15.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 332/1


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat għall-films u xogħlijiet awdjoviżivi oħra

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 332/01

1.   INTRODUZZJONI

1.

Xogħlijiet awdjoviżivi, partikolarment films, jaqdu rwol importanti fit-tiswir ta’ identitajiet Ewropej. Jirriflettu d-diversità kulturali tal-istorja u t-tradizzjonijiet differenti fl-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE. Xogħlijiet awdjoviżivi huma kemm prodott ekonomiku, li joffri opportunitajiet importanti għall-ħolqien tal-ġid u l-impjiegi, kif ukoll oġġett kulturali li jirrifletti u jifforma s-soċjetajiet tagħna.

2.

Fost ix-xogħlijiet awdjoviżivi, il-films għandhom prominenza partikolari, minħabba l-ispejjeż tagħhom ta’ produzzjoni u importanza kulturali. Il-baġits għall-produzzjoni ta’ films huma sostanzjalment ogħla minn għal dawk li għandhom kontenut awdjoviżiv, ħafna drabi huma aktar is-suġġett ta' koproduzzjoni internazzjonali, u t-tul ta’ żmien li fih jistgħu jiġu sfruttati huwa itwal. Il-films b’mod partikolari jaffaċċaw kompetizzjoni b’saħħitha minn barra l-Ewropa. Min-naħa l-oħra, ftit hemm ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej barra l-pajjiż ta' oriġini tagħhom.

3.

Din iċ-ċirkolazzjoni limitata tirriżulta mill-frammentazzjoni tas-settur awdjoviżiv Ewropew fi swieq nazzjonali u anki reġjonali. Filwaqt li dan huwa relatat mad-differenza lingwistika u kulturali Ewropea, il-qrubija tinbena wkoll bl-appoġġ pubbliku għax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej, li permezz tagħhom skemi għall-finanzjament nazzjonali, reġjonali u lokali jissussidjaw ħafna kumpaniji żgħar tal-produzzjoni.

4.

Huwa ġeneralment aċċettat li l-għajnuna hija importanti sabiex il-produzzjoni awdjoviżiva Ewropea tkun sostnuta. Huwa diffiċli għall-produtturi tal-films sabiex jiksbu livell suffiċjenti ta’ sostenn kummerċjali bil-quddiem sabiex ikollhom pakkett finanzjarju biex proġetti ta’ produzzjoni jkunu jistgħu jipproċedu. Ir-riskju għoli assoċjat man-negozji u l-proġetti tagħhom, flimkien man-nuqqas ta’ profitabbiltà perċepita tas-settur, jagħmluhom dipendenti fuq l-għajnuna mill-Istat. Ħafna minn dawn il-films li jitħallew purament għas-suq, ma kinux isiru minħabba taħlita ta' investiment għoli meħtieġ u udjenza limitata għal xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej. F’dawn iċ-ċirkostanzi, it-trawwim tal-produzzjoni awdjoviżiva mill-Kummissjoni u l-Istati Membri għandu r-rwol li jiżgura li l-kultura u l-kapaċità kreattiva tagħhom ikunu jistgħu jiġu espressi, filwaqt li jkunu jistgħu jiġu riflessi wkoll id-diversità u r-rikkezza tal-kultura Ewropea.

5.

MEDIA, il-programm ta’ appoġġ tal-Unjoni Ewropea għall-films, it-televixin u l-industriji tal-midja l-ġdida, joffri bosta skemi ta' finanzjament differenti, kull waħda mmirata lejn oqsma differenti tas-settur awdjoviżiv, inklużi l-iskemi għal produtturi, distributuri, aġenti tal-bejgħ, organizzaturi ta’ korsijiet ta’ taħriġ, operaturi f'teknoloġiji diġitali ġodda, operaturi ta' pjattaformi għal video-on-demand (VoD), esibituri u organizzaturi ta’ festivals, swieq u attivitajiet ta’ promozzjoni. Huwa jħeġġeġ iċ-ċirkolazzjoni u l-promozzjoni tal-films Ewropej b'enfasi partikolari fuq films Ewropej mhux nazzjonali. Dawn l-azzjonijiet se jitkomplew fis-Subprogramm MEDIA fi ħdan Ewropa Kreattiva, il-programm Ewropew ġdid ta' appoġġ għas-setturi kulturali u kreattivi.

2.   GĦALFEJN NIKKONTROLLAW GĦAJNUNA MILL-ISTAT GĦALL-FILMS U XOGĦLIJIET AWDJOVIŻIVI OĦRA?

6.

L-Istati Membri implimentaw firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ films, programmi televiżivi u xogħlijiet awdjoviżivi oħra. Flimkien, l-Istati Membri pprevedew stima ta' EUR 3 biljun kull sena f'appoġġ għall-films (1). Dan il-finanzjament huwa pprovdut permezz ta' iktar minn 600 skema ta' sapport nazzjonali, reġjonali u lokali. Ir-raġuni għal dawn il-miżuri hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet kemm kulturali kif ukoll industrijali. Huma għandhom l-għan kulturali primarju li jiżguraw li l-kulturi nazzjonali u reġjonali u l-potenzjal kreattiv ikunu espressi fil-midja awdjoviżiva tal-films u tat-televixin. Min-naħa l-oħra, huma jimmiraw li joħolqu l-massa kritika tal-attività li hija meħtieġa sabiex tinħoloq id-dinamika għall-iżvilupp u t-tisħiħ tal-industrija permezz tal-ħolqien ta’ impriżi ta’ produzzjoni mqabbda sew, u l-iżvilupp ta’ ġabra permanenti ta’ ħiliet u esperjenzi tal-bniedem.

7.

Permezz ta' dan l-appoġġ, l-UE issa saret waħda mill-ikbar produtturi tal-films fid-dinja. L-industrija taċ-ċinema tal-UE pproduċiet 1 299 feature film fl-2012 meta mqabbel ma' 817 fl-Istati Uniti (2011), jew 1 255 fl-Indja (2011). Fl-2012, daħlu fis-swali taċ-ċinema tal-Ewropa 933,3 miljun persuna (2). Fl-2008, is-suq awdjoviżiv Ewropew għad-divertiment iffilmjat kien ivvalutat EUR 17-il biljun (3). Iktar minn miljun persuna huma impjegati fis-settur awdjoviżiv fl-Unjoni Ewropea (4).

8.

Dan jagħmel il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-films mhux biss attività kulturali iżda wkoll attività ekonomika sinifikanti. Barra minn hekk, il-produtturi tal-films huma attivi fuq livell internazzjonali u xogħlijiet awdjoviżivi huma kkummerċjati internazzjonalment. Dan ifisser li tali għajnuna fil-forma ta' għotjiet, inċentivi fiskali u tipi oħra ta' appoġġ finanzjarju probabbilment taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-produtturi u x-xogħlijiet awdjoviżivi li jirċievu tali appoġġ x’aktarx li jkollhom vantaġġ finanzjarju u għaldaqstant vantaġġ kompetittiv fuq dawk li ma jirċevuhx. Bħala konsegwenza, dan l-appoġġ jista’ jfixkel il-kompetizzjoni u huwa meqjus bħala għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE. Skont l-Artikolu 108 TFUE, il-Kummissjoni għaldaqstant hija obbligata li tivvaluta l-kompatibbiltà tal-għajnuna fis-settur awdjoviżiv mas-suq intern, bħalma tagħmel għall-miżuri l-oħra ta' Għajnuna mill-Istat f'setturi oħra.

