9.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 293/10


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal emenda f'konformità mal-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

2013/C 293/07

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

“LENTEJA PARDINA DE TIERRA DE CAMPOS”

Nru tal-KE: ES-PGI-0105-01002-07.06.2012

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Intestatura tal-Ispeċifikazzjoni affettwata mill-emenda

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Rekwiżiti nazzjonali

Organu ta’ spezzjoni ieħor (għandu jiġi speċifikat)

2.   Tip ta’ emenda

Emenda tad-Dokument Uniku jew tal-Iskeda tas-Sommarju

Emenda tal-Ispeċifikazzjoni tad-DPO jew tal-IĠP irreġistrata, li għaliha la ġie ppubblikat id-Dokument Uniku u lanqas l-Iskeda tas-Sommarju

Emenda tal-Ispeċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda tad-Dokument Uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

Emenda temporanja tal-Ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

3.   Emendi

Isem il-prodott: L-isem tal-IĠP huwa ssimplifikat, bit-tneħħija tal-kelma “Pardina” b'tali mod li l-IĠP issa hija msejħa “Lenteja de Tierra de Campos”. L-għads tal-varjetà Pardina huwa l-uniku kopert bl-Ispeċifikazzjoni għall-IĠP “Lenteja de Tierra de Campos”, u dan ifisser li meta tgħid “Pardina” u “Tierra de Campos” tkun qed tirrepeti l-istess ħaġa. Filwaqt li jitqies li l-IĠP tkopri prodott li ġej minn reġjun jew distrett partikolari, jitqies li huwa aktar xieraq li jżomm l-isem “Tierra de Campos” milli l-isem “Pardina”. Barra minn hekk, it-tneħħija tal-isem tal-varjetà mill-indikazzjoni ġeografika se tevita li jiġi konfuż ma' għads pardina ieħor imkabbar barra l-limiti ġeografiċi tal-IĠP, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

Deskrizzjoni: It-taqsima dwar il-karatteristiċi kimiċi tal-prodott titħassar.

L-Ispeċifikazzjoni tiddefinixxi l-kontenut minimu ta’ xaħam fl-għads niexef. L-istudju ta’ appoġġ jorbot il-kontenut ta' xaħam fl-għads mal-livell ta' fosfru fil-ħamrija. Peress li l-livell minimu ta’ fosfru huwa ddefinit fit-taqsima dwar il-“Metodu ta’ produzzjoni”, indirettament dan jiddetermina l-kontenut minimu ta' xaħam. Barra minn hekk, il-kontenut ta' xaħam fl-għads huwa baxx ħafna, kif ġeneralment ikun fil-legumi kollha, u d-differenzi li jistgħu jeżistu bejn xi varjetajiet ma jagħtu l-ebda valur miżjud jew attribut ta' kwalità lill-prodott.

L-Ispeċifikazzjoni tiddefinixxi wkoll il-kontenut minimu ta' raffinożju fl-għads niexef. L-istudju ta' appoġġ juri li l-livell iktar baxx ta' raffinożju huwa karatteristika tal-varjetà pardina imma mhux tal-varjetà Tierra de Campos, minħabba li l-għads pardina mkabbar barra din iż-żona għandu l-istess livelli. Għal din ir-raġuni, ma jagħmilx sens li l-livell ta' raffinożju jkun karatteristika ta’ għads prodott skont din l-IĠP.

Isiru l-bidliet rilevanti dwar l-emenda msemmija hawn fuq taħt “Isem il-prodott”.

Żona ġeografika: Ir-referenzi għall-awtorizzazzjoni jew l-ispezzjoni mill-Kunsill Regolatorju jitħassru sabiex ma jillimitawx il-libertà tal-moviment.

Prova tal-oriġini: Ir-referenzi għall-awtorizzazzjoni jew l-ispezzjoni mill-Kunsill Regolatorju jitħassru sabiex ma jillimitawx il-libertà tal-moviment.

Metodu ta’ produzzjoni: Il-livell minimu ta' fosfru fil-ħamrija jitnaqqas minn 100 għal 10 mg/kg. Il-makkinarju użat fl-industrija tal-ippakkjar mhuwiex deskritt fid-dettall. It-tipi ta’ pakketti jitħassru favur il-“konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti”. Ir-referenzi għall-awtorizzazzjoni jew l-ispezzjoni mill-Kunsill Regolatorju jitħassru wkoll sabiex ma jillimitawx il-libertà tal-moviment.

