3.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 353/15


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

2013/C 353/08

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt li wieħed jopponi għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

“PIRANSKA SOL”

Nru tal-KE: SI-PDO-0005-01098-27.02.2013

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem

“Piranska sol”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Is-Slovenja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.8.

Prodotti oħra tal-Anness I mat-Trattat (ħwawar eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Piranska sol” huwa melħ tal-baħar miksub esklussivament mis-salini ta' Sečovlje u Strunjan, prodott fuq bażi naturali ta' alka u minerali magħrufa bħala “petola”, li għandhom impatt sinifikanti fuq il-kulur u l-kwalità tal-melħ ta' Piran. Il-produzzjoni hija bbażata fuq tradizzjoni twila li tmur lura aktar minn 700 sena, meta l-melħ kien jinġabar kuljum, manwalment biss u bl-użu ta' għodod tradizzjonali. L-imxit tal-melħ kuljum jippermetti lill-“Piranska Sol” jiżviluppa bħala kristalli iżgħar u anqas densi, bid-daqs tagħhom ġeneralment ma jaqbiżx is-6,3 mm.

Meta jikkristallizza, il-melħ jifforma f'kristalli bojod fil-griż, potenzjalment b'xi impuritajiet residwali ta’ oriġini naturali. Il-metodu tal-ġbir juri li l-kristalli tal-melħ huma delikati u jdubu malajr. Meta jintaħnu, il-grani tal-melħ ikollhom aroma distinta tal-baħar.

Il-fleur de sel “Piranska Sol” jikkristallizza fil-wiċċ tas-salmura fil-ħwat tal-kristallizzazzjoni, li jagħtih il-karatteristiċi tal-istruttura kristallina għax iżomm xi ftit mill-ilma baħar. Il-kristalli fleur de sel idubu malajr minħabba fil-forma li għandhom u s-salmura li fihom.

Parametru

Valur

Unità

Id-densità tal-massa qabel il-ħażna

massimu

950 kg/m3

NaCl (ibbażat fuq piż xott)

minimu

95 %

Mg2+

minimu

0,2 %

Ca2+

minimu

0,1 %

Ċomb (Pb)

<

2 mg/kg

Kadmju (Cd)

<

0,5 mg/kg

Arseniku (As)

<

0,5 mg/kg

Merkurju (Hg)

<

0,1 mg/kg

Ram (Cu)

<

2 mg/kg

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata

Kull pass fil-produzzjoni tal-“Piranska Sol”, mill-użu tal-istruttura bażika tas-salini, it-tħejjija tal-“petola”, l-ipproċessar tal-melħ (il-mili tal-ħwat tas-salini, il-produzzjoni tas-salmura, il-kristallizzazzjoni, l-imxit bl-idejn, id-dekantazzjoni, it-tnixxif, it-tħin u t-tgħarbil) irid isir fiż-żona ġeografika identifikata.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.7.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-“Piranska Sol” jiġi prodott fiż-żona ġeografika tas-santwarju naturali tas-salini Sečovlje u tar-Riżerva Naturali Strunjan fil-muniċipalitajiet ta’ Piran u Izola fuq il-kosta Slovena.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Il-klima taż-żona ġeografika hija submediterranja. Minħabba t-tip ta' terren u l-esponiment tal-bajja u l-widien għall-irjieħ prevalenti, iż-żewġ salini jgawdu minn bilanċ aħjar bejn il-kwantità ta' xita li tinżel u l-evaporazzjoni ta’ kuljum fiż-żoni tal-madwar. L-aktar irjieħ importanti huma r-riħ sħun tal-mistral li jonfoħ minn fuq il-baħar u tul il-wied matul il-ġurnata, u l-bora li jonfoħ fid-direzzjoni opposta billejl.

Il-bażi tas-salini hija ffurmata minn sediment riċenti – depożitu ta' tafal organiku – depożitat f’Sečovlje mix-xmara Dragonja u fi Strunjan minn nixxiegħa magħrufa bħala Roja. Dan is-sediment huwa l-materjal ewlieni użat biex jinbnew il-ġnub u l-kanali li jiffurmaw is-salini. Is-sodda tal-ħwat tal-evaporazzjoni hija tafal, filwaqt li dik tal-kristallizzazzjoni għandha bażi tat-tafal iffurmata minn sediment riċenti li jippermetti saff ta' kwalità għolja ta’ “petola” jiġi kkoltivat fuqha. Il-“Petola” hija karatteristika speċjali tas-salini ta' Sečovlje u Strunjan.