9.

F'dan il-kuntest huwa importanti li t-Trattat jistipula l-importanza kbira tal-promozzjoni tal-kultura għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha billi jinkorpora l-kultura fost il-politiki tal-Unjoni speċifikament imsemmija fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-Artikolu 167(2) TFUE jistipula li:

“L-azzjoni tal-Unjoni timmira biex tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk jinħtieġ, tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tagħhom fl-oqsma li ġejjin:

[…]

il-kreazzjoni artistika u letterarja, anki fis-settur awdjoviżiv.”

10.

L-Artikolu 167(4) TFUE jistipula li:

“L-Unjoni għandha tagħti kas tal-aspetti kulturali fl-azzjonijiet tagħha skont dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, partikolarment sabiex tirrispetta u tippromwovi d-diversità tal-kulturi tagħha.”

11.

L-Artikolu 107(1) TFUE jipprojbixxi għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ teżenta ċerta għajnuna mill-Istat minn din il-projbizzjoni. Waħda minn dawn l-eżenzjonijiet hija l-Artikolu 107(3)(d) TFUE għall-għajnuna għall-promozzjoni tal-kultura, fejn għajnuna bħal din ma taffetwax il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ sa limitu li jmur kontra l-interess komuni.

12.

Ir-regoli tat-Trattat dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jirrikonoxxu l-ispeċifiċitajiet tal-kultura u l-attivitajiet ekonomiċi relatati magħha. L-għajnuna awdjoviżiva tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà għal perjodu ta' żmien medju u twil tal-film Ewropew u s-setturi awdjoviżivi fl-Istati Membri kollha u żżid id-diversità kulturali tal-għażla ta' xogħlijiet disponibbli għal udjenzi Ewropej.

13.

Bħala Parti għall-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Ħarsien u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, l-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri tal-UE, hija impenjata li tintegra d-dimensjoni kulturali bħala element vitali fil-politiki tagħha.

3.   L-IŻVILUPPI MILL-2001

14.

Il-kriterji ta’ valutazzjoni għall-għajnuna mill-Istat għall-produzzjoni ta’ films u xogħlijiet awdjoviżivi oħra kienu oriġinarjament stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-2001 dwar iċ-Ċinema (5). Il-validità ta' dawn il-kriterji kienet estiża fl-2004 (6), l-2007 (7) u l-2009 (8) u skadiet fil-31 ta' Diċembru 2012. Din il-Komunikazzjoni ssegwi l-linji ewlenin tal-Komunikazzjoni tal-2001, filwaqt li tirreaġixxi għal għadd ta' xejriet li tfaċċaw mill-2001.

15.

L-iskemi ta' għajnuna approvati mill-Kummissjoni minn mindu daħlu fis-seħħ ir-regoli tal-2001, juru li l-Istati Membri jużaw varjetà wiesgħa ta' mekkaniżmi u kundizzjonijiet ta' għajnuna. Il-biċċa l-kbira tal-iskemi segwew il-mudell li għalih kienu ddisinjati l-kriterji ta' valutazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2001, jiġifieri għotjiet mogħtija lill-produzzjonijiet magħżula ta' films, meta l-għajnuna massima hija determinata bħala perċentwal tal-baġit ta' produzzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna. Madankollu, għadd li qed jiżdied ta' Stati Membri introduċew skemi li jiddefinixxu l-ammont ta' għajnuna bħala perċentwal tan-nefqa fuq attività ta' produzzjoni mwettqa fl-Istat Membru biss li joħroġ l-għotja. Dawn l-iskemi ħafna drabi huma ddisinjati fil-forma ta' tnaqqis tat-taxxa jew inkella b'mod li japplika awtomatikament għal film li jissodisfa ċerti kriterji għall-eliġibbiltà tiegħu għall-għajnuna. Meta mqabbel ma' fondi tal-film li individwalment jagħtu approċċ għal films uniċi meta jkun hemm applikazzjoni, dawn l-iskemi bl-applikazzjoni awtomatika tagħhom jippermettu produtturi ta' films biex jiffatturaw ammont prevedibbli ta' fondi li diġà huma fil-fażi tal-ippjanar jew żvilupp.

16.

Rigward l-iskop ta' attivitajiet megħjuna, xi Stati Membri offrew ukoll għajnuna għal attivitajiet minbarra l-produzzjoni ta' films. Din tinkludi għajnuna għad-distribuzzjoni tal-films jew għas-swali taċ-ċinema, pereżempju biex jappoġġaw swali taċ-ċinema rurali jew swali ta’ ċinema artistiku inġenerali, jew sabiex ikopru t-tranżizzjoni tagħhom lejn il-projezzjoni tal-films diġitali. Xi Stati Membri jappoġġaw proġetti awdjoviżivi li jmorru lil hinn mill-kunċett tradizzjonali ta’ produzzjonijiet tal-films u tat-TV, b’mod partikolari prodotti interattivi, bħat-transmidja jew logħob. F'dawn il-każijiet, il-Kummissjoni applikat il-kriterji tal-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċinema bħala referenza sabiex tivvaluta n-neċessità, il-proporzjonalità u l-adegwatezza tal-għajnuna, kull meta għajnuna bħal din kienet innotifikata lilha. Il-Kummissjoni nnutat ukoll kompetizzjoni fost l-Istati Membri biex jużaw għajnuna mill-Istat biex jattiraw investiment lejhom minn kumpaniji kbar tal-produzzjoni tal-films ta' pajjiżi terzi. Dawn il-kwistjonijiet ma kinux indirizzati fil-Komunikazzjoni tal-2001.

17.

Diġà fl-2001, il-Komunikazzjoni ħabbret li l-Kummissjoni se tirrevedi l-livell massimu ta' obbligi ta' nfiq territorjali f'dan is-settur li huwa permess skont ir-regoli ta' għajnuna mill-Istat. L-obbligi ta' infiq territorjali fl-iskemi ta' finanzjament ta' films jirrikjedu ċerta parti tal-baġit appoġġat tal-films li għandu jintefaq fl-Istat Membru li jagħti l-għajnuna. L-estensjoni tal-2004 identifikat l-obbligi ta' infiq territorjali fi skemi ta' finanzjament ta' films bħala kwistjoni li trid tiġi vvalutata aktar fid-dawl tal-konformità tagħha mal-prinċipji tas-suq intern tat-Trattat. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, adottata mill-2001 dwar l-importanza tas-suq intern fir-rigward tar-regoli dwar l-oriġini ta' oġġetti u servizzi, għandha tkun meqjusa wkoll (9).

18.

