16.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 300/1


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar żewġ listi ta’ strumenti ta’ assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) Nru 472/2013

2013/C 300/01

1.   Introduzzjoni

Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (1) jipprovdi għal konsistenza sħiħa bejn il-qafas ta’ koordinazzjoni ekonomika tal-Unjoni stabbilit mit-TFUE u l-kundizzjonijiet possibbli ta’ politika marbuta mal-assistenza finanzjarja mogħtija lill-Istati Membri taż-Żona tal-Euro.

Ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 jistabbilixxu li l-Kummissjoni tippubblika, għall-finijiet ta’ tagħrif, żewġ listi ta’ strumenti ta’ assistenza finanzjarja: (i) dawk l-istrumenti li huma ta’ natura ta’ prekawzjoni u, separatament, (ii) dawk l-istrumenti li għalihom ir-regoli skont il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) ma jipprovdux għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku.

Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet informali mal-Istati Membri, l-MES u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) għat-tħejjija ta’ dawn il-listi.

Dawn il-listi għandhom jinżammu aġġornati.

2.   Il-lista ta’ strumenti ta’ assistenza finanzjarja prekawzjonarja li jiskattaw sorveljanza msaħħa tal-Istat Membru benefiċjarju, Ippubblikata skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013

L-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 jitlob il-pubblikazzjoni tal-lista tal-istrument, li jipprovdi għajnuna finanzjarja prekawzjonarja lil Stat Membru skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri li jirċievu assistenza finanzjarja permezz ta' wieħed minn dawn l-istrumenti huma suġġetti għal sorveljanza msaħħa. B’deroga, l-Istati Membri mhumiex suġġetti għal sorveljanza msaħħa meta dawn jibbenefikaw minn linja ta’ kreditu li ma tkunx ikkundizzjonata fuq l-Istat Membru li jadotta miżuri ġodda ta’ politika, sakemm l-imsemmija linja ta’ kreditu ma tkunx ġiet prelevata (l-Artikolu 2(4) tar-Regolament).

Għalhekk, din il-lista hija kif ġej:

 

Il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà

Il-Linja tal-Kreditu Kundizzjonata Prekawzjonarja (jekk prelevata)

Il-Linja ta’ Kreditu b’Kundizzjonijiet Imsaħħa

Il-Faċilità ta’ Sostenn tas-Suq Primarju (jekk prelevata skont Linja ta’ Kreditu ta' Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilità)

Il-Faċilità ta’ Sostenn tas-Suq Sekondarju (jekk attivata barra minn programm ta’ aġġustament makroekonomiku)

 

Il-Faċilità Ewropea ta’ Stabilità Finanzjarja

Il-Linja tal-Kreditu Kundizzjonata Prekawzjonarja (jekk prelevata)

Il-Linja ta’ Kreditu b’Kundizzjonijiet Imsaħħa

Il-Linja ta’ Kreditu b’Kundizzjonijiet Imsaħħa bi Protezzjoni kontra r-Riskju Parzjali Sovrana

Il-Faċilità ta’ Sostenn tas-Suq Primarju (jekk prelevata skont Programm Prekawzjonarju ta' Faċilità Ewropea ta’ Stabbilità Finanzjarja)

Il-Faċilità ta’ Sostenn tas-Suq Sekondarju (jekk attivata barra minn programm ta’ aġġustament makroekonomiku)

 

Il-Fond Monetarju Internazzjonali

Il-Linja tal-Kreditu Flessibbli (jekk prelevata)

Il-Linja ta' Prekawzjoni u Likwidità

3.   Il-lista ta’ strumenti ta’ assistenza finanzjarja li għalihom ir-regoli tal-MES ma jipprovdux għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku, ippubblikata skont l-Artikolu 7(12) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013

L-Artikolu 7(12) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 jitlob il-pubblikazzjoni tal-lista tal-istrumenti, li għalihom ir-regoli tal-MES ma jipprovdux għal programm ta' aġġustament makroekonomiku skont it-tifsira tal-Artikolu 7(12) ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri li jirċievu assistenza finanzjarja permezz ta' wieħed minn dawn l-istrumenti se jkunu suġġetti għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova r-rekwiżiti ta' politika ewlenin li l-MES jippjana li jinkludi fil-kundizzjonalità għall-appoġġ finanzjarju tiegħu.

Il-Linja ta' Kreditu Kkundizzjonata Prekawzjonarja (PCCL)

Il-Linja ta’ Kreditu b’Kundizzjonijiet Imsaħħa (ECCL)

Il-Faċilità ta’ Sostenn tas-Suq Primarju (jekk prelevata skont PCCL jew ECCL)

Il-Faċilità ta’ Sostenn tas-Suq Sekondarju (jekk attivata barra minn programm ta’ aġġustament makroekonomiku)

L-Assistenza finanzjarja għar-Rikapitalizzazzjoni tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji

Meta wieħed iqis li l-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) mhix mistennija tidħol fi programmi ġodda mill-1 ta’ Lulju 2013, m’hemmx bżonn li tali lista tiġi ppubblikata għall-EFSF.


(1)  ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.