħa (HSPA);

(d)

tippreżenta l-evalwazzjoni tal-kunċett u l-approċċ tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjieħ Attiv u b'Saħħtu fl-ewwel semestru tal-2014, u tirrapporta darbtejn fis-sena dwar l-istat attwali tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjieħ Attiv u b'Saħħtu, il-progress li sar s'issa u l-passi li jmiss.


(1)  11487/13.

(2)  6936/13.

(3)  13958/1/ REV1.

(4)  6380/13 ADD 7.