L-applikazzjoni tat-“test kulturali” qajmet ukoll kwistjonijiet fil-prattika. Il-kompatibbiltà ta' għajnuna għall-produzzjoni ta' films hija vvalutata skont l-Artikolu 107(3)(d) TFUE li jipprevedi l-possibbiltà li tingħata għajnuna “għall-promozzjoni kulturali”. Il-Komunikazzjoni tal-2001 esiġiet li l-għajnuna tkun immirata direttament lejn prodott kulturali. Madankollu, l-iskrutinju ddettaljat tal-Kummissjoni tal-kriterji kulturali fi skemi ta' appoġġ għall-films kien kontroversjali fl-Istati Membri, speċjalment fl-isfond tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

19.

Għaldaqstant, meta fl-2009 estendiet il-kriterji ta' valutazzjoni ta' għajnuna mill-Istat tal-Komunikazzjoni tal-2001, il-Kummissjoni nnutat il-bżonn għal riflessjoni ulterjuri dwar l-implikazzjonijiet ta' dawn l-iżviluppi u reviżjoni tal-kriterji vvalutati.

4.   BIDLIET SPEĊIFIĊI

20.

Din il-Komunikazzjoni tindirizza l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq u tintroduċi emendi għall-kriterji tal-Komunikazzjoni tal-2001. B'mod partikolari hija tkopri għajnuna mill-Istat għal skop usa' ta' attivitajiet, tenfasizza l-prinċipju ta' sussidjarjetà fil-qasam tal-politika kulturali u l-osservazzjoni tal-prinċipji tas-suq intern, tintroduċi livell ta' intensità ogħla għal għajnuna massima għal produzzjonijiet transfruntiera u tinkludi l-protezzjoni u l-aċċess għall-patrimonju tal-films. Il-Kummissjoni temmen li dawn il-bidliet huma meħtieġa fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew mill-2001 lil hawn u se jgħinu biex fil-futur xogħlijiet Ewropej ikunu iktar kompetittivi u pan-Ewropej.

4.1.   L-ambitu tal-attivitjiet

21.

Rigward l-ambitu tal-attivitajiet li għalih din il-Komunikazzjoni tapplika, il-kriterji tal-għajnuna mill-Istat fil-Komunikazzjoni tal-2001 dwar iċ-Ċinema ffukaw fuq il-produzzjoni tal-films. Kif innutat, xi Stati Membri madankollu offrew ukoll appoġġ għal attivitajiet relatati oħra, bħall-kitba tal-iskript, l-iżvilupp, id-distribuzzjoni tal-films, jew il-promozzjoni tal-films (inklużi festivals tal-films). L-għan li tiġi mħarsa u protetta d-diversità kulturali tal-Ewropa permezz tax-xogħlijiet awdjoviżivi, jista’ jinkiseb biss jekk dawn ix-xogħlijiet jarawhom l-udjenzi. L-għajnuna għall-produzzjoni biss toħloq il-periklu li jiġi stimulat il-forniment tal-kontenut awdjoviżiv mingħajr ma jiġi żgurat li x-xogħol awdjoviżiv ikun imqassam u kummerċjalizzat sew. Għalhekk huwa xieraq li l-għajnuna għandha tkopri l-aspetti kollha fil-ħolqien ta’ film, mill-kunċett tal-istorja sat-twassil lill-udjenza.

22.

Rigward l-għajnuna għas-swali taċ-ċinema, normalment l-ammonti involuti huma żgħar biex pereżempju s-swali taċ-ċinema rurali u s-swali ta’ ċinema artistiku għandhom ikunu suffiċjentement moqdija bil-livell ta’ għajnuna li jaqa’ taħt ir-Regolament de minimis  (10). Madankollu, jekk Stat Membru jista' jiġġustifika li huwa meħtieġ aktar appoġġ għas-swali taċ-ċinema, l-għajnuna se tkun valutata skont il-Komunikazzjoni attwali bħala għajnuna għall-promozzjoni tal-kultura skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(d) TFUE. Għajnuna għas-swali taċ-ċinema tippromwovi l-kultura peress li l-għan prinċipali tas-swali taċ-ċinema huwa l-wiri tal-prodott kulturali ta' film.

23.

Xi Stati Membri kkunsidraw appoġġ għal proġetti awdjoviżivi li jmorru lil hinn mill-kunċett tradizzjonali ta' film u produzzjonijiet tat-TV. L-irrakkuntar tal-istejjer permezz tat-transmidja (magħrufa wkoll bħala l-irrakkuntar tal-istejjer minn pjattaformi multipli jew l-irrakkuntar tal-istejjer permezz ta’ cross-media) hija t-teknika ta’ kif jingħadu l-istejjer minn diversi pjattaformi u formati bl-użu ta’ teknoloġiji diġitali bħal films u logħob. B’mod importanti, dawn il-biċċiet tal-kontenut huma marbuta flimkien (11). Peress li l-proġetti tat-transmidja huma inevitabbilment marbuta mal-produzzjoni ta’ film, il-produzzjoni ta’ film bħala komponent hija meqjusa bħala xogħol awdjoviżiv fl-ambitu ta' din il-Komunikazzjoni.

24.

Min-naħa l-oħra, għalkemm jista' jagħti l-każ li l-logħob ikun jirrappreżenta waħda mill-forma ta' medja tal-massa li l-aktar li tkun qed tinfirex fis-snin li ġejjin, mhux il-logħob kollu neċessarjament jikkwalifika bħala xogħol awdjoviżiv jew prodott kulturali. Għandhom karatteristiċi differenti minn films fejn tidħol il-produzzjoni, id-distribuzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-konsum. Għaldaqstant, ir-regoli maħsuba għall-produzzjoni tal-films ma jistgħux japplikaw awtomatikament għal-logħob. Barra minn dan, kuntrarju għal dak li jiġri fis-settur tal-films u dak tat-televiżjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex ammont biżżejjed utli ta' deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat dwar logħob. Konsegwentement, din il-Komunikazzjoni ma tkoprix għajnuna mogħtija għal-logħob. Kwalunkwe miżura għall-għajnuna li tappoġġa l-logħob li ma tilħaqx il-kundizzjonijiet tal-GBER (General Block Exemption Regulation - Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) (12) jew tar-Regolament de minimis għandha tibqa’ tiġi indirizzata fuq il-bażi ta’ każ b'każ. Sakemm il-ħtieġa ta’ skema ta’ għajnuna mmirata lejn il-logħob li għandu skop kulturali u edukattiv tkun tista’ tiġi murija, il-Kummissjoni se tapplika b’analoġija l-kriterju tal-intensità tal-għajnuna ta' din il-Komunikazzjoni.

4.2.   Kriterju Kulturali

25.

Biex tkun kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(d), jeħtieġ li l-għajnuna għas-settur awdjoviżiv tippromwovi l-kultura. F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE, id-definizzjoni ta’ attivitajiet kulturali hija primarjament responsabbiltà tal-Istati Membri. Fil-valutazzjoni ta’ skema ta’ appoġġ awdjoviżiv, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-kompitu tagħha huwa limitat li tivverifika jekk Stat Membru għandux stabbilit mekkaniżmu ta’ verifika relevanti, effettiv, biex jiġu evitati l-iżbalji evidenti. Dan jista’ jinkiseb jew permezz tal-ħolqien ta’ proċess ta’ għażla kulturali sabiex ikun determinat liema xogħlijiet awdjoviżivi għandhom jibbenefikaw minn għajnuna, jew permezz ta’ profil kulturali li jrid jiġi ssodisfat mix-xogħlijiet awdjoviżivi kollha bħala kundizzjoni għall-għajnuna. F'konformità mal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' Espressjonijiet Kulturali tal-2005 (13), il-Kummissjoni tinnota li l-fatt li l-film huwa kummerċjali ma jżommux lura milli jkun kulturali.