L-ewwel referenza bil-miktub għas-salini ta' Piran tmur lura għas-sena 804. Il-Karta tal-belt ta' Piran tal-1274, li għad baqa' biss xi taqsimiet minnha, tinkludi numru ta’ regolamenti dwar is-salini u tenfasizza d-dritt tal-belt għall-produzzjoni u l-kummerċ tal-melħ. L-Istatut ta' Piran tal-1358 jinkludi d-dikjarazzjoni li kienet meħtieġa rikostruzzjoni minħabba t-tafal li kien ta kulur kannella lil “Piranska Sol”. Bl-għajnuna ta’ ħaddiema tas-salini mill-gżira ta' Pag, il-melħ beda jiġi prodott fuq “petola”, li tejbet il-kwalità tal-melħ, billi għamlitu aktar safi u bajdani.

L-instabbiltà fil-bidu tas-seklu 18 wasslet biex is-salini ta' Piran marru lura wara 300 sena ta’ progress u żvilupp. Fis-seklu 19 is-salini waqgħu f'idejn l-Imperu Awstro-Ungeriż, u hawn is-salini bbenefikaw billi ntemmu r-restrizzjonijiet tal-produzzjoni, żdied il-prezz tal-bejgħ tal-melħ u ġie introdott xiri obbligatorju tal-melħ prodott kollu, li reġa' wassal biex is-salini jieħdu lura l-pożizzjoni dominanti tagħhom. Wara l-waqgħa tal-monarkija Awstro-Ungeriża, is-salini waqgħu taħt l-amministrazzjoni tat-Taljani u aktar tard tal-Jugoslavi.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Waħda mill-karatteristiċi tal-“Piranska Sol” hija li l-produzzjoni tiegħu tirrispetta tradizzjoni li tmur lura aktar minn 700 sena.

Il-karatteristika ewlenija tal-“Piranska Sol” hija li huwa jiġi prodott fuq “petola”, bażi li tkun ippreparata minn tmiem l-istaġun ta’ qabel sal-bidu tal-kristallizzazzjoni tal-melħ, li teħtieġ sekwenza preċiża tal-proċeduri inkluż il-forniment ta' bażi tajba għall-“petola” innifisha. Il-“petola” hija qoxra kkultivata artifiċjalment bi ħxuna ta' 1 cm magħmula minn ċjanobatterja, ġipsum, karbonati u, sa ċertu punt, tafal ukoll. Il-“petola” għandha rwol doppju – l-ewwel li ma tħallix il-melħ jitħallat mat-tajn tal-baħar ta' taħtu, li jwassal għal melħ aktar safi u bajdani, u t-tieni taġixxi bħala filtru bijoloġiku li ma jħallix traċċi ta’ metall tqil milli joqogħdu fil-kristalli tal-melħ. Il-“petola” trid tkun livellata sabiex is-saff tas-salmura ta' fuqha jibqa' baxx u ta’ fond konsistenti.

Karatteristika oħra tal-“Piranska Sol” hija li l-melħ jinġabar kuljum permezz tal-imxit manwali tal-kristalli, li jinġabru f’munzelli konikali żgħar. L-imxit tal-kristalli kuljum bl-użu ta’ għodda tradizzjonali (moxt tal-injam imsejjaħ “gavero”) ma jħallix lill-kristalli jiffurmaw saff oħxon imwebbes li huwa tipiku fil-każ ta' melħ tal-baħar miġbur mekkanikament. Dan jippermetti lill-kristalli jiffurmaw b’mod li fil-parti l-kbira jżommu ftit mill-ilma baħar oriġinali u jagħmilhom eħfef u aktar delikati, bid-daqs tal-kristalla ġeneralment ma jaqbiżx is-6,3 mm. Il-“Piranska Sol” mhuwiex raffinat jew imlaħlaħ, għaldaqstant il-kompożizzjoni minerali tiegħu hija bbilanċjata b’mod naturali u ma għandu l-ebda addittivi.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Storikament, l-iżvilupp ta’ tekniki għall-produzzjoni tal-melħ mill-ilma baħar baqgħet issir bl-użu ta' ħwat għall-evaporazzjoni gradwali. It-teknoloġija bażika llum għadha l-istess, u d-differenzi bejn salini individwali fil-Mediterran huma l-aktar minħabba fil-klima, il-ġeoloġija u l-kundizzjonijiet ambjentali lokali. L-aktar differenzi notevoli huma fil-metodu tal-ġbir jew tal-ħsad tal-melħ fi ħwat tal-kristallizzazzjoni, fejn l-iżvilupp tal-proċess jiddependi primarjament fuq tal-mikroklima tas-salini speċifiċi. F'kundizzjonijiet klimatiċi favorevoli, jista' jintuża proċess ta' kristallizzazzjoni kontinwa, filwaqt li min-naħa l-oħra – pereżempju bħalma huwa l-każ tas-salini ta' Piran – kundizzjonijiet klimatiċi ħżiena bir-riskju ta’ maltempati bir-ragħad u xita qawwija fis-sajf ifissru li l-melħ ikollu jinġabar kuljum. Il-produzzjoni tradizzjonali tal-“Piranska Sol” għaddiet minn diversi tibdiliet matul l-istorja tas-salini, iżda l-ġbir tal-melħ ta’ kuljum żviluppa u kompla bħala riżultat tal-kundizzjonijiet klimatiċi u l-ħafna snin ta’ esperjenza tal-ħaddiema tas-salini. Il-ġbir tal-melħ ta’ kuljum ifisser li s-saff tal-kristalli tal-melħ fil-qiegħ tal-ħawt ikun biss ftit millimetri oħxon, il-ħxuna biss tal-kristalli tal-melħ stess. L-imxit tal-melħ ta' kuljum jagħti lill-melħ il-forma kristallina karatteristika tiegħu, li spiss iżżomm l-ilma baħar oriġinali ta' ġo fiha. Il-kristalli tal-“Piranska Sol” huma eħfef u aktar delikati mill-kristalli tal-melħ tal-baħar li jkunu ffurmaw f’saff imwebbes.

