19.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 372/1


Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li temenda l-Anness tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni fuq medda qasira ta' żmien

(2013/C 372/01)

I.   DAĦLA

(1)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni fuq żmien qasir (1) (il-Komunikazzjoni) tistipula fil-punt 13, li l-assigurati tal-Istat (2) ma jistgħux jipprovdu assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni fuq żmien qasir għal riskji kummerċjabbli. Ir-riskji kummerċjabbli huma definiti fil-paragrafu 9 bħala riskji kummerċjali u politiċi b’perjodu massimu ta' riskju ta’ anqas minn sentejn, fuq xerrejja pubbliċi u mhux pubbliċi fil-pajjiżi elenkati fl-Anness ta’ dik il-Komunikazzjoni.

(2)

Bħala konsegwenza tal-qagħda diffiċli fil-Greċja, fl-2012 ġie osservat nuqqas ta’ kapaċità ta’ assigurazzjoni jew riassigurazzjoni li jkopru l-esportazzjonijiet lejn il-Greċja. Dan wassal lill-Kummissjoni sabiex temenda l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri skont l-Artikolu 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni fuq żmien qasir, billi temporanjament neħħiet lill-Greċja mil-lista ta’ pajjiżi b’riskji kummerċjabbli (3). Din il-modifika tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2013. B’konsegwenza ta’ dan, mill-1 ta’ Jannar 2014 ’il quddiem, il-Greċja tkun fil-prinċipju kkunsidrata għal darb'oħra bħala kummerċjabbli, peress li l-Istati Membri kollha tal-UE huma inklużi fil-lista ta’ pajjiżi kummerċjabbli elenkati fl-Anness tal-Komunikazzjoni.

(3)

Madankollu, skont il-paragrafu 36 tal-Komunikazzjoni, tliet xhur qabel tieqaf it-tneħħija temporanja, il-Kummissjoni bdiet tirrieżamina s-sitwazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-qagħda attwali tas-suq tiġġustifikax l-iskadenza tat-tneħħija tal-Greċja mil-lista ta’ pajjiżi ta’ riskju kummerċjabbli fl-2014, jew jekk il-kapaċità tas-suq għadhiex insuffiċjenti biex tkopri r-riskji kollha ekonomikament ġustifikabbli, b'tali mod li tenħtieġ estensjoni.

II.   VALUTAZZJONI

(4)

Meta ġie determinat jekk in-nuqqas ta’ kapaċità privata suffiċjenti biex tkopri r-riskji kollha ekonomikament ġustifikabbli jkunx jiġġustifika l-estensjoni tat-tneħħija temporanja tal-Greċja mil-lista ta’ pajjiżi b’riskju kummerċjabbli, il-Kummissjoni kkonsultat mal-Istati Membri, mal-assiguraturi tal-kreditu privati u mal-partijiet oħra interessati, u talbet għal informazzjoni mingħandhom. Il-Kummissjoni ppubblikat talba għall-informazzjoni dwar id-disponibbiltà għall-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni fuq żmien qasir għall-esportazzjonijiet lejn il-Greċja fit-8 ta’ Ottubru 2013 (4). Id-data tal-iskadenza għat-tweġibiet kienet fis-6 ta’ Novembru 2013. Waslu 24 tweġiba mingħand l-Istati Membri, l-assiguraturi privati u l-esportaturi.

(5)

Informazzjoni preżentata lill-Kummissjoni jew disponibbli għaliha, turi biċ-ċar li għad m'hemmx biżżejjed kapaċità ta' assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni privata għall-Greċja u li l-ebda kapaċità sinifikanti ma hija mbassra li tkun disponibbli fil-ġejjieni qarib. Il-fatturat totali assigurat għal riskji Griegi baqa' baxx b’mod kostanti fl-2012/2013. L-assiguranti privati ta’ kreditu għall-esportazzjoni qegħdin kawti meta jiġu biex jipprovdu kopertura tal-assigurazzjoni għall-esportazzjonijiet lejn il-Greċja u ma joffrux biżżejjed kapaċità ta’ assigurazzjoni għal limiti ta' kreditu ġodda jew biex ikopru l-fatturati eżistenti. Fl-istess ħin, l-assiguraturi tal-Istat komplew jirreġistraw it-tkabbir fid-domanda għall-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjonijiet lejn il-Greċja bħala riżultat tan-nuqqas ta' disponibbiltà tal-assigurazzjoni privata. L-ebda sottomissjoni ma pprovdiet dejta li tindika li l-Greċja għandha tiddaħħal mill-ġdid fil-lista ta’ pajjiżi kummerċjabbli.

(6)

Mid-deċiżjoni li ttieħdet f'Diċembru 2012 li tneħħi b’mod temporanju lill-Greċja mil-lista ta’ pajjiżi kummerċjabbli, il-kapaċità privata ma ġietx restawrata fl-2013. Dawk li wieġbu kkonfermaw li s-sitwazzjoni hija partikolarment diffiċli għal esportaturi żgħar u ta’ daqs medju u f’xi każijiet ġie irreġistrat waqfien għal kollox ta' sottoskrizzjonijiet. Il-maġġoranza tas-sottomissjonijiet ikkunsidraw li l-kapaċità privata għadha stretta wisq biex tassigura l-esportazzjoni lejn il-Greċja u hija mistennija li tespandi biss sa ċertu punt fl-2014. L-analiżi tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ kapaċità ta' assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni privata għall-Greċja, kif stabbilit f’din id-Deċiżjoni, tibqa' valida.

(7)

Il-perspettiva ekonomika għall-Greċja ġiet riveduta ’l fuq minn Diċembru li għadda (5). Madankollu, skont it-Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-Ħarifa 2013, l-ekonomija Griega għadha f’riċessjoni, b'PDG reali b'pass imnaqqas matul l-2013. Il-PGD reali huwa mistenni li jespandi fl-2014, prinċipalment minħabba l-esportazzjonijiet u l-investiment. B’kuntrast, il-konsum privat huwa xorta mistenni li jonqos, skont l-introjtu disponibbli. Fl-istess ħin, skont l-informazzjoni mibgħuta matul il-konsultazzjoni pubblika, in-numru totali ta’ insolvenzi tan-negozji hu mistenni li jkompli jikber fl-2014.

(8)

Għal dawk ir-raġunijiet, fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura, il-Kummissjoni stabbiliet li hemm nuqqas ta’ kapaċità privata suffiċjenti sabiex tkopri r-riskji ekonomikament ġustifikabbli kollha u ddeċidiet li ttawwal it-tneħħija tal-Greċja mil-lista ta' pajjiżi b’riskji kummerċjabbli.

III.   EMENDA GĦALL-KOMUNIKAZZJONI

(9)

L-emendi li ġejjin għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni fuq żmien qasir se japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2014:

L-Anness jinbidel b'dan li ġej:

“LISTA TA' PAJJIŻI B'RISKJI KUMMERĊJABBLI

L-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tal-Greċja

L-Awstralja

Il-Kanada

L-Islanda

Il-Ġappun

New Zealand

In-Norveġja

L-Isvizzera

L-Istati Uniti tal-Amerika”


(1)  ĠU C 392, 19.12.2012, p. 1.

(2)  Assigurat tal-Istat huwa definit bħala kumpanija jew organizzazzjoni oħra li tipprovdi assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni bl-appoġġ ta’ Stat Membru jew f'ismu, jew Stat Membru li jipprovdi assigurazzjoni ta’ esportazzjonijiet bi kreditu, ara l-punt 9.

(3)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 6.

(4)  http://ec.europa.eu/competition/consultations/2013_export_greece/index_en.html

(5)  Pereżempju: S&P and Fitch: B- minn CCC f'Lulju 2012, ir-rata ta' Moody baqgħet stabbli għal C.