26.

Id-diversità lingwistika hija element importanti tad-diversità kulturali; għaldaqstant, id-difiża u l-promozzjoni tal-użu ta' lingwa jew diversi lingwi ta' Stat Membru sservi wkoll għall-promozzjoni tal-kultura (14). Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti, kemm il-promozzjoni ta' lingwa ta' Stat Membru (15) kif ukoll il-politika kulturali (16) tista' tikkostitwixxi rekwiżit superjuri relatat mal-interess ġenerali li jiġġustifika restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jitolbu, bħala kundizzjoni għall-għajnuna, fost l-oħrajn, li l-film jiġi prodott f'lingwa partikulari, meta jiġi stabbilit li dan ir-rekwiżit ikun meħtieġ u xieraq biex jintlaħaq għan kulturali fis-settur awdjoviżiv, li jista' jiffavorixxi wkoll il-libertà tal-espressjoni tal-komponenti soċjali, reliġjużi, filosofiċi jew lingwistiċi differenti li jeżistu f'reġjun partikulari. Il-fatt li kriterju bħal dan jista' fil-prattika jikkostitwixxi vantaġġ għal impriżi ta' produzzjonijiet ċinematografiċi li jaħdmu bil-lingwa koperta minn dak il-kriterju jidher inerenti għall-ilħuq tal-għan (17).

4.3.   L-obbligi ta' nfiq territorjali

27.

L-obbligi imposti mill-awtoritajiet li jagħtu l-għajnuna fuq il-produtturi tal-films sabiex jonfqu ċerta parti mill-baġit għall-produzzjoni tal-film f'territorju partikolari (magħruf bħala “obbligi ta' nfiq territorjali”) kienu soġġetti għal attenzjoni partikolari minn meta l-Kummissjoni bdiet tħares lejn skemi għas-sostenn tal-films. Il-Komunikazzjoni tal-2001 dwar iċ-Ċinema ppermettiet lill-Istati Membri li jirrikjedu li sa 80 % mill-baġit tal-film kollu kien jeħtieġ li jintefaq fit-territorju tagħhom. L-iskemi li jiddefinixxu l-ammont ta' għajnuna bħala perċentwal tan-nefqa dwar l-attività ta' produzzjoni mwettqa fl-Istat Membru li jagħmel l-għotjiet permezz tad-disinn tagħhom diġà jippruvaw jattiraw kemm jista' jkun attività ta' produzzjoni għall-Istat Membru li jagħmel l-għotjiet u jinkludu element inerenti ta' territorjalizzazzjoni tan-nefqa. Il-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċinema jeħtieġ li tikkunsidra dawn it-tipi differenti ta' skemi ta' għajnuna li issa huma stabbiliti.

28.

L-obbligi tal-infiq territorjali jikkostitwixxu restrizzjoni tas-suq intern għal produzzjoni awdjoviżiva. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkummissjonat studju estern dwar kundizzjonijiet territorjali imposti fuq il-produzzjoni awdjoviżiva li kien komplut fl-2008 (18). Kif ġie ddikjarat fl-estensjoni tal-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċinema tal-2009, kumplessivament, l-istudju kien inkonklużiv: ma setax jasal għal konklużjoni jekk l-effetti pożittivi tal-kundizzjonijiet territorjali kinux jisbqu l-effetti negattivi.

29.

Madankollu, l-istudju sab li l-ispejjeż għall-produzzjoni tal-films jidhru li huma ogħla f'dawk il-pajjiżi li japplikaw kundizzjonijiet territorjali milli f'dawk li ma japplikawhomx. L-istudju sab ukoll li kundizzjonijiet territorjali jistgħu jikkawżaw xi ostakli għal koproduzzjonijiet li jistgħu jrenduhom ukoll inqas effiċjenti. Kumplessivament, l-istudju sab li l-obbligi l-iktar ristrettivi ta' nfiq territorjali ma jwasslux għal effetti biżżejjed pożittivi biex tkun iġġustifikata ż-żamma tal-livelli ta' restrizzjonijiet attwali. Huwa wkoll ma weriex li hemm bżonn ta' dawn il-kundizzjonijiet fl-isfond tal-objettivi segwiti.

30.

Miżura nazzjonali li ttellef l-eżerċitar ta' libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat tista' tkun aċċettabbli biss meta tikkonforma ma' diversi kundizzjonijiet: hija għandu jkollha raġuni prinċipali ta' interess ġenerali, għandha tkun adattata sabiex ikun żgurat li jintlaħaq l-għan li hija ssegwi u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li jkun neċessarju sabiex tilħaq dak l-għan (19). Il-karatteristiċi speċifiċi tal-industrija tal-films, b'mod partikolari l-mobbiltà estrema ta' produzzjonijiet u l-promozzjoni ta' diversità kulturali u kultura nazzjonali u lingwi, jistgħu jikkostitwixxu rekwiżit prinċipali ta' interess ġenerali li kapaċi jiġġustifika restrizzjoni fuq l-eżerċitar tal-libertajiet fundamentali. Għalhekk, il-Kummissjoni tkompli tirrikonoxxi li, sa ċertu punt, tali kundizzjonijiet jistgħu jkunu neċessarji sabiex tinżamm massa kritika ta' infrastruttura għall-produzzjoni tal-films fl-Istat Membru jew fir-reġjun li jagħmel l-għotja.

31.

Kważi ħadd mill-Istati Membri ma jimponi obbligi ta' nfiq territorjali sal-limitu massimu ta' 80 % tal-baġit għall-produzzjoni li tippermetti l-Komunikazzjoni tal-2001. Diversi Stati Membri ma għandhom ebda obbligu ta' nfiq territorjali fl-iskemi tagħhom. Ħafna skemi reġjonali huma marbuta mal-ammont tal-għajnuna u jirrikjedu li 100 % jew 150 % ta' dan l-ammont għandu jintefaq fl-Istat Membru li jagħmel l-għotja, mingħajr ma jkun speċifiku dwar l-oriġini tas-servizzi subkuntrattati jew l-oriġini tal-oġġetti użati fil-produzzjoni. F'xi skemi, il-produttur li jirċievi l-għajnuna huwa liberu li jonfoq mill-inqas 20 % tal-baġit tal-produzzjoni barra mill-Istat Membru. Ċerti Stati Membri jikkalkulaw l-għajnuna għal film bħala perċentwal tan-nefqa lokali biss.

32.

L-ammont tan-nefqa li huwa suġġett għall-obbligi ta' nfiq territorjali għandu mill-inqas ikun proporzjonat mal-impenji finanzjarji attwali ta' Stat Membru u mhux mal-baġit kumplessiv tal-produzzjoni. Dan ma kienx neċessarjament il-każ fil-kriterju territorjali tal-Komunikazzjoni tal-2001 (20).

