19.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 205/9


Linji gwida dwar l-eliġibbiltà ta’ entitajiet Iżraeljani u l-attivitajiet tagħhom fit-territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967 għal għotjiet, premjijiet u strumenti finanzjarji ffinanzjati mill-UE mill-2014 ’il quddiem

(2013/C 205/05)

Taqsima A.   KWISTJONIJIET ĠENERALI

1.

Dawn il-linji gwida jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li bihom il-Kummissjoni se timplimenta rekwiżiti ewlenin għall-għoti ta’ appoġġ tal-UE lil entitajiet Iżraeljani jew lill-attivitajiet tagħhom fit-territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967. L-għan tagħhom huwa li jkun żgurat ir-rispett tal-pożizzjonijiet u l-impenji tal-UE f’konformità mal-liġi internazzjonali dwar in-nuqqas ta’ rikonoxximent mill-UE tas-sovranità tal-Iżrael fuq it-territorji okkupati minn Iżrael minn Ġunju 1967. Dawn il-linji gwida huma mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti oħrajn stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-UE.

2.

It-territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967 jinkludu l-Artijiet Għoljin tal-Golan, il-Medda ta’ Gaża u x-Xatt tal-Punent, inkluża Ġerusalemm tal-Lvant.

3.

L-UE ma tirrikonoxxix is-sovranità tal-Iżrael fuq l-ebda wieħed mit-territorji msemmija fil-punt 2 u ma tikkunsidrax li dawn huma parti mit-territorju tal-Iżrael (1), irrispettivament mill-istatus legali tagħhom skont il-liġi domestika Iżraeljana (2). L-UE għamlitha ċara li mhi se tirrikonoxxi ebda bidla fil-fruntieri ta’ qabel l-1967, għajr dawk miftiehma mill-partijiet fil-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani (MEPP) (3). Il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE enfasizza l-importanza li tiġi limitata l-applikazzjoni tal-ftehimiet mal-Iżrael għat-territorju tal-Iżrael kif rikonoxxut mill-UE (4).

4.

Dawn il-linji gwida ma jkoprux l-appoġġ tal-UE fil-forma ta’ għotjiet, premjijiet jew strumenti finanzjarji mogħtija lil entitajiet Palestinjani jew l-attivitajiet tagħhom fit-territorji msemmija fil-punt 2, u lanqas kwalunkwe kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stabbiliti għal dan l-għan. B’mod partikolari, huma ma jkoprux kwalunkwe ftehim bejn l-UE, fuq naħa, u l-Organizazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina jew l-Awtorità Palestinjana, min-naħa l-oħra.

Taqsima B.   AMBITU TAL-APPLIKAZZJONI

5.

Dawn il-linji gwida japplikaw għall-appoġġ tal-UE fil-forma ta’ għotjiet, premjijiet jew strumenti finanzjarji skont it-tifsira tat-Titoli VI, VII u VIII tar-Regolament Finanzjarju (5) li jistgħu jingħataw lil entitajiet Iżraeljani jew lill-attivitajiet tagħhom fit-territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967. L-applikazzjoni tagħhom hija mingħajr preġudizzju għal kundizzjonijiet ta’ eliġibilità speċifiċi li jistgħu jkunu stabbiliti fl-att bażiku rilevanti.

6.

Dawn il-linji gwida japplikaw:

(a)

għal għotjiet – lill-applikanti kollha u l-benefiċjarji, irrispettivament mir-rwol tagħhom (benefiċjarju uniku, koordinatur jew kobenefiċjarju). Dan jinkludi entitajiet li jieħdu sehem fl-azzjoni fuq bażi mingħajr spejjeż (6) u entitajiet affiljati fit-tifsira tal-Artikolu 122(2) tar-Regolament Finanzjarju. Dan ma jinkludix kuntratturi jew sottokuntratturi magħżula mill-benefiċjarji tal-għotjiet f’konformità mar-regoli tal-akkwist. Fejn għandhom x’jaqsmu terzi persuni msemmija fl-Artikolu 137 tar-Regolament Finanzjarju, f’każijiet fejn il-kostijiet ta’ appoġġ finanzjarju lil tali partijiet terzi jkunu eliġibbli f'sejħa għall-proposti, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jista’, fejn ikun xieraq, jispeċifika fis-sejħa għall-proposti u fil-ftehimiet ta’ għotja jew id-deċiżjonijiet li l-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti f’dawn il-linji gwida japplikaw ukoll għall-persuni li jistgħu jirċievu appoġġ finanzjarju mill-benefiċjarji.