Fosfru (P2O5) ≥ 10 mg/kg. L-ispeċifikazzjoni tirrikjedi kontenut minimu ta' 100 mg/kg fil-ħamrija tal-irqajja' rreġistrati fl-IĠP, abbażi tal-analiżi li saret fuq 176 roqgħa f'dik iż-żona. Fil-fatt, it-taqsima tar-“Rabta” tal-Ispeċifikazzjoni tirreferi għal “medja ta' kontenut ta' fosfru fil-ħamrija ta' 151,69 mg/kg, relattivament baxxa u pjuttost varjabbli”. Aħna nikkunsidraw li kien hemm żball fl-għażla tal-kliem tal-Ispeċifikazzjoni oriġinali minħabba li l-esperti ewlenin tal-ħamrija fi Spanja, Urbano Terrón, André Gros-Domínguez Vivancos u López Ritas-López Medina (sic), iqisu li l-livelli ta' fosfru fil-ħamrija b'livelli għoljin ħafna jkunu ta' 22,90 mg/kg b’mod ġenerali, u b’mod partikolari bejn 41,22 u 80,15 mg/kg għal tipi ta' ħamrija taflin bil-lom (il-ħamrija f’Tierra de Campos hija lomuża). Fl-aktar sitwazzjoni favorevoli, dik ta' ħamrija taflija bil-lom, il-livell għoli ħafna ta' fosfru huwa inqas minn 100 mg/kg, li huwa dak speċifikat fl-Ispeċifikazzjoni. Meta nqisu d-dejta mogħtija minn dawn it-tliet awturi, nistgħu nikkonfermaw li l-livell ta' fosfru (mg/kg P2O5) ta' 151,69 huwa valur għoli ħafna.

L-analiżi tal-ħamrija li twettqet matul erba’ snin fuq 950 roqgħa fiż-żona tal-IĠP li fiha jitkabbar l-għads pardina minn Tierra de Campos uriet li l-prodott finali tal-għads mill-irqajja' b’livelli ta’ fosfru ta' ≥ 10 mg/kg kellu karatteristiċi organolettiċi sodisfaċenti ħafna u f'konformità mar-rekwiżiti tal-Ispeċifikazzjoni.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, aħna nemmnu li kien hemm żball fit-traskrizzjoni tar-riżultati u fil-livelli ta' fosfru mill-istudju, li ried ikun ta' 15,16 mg/kg b’devjazzjoni standard ta’ ± 8,2. Din id-dejta numerika tkun konsistenti mal-frażi fl-istudju ta’ appoġġ “Medja ta' kontenut ta' fosfru relattivament baxxa u pjuttost varjabbli, għalkemm ogħla f'żoni ġirien”. Għaldaqstant, inqisu li r-rekwiżit minimu korrett ta' fosfru P2O5 fil-ħamrija huwa ta' 10 mg/kg.

Fl-industrija tal-ippakkjar: L-ispeċifikazzjoni tiddeskrivi kull waħda mill-magni użati fit-tindif u l-ikkundizzjonar tal-għads. Dan il-makkinarju x’aktarx jinbidel minħabba “avvanzi teknoloġiċi” u dan jinvolvi li l-Ispeċifikazzjoni tiġi emendata. Għalhekk ir-referenzi għat-tipi ta’ makkinarju użat fl-industrija tal-ippakkjar jitneħħew, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

Tipi ta’ ppakkjar: L-Ispeċifikazzjoni attwali teħtieġ li l-għads jiġi ppakkjat f’pakketti ta’ bejn 1 u 10 kg, iżda d-domanda attwali mill-kantins u mill-industrija tal-ikel hija għal pakketti ta’ 15-il kg. Peress li l-“Istandard ta' kwalitá għal ċerti legumi ppakkjati, imnixxfa (u mqaxxra) destinati għas-suq domestiku” fi Spanja jistipula xi tipi ta' ppakkjar li jaslu sa 25 kg, tqies li jkun aħjar li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni attwali milli jispeċifikaw tipi partikolari ta’ format. Barra minn hekk, it-tip tal-ippakkjar mhuwiex aspett li jaffettwa l-kwalità tal-prodott, għalhekk jitqies aħjar li ma jkunux speċifikati d-daqsijiet tal-pakkett.

Rabta: It-tagħrif kwantitattiv fuq il-medja tal-kontenut ta' fosfru fil-ħamrija jitneħħa, f’konformità ma' dak li ntqal fit-taqsima preċedenti.

Tikkettar: Il-kliem ta’ din it-taqsima ġie emendat biex ikun adattat għar-Regolamenti tal-Komunità (KE) Nru 510/2006 u (KE) Nru 1898/2006.

Isiru l-bidliet rilevanti dwar l-emenda msemmija fit-taqsima “Isem il-prodott”.

Ir-referenzi għall-awtorizzazzjoni jew l-ispezzjoni mill-Kunsill Regolatorju jitħassru u għalhekk ma jillimitawx il-libertà tal-moviment.

Ir-referenzi kollha għat-tikketta ta' prodotti li jużaw dan prodott ta' IĠP bħala ingredjent jitneħħew mit-Taqsima “Tikkettar” tal-Ispeċifikazzjoni attwali, għaliex il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett jeżistu diġà (ĠU C 341, 16.12.2010, p. 3), u l-Kummissjoni rrakkomandat li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-użu ta’ denominazzjoni rreġistrata bħala DPO jew IĠP fit-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra ma għandhomx jiġu inklużi, fil-prinċipju, fl-ispeċifikazzjoni ta' dik id-denominazzjoni.

Rekwiżiti nazzjonali: Din it-taqsima hija aġġornata u tinkludi l-Liġi dwar id-Dwieli u l-Inbid, flimkien mad-Digriet li jirregola l-proċess għall-immaniġġjar tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni fir-reġistru Komunitarju.

Organu ta’ spezzjoni: L-awtorità kompetenti għall-kontrolli uffiċjali f’Castilla y León, li hija responsabbli li tiżgura l-konformità mal-Ispeċifikazzjoni, hija l-Istitut tat-Teknoloġija Agrikola ta' Castilla y León.

Il-grupp applikant għal dawn l-emendi proposti huwa l-Kunsill Regolatorju għall-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Lenteja Pardina de Tierra de Campos”.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (3)

“LENTEJA DE TIERRA DE CAMPOS”

Nru tal-KE: ES-PGI-0105-01002-07.06.2012

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem

“Lenteja de Tierra de Campos”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6:

Frott, ħaxix u ċereali friski jew ipproċessati.

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-prodott protett huwa ż-żerriegħa sseparata mill-miżwed tal-ispeċi Lens culinaris ssp. Culinaris, varjetà mikrosperma, grupp Europeae, intiża għall-konsum mill-bniedem. Il-varjetà kummerċjali tissejjaħ pardina.

Karatteristiċi fiżiċi u morfoloġiċi

Il-kulur tal-wiċċ ta’ barra taż-żerriegħa huwa kannella jew griż-kannella b’tikek suwed li kultant jistgħu jkunu tbajja’ li jkopru l-wiċċ kollu. Il-kotiledoni huma sofor. Jista' jiġi aċċettat għadd ta' mhux aktar minn 2 % ta’ għads li ma jaqbilx mal-karatteristiċi stabbiliti hawn fuq, dment li dan ma jikkompromettix id-dehra ġenerali. Id-dijametru minimu ta’ kwalunkwe żerriegħa fl-idjaq assi tagħha huwa ta' 3,5 mm. L-għadd ta' għads b'dijametru iżgħar ma jistax jaqbeż l-4 %.

Karatteristiċi organolettiċi

Qoxra lixxa, qoxra ratba u albumina; l-albumina għandha kemxejn mill-butir u ftit li xejn hi mrammla jew għandha mid-dqiq; qrusa baxxa.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata

Il-produzzjoni agrikola tal-għads iseħħ fiż-żona ġeografika identifikata.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

L-għads bl-ingrossa ma jistax jitqiegħed fis-suq taħt l-indikazzjoni ġeografika protetta.

3.7.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Kull tip ta' ppakkjar li fih l-għads jiġi ttrasportat għall-konsum għandu jiġi pprovdut b’tikketta nnumerata li għandu jkollha s-simbolu tal-Komunità li jindika l-indikazzjoni ġeografika protetta u d-denominazzjoni “Lenteja de Tierra de Campos”.

It-tikketti għandhom jitwaħħlu mill-industrija tal-ippakkjar b'tali mod li ma jkunux jistgħu jerġgħu jintużaw.

Il-logo tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta huwa:

Image

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni agrikola (b'erja tal-wiċċ tal-art ta' 9 175 km2) tkopri parti mill-erba' provinċji tal-Majjistral ta' Castilla y Leon (León, Palencia, Valladolid u Zamora).

Id-distretti li jiffurmaw iż-żona ġeografika identifikata huma:

Fil-provinċja ta’ León: id-distrett ta' Comarca Esla-Campos u d-distrett ta’ Sahagún.

Fil-provinċja ta’ Palencia: id-distrett ta’ Campos, id-distrett ta’ Cerrato u d-distrett ta’ Saldaña-Valdavia.

Fil-provinċja ta’ Valladolid: id-distrett ta’ Centro, id-distrett ta’ Sur u d-distrett ta’ Tierra de Campos.

Fil-provinċja ta’ Zamora: id-distrett ta’ Benavente y Los Valles, id-distrett ta’ Campos-Pan u d-distrett ta’ Duero Bajo.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Klima: Il-klima hija semiarida, b’medja ta’ preċipitazzjoni ta’ 464 mm fis-sena, medja ta' temperatura minima ta’ – 9 °C u medja ta' temperatura massima ta’ 18,6 °C. L-iktar xahar kiesaħ huwa Jannar u l-aktar wieħed sħun huwa Lulju.

Żmien il-ġelu jdum kważi 8 xhur, u x-xhur li fihom tagħmel l-aktar ammont ta' xita huma Mejju u Novembru.

Dawn il-karatteristiċi joħolqu l-livelli ta’ umdità ideali għall-promozzjoni tal-ġerminazzjoni fl-aktar perjodu ta’ żrigħ komuni (Novembru), u jippromwovu l-formazzjoni tajba taż-żerriegħa (f'Mejju ta' wara) u t-tnixxif rapidu u effettiv taż-żrieragħ f’Ġunju u Lulju, meta t-temperatura u s-sigħat ta’ xemx ikunu l-aktar favorevoli, li jaħbtu mal-bidu tas-sajf u jippermettu li l-għelejjel jinħażnu mingħajr problemi ta' fungus jew batterji. It-temperaturi baxxi tax-xitwa jipprovdu wkoll protezzjoni naturali kontra l-pesti.

Ħamrija: Il-karatteristiċi ewlenin tal-ħamrija fiż-żona ġeografika identifikata huma: Il-persentaġġ għoli ta’ tafal li hija karatteristika ta’ Tierra de Campos; il-pH newtrali jew alkalin tagħha; il-livelli baxxi ta’ materjal organiku; il-livelli normali ta’ potassju u l-livelli relattivament baxxi ta’ fosfru (għalkemm dawn huma ogħla minn f’żoni ġirien). Sabiex jinkiseb prodott li jissodisfa l-maġġoranza tal-karatteristiċi organolettiċi meħtieġa, il-ħamrija jrid ikollha livelli minimi ta’ materjal organiku (biex il-prodott ma jkollux mid-dqiq), potassju (biex il-prodott ikollu mill-butir u ma jkunx qares) u fosfru (li jikkontribwixxi għal ġlud aktar rotob u inqas qarsa).

Il-ġeografija fiżika: B’altitudni medja ta’ 750 m 'l fuq mil-livell tal-baħar, iż-żona tal-produzzjoni hija ċatta u għandha r-riżalt tipiku tal-art tal-biedja mingħajr ebda ostakolu kbir għall-ħidma, għalkemm hija esposta għall-erożjoni. L-art togħla kemxejn fit-Tramuntana għal aktar minn 1 000 m, u tinżel għal 650 m fil-Lbiċ, ħdejn ix-xmara Valderaduey.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-materjal tal-pjanti huwa dderivat minn ekotipi lokali li adattaw ruħhom għall-kundizzjonijiet tat-tkabbir fiż-żona fuq perjodu ta’ bosta snin, kif ukoll minn varjetajiet kummerċjali miksuba minn dawn l-ekotipi.

Il-materjal tal-pjanti użat huwa b'saħħtu u reżistenti għall-biċċa l-kbira tal-pesti u l-mard, huwa adattat b’mod tajjeb għan-nixfa, u jagħti rendiment moderat.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

L-altitudni titqies bħala fattur importanti ħafna fil-karatteristiċi tal-prodott billi l-medja ta' altitudni baxxa taż-żona (750 m) meta mqabbla maż-żoni ġirien l-oħra tikkontribwixxi għal qoxra iktar lixxa u prodott li għandu aktar mill-butir u li hu inqas qares.

Il-kontenut organiku minimu stabbilit għall-ħamrija jagħmel prodott li għandu inqas mid-dqiq; il-kontenut ta’ potassju jagħmel prodott li għandu iktar mill-butir u huwa inqas qares; u l-kontenut tal-fosfru jikkontribwixxi għal qxur aktar rotob, inqas qarsa u kontenut ogħla ta' xaħam.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4))

http://www.itacyl.es/opencms_wf/opencms/informacion_al_ciudadano/calidad_alimentaria/4_condiciones_DOP/index.html


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Issostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 2.

(4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 2.