33.

Essenzjalment hemm żewġ mekkaniżmi tal-għajnuna distinti applikati mill-Istati Membri li joffru għajnuna għall-produzzjoni tal-films:

għajnuna mogħtija – pereżempju minn bord tal-għażla – bħala għotja diretta, pereżempju definita bħala perċentwal tal-baġit tal-produzzjoni; u

għajnuna mogħtija u definita bħala proporzjon tan-nefqa tal-produzzjoni fl-Istat Membru li jagħti l-għajnuna (pereżempju inċentiv fiskali).

34.

Il-paragrafu 50 jistabbilixxi l-limiti għal kull mekkaniżmu li fih il-Kummissjoni tista' taċċetta li Stat Membru jkun qed japplika obbligi ta' nfiq territorjali li xorta jistgħu jitqiesu bħala meħtieġa u proporzjonati għal għan kulturali.

35.

Fil-każ ta' għajnuna mogħtija bħala għotja, l-obbligu ta' nfiq territorjali massimu għandu jkun limitat għal 160 % tal-ammont tal-għajnuna. Dan jikkorrispondi għar-regola ta' “80% tal-baġit tal-produzzjoni” preċedenti meta l-intensità tal-għajnuna tilħaq il-massimu ġenerali ddikjarat fil-paragrafu 52(2), jiġifieri 50 % tal-baġit tal-produzzjoni (21).

36.

Fil-każ ta' għajnuna mogħtija bħala perċentwal tan-nefqa fuq attività ta' produzzjoni fl-Istat Membru li jagħti l-għajnuna, hemm inċentiv biex wieħed jonfoq aktar fl-Istat Membru biex jirċievi aktar għajnuna. L-illimitar tal-attività ta' produzzjoni eliġibbli għal dik li sseħħ fl-Istat Membru li jagħti l-għajnuna hija restrizzjoni territorjali. Konsegwentement, sabiex jitwaqqaf limitu li huwa paragunabbli mal-limitu għall-għotjiet, in-nefqa massima suġġetta għall-obbligi ta' nefqa territorjali hija ta' 80 % tal-baġit tal-produzzjoni.

37.

Barra minn hekk, bi kwalunkwe mekkaniżmu, kwalunkwe skema jista' jkollha kriterju ta' eliġibbiltà li jitlob livell minimu ta' attività ta' produzzjoni fit-territorju tal-Istat Membru li jagħti l-għajnuna. Dan il-livell ma jaqbiżx il-50 % tal-baġit tal-produzzjoni.

38.

Fi kwalunkwe każ, skont il-liġi tal-UE, l-Istati Membri ma għandhom ebda obbligu li jimponu obbligi ta' nfiq territorjali.

4.4.   Kompetizzjoni biex jiġu attirati produzzjonijiet barranin kbar

39.

Meta fl-2001 kienet adottata l-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċinema, ftit Stati Membri ppruvaw jużaw għajnuna għall-films biex jattiraw proġetti kbar ta' films barranin biex jinħadmu fit-territorju tagħhom. Minn dakinhar, diversi Stati Membri introduċew skemi bl-għan li jattiraw produzzjonijiet bi profili għoljin lejn l-Ewropa, f'kompetizzjoni globali mal-lokalitajiet u faċilitajiet bnadi oħra, bħall-Istati Uniti, il-Kanada, New Zealand jew l-Awstralja. Kontributuri għall-konsultazzjonijiet pubbliċi qabel din il-Komunikazzjoni qablu li dawn il-produzzjonijiet kienu meħtieġa biex tinżamm infrastruttura awdjoviżiva ta' kwalità għolja biex tikkontribwixxi għall-użu ta' faċilitajiet ta' studios ta' klassi għolja, tagħmir u persunal u biex tikkontribwixxi għat-trasferiment ta' teknoloġija, ħiliet u għarfien espert. L-użu parzjali ta' faċilitajiet minn produzzjonijiet barranin jgħin ukoll biex ikun hemm il-kapaċitajiet biex jinħadmu produzzjonijiet Ewropej ta' kwalità għolja u bi profil għoli.

40.

Rigward l-effett possibbli fuq is-settur awdjoviżiv Ewropew, produzzjoni barranija jista' jkollha impatt li jdum peress li ġeneralment tagħmel użu qawwi ta' din l-infrastruttura lokali u ta' kast lokali. Kumplessivament dan jista' jkollu impatt pożittiv fuq is-settur awdjoviżiv nazzjonali. Ta' min jinnota wkoll li ħafna mill-films li huma meqjusa li huma proġetti ewlenin ta' pajjiżi terzi, huma koproduzzjonijiet li jinvolvu wkoll produtturi Ewropej. B'hekk dawn is-sussidji se jikkontribwixxu wkoll għall-promozzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej u biex ikunu sostnuti faċilitajiet għal produzzjonijiet nazzjonali.

41.

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li tali għajnuna tista', fil-prinċipju tkun kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(d) TFUE bħala għajnuna għall-promozzjoni tal-kultura bl-istess kundizzjonijiet bħall-għajnuna għal produzzjoni Ewropea. Madankollu, peress li l-ammonti ta' għajnuna għal produzzjonijiet internazzjonali kbar jistgħu jkunu kbar ħafna, il-Kummissjoni se timmonitorja l-iżvilupp ulterjuri ta' din it-tip ta' għajnuna biex tiżgura li l-kompetizzjoni primarjament issir abbażi ta' kwalità u prezz, iktar milli abbażi ta' Għajnuna mill-Istat.

4.5.   Produzzjonijiet transfruntiera

42.

Ftit films Ewropej huma distribwiti barra t-territorji ta' produzzjoni tagħhom. Il-probabbiltà li film Ewropew jiġi rilaxxat f'diversi Stati Membri hija ogħla milli fil-każ ta' koproduzzjonijiet li jinvolvu produtturi minn diversi pajjiżi. Fl-isfond tal-importanza ta' kooperazzjoni ta' produtturi minn Stati Membri differenti għall-produzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej li jixxandru f'diversi Stati Membri, il-Kummissjoni tqis li intensità ogħla ta' għajnuna hija ġġustifikata għal koproduzzjonijiet transfruntiera ffinanzjati minn iktar minn Stat Membru wieħed u li jinvolvu produtturi minn iktar minn Stat Membru wieħed.

4.6.   Il-patrimonju tal-films

43.

Il-films għandhom jinġabru, jiġu preservati u aċċessibbli għal ġenerazzjonijiet futuri għall-finijiet kulturali u edukattivi (22). Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport dwar il-patrimonju ċinematografiku tat-18 ta' Novembru 2010 (23) stieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-films li ġew appoġġati mill-għajnuna mill-Istat jiġu ddepożitati f'istituzzjoni tal-patrimonju tal-films, flimkien mal-materjal relatat, fejn ikun fattibbli, u d-drittijiet xierqa fir-rigward tal-priservazzjoni u l-użu kulturali u mhux kummerċjali tal-films u ta' materjal mhux relatat.

44.

