25.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 179/33


Pubblikazzjoni ta’ talba għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

2013/C 179/09

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed joġġezzjona għat-talba skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

TALBA GĦAL EMENDA

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

TALBA GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

SELLES-SUR-CHER

Nru tal-KE: FR-PDO-0117-0976-26.01.2012

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu tal-produzzjoni

Rabta maż-żona ġeografika

Tikkettar

Rekwiżiti nazzjonali

Oħrajn (għandhom jiġu speċifikati)

2.   Tip ta’ emenda/emendi

Emenda tad-dokument uniku jew tas-sommarju

Emenda tal-ispeċifikazzjoni tad-DPO jew tal-IĠP irreġistrata, li għaliha la d-dokument uniku u lanqas is-sommarju ma ġew ippubblikati

Emenda tal-ispeċifikazzjoni li ma għandhiex bżonn emendi tad-dokument uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

Emenda temporanja tal-ispeċifikazzjoni li tirriżulta minn miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

3.   Emenda/emendi

3.1.   Il-Kapitolu 2: Deskrizzjoni tal-prodott

Wara żvilupp li seħħ fir-regoli dwar l-addittivi, it-terminu “prodott tal-affumikar” għandu jinbidel bit-terminu “karbonju attiv”.

Bidla fid-daqs tal-ġobon: ġiet speċifikata l-forma tal-ġobon (li tkun ta’ madwar 9 sa 10 ċentimetri) b’mod konformi mad-daqs tal-forma użata biex isir.

Tlestiet id-deskrizzjoni tal-ġobon. Il-ġobon huwa l-iktar ta’ lewn griż lewn l-irmied li jkun bejn wieħed u ieħor uniformi. Meta taqtgħu, ikollu lewn abjad li jixbah lill-avorju u jkun matt, lixx u omoġenju, u jkollu qoxra iebsa, fina u regolari. Waqt il-perjodu tal-maturazzjoni, ir-riħa tal-ġobon frisk tal-ħalib tal-mogħża tiżviluppa f’waħda li tfakkrek fil-faqqiegħ u l-mogħoż. Fil-konsistenza tiegħu, il-ġobon huwa frisk u jinħall f’ħalqek. Fit-togħma tiegħu, huwa jippreżenta bilanċ bejn togħma kemm kemm mielħa u waħda aċiduża u morra. It-terminu “konsistenza ratba” tħassar minħabba li mhuwiex adattat għall-produzzjoni tal-ġobon tal-ħalib tal-mogħża (dan għandu x’jaqsam ma’ produzzjoni lattika). Qed titħassar ukoll il-frażi “moffa fil-wiċċ tal-gobon li tkun bejn wieħed u ieħor ta’ lewn blu”, li tiddeskrivi l-ġobon magħmul fl-irziezet li l-perjodu ta’ maturazzjoni tiegħu jkun itwal mill-perjodu minimu ta’ maturazzjoni, li llum il-ġurnata jirrappreżenta biss frazzjoni żgħira ħafna tal-produzzjoni.

Ġie speċifikat il-piż totali tal-materja niexfa, jiġifieri 55 gramma f’kull ġobna.

3.2.   Il-Kapitolu 4: Elementi li juru li l-prodott ġej miż-żona ġeografika

It-traċċabbiltà: sabiex tissaħħaħ il-garanzija tal-oriġini, l-operaturi kollha għandhom jiddikjaraw il-volumi prodotti u għandhom ikunu jistgħu jiġu ttraċċati sabiex il-prodott ikun jista’ jiġi segwit mill-produzzjoni sal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu.

3.3.   Il-Kapitolu 5: Metodu tal-produzzjoni

Sabiex tissaħħaħ ir-rabta tal-prodott mat-territorju tiegħu, ġew emendati diversi punti fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

5.1:   il-produzzjoni tal-ħalib

80 % mill-għenieq għat-tiġdid tal-merħla jitrabbew fiż-żona ġeografika sabiex jiġu llimitati r-riskji marbutin mas-saħħa u jingħata vantaġġ lil ġenetika li tkun adattata għall-ambjent tal-post;

il-mogħoż huma tar-razza Alpina jew Saanen jew ikunu ġejjin minn taħlita ta’ dawn iż-żewġ razez minħabba li dawn ir-razez ilhom ħafna li adattaw għal dan ir-reġjun;

it-tgħammir tal-merħliet mhux f’waqtu jippermetti li l-perjodu tal-produzzjoni jibqa’ għaddej mingħajr ma tiġi mhedda l-kwalità tal-prodott;

l-erja għal kull mogħża fir-razzett tal-mogħoż hija ta’ mill-inqas 1,5 m2;

mill-inqas 75 % tal-għalf tal-mogħoż jiġi miż-żona identifikata, jiġifieri ammont minimu annwali medju ta’ 825 kilogramm ta’ materja niexfa;

il-porzjon jinkludi mill-inqas 550 kilogramm ta’ materja niexfa ta’ għalf mhux ipproċessat: sabiex ikun żgurat dan il-porzjon, hemm obbligu li kull mogħża jkollha żona għall-għalf ta’ mill-inqas 1 000 m2;

sabiex jiġi rregolat l-għalf li jista’ jintuża, qed tiżdied lista tal-għalf awtorizzat li jkun ġej miż-żona ġeografika;

l-użu tal-balal imgeżwrin huwa limitat għal 350 kilogramm ta’ materja niexfa fis-sena għal kull mogħża u l-ammont ta’ materja niexfa fil-balla jrid ikun ta’ iktar minn 50 %;

l-użu tal-ħaxix ħażin u tal-qamħirrum maħżun f’sajlo huwa awtorizzat sal-31 ta’ Diċembru 2014;

ġie speċifikat il-porzjon tal-għalf kumplimentari;

l-organiżmi ġenetikament modifikati (l-OĠM) huma pprojbiti;

5.2:   l-ipproċessar

Huwa awtorizzat perjodu ta’ maturazzjoni tal-ħalib qabel jiżdiedlu t-tames: din il-prattika tippermetti li jittejjeb l-adattament tal-ħalib għall-ipproċessar f’ġobon u b’hekk li joħroġ il-potenzjal aromatiku tiegħu;

wara li tiżdiedlu l-baqta, il-ġobon jitħalla għal perjodu ta’ 18 sa 48 siegħa f’temperatura ta’ inqas minn 25 °Ċ sabiex tiġi żgurata l-kwalità lattika tal-baqta;

huwa permess il-qtugħ tal-ġobon fi flieli;

ix-xorrox jitneħħa bl-idejn jew bil-pompi (it-tqattir minn qabel fuq it-tila mhux permess);

ġew speċifikati l-kundizzjonijiet li bihom il-baqta ffriżata tista’ terġa’ tiġi inkorporata fil-prodott;

l-ingredjenti awtorizzati huma t-tames, il-karbonju attiv, il-ħmejjer, il-klorur tal-kalċju u l-melħ;

il-ġobon jitneħħa mill-forom 18 sa 48 siegħa wara li jkun tqiegħed fihom;

id-definizzjoni tad-daqs tal-forma tispeċifika d-daqs tal-forma u l-angoli tagħha (il-forma ma nbidlitx);

il-perjodu bejn iż-żieda tat-tames u t-tneħħija mill-forom huwa ta’ bejn 44 u 72 siegħa;

jista’ jintuża isem ir-razzett jekk ikunu għaddew inqas minn 24 siegħa minn mindu l-ħalib użat ikun ġie ttrattat għall-ewwel darba u jekk ma tkun intużat l-ebda baqta ffriżata;

it-trasport tal-ġobon mill-proċessuri jrid isir f’temperatura li tkun ’il fuq miż-żero, iżda li tkun ta’ inqas minn 10 °Ċ.

3.4.   Il-Kapitolu 6: Elementi li jiġġustifikaw ir-rabta maż-żona ġeografika

It-test dwar ir-rabta maż-żona ġeografika ġie rrevedut sabiex inqasam fi tliet partijiet.

Il-Kapitolu 6.1:   l-ispeċifiċità taż-żona ġeografika

Dan il-Kapitolu qed jiġi kkompletat sabiex jiġu stabbiliti jew ikkonfermati l-elementi li ġejjin:

l-iżvilupp ta’ produzzjoni tal-mogħoż li trendi f’żona li mhix għanja mil-lat tal-agronomija;

id-diversità fiż-żona li tippermetti produzzjoni varjata tal-għalf;

il-bażijiet storiċi tat-teknoloġija lattika;

ir-rwol tal-proċessuri fl-istandardizzazzjoni tal-forma tal-ġobon.

Il-Kapitolu 6.2:   l-ispeċifità tal-prodott

F’dan il-Kapitolu jissemmew il-karatteristiċi prinċipali tal-ġobon tat-tip “Selles-sur-Cher”.

Il-Kapitolu 6.3:   ir-rabta bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott

Dan il-Kapitolu juri r-rabta li hemm bejn il-fatturi naturali taż-żona ġeografika u l-karatteristiċi oriġinali tal-ġobon.

3.5.   Il-Kapitolu 7: Referenzi dwar il-korp ta’ kontroll

Dan il-Kapitolu qed jerġa’ jiġi aġġornat filwaqt li titqies ir-riforma tal-INAO. Fil-qafas ta’ din ir-riforma, il-grupp għażel korp taċ-ċertifikazzjoni, li huwa dak imsejjaħ “Qualisud”.

3.6.   Il-Kapitolu 8: It-tikkettar

Wieħed bil-fors irid juża s-simbolu tal-Unjoni Ewropea għad-DPO fuq it-tikketta.

3.7.   Il-Kapitolu 9: Ir-rekwiżiti nazzjonali

F’dan il-Kapitolu tingħata tabella li fiha l-elementi ewlenin li jfasslu l-istruttura tal-pjan ta’ kontroll.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (3)

“SELLES-SUR-CHER”

Nru tal-KE: FR-PDO-0117-0976-26.01.2012

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem

“Selles-sur-Cher”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   It-tip ta’ prodott

Il-kategorija 1.3

Il-ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 1

Il-ġobon għandu forma ta’ diska bit-truf tastaturati, li tkun kemm kemm qisha kon bla ponta, iċċattjata u b’dijametru ta’ madwar 9 ċentimetri u ħxuna ta’ madwar 3 ċentimetri. Il-ġobon, li għandu natura lattika, huwa lewn l-irmied minħabba l-karbonju attiv.

Il-qoxra tiegħu tkun ta’ lewn griż lewn l-irmied li jkun bejn wieħed u ieħor uniformi. Meta taqtgħu, il-ġobon ikollu lewn abjad li jixbah lill-avorju u jkun matt, lixx u omoġenju, u jkollu qoxra iebsa, fina u regolari. Għall-bidu, jkollu riħa ta’ ġobon frisk tal-ħalib tal-mogħża li tiżviluppa f’waħda li tfakkrek fil-faqqiegħ u fil-mogħoż fi tmiem il-perjodu tal-maturazzjoni. Fil-konsistenza tiegħu, il-ġobon huwa frisk u jinħall f’ħalqek u jfakkrek kemm kemm fl-għaġina. Meta jittiekel, iħalli togħma bbilanċjat bejn waħda li hija kemm kemm mielħa u li hija aċiduża u morra.

Il-ġobon ikun fih mill-inqas 45 gramma xaħam għal kull 100 gramma ġobon imnixxef. Il-piż totali tal-materja niexfa jrid ikun ta’ mill-inqas 55 gramma f’kull ġobna.

Il-perjodu tal-maturazzjoni huwa ta’ mill-inqas għaxart ijiem minn meta mal-ħalib jiżdied it-tames.

3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Għall-produzzjoni tal-ġobon tat-tip “Selles-sur-Cher” jintuża biss il-ħalib sħiħ mhux ipproċessat tal-mogħoż tar-razza Alpina jew Saanen jew li jkunu ġejjin minn taħlita ta’ dawn iż-żewġ razez. Mill-inqas 80 % mill-għenieq għat-tiġdid tal-merħla jiġu miż-żona ġeografika identifikata.

3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

Sabiex tiġi żgurata rabta mill-qrib bejn il-prodott u t-territorju, il-porzjon totali tal-għalf tal-mogħoż tal-ħalib jinkludi bħala medja annwali mill-inqas 75 % minnu li jkun ġej miż-żona ġeografika identifikata, jiġifieri ammont minimu ta’ 825 kilogramm ta’ materja niexfa.

Il-porzjon totali annwali tal-għalf ta’ mogħża tal-ħalib jinkludi mill-inqas 550 kilogramm ta’ materja niexfa ta’ għalf mhux ipproċessat. L-għalf awtorizzat huwa mniżżel f’lista.

Iż-żona għall-għalf hija ta’ mill-inqas 1 000 m2 għal kull mogħża tal-ħalib. Din iż-żona tikkorrispondi għaż-żoni tar-razzett u/jew għaż-żoni korrispondenti għall-għalf li jkun inxtara.

L-użu tal-balal imgeżwrin huwa permess, dejjem jekk dan ma jaqbiżx it-350 kilogramm ta’ materja niexfa fis-sena għal kull mogħża tal-ħalib. L-ammont ta’ materja niexfa fil-balla jrid ikun ta’ iktar minn 50 %.

Il-porzjon tal-għalf kumplimentari, li huwa magħmul minn għalf ikkonċentrat (li fih ħafna nitroġenu u/jew ħafna enerġija) u/jew minn għalf imnixxef, jirrappreżenta mhux iktar minn 550 kilogramma ta’ materja niexfa fis-sena għal kull mogħża tal-ħalib. Mill-inqas 275 kilogramm minn dan l-għalf ikun ġej miż-żona ġeografika identifikata fil-punt 4. L-għalf awtorizzat li minnu jkun magħmul il-porzjon tal-għalf kumplimentari huwa mniżżel f’lista.

Is-sistema alimentari tat-tiben ikkonċentrat u l-użu tal-ħaxix ħażin u tal-qamħirrum maħżun f’sajlo mhumiex permessi.

L-użu tal-ħaxix ħażin u tal-qamħirrum maħżun f’sajlo huwa awtorizzat sal-31 ta’ Diċembru 2014.

Iż-żrigħ jew it-taħwil ta’ uċuħ tar-raba’ trasġeniċi huwa pprojbit fiż-żoni kollha ta’ azjenda li tipproduċi l-ħalib għall-ipproċessar f’ġobon tat-tip “Selles-sur-Cher” li huwa denominazzjoni protetta tal-oriġini. Għall-għalf tal-annimali huma awtorizzati biss l-ikel u l-pjanti kumplimentari li ġejjin minn prodotti li mhumiex trasġeniċi.

3.5.   L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata

Il-produzzjoni tal-ħalib u l-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-ġobon isiru fiż-żona ġeografika identifikata fil-punt 4.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.

L-ebda regola.

3.7.   Ir-regoli speċifiċi għat-tikkettar

Il-ġobon kollu tat-tip “Selles-sur-Cher” li jitqiegħed fis-suq għandu bil-fors ikollu tikketta fuqu. It-tikketta tal-ġobon għandha tinkludi isem id-denominazzjoni tal-oriġini “Selles-sur-Cher”, miktub b’ittri li jkunu tal-inqas daqs żewġ terzi tad-daqs tal-ikbar ittri li jidhru fuq it-tikketta. It-tikketta tinkludi wkoll il-lowgo tad-DPO tal-Unjoni Ewropea.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika hija magħmula mid-distretti amministrattivi li ġejjin:

 

fid-dipartiment ta’ Cher (18): Graçay, Lury-sur-Arnon u Vierzon II (il-bliet ta’ Massay, Méry-sur-Cher, Saint-Hilaire-de-Court, Thénioux u Vignoux-sur-Barangeon);

 

fid-dipartiment ta’ Indre (36): Valançay, Issoudin Nord, Saint-Christophe-en-Bazelle u Vatan;

 

fid-dipartiment ta’ Loir-et-Cher (41): Contres, Montrichard, Saint-Aignan, Mennetou-sur-Cher, Romorantin-Lanthenay Nord, Romorantin-Lanthenay Sud u Selles-sur-Cher.

5.   Ir-rabta maż-żona ġeografika

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika

Fatturi naturali

Iż-żona ġeografika ta’ “Selles-sur-Cher”, li tinsab fil-Lvant tal-medda ta’ muntanji bil-foresti tar-reġjun ta’ Sologne u fil-punt fejn jingħaqdu l-provinċji ta’ Touraine u ta’ Berry u r-reġjun ta’ Sologne, testendi fuq qortin enormi li jinqata’, mil-Lvant għall-Punent, mill-wied ta’ Cher.

Fuq in-naħa tan-Nofsinhar ta’ din ix-xmara nsibu r-reġjun ta’ Boischaut, waqt li fuq in-naħa tat-Tramuntana tagħha nsibu l-parti tan-Nofsinhar tar-reġjun ta’ Gâtine tourangelle.

Ix-xfar dojoq tar-reġjun ta’ Gâtine tourangelle fihom ħafna depożiti ta’ ħama li żviluppaw fuq sottostrat magħmul mill-ġebla tal-ġir tar-reġjun ta’ Beauce. Il-pajżaġġ, li huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu miftuħ, fih żoni bil-foresti fejn it-trobbija tal-bhejjem hija komuni ħafna.

Il-wied ta’ Cher huwa kkaratterizzat mill-ġebla safra tat-tip “tuffeau” ta’ Touraine (is-saff tal-istadju Turonjan). F’dawn l-għoljiet u fil-widien sekondarji, l-ikbar attività agrikola hija dik tal-vitikultura.

Fir-reġjun ta’ Boischaut nsibu saff ġebel tal-ġir biż-żnied li fih ukoll insibu l-ħama tal-qraten. Is-sistemi agrikoli jiffukaw l-iktar fuq il-biedja mħallta u fuq it-trobbija tal-bhejjem.

Fit-truf foqra u diffiċli ta’ dawn ir-reġjuni differenti, it-trobbija tal-mogħoż, li ilha ħafna teżisti fir-reġjun, illum il-ġurnata tikkostitwixxi waħda mill-ftit possibbiltajiet biex tingħata valur lil din l-art, li ftit li xejn tintuża għall-vitikultura u għat-tkabbir taċ-ċereali.

L-iżvilupp tal-ekonomija bbażata fuq it-trobbija tal-mogħoż seħħ ukoll minħabba l-fatt li l-Wied ta’ Cher minn dejjem kien post importanti ferm għall-komunikazzjoni mil-Lvant għall-Punent f’dak li għandu x’jaqsam mal-flussi tan-nies (it-trasferiment tal-prattiki u tal-għarfien espert fil-qasam tal-produzzjoni tal-ġobon) u mal-flussi kummerċjali (it-triq prinċipali kummerċjali bejn Nantes u Lyon).

Il-klima fiż-żona tal-produzzjoni hija waħda oċeanika mibdula, u f’din iż-żona l-influwenza tal-klima kontinentali tinħass dejjem iktar hekk kif wieħed imur mill-Punent għal-Lvant. Fis-sena bħala medja tagħmel bejn 650 u 750 millimetru xita, li tinżel b’mod imqassam tajjeb tul is-sena kollha. It-temperaturi mhumiex ħorox iżda d-differenzi bejn it-temperaturi tax-xitwa u dawk tas-sajf huma pjuttost kbar (temperatura medja ta’ 4,8 °Ċ f’Jannar u ta’ 18,9 °Ċ f’Lulju). Ix-xtiewi mhux ħorox u s-sjuf li rari jkunu nexfin għal kollox jippermettu li jitkabbru għadd kbir ta’ ċereali u ta’ pjanti għall-għalf, li huma meħtieġa biex il-mogħoż jingħalfu.

Fatturi umani

Il-ġobon tat-tip “Selles-sur-Cher” fil-bidu kien prodott domestiku li kien isir l-iktar min-nisa, li adottaw teknoloġija lattika b’perjodi teknoloġiċi flessibbli, li kienet kompatibbli mal-obbligi l-oħra tar-razzett u tal-familja.

Il-ġobon kien jitħalla jimmatura fil-kantina, li kienet tkun kamra maġenb ir-razzett mibnija ħafna drabi fuq in-naħa tat-Tramuntana tiegħu. L-użu tal-affumikar, imbagħad tal-irmied tal-faħam tal-kannol imħallat mal-melħ, kien jiżgura l-kwalità tal-ġobon waqt il-perjodu tal-maturazzjoni tiegħu.

Fi tmiem is-seklu dsatax, dawk li kienu jiġbru l-prodotti tal-irziezet kienu jgħaddu b’mod regolari fl-irziezet biex jiġbru l-bajd u t-tjur, iżda wkoll il-ġobon. Xi wħud kienu jispeċjalizzaw f’dan il-qasam, u kienu jiġbru l-ġobon frisk sabiex imbagħad jaffumikawh u jimmaturawh huma stess