(b)

għal premjijiet – lill-parteċipanti kollha u rebbieħa f’kompetizzjonijiet;

(c)

għal Strumenti Finanzjarji – strumenti ta’ investiment iddedikati, l-intermedjarji finanzjarji u s-sottointermedjarji u lir-riċevituri finali.

7.

Dawn il-linji gwida japplikaw għal għotjiet, premjijiet u l-istrumenti finanzjarji ġestiti, skont il-każ, mill-Kummissjoni, minn aġenziji eżekuttivi (ġestjoni diretta) jew minn korpi fdati bi dmirijiet tal-implimentazzjoni tal-baġit skont l-Artikolu 58(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju (ġestjoni indiretta).

8.

Dawn il-linji gwida japplikaw għal għotjiet, premjijiet u strumenti finanzjarji ffinanzjati minn approprjazzjonijiet tas-sena finanzjarja 2014 u snin sussegwenti u awtorizzati b’deċiżjonijiet ta’ finanzjament adottati wara l-adozzjoni tal-linji gwida.

Taqsima C.   KUNDIZZJONIJIET TA' ELIĠIBBILTÀ TA' ENTITAJIET IŻRAELJANI

9.

Rigward il-post tal-istabbiliment ta’ entitajiet Iżraeljani:

(a)

Fil-każ ta’ għotjiet u premjijiet, entitajiet Iżraeljani biss li għandhom il-post ta’ stabbiliment tagħhom fi ħdan il-fruntieri ta’ qabel l-1967 tal-Iżrael se jitqiesu bħala eliġibbli.

(b)

Fil-każ ta’ strumenti finanzjarji, entitajiet Iżraeljani biss li għandhom il-post ta’ stabbiliment tagħhom fi ħdan il-fruntieri ta’ qabel l-1967 tal-Iżrael se jitqiesu bħala eliġibbli.

10.

Il-post ta’ stabbiliment hu mifhum li hu l-indirizz ġuridiku fejn l-entità hija rreġistrata, kif ikkonfermat permezz ta’ indirizz postali preċiż li jikkorrispondi għal fejn jinsab il-post fiżiku konkret. L-użu ta’ kaxxa postali mhuwiex permess.

11.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima C:

(a)

japplikaw għat-tipi li ġejjin ta’ persuni ġuridiċi: Awtoritajiet Iżraeljani reġjonali jew lokali u korpi pubbliċi oħrajn, kumpaniji pubbliċi jew privati jew korporazzjonijiet privati u persuni ġuridiċi oħrajn, inklużi organizzazzjonijiet mhux għall-profitt mhux governattivi;

(b)

ma japplikawx għal awtoritajiet pubbliċi Iżraeljani fil-livell nazzjonali (ministeri u aġenziji/awtoritajiet tal-Gvern);

(c)

ma japplikawx għal persuni fiżiċi.

Taqsima D.   KUNDIZZJONIJIET TA' ELIĠIBBILTÀ TA' ATTIVITAJIET FIT-TERRITORJI OKKUPATI MILL-IŻRAEL

12.

Rigward l-attivitajiet/l-operazzjonijiet ta’ entitajiet Iżraeljani:

(a)

Fil-każ ta’ għotjiet u premjijiet, l-attivitajiet ta’ entitajiet Iżraeljani li jkunu mwettqa fil-qafas ta’ għotjiet iffinanzjati mill-UE u l-premjijiet se jitqiesu bħala eliġibbli jekk huma ma jitwettqux fit-territorji msemmija fil-punt 2, jew parzjalment jew b’mod sħiħ.

(b)

Fil-każ ta’ strumenti finanzjarji, entitajiet Iżraeljani se jkunu kkunsidrati eliġibbli bħala riċevituri finali meta dawn ma joperawx fit-territorji msemmija fil-punt 2, jew fil-qafas ta’ strumenti finanzjarji ffinanzjati mill-UE jew mod ieħor.

13.

Kwalunkwe attività jew parti minnha (7) inkluża f’applikazzjoni għal għotja tal-UE jew premju li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 12(a) se tkun ikkunsidrata bħala mhux eliġibbli u mhux se tkun ikkunsidrata bħala parti mill-applikazzjoni għal evalwazzjoni ulterjuri.