Xi Stati Membri introduċew il-prassi li jħallsu l-aħħar pagament tal-għajnuna wara li l-istituzzjoni tal-patrimonju tal-films tkun iċċertifikat id-depożitu tal-film li jkun ingħata għajnuna. Dan wera li kien mod effiċjenti biex jiġi infurzat l-obbligu kuntrattwali ta' depożitu.

45.

Xi Stati Membri introduċew ukoll dispożizzjonijiet fil-ftehimiet tal-għotja tagħhom biex jippermettu l-użu ta' films iffinanzjati b'mod pubbliku għal skopijiet speċifiċi fl-eżekuzzjoni tal-missjonijiet ta' interess pubbliku tal-istituzzjonijiet tal-patrimonju tal-films wara perjodu ta' żmien miftiehem u sakemm dan ma jinterferixxix mal-użu normali tal-film.

46.

Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom iħeġġu u jappoġġaw lill-produtturi biex jiddepożitaw kopja tal-film megħjun fl-istituzzjoni tal-patrimonju tal-films magħżula mill-korp li jagħti l-għajnuna biex jiġi ppriservat (24), kif ukoll għal użu speċifikat mhux kummerċjali miftiehem mal-proprjetarju/i f'konformità mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u mingħajr preġudizzju għar-remunerazzjoni xierqa lill-proprjetarju wara perjodu ta' żmien miftiehem u mniżżel fil-ftehim tal-għotja u b'mod li dan ma jinterferixxix mal-użu normali tal-film.

5.   VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA

47.

Meta tivvaluta għajnuna għall-films u xogħlijiet awdjoviżivi oħra, il-Kummissjoni tivverifika l-bażi tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq:

L-ewwel, jekk l-iskema ta' għajnuna tirrispettax il-prinċipju tal-“legalità ġenerali”, jiġifieri l-Kummissjoni għandha tivverifika li l-iskema ma tinkludix klawsoli li jkunu kuntrarji għal dispożizzjonijiet tat-TFUE f'oqsma oħra minbarra Għajnuna mill-Istat;

It-tieni, jekk l-iskema tissodisfax il-kriterji ta' kompatibbiltà speċifiċi għal għajnuna, stipulati hawn taħt.

5.1.   Legalità ġenerali

48.

Il-Kummissjoni għandha l-ewwel tivverifika li l-għajnuna tirrispetta l-prinċipju ta' “legalità ġenerali” u li l-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u l-kriterji tal-għoti ma fihomx klawżoli kuntrarji għat-TFUE f'oqsma minbarra l-għajnuna mill-Istat. Dan jinkludi l-iżgurar li l-prinċipji tat-TFUE li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni abbażi ta' nazzjonalità, moviment ħieles ta' oġġetti, moviment ħieles ta' ħaddiema, libertà tal-istabbiliment, libertà għall-forniment ta' servizzi u libertà għall-moviment ta' kapital, ikunu ġew rispettati (l-Artikoli 18, 34, 36, 45, 49, 54, 56 u 63 tat-TFUE). Il-Kummissjoni ssaħħaħ dawn il-prinċipji flimkien mal-applikazzjoni tar-regoli ta' kompetizzjoni meta d-dispożizzjonijiet li jkunu qed jiksru dawn il-prinċipji huma inseparabbli mit-tħaddim tal-iskema.

49.

F’konformità mal-prinċipji msemmija hawn fuq, l-iskemi ta’ għajnuna ma jistgħux, pereżempju, jirriżervaw l-għajnuna esklużivament għaċ-ċittadini; jeħtieġu li l-benefiċjarji jkollhom l-istatus ta’ impriża nazzjonali stabbilit skont il-liġi kummerċjali nazzjonali (impriżi stabbiliti fi Stat Membru wieħed u li joperaw f’ieħor permezz ta’ fergħa jew aġenzija permanenti għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna; barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ aġenzija għandu jkun infurzabbli biss mal-pagament tal-għajnuna); jew jobbligaw lil kumpaniji barranin li jipprovdu servizzi biex isiru l-films li jevitaw it-termini u l-kundizzjonijiet tad-Direttiva 96/71/KE fir-rigward tal-ħaddiema impjegati tagħhom (25).

50.

Fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika tas-settur tal-films Ewropew, skemi ta’ appoġġ għall-produzzjoni tal-films jistgħu:

jeħtieġu li sa 160 % tal-ammont tal-għajnuna jintefqu fit-territorju li jagħti l-għajnuna; jew

jikkalkulaw l-ammont tal-għajnuna mogħtija għall-produzzjoni ta' xogħol awdjoviżiv partikolari bħala perċentwal tan-nefqa fuq attivitajiet ta' produzzjoni ta’ films fl-Istat Membru li jagħti din l-għajnuna, tipikament f'każ ta' skemi ta' appoġġ fil-forma tal-inċentivi fiskali.

Fiż-żewġ każijiet, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu livell minimu tal-attività tal-produzzjoni fit-territorju tagħhom biex il-proġetti jkunu eliġibbli għal kwalunkwe għajnuna. Dan il-livell, madankollu, ma jistax jaqbeż il-50 % tal-baġit globali tal-produzzjoni. Barra minn hekk, ir-rabta territorjali fl-ebda każ ma taqbeż it-80 % tal-baġit globali tal-produzzjoni.

5.2.   Kriterji ta' valutazzjoni speċifiċi skont l-Artikolu 107(3)(d) TFUE

51.

L-objettiv tal-appoġġ għall-produzzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej u l-iżgurar li l-infrastruttura meħtieġa qiegħda f’postha għall-produzzjoni u l-wiri tagħhom, huwa t-tfassil tal-identitajiet kulturali Ewropej u t-tisħiħ tad-diversità kulturali. Għalhekk, l-iskop tal-għajnuna huwa l-promozzjoni tal-kultura. Din l-għajnuna tista’ tkun kompatibbli mat-Trattat skont l-Artikolu 107(3)(d) TFUE. Impriżi fis-settur tal-produzzjoni tal-films u tal-programmi għat-televiżjoni jistgħu jibbenefikaw wkoll minn tipi oħra ta' għajnuna mogħtija taħt l-Artikolu 107(3)(a) u (c) TFUE (pereżempju għajnuna reġjonali, għajnuna għall-SME, għar-Riċerka u l-Iżvilupp, għat-taħriġ, jew għall-impjiegi), sal-massimu tal-intensitajiet għall-għajnuna fil-każ ta’ akkumulazzjoni tal-għajnuna.

52.

Fil-każ ta' skemi mfassla biex jappoġġaw il-kitba tal-iskripts, l-iżvilupp, il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi koperti minn din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni se teżamina dawn il-kriterji b'referenza għax-xogħol awdjoviżiv li se jibbenefika mill-għajnuna biex tivvaluta jekk l-iskema hijiex kompatibbli mat-Trattat skont l-Artikolu 107(3)(d) TFUE:

(1)

L-għajnuna hija indirizzata lejn prodott kulturali. Kull Stat Membru jiżgura li l-kontenut tal-produzzjoni megħjuna huwa kulturali skont il-kriterji nazzjonali tiegħu stess, permezz ta’ proċess ta’ verifika effettiva biex jevita żbalji evidenti: permezz tal-għażla ta' proposti ta’ films, pereżempju minn bord jew persuna fdata bl-għażla, jew, fl-assenza ta' dan il-proċess ta' għażla, billi titwaqqaf lista ta' kriterji kulturali li magħha jiġi vverifikat kull xogħol awdjoviżiv.

(2)

Fil-prinċipju, l-intensità tal-għajnuna trid tkun limitata għal 50 % tal-baġit għall-produzzjoni, bil-ħsieb li tistimula inizjattivi kummerċjali normali. L-intensità tal-għajnuna għal produzzjonijiet transfruntieri ffinanzjati minn aktar minn Stat Membru wieħed u li jinvolvu produtturi minn aktar minn Stat Membru wieħed tista' tkun sa 60 % tal-baġit tal-produzzjoni. Xogħlijiet awdjoviżivi diffiċli (26) u koproduzzjonijiet li jinvolvu pajjiżi mil-Lista tad-DAC tal-OECD (27) huma esklużi minn dawn il-limiti. Films li l-unika verżjoni oriġinali tagħhom hija fil-lingwa nazzjonali ta’ Stat Membri b’territorju, popolazzjoni u żona tal-lingwa limitati, jistgħu jitqiesu bħala xogħlijiet awdjoviżivi diffiċli f’dan il-kuntest.

(3)

Fil-prinċipju, ma hemmx limitu fuq l-għajnuna għall-kitba jew l-iżvilupp tal-iskript. Madankollu jekk l-iskript jew il-proġett li jirriżulta, fl-aħħar mill-aħħar isir film, l-ispejjeż għall-kitba tal-iskript u l-iżvilupp huma sussegwentement inklużi fil-baġit tal-produzzjoni u kkunsidrati fil-kalkolu tal-intensità tal-għajnuna massima għax-xogħol awdjoviżiv kif stabbilit fis-subparagrafu (2) hawn fuq.

(4)

L-ispejjeż għad-distribuzzjoni u l-promozzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi li huma eliġibbli għal sostenn għall-produzzjoni jistgħu jkunu appoġġjati bl-istess intensità tal-għajnuna daqslikieku kienu jew setgħu jkunu għall-produzzjoni tagħhom.

(5)

Minbarra l-kitba tal-iskripts, l-iżvilupp, id-distribuzzjoni jew il-promozzjoni, għajnuna mogħtija għal attivitajiet speċifiċi tal-produzzjoni mhijiex permessa. Konsegwentement, l-għajnuna ma tridx tkun riżervata għal partijiet individwali fil-katina tal-valur tal-produzzjoni. Kwalunkwe għajnuna mogħtija għall-produzzjoni ta' xogħol speċifiku awdjoviżiv għandha tikkontribwixxi għall-baġit globali tiegħu. Il-produttur għandu jkun liberu li jagħżel l-elementi tal-baġit li se jintefqu fi Stati Membri oħra. Dan jiżgura li l-għajnuna jkollha effett ta’ inċentiv newtrali. L-identifikazzjoni ta’ għajnuna għal elementi speċifiċi individwali ta’ baġit ta’ film tista’ tibdel din l-għajnuna fi preferenza nazzjonali għas-setturi li jipprovdu l-oġġetti speċifiċi megħjuna, li ma jkunux kompatibbli mat-Trattat.

(6)

L-Istati Membri għandhom iħeġġu u jappoġġaw lill-produtturi biex jiddepożitaw kopja tal-film megħjun fl-istituzzjoni tal-patrimonju tal-films magħżul mill-korp li jagħti l-għajnuna għall-preservazzjoni, kif ukoll għal użu speċifikat mhux kummerċjali miftiehem mal-proprjetarju/i f'konformità mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u mingħajr preġudizzju għar-remunerazzjoni xierqa għall-proprjetarju/i wara perjodu ta' żmien miftiehem u mniżżel fil-ftehim tal-għotja u li ma jinterferixxix mal-użu normali tal-film.

(7)

L-għajnuna tingħata b'mod trasparenti. L-Istati Membri jridu jippubblikaw tal-anqas din l-informazzjoni fuq websajt unika, jew fuq websajt unika li tirkupra informazzjoni minn bosta websajts: it-test sħiħ tal-iskema ta’ għajnuna approvata u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha, l-isem u n-natura tal-attività jew proġett megħjuna, l-ammont tal-għajnuna, u l-intensità tal-għajnuna bħala proporzjon tal-baġit totali tal-attività jew proġett megħjuna. Din l-informazzjoni trid tiġi ppubblikata onlajn wara li tittieħed id-deċiżjoni tal-għotja, tinżamm tal-anqas għal 10 snin u tkun disponibbli lill-pubbliku ġenerali mingħajr restrizzjonijiet (28).

53.

Il-modernizzazzjoni tat-teatri taċ-ċinema, inkluża d-diġitizzazzjoni tagħhom, tista’ tkun megħjuna meta l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġġustifikaw il-ħtieġa, il-proporzjonalità għal din l-għajnuna. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tivvaluta jekk l-iskema hijiex kompatibbli mat-Trattat skont l-Artikolu 107(3)(d) TFUE.

54.

Waqt li jkun qed jiġi stabbilit jekk l-intensità massima ta’ għajnuna hijiex rispettata, l-ammont totali ta’ miżuri ta’ appoġġ pubbliku tal-Istati Membri għall-attività jew għall-proġett assistit jiġi kkunsidrat, mingħajr ma jiġi meqjus jekk dan l-appoġġ ikunx finanzjat minn sorsi lokali, reġjonali, nazzjonali jew tal-Unjoni. Madankollu, il-fondi mogħtija direttament minn programmi tal-UE bħal MEDIA, mingħajr l-involviment tal-Istati Membri fl-għoti tad-Deċiżjoni, mhumiex riżorsi tal-Istat. Għalhekk, l-għajnuna tagħhom ma tgħoddx għall-għanijiet li jimxu mal-limiti tal-għajnuna.

6.   MIŻURI XIERQA

55.

Il-Kummissjoni tipproponi bħala miżuri xierqa għall-fini tal-Artikolu 108(1) TFUE li l-Istati Membri jiżguraw li l-iskemi eżistenti rigward il-finanzjament tal-films ikunu f'konformità ma' din il-Komunikazzjoni fi żmien sentejn mill-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri għandhom jikkonfermaw mal-Kummissjoni fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali li jaqblu mal-miżuri xierqa proposti. Il-Kummissjoni se tinterpreta n-nuqqas ta' risposta mill-Istat Membru kkonċernat bħala nuqqas ta' qbil.

7.   APPLIKAZZJONI

56.

Din il-Komunikazzjoni se tiġi applikata mill-ewwel jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

57.

Il-Kummissjoni se tapplika din il-Komunikazzjoni għall-miżuri ta' għajnuna nnotifikati kollha li fir-rigward tagħhom hija tissejjaħ biex tieħu deċiżjoni wara li l-Komunikazzjoni tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali, anki jekk il-miżuri għall-għajnuna jkunu ġew innotifikati qabel dik id-data.

58.

F'konformità mal-avviż tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni tal-għajnuna illegali mill-Istat (29), fil-każ ta' għajnuna mhux notifikata l-Kummissjoni se tapplika:

(a)

din il-Komunikazzjoni, jekk l-għajnuna tkun ingħatat wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

(b)

il-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċinema tal-2001 fil-każijiet l-oħra kollha.


(1)  EUR 2,1 biljun tal-appoġġ huwa pprovdut kull sena mill-fondi Ewropej għall-films (http://www.obs.coe.int/about/oea/pr/fundingreport2011.html). Skont l-istudju dwar l-impatt ekonomiku u kulturali tal-kundizzjonijiet territorjali ta' skemi li jappoġġaw il-films, stima ulterjuri ta' EUR 1 biljun hija pprovduta kull sena mill-Istati Membri permezz ta' inċentivi fiskali għall-films, http://ec.europa.eu/avpolicy/info_centre/library/studies/index_en.htm#territorialisation

(2)  Sors: Focus 2012 – World film market trends, European Audiovisual Observatory, Mejju 2012.

(3)  PWC Global Entertainment and Media Outlook 2009-2013, Ġunju 2009, p. 193.

(4)  Studju li sar minn KEA, European Affairs, Multi-Territory Licensing of Audiovisual Works in the European Union, Rapport finali mħejji mill-Kummissjoni Ewropea, DĠ għas-Soċjetà Informatika u l-Mezzi ta’ Komunikazzjoni, Ottubru 2010, p. 21 http://www.keanet.eu/docs/mtl%20-%20full%20report%20en.pdf

(5)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar ċerti aspetti legali relatati ma’ xogħlijiet ċinematografiċi u xogħlijiet awdjoviżivi oħra, (ĠU C 43, 16.2.2002, p. 6).

(6)  ĠU C 123, 30.4.2004, p. 1.

(7)  ĠU C 134, 16.6.2007, p. 5.

(8)  ĠU C 31, 7.2.2009, p. 1.

(9)  B'mod partikulari, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Marzu 2005 fil-Kawża Laboratoires Fournier (C-39/04), Ġabra I-2057.

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta' Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis, ĠU L 314M, 1.12.2007, p. 654.

(11)  Ma għandhiex tiġi mħallta ma’ pjattforma transfruntiera tradizzjonali ta’ franchises tal-midja, sequels jew adattamenti.

(12)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat, (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3).

(13)  Il-Konvenzjoni fl-Artikolu 4(4) tistipula: “Attivitajiet kulturali, oġġetti u servizzi jirreferu għal dawk l-attivitajiet, l-oġġetti u s-servizzi, li … jinkorporaw jew iwasslu espressjonijiet kulturali, irrispettivament mill-valur kummerċjali li huma jista' jkollhom. L-attivitajiet kulturali jista’ jkollhom għan fihom infushom, jew jistgħu jikkontribwixxu għall-produzzjoni ta’ oġġetti u s-servizzi kulturali.”

(14)  Sentenza tal-Qorti tal-5 ta' Marzu 2009, UTECA, il-kawża C-222/07, il-paragrafi 27-33.

(15)  Sentenza tal-Qorti tat-13 ta' Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium, il-Kawża C-250/06, il-paragrafu 43.

(16)  Sentenza tal-Qorti tat-28 ta' Ottubru 1999, ARD, il-Kawża C-6/98, il-paragrafu 50.

(17)  Sentenza tal-Qorti tal-5 ta' Marzu 2009, UTECA, il-Kawża C-222/07, il-paragrafi 34, 36.

(18)  Studju dwar l-Impatt Ekonomiku u Kulturali tal-2008, l-aktar fir-rigward ta’ koproduzzjonijiet, ta’ Klawżoli skont it-Territorju għal Skemi ta’ għajnuna mill-Istat għal Films u Produzzjonijiet Awdjoviżivi. http://ec.europa.eu/avpolicy/docs/library/studies/territ/final_rep.pdf

(19)  Sentenza UTECA, il-Kawża C-222/07, §25.

(20)  Pereżempju: produttur qed jagħmel film b'baġit ta' EUR 10 miljun u japplika għall-għajnuna għal skema li toffri massimu ta' EUR 1 miljun għal kull film. Ma jkunx proporzjonat li dan il-film jiġi eskluż mill-iskema fuq il-bażi li l-produttur ma jistenniex li jonfoq mill-inqas EUR 8 miljun mill-baġit tal-produzzjoni fit-territorju li joffri l-għajnuna.

(21)  Pereżempju: produttur qed jagħmel film b'baġit ta' EUR 10 miljun u japplika għall-għajnuna għal skema li toffri massimu ta' EUR 1 miljun għal kull film. Il-produttur jista' jkun mistenni li jonfoq biss EUR 1,6 miljun tal-baġit tal-produzzjoni fit-territorju li toffri l-għajnuna. Madankollu, kieku l-baġit tal-film kien ta' EUR 2 miljun u rċieva l-ammont massimu tal-għajnuna, il-produttur jiffaċċja obbligu ta' nfiq territorjali li jikkorrispondi għal 80 % tal-baġit tal-produzzjoni.

(22)  Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2005 dwar il-patrimonju ċinematografiku u l-kompetittività ta’ attivitajiet industrijali relatati, ĠU L 323, 9.12.2005, p. 57.

(23)  ĠU C 324, 1.12.2010, p. 1.

(24)  Istituzzjonijiet tal-Patrimonju tal-Films huma maħtura mill-Istati Membri sabiex jiġbru, jippriservaw u jagħmlu disponibbli patrimonju ta' films għal skopijiet kulturali u edukattivi. F'applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-2005 dwar il-patrimonju tal-films, l-Istati Membri elenkaw l-Istituzzjonijiet tal-Patrimonju tal-Films tagħhom. Il-lista attwali tinsab fuq: http://ec.europa.eu/avpolicy/docs/reg/cinema/institutions.pdf

(25)  Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi, ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 05 Volum 02 p. 431).

(26)  Bħal films qosra, films minn diretturi li qed jaħdmu għall-ewwel darba u għat-tieni darba, dokumentarji, jew xogħlijiet b’baġit baxx jew inkella kummerċjalment diffiċli. Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, huwa f'idejn kull Stat Membru li jistabbilixxi definizzjoni ta' film diffiċli skont il-parametri nazzjonali.

(27)  Il-lista tad-DAC turi l-pajjiżi u t-territorji kollha eliġibbli biex jirċievu għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp. Din tikkonsisti minn pajjiżi bi dħul baxx u medju li hu bbażat fuq l-introjtu nazzjonali gross (ING) per capita, kif ippubblikat mill-World Bank, bl-eċċezzjoni tal-membri tal-G8, il-membri tal-UE u l-pajjiżi li għandhom id-data lesta għas-sħubija fl-UE. Il-lista tinkludi wkoll il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs) kif definiti min-Nazzjonijiet Uniti. Ara http://www.oecd.org/document/45/0,3746,en_2649_34447_2093101_1_1_1_1,00.html

(28)  Din l-informazzjoni għandha tiġi aġġornata b'mod regolari (pereżempju kull sitt xhur) u tkun disponibbli f'formati mhux proprjetarji.

(29)  ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22.