Il-produzzjoni tal-“Piranska Sol” tinvolvi l-użu ta’ tekniki manwali tradizzjonali fil-ħidma tat-tafal u waqt it-tħejjija tal-bażi għall-“petola” u fil-kultivazzjoni u l-preżervazzjoni tagħha. Jintużaw għodod tal-injam li ma jkunux ittrattati jew miksija kimikament. Tintuża għodda ħafifa ħafna biex jinħasad il-fleur de sel.

F’temp kalm, il-fleur de sel jikkristallizza fil-wiċċ tal-ħwat tal-kristallizzazzjoni fil-forma ta' qoxra rqiqa u delikata. Il-kristalli jkollhom struttura spjegata ta' piramida li żżomm ftit ilma, u li tippermettilhom idubu aktar malajr.

Fis-seklu 14 is-salini ta' Pag kienu aktar moderni minn dawk ta’ Piran, u kienu magħrufa għall-melħ abjad tagħhom, li kien prodott fuq il-bażi magħrufa bħala “petola”. F’dak iż-żmien, il-melħ tas-salini ta' Piran kellu sfumatura ta' lewn kannella minħabba l-kulur tat-tafal, għaldaqstant il-ħaddiema tas-salini ta' Pag kisbu permess biex jibnu salini f’Piran bl-istess mod bħal f'Pag, bl-użu ta’ “petola” sabiex jipproduċu l-melħ (l-Istatut ta' Piran, 1358). Il-proċess tradizzjonali għall-preparazzjoni tal-“petola” fuq bażi ta' tafal – li f’Sečovlje fil-parti l-kbira tiegħu jiġi mix-xmara Dragonja u fi Strunjan min-nixxiegħa Roja, mill-għoljiet tal-flysh fiż-żoni interni ta' Šavrinski Gričevje – kien wieħed mill-akbar żviluppi fis-seklu 14, u influwenza b’mod sinifikanti l-kwalità u l-kulur tal-melħ prodott. Minn dakinhar, il-“Piranska Sol” kien preġjat bħala prodott kummerċjali importanti madwar reġjun ġeografiku wiesa' minħabba l-purezza u l-bjuda tiegħu, u n-nuqqas ta’ residwu tafli.

Il-produzzjoni tal-“Piranska Sol” hija kważi kollha bl-idejn. Storikament, ġenerazzjonijiet ta’ azjendi żgħar ta' familji raħħala minn madwar is-salini u abitanti ta’ Piran adattaw ħajjithom għax-xogħol staġonali tas-salini, u għaddew l-għarfien tagħhom tul il-ġenerazzjonijiet. Dik l-esperjenza u l-għarfien, mill-preżervazzjoni tal-ambjent lokali sħiħ tas-salini, it-tekniki speċifiċi għat-tħejjija tal-ħwat tal-melħ, speċjalment il-proċeduri regolari ta' matul is-sena kollha għall-produzzjoni tal-“petola”, il-metodu tal-ġbir tal-melħ prodott, u ċ-ċaqliq, il-mili u l-mili mill-ġdid tal-ħwat bil-kwantitajiet u l-konċentrazzjonijiet ġusti ta’ salmura, ikkontribwixxew b'mod sinifikanti fil-kwalità u l-karatteristiċi finali tal-“Piranska Sol”.

Ir-reputazzjoni u l-kwalità għolja tal-“Piranska Sol” ġew ikkonfermati minn firxa wiesgħa ta' letteratura, fuljetti u artikli li dehru fl-istampa Slovena u barranija (inkluż il-Gambero Rosso, in-New Western Cuisine, is-Slovenia Times, WaSaBi, u n-New York Times).

Il-produzzjoni tal-“Piranska Sol” seħħet b'mod simbjotiku mal-ambjent ta' madwarha matul l-istorja, u żiedet valur naturali u kulturali lil dak l-ambjent.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (3))

http://www.mko.gov.si/fileadmin/mko.gov.si/pageuploads/podrocja/Varna_in_kakovostna_hrana_in_krma/zasciteni_kmetijski_pridelki/Specifikacije/Piranska_sol_spec-nova_potrjena_2012.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 2.