14.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima D:

(a)

japplikaw għal attivitajiet taħt il-punt 12 imwettqa minn dawn it-tipi ta’ persuni ġuridiċi: Awtoritajiet Iżraeljani reġjonali jew lokali u korpi pubbliċi oħrajn, kumpaniji pubbliċi jew privati jew korporazzjonijiet privati u persuni ġuridiċi oħrajn, inklużi organizzazzjonijiet mhux għall-profitt mhux governattivi;

(b)

japplikaw ukoll għal attivitajiet li jaqgħu taħt il-punt 12 imwettqa minn awtoritajiet pubbliċi Iżraeljani f’livell nazzjonali (ministeri u aġenziji tal-gvern jew awtoritajiet);

(c)

ma japplikawx għal attivitajiet taħt il-punt 12 imwettqa minn persuni fiżiċi.

15.

Minkejja l-punti 12-14 hawn fuq, ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima D ma japplikawx għal attivitajiet li, għalkemm imwettqa fit-territorji msemmija fil-punt 2, għandhom l-għan li minnhom jibbenefikaw persuni protetti skont it-termini tal-liġi umanitarja internazzjonali li jgħixu f’dawn it-territorji u/jew biex jippromwovu l-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani b’konformità mal-politika tal-UE (8).

Taqsima E.   ARRANĠAMENTI TA' IMPLIMENTAZZJONI

16.

Kull entità Iżraeljana msemmija fil-punti 11(a)&(b) u 14(a)&(b), li tapplika għal għotja tal-UE, premju jew strument finanzjarju, għandha tippreżenta dikjarazzjoni fuq l-unur kif ġej:

(a)

Fil-każ ta’ għotjiet u premjijiet, id-dikjarazzjoni se tistqarr li l-applikazzjoni tal-entità Iżraeljana hija konformi mar-rekwiżiti fil-punti 9(a) u 12(a) ta’ dawn il-linji gwida, filwaqt li titqies ukoll l-applikabilità tal-punt 15 tagħhom (9). Għall-għotjiet, din id-dikjarazzjoni se tiġi abbozzata b’konformità mal-Artikolu 131(3) tar-Regolament Finanzjarju.

(b)

Fil-każ ta’ strumenti finanzjarji, id-dikjarazzjoni se tistqarr li l-applikazzjoni tal-entità Iżraeljana bħala riċevitur aħħari hija skont ir-rekwiżiti skont il-punti 9(b) u 12(b) ta’ dawn il-linji gwida.

17.

Id-dikjarazzjonijiet skont il-punt 16 huma mingħajr preġudizzju għal xi dokumenti oħrajn bħala sostenn meħtieġa fis-sejħiet għal proposti, ir-regoli tal-kompetizzjonijiet jew sejħiet għall-għażla tal-intermedjarji finanzjarji jew strumenti ta’ investiment iddedikati. Dawn se jiġu inklużi fil-pakkett tad-dokumenti ta’ applikazzjoni għal kull sejħa għall-proposti, ir-regoli tal-kompetizzjonijiet u s-sejħa għall-għażla tal-intermedjarji finanzjarji jew strumenti ta’ investiment iddedikati. It-test tagħhom se jiġi adattat għar-rekwiżiti rilevanti għal kull għotja, premju jew strument finanzjarju mill-UE.

18.

Il-preżentazzjoni ta' dikjarazzjoni skont il-punt 16 li jkollha informazzjoni żbaljata tista' titqies bħala rappreżentazzjoni ħażina jew irregolarità serja u tista' twassal:

(a)

għal għotjiet – għall-miżuri stipulati fl-Artikolu 131(5) u 135 tar-Regolament Finanzjarju,

(b)

għal premjijiet – għall-miżuri stipulati fl-Artikolu 212(1) u 135 tar-Regolament Finanzjarju (10) u,

(c)

għal strumenti finanzjarji – għall-miżuri stipulati fl-Artikolu 221(3) tar-Regoli ta' Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju.

19.

Il-Kummissjoni se timplimenta dawn il-linji gwida fl-intier tagħhom, u b’mod ċar u aċċessibbli. B’mod partikulari, hija se tħabbar il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stabbiliti fit-Taqsimiet C u D fil-programmi ta’ ħidma (11) u/jew fid-deċiżjonijiet ta’ finanzjament, is-sejħiet għal proposti, ir-regoli tal-kompetizzjonijiet u s-sejħiet għall-għażla tal-intermedjarji finanzjarji jew l-istrumenti ta’ investiment iddedikati.

20.

Il-Kummissjoni se tiżgura li l-programmi ta’ ħidma u s-sejħiet għall-proposti, ir-regoli tal-kompetizzjonijiet u s-sejħiet għall-għażla tal-intermedjarji finanzjarji jew l-istrumenti ta’ investiment iddedikati ppubblikati mill-entitajiet fdati b’kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit taħt ġestjoni indiretta jkun fihom il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stabbiliti fit-Taqsimiet C u D.

21.

Sabiex jartikolaw b’mod ċar l-impenji tal-UE taħt il-liġi internazzjonali, billi jqisu l-politiki u l-pożizzjonijiet rilevanti tal-UE, il-Kummissjoni se tipprova jkollha wkoll il-kontenut ta’ dawn il-linji gwida riflessi fi ftehimiet internazzjonali jew protokolli tagħha jew Memoranda ta’ Ftehim ma’ kontropartijiet Iżraeljani jew ma’ partijiet oħra.

22.

L-għoti ta’ appoġġ tal-UE lejn entitajiet Iżraeljani jew mal-attivitajiet tagħhom fil-forma ta’ għotjiet, premijiet jew strumenti finanzjarji teħtieġ impenn ma’ entitajiet Iżraeljani msemmija fil-punti 11 u 14, pereżempju, bl-organizzazzjoni ta' laqgħat, żjarat jew avvenimenti. Impenn bħal dan mhux se jseħħ fit-territorji msemmija fil-punt 2, sakemm ma jkunx marbut mal-attivitajiet imsemmija fil-punt 15.


(1)  Dwar l-applikazzjoni territorjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Iżrael ara l-Kawża C-386/08 Brita [2010] ECR I-1289, il-paragrafi 47 u 53.

(2)  Skont il-liġi Iżraeljana, Ġerusalemm tal-Lvant u l-Artijiet Għoljin tal-Golan huma annessi mal-Istat tal-Iżrael, filwaqt li l-Medda ta’ Gaża u l-bqija tax-Xatt tal-Punent huma msejħa “it-territorji”.

(3)  Ara inter alia l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar l-MEPP adottat f’Diċembru 2009, Diċembru 2010, April 2011, Mejju u Diċembru 2012.

(4)  Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar l-MEPP adottat fl-10 ta’ Diċembru 2012 jiddikjaraw li “il-ftehimiet kollha bejn l-Istat tal-Iżrael u l-UE jridu mingħajr tlaqliq u b’mod espliċitu jindikaw l-inapplikabbiltà tagħhom għat-territorji okkupati mill-Iżrael fl-1967”.

(5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(6)  F’liema każ l-entità Iżraeljana se tiffinanzja l-parteċipazzjoni tagħha b’finanzjament minn sorsi oħra, iżda xorta waħda se tiġi ttrattata bħala benefiċjarja u tista', għalhekk, ikollha aċċess għal għarfien, servizzi, netwerking u opportunitajiet oħra żviluppati minn benefiċjarji oħra bħala riżultat tal-għotja tal-UE.

(7)  Pereżempju, dawn jistgħu jkunu proġetti nazzjonali li għandhom ikunu implimentati fl-Iżrael, li jinvolvu kemm attivitajiet fi ħdan il-fruntieri ta’ qabel l-1967 u attivitajiet lil hinn mill-fruntieri ta’ qabel l-1967 (eż. fl-insedjamenti).

(8)  Pereżempju, dawn jistgħu jkunu attivitajiet skont l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili tal-Viċinat u/jew il-Programm ta' Sħubija għall-Paċi.

(9)  Fil-każ tal-awtoritajiet pubbliċi Iżraeljani fil-livell nazzjonali (ministeri u aġenziji/awtoritajiet tal-gvern), id-dikjarazzjoni se jkun fiha indirizz għal finijiet ta’ komunikazzjoni li tkun fil-limiti tal-fruntieri ta’ qabel l-1967 tal-Iżrael u li tikkonforma mal-punt 10.

(10)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(11)  Soġġett għall-eżitu tal-proċeduri tal-komitoloġija li jista’ jkun meħtieġ mill-att bażiku rilevanti.