15.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 237/28


Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każijiet AT.39678 Deutsche Bahn I, AT.39731 Deutsche Bahn II u AT.39915 Deutsche Bahn III

2013/C 237/05

1.   INTRODUZZJONI

1.

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat (1), il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi – f'każijiet fejn tkun biħsiebha tadotta deċiżjoni li tirrikjedi li jintemm il-ksur u li l-partijiet ikkonċernati joffru li jimpenjaw ruħhom biex jindirizzaw it-tħassib espress lilhom mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni preliminari tagħha – li tagħmel dawk l-impenji fuq l-impriżi vinkolanti. Deċiżjoni bħal din tista' tiġi adottata għal perjodu speċifiku u għandha twassal għall-konklużjoni li m'hemmx iżjed raġunijiet għal azzjoni mill-Kummissjoni. Qabel l-adozzjoni ta' deċiżjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-Artikolu 27(4) tal-istess Regolament jgħid li l-Kummissjoni għandha tippubblika sommarju konċiż tal-każ u l-kontenut ewlieni tal-impenji. Il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Kummissjoni.

2.   SOMMARJU TAL-KAŻ

2.

Fis-6 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni adottat valutazzjoni preliminari skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 indirizzat lil Deutsche Bahn AG u s-sussidjarji tagħha DB Energie GmbH (DB Energie), DB Mobility Logistics AG, DB Fernverkehr AG u DB Schenker Rail Deutschland AG (2).

3.

Fil-valutazzjoni preliminari tagħha, il-Kummissjoni esprimiet tħassib li l-Grupp DB jista' jkun li abbuża mill-pożizzjoni dominanti tiegħu fis-suq għall-forniment ta' kurrent tat-trazzjoni fil-Ġermanja billi talab prezzijiet għall-kurrent tat-trazzjoni lill-kompetituri li ħolqu pressjoni fuq il-marġni fis-suq tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fit-tul u fis-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, bi ksur tal-Artikolu 102 tat-TFUE.

4.

Il-Kummissjoni preliminarjament tqis li d-DB Energie hija dominanti fis-suq għall-provvista ta' kurrent tat-trazzjoni lill-impriżi ferrovjarji attivi fil-Ġermanja. Il-kurrent tat-trazzjoni huwa input indispensabbli għall-impriżi ferrovjarji biex jikkompetu fis-swieq tat-trasport ferrovjarju Ġermaniżi. Id-DB Energie ilha tikkummerċjalizza l-kurrent tat-trazzjoni lill-impriżi ferrovjarji mill-2003 taħt offerta li tinkludi kollox, li tgħaqqad il-prezz għall-elettriku kkunsmat (il-prezz tal-elettriku) mal-prezz għall-użu tan-netwerk ta' kurrent tat-trazzjoni (il-prezz tal-aċċess għall-grilja).

5.

Fil-valutazzjoni preliminari tagħha, il-Kummissjoni qieset li din is-sistema ta' prezzijiet, u b'mod partikolari l-iskontijiet tagħha li bbenefikaw minnhom l-operaturi ferrovjarji tal-Grupp DB iżjed milli l-kompetituri tagħhom, setgħet fixklet l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-swieq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fit-tul. F'dawn is-swieq, il-Kummissjoni tinsab imħassba dwar il-fatt li s-sistema preżenti tal-ipprezzar tal-kurrent tat-trazzjoni li tuża d-DB Energie tista' tinvolvi firxa bejn il-prezz tal-kurrent tat-trazzjoni mitlub lill-kompetituri u l-prezz tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju mitlub lill-konsumaturi mill-kumpaniji tat-trasport DB li jipprevjeni lil kompetituri tagħhom li huma effiċjenti daqshom milli jagħmlu kummerċ bi profitt jew inaqqas artifiċjalment il-marġni ta' profitt tagħhom. L-investigazzjoni tal-Kummissjoni kkonkludiet preliminarjament li din is-sitwazzjoni tqajjem tħassib dwar il-kompetizzjoni fis-swieq tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fit-tul u tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija.

6.

F'Novembru 2010, il-Qorti tal-Ġustizzja Federali Ġermaniża ddeċidiet li n-netwerk tal-kurrent tat-trazzjoni għandu jitqies bħala netwerk tal-enerġija u li l-kundizzjonijiet u l-miżati għall-aċċess għalih huma rregolati skont il-liġi Ġermaniża dwar is-settur tal-enerġija (Energiewirtschaftsgesetz — EnWG) (3). Bħala konsegwenza, id-DB Energie għandha titlob prezz separat għall-aċċess għall-grilja, sabiex il-fornituri terzi tal-elettriku (jiġifieri dawk li mhumiex fil-Grupp DB) ikunu jistgħu wkoll jikkompetu mad-DB Energie biex ifornu l-elettriku lill-impriżi ferrovjarji (4).

3.   IL-KONTENUT PRINĊIPALI TAL-IMPENJI OFFRUTI

7.

Il-Grupp DB ma jaqbilx mal-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni li seta' abbuża mill-pożizzjoni dominanti tiegħu fis-suq għall-provvista tal-kurrent tat-trazzjoni lill-impriżi ferrovjarji Ġermaniżi. Madankollu, offra li jieħu impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, biex jindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni. L-elementi ewlenin tal-impenji huma deskritti hawn taħt.

8.

Sa mhux aktar tard minn 3 xhur wara n-notifika dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħmel dawn l-impenji vinkolanti għall-Grupp DB u mhux qabel l-1 ta' Jannar 2014, id-DB Energie se tintroduċi sistema ġdida tal-ipprezzar għall-kurrent tat-trazzjoni bi prezzijiet separati għall-provvista tal-elettriku u tariffi separati għall-aċċess għall-grilja kif approvati mill-Awtorità Regolatorja Ġermaniża rilevanti (Bundesnetzagentur). Is-sistema l-ġdida tal-ipprezzar hija intiża biex tiżgura d-dħul tal-fornituri terzi tal-elettriku fis-suq tal-provvista tal-elettriku lill-impriżi ferrovjarji (5).

9.

F'din is-sistema l-ġdida, id-DB Energie se titlob l-istess prezz tal-elettriku lil impriżi ferrovjarji kollha mingħajr skontijiet ibbażati fuq il-volum jew fuq it-tul ta' żmien.

10.

Id-DB Energie se tħallas lura lill-impriżi ferrovjarji fil-Ġermanja li mhumiex fil-grupp DB rimbors retroattiv ta' 4 % tal-fattura fuq il-kurrent tat-trazzjoni għall-perjodu ta' sena qabel id-dħul fis-seħħ tas-sistema ġdida tal-ipprezzar.

11.

Id-DB Energie u d-DB Mobility and Logistics AG se jipprovdu kull sena dejta lill-Kummissjoni biex hi tkun tista' tevalwa jekk il-prezzijiet tas-servizzi tal-kurrent tat-trazzjoni u tat-trasport li jitlob il-Grupp DB jistgħux iwasslu għal pressjoni fuq il-marġni. Id-DB Energie se tinnotifika wkoll lill-Kummissjoni minn qabel dwar kwalunkwe bidla fil-prezz tal-elettriku tagħha.

12.

L-impenji se jidħlu fis-seħħ mhux aktar tard minn tliet xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Dawn se jdumu jgħoddu għal 5 snin (6) wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni jew sakemm 20 % tal-volumi tal-kurrent tat-trazzjoni mixtrija mill-kompetituri tal-Grupp DB ikunu qed jinxtraw mill-fornituri terzi tal-elettriku. Il-Grupp DB se jaħtar ukoll trustee li se jissorvelja l-konformità tiegħu mal-impenji.

13.

L-impenji huma ppubblikati fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fuq: http://ec.europa.eu/competition/index_en.html

4.   STEDINA GĦALL-KUMMENTI

14.

Skont ir-riżultati tat-test tas-suq, il-Kummissjoni biħsiebha tadotta deċiżjoni, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, li tiddikjara vinkolanti l-impenji li jinsabu fi-qosor hawn fuq u li huma ppubblikati fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni.

15.

Skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-impenji proposti. Dawn l-osservazzjonijiet għandhom jaslu l-Kummissjoni mhux aktar tard minn xahar wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-partijiet terzi interessati jintalbu wkoll jissottomettu verżjoni mhux kunfidenzjali tal-kummenti tagħhom, fejn kull informazzjoni li huma jqisu bħala sigrieti tan-negozju u informazzjoni kunfidenzjali oħra għandha titħassar u tinbidel kif meħtieġ b'sommarju mhux kunfidenzjali jew bil-kliem “sigrieti tan-negozju” jew “kunfidenzjali”. Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 kull talba simili għall-kunfidenzjalità għandha tiġi sostanzjata kif xieraq, b'mod partikolari billi jingħataw ir-raġunijiet għaliex l-iżvelar tat-tagħrif inkwistjoni jista' jikkawża ħsara serja.

16.

It-tweġibiet u l-kummenti għandhom preferibbilment ikunu raġunati u għandhom jinkludu l-fatti rilevanti. Jekk tidentifika problema fi kwalunkwe parti mill-impenji proposti, il-Kummissjoni tistiednek biex tissuġġerixxi s-soluzzjoni possibbli.

17.

L-osservazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bin-numru ta' referenza AT.39678/AT.39731/AT.39915 Deutsche Bahn I/II/III, bl-e-mail (COMP-GREFFE-ANTITRUST@ec.europa.eu), bil-faks (+32 22950128) jew bil-posta, fuq dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Antitrust Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. B'effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 101 u, rispettivament, 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa (TFUE). Iż-żewġ settijiet ta' dispożizzjonijiet huma identiċi fil-kontenut. Għall-finijiet ta' dan l-avviż, ir-referenzi għall-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE għandhom jinftehmu bħala referenzi għall-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE meta jkun applikabbli.

(2)  Deutsche Bahn AG u s-sussidjarji kollha tagħha inġenerali se jissejjħu f'dan li ġej “il-Grupp DB”.

(3)  Bundesgerichtshof, sentenza tad-9 ta' Novembru 2010, każ EnVR 1/10.

(4)  Aktar informazzjoni dwar din il-bidla fis-sistema tal-ipprezzar u l-kundizzjonijiet tas-sistema l-ġdida tista' tinstab fuq il-websajt tad-DB Energie (bil-Ġermaniż biss): http://www.dbenergie.de/dbenergie-de/netzbetreiber/netzbetreiber_bahnstromnetz/2500898/bahnstromnetz_konsultation.html

(5)  Barra minn hekk, l-introduzzjoni tas-sistema l-ġdida se tkun ikkomplimentata minn obbligu ta' separazzjoni ta' kontabbiltà u informazzjoni bejn l-attivitajiet ta' DB Energie bħala l-maniġer tan-netwerk tal-kurrent tat-trazzjoni u bħala fornitur tal-elettriku.

(6)  L-impenn mid-DB Energie biex ma tagħtix skont ibbażat fuq it-tul għall-offerta tagħha tal-provvista tal-elettriku se jdum jgħodd biss għal 3 snin.