6.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 357/5


Proposta ta' għeluq tal-ilment CHAP (2013)2466

2013/C 357/04

1.

Il-Kummissjoni Ewropea rċeviet u rreġistrat sensiela ta’ lmenti taħt ir-referenza CHAP (2013)2466 dwar il-kontrolli li jagħmlu l-awtoritajiet Spanjoli mal-fruntiera ta’ Ġibiltà.

2.

Fid-dawl tal-għadd sinifikanti ta’ lmenti li rċeviet dwar dan is-suġġett, il-Kummissjoni, bil-għan li twieġeb malajr u tgħarraf lil dawk ikkonċernati, filwaqt li tagħmel l-aktar użu ekonomiku tar-riżorsi amministrattivi tagħha, ippubblikat konferma tar-riċevuta f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fuq l-internet fuq:

http://ec.europa.eu/eu_law/complaints/receipt/index_en.htm

3.

Wara eżami tal-ilmenti kif ukoll l-iskambji mal-awtoritajiet rilevanti, il-Kummissjoni ddeċidiet li torganizza żjara teknika fil-punt tal-qsim ta’ La Línea de la Concepción fil-25 ta' Settembru 2013.

4.

Is-servizzi tal-Kummissjoni issa lestew l-investigazzjoni tagħhom. Fuq il-bażi tal-osservazzjonijiet matul iż-żjara teknika fil-25 ta' Settembru 2013 u tal-informazzjoni pprovduta miż-żewġ awtoritajiet f'dik l-okkażjoni, il-Kummissjoni ma sabitx evidenza sabiex tikkonkludi li l-verifiki fuq il-persuni u l-oġġetti kif operati mill-awtoritajiet Spanjoli fil-punt tal-qsim ta' La Línea de la Concepción kisru l-proviżjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni.

5.

Madankollu, l-immaniġġjar ta' dan il-punt huwa ta' sfida fid-dawl tal-volumi kbar ta' traffiku fi spazju relattivament ristrett (madwar 35 000 persuna jidħlu kuljum u daqstant ieħor joħorġu, madwar 10 000 karozza kuljum) u ż-żieda fil-kuntrabandu tat-tabakk lejn Spanja. Għaldaqstant, il-Kummissjoni temmen li l-awtoritajiet fuq iż-żewġ naħat jistgħu jieħdu aktar miżuri biex jindirizzaw dawn l-isfidi.

6.

Fir-rigward ta' Spanja, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Spanjoli biex jikkunsidraw dawn l-azzjonijiet:

 

It-titjib tal-ispazju fiżiku disponibbli man-naħa Spanjola tal-punt tal-qsim:

Mad-dħul fi Spanja, matul iż-żjara l-esperti tal-Kummissjoni nnutaw li sitt korsiji għall-vetturi man-naħa ta' Ġibiltà jonqsu għal żewġ korsiji fil-livell tal-punt ta' kontroll tal-pulizija Spanjola, imbagħad tintuża korsija waħda de facto mill-maġġoranza tal-vjaġġaturi meta joqorbu lejn il-punt ta' kontroll doganali Spanjol (il-korsija l-ħadra għall-vetturi li ma għandhom l-ebda oġġetti x'jiddikjaraw). Barra minn hekk, mad-dħul fi Spanja hemm liwja ta' 180° fit-triq u f'dan il-livell it-traffiku tal-vetturi jitħallat mal-fluss ta' muturi. Għalkemm it-traffiku ma kienx estrem fil-mument taż-żjara, l-esperti tal-Kummissjoni setgħu josservaw konġestjoni importanti ta’ vetturi f’dan il-punt. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni din il-kostellazzjoni toħloq effett ta' restrinġiment u tista' titqies bħala waħda mir-raġunijiet għall-konġestjoni tat-traffiku f’dan il-punt tal-qsim. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tirrakkomanda li Spanja tanalizza l-organizzazzjoni tat-traffiku f’dan il-punt sabiex iżżid in-numru ta’ korsiji għall-vetturi għall-vjaġġaturi li ma għandhom l-ebda oġġetti x'jiddikjaraw, b’mod partikulari billi jużaw l-ispazju ħieles disponibbli fil-viċinanza ta’ dan il-punt.

Mal-ħruġ minn Spanja, l-esperti nnutaw matul iż-żjara li kien hemm korsija waħda disponibbli de facto għat-traffiku minn żewġ korsiji eżistenti. Kien fil-livell tal-punt ta' kontroll tal-pulizija Spanjola biss li l-vetturi kienu diretti lejn żewġ korsiji. Ir-raġuni għal dan hija li medda twila mill-korsija għall-vetturi li tinsab fuq in-naħa tax-xellug tintuża fiż-żewġ direzzjonijiet u titħalla ħielsa għal każijiet ta’ emerġenza (kif spjegaw l-awtoritajiet Spanjoli matul iż-żjara). Il-Kummissjoni tistieden lil Spanja biex tanalizza din l-organizzazzjoni tat-traffiku sabiex tagħmel użu sħiħ miż-żewġ korsiji eżistenti għall-vetturi, b’mod partikulari waqt il-ħinijiet l-aktar intensivi.

Il-Kummissjoni tistieden lil Spanja sabiex tikkunsidra li tuża l-appoġġ finanzjarju FFE/ISF għall-finijiet ta’ hawn fuq. Hija tfakkar ukoll fil-possibbiltà li tinkludi l-modernizzazzjoni tal-punt tal-qsim fil-Ftehim ta' Sħubija u l-Programmi Operazzjonali tal-Istrumenti ta' Politika ta' Koeżjoni għall-perjodu 2014-2020.

 

L-ottimizzazzjoni tal-ġbir ta’ profili abbażi tar-riskju:

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Spanjoli biex itejbu s-sistema ta’ analiżi tar-riskju biex jimmiraw aktar fuq il-kontrolli fil-fond tal-bagalji tal-vjaġġaturi u l-vetturi tagħhom.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Spanjoli rrappurtaw li l-kontrolli każwali jitwettqu mill-awtoritajiet doganali Spanjoli mal-ħruġ minn Spanja. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-intensità ta’ dawk il-verifiki mhijiex iġġustifikata u għalhekk tista’ titnaqqas, u dan ikompli jikkontribwixxi għal flussi tal-ivvjaġġar bla xkiel minn Spanja għal Ġibiltà.

 

L-iżvilupp tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kuntrabandu tat-tabakk:

L-awtoritajiet Spanjoli huma mħeġġa jiżviluppaw djalogu akbar mal-kontropartijiet tagħhom fir-rigward tal-iskambju ta’ intelliġenza dwar il-kuntrabandu tat-tabakk bil-ħsieb li jittejbu l-kapaċitajiet ta’ infurzar fuq iż-żewġ naħat biex jindirizzaw il-problema.

7.

Fir-rigward tar-Renju Unit, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit biex jikkunsidraw l-azzjonijiet li ġejjin:

 

L-iżvilupp tal-ġbir ta’ profili abbażi tar-riskju:

Għalkemm l-awtoritajiet ta’ Ġibiltà irrikonoxxew il-problema kbira relatata mal-kuntrabandu tat-tabakk f’dan il-punt tal-qsim u għarrfu lill-Kummissjoni dwar il-leġiżlazzjoni eżistenti mmirata lejn il-ġlieda kontra dan il-fenomenu, matul iż-żjara tagħhom l-esperti tal-Kummissjoni nnutaw li ma kienu qed isiru l-ebda kontrolli fuq persuni jew oġġetti ħerġin minn Ġibiltà. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tirrakkomanda li Ġibiltà tiżgura kontrolli mhux sistematiċi u abbażi tal-analiżi tar-riskju fuq vjaġġaturi u l-proprjetà personali tagħhom mal-ħruġ minn Ġibiltà fil-punt tal-qsim ta’ La Línea de la Concepción.

 

L-ottimizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni u s-salvagwardji sabiex jikkontribwixxu għall-ġlieda effiċjenti kontra l-kuntrabandu tat-tabakk:

L-awtoritajiet ta' Ġibiltà huma mistiedna jikkunsidraw l-Att dwar it-Tabakk ta' Ġibiltà, 1997, bil-għan li jallinjawh mal-leġiżlazzjoni tal-UE fir-rigward tal-eżenzjonijiet doganali u ta' taxxa għal vjaġġaturi lejn l-UE u l-limiti kwantitattivi korrispondenti għall-impurtar tal-prodotti tat-tabakk li huma ħielsa mit-taxxa.

L-awtoritajiet ta’ Ġibiltà huma mħeġġa jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-importazzjonijiet ta’ prodotti tat-tabakk f’Ġibiltà huma proporzjonati mad-domanda leġittima.

L-awtoritajiet ta’ Ġibiltà huma mħeġġa jiżguraw li l-manifatturi tat-tabakk kollha li jfornu sigaretti lill-klijenti f’Ġibiltà joperaw kontrolli adegwati tal-katina tal-provvista.

 

L-iżvilupp tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kuntrabandu tat-tabakk:

L-awtoritajiet ta' Ġibiltà huma mħeġġa jiżviluppaw djalogu akbar mal-kontropartijiet Spanjoli tagħhom fir-rigward tal-iskambju ta’ intelliġenza dwar il-kuntrabandu tat-tabakk bil-ħsieb li jtejbu l-kapaċitajiet ta’ infurzar fuq iż-żewġ naħat biex jindirizzaw il-problema.

8.

Fl-aħħar nett, bħal għal kull punt tal-qsim, l-aħjar riżultati fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu u l-kriminalità transfruntiera kif ukoll iż-żamma ta’ fluss mingħajr xkiel tat-traffiku jistgħu jinkisbu permezz ta’ kooperazzjoni ta’ kuljum bejn l-awtoritajiet li jaħdmu fuq kull naħa tal-fruntiera. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti kollha biex isaħħu d-djalogu kostruttiv tagħhom mal-kontropartijiet tagħhom għal dan l-għan.

9.

B’kunsiderazzjoni tal-elementi preċedenti, is-servizzi tal-Kummissjoni se jipproponu lill-Kummissjoni li l-każ jingħalaq.

Jekk il-kwerelanti jikkunsidraw li għandhom informazzjoni ġdida li tista’ twassal lill-Kummissjoni biex mill-ġdid tikkunsidra l-proposta li tagħlaq il-każ, din għandha tkun ippreżentata lill-Kummissjoni fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe tali informazzjoni ġdida, il-Kummissjoni tista’ tagħlaq il-każ.

10.

Madankollu, il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja s-sitwazzjoni fil-punt tal-qsim ta’ La Línea de la Concepción u talbet li tirċievi informazzjoni miż-żewġ awtoritajiet fi żmien sitt xhur dwar kif ġew ikkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet.

11.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni żżomm id-dritt li terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha jekk is-sitwazzjoni tinbidel jew tevolvi u anke terġa' żżur il-punt tal-qsim ta’ La Línea de la Concepción jekk dan ikun xieraq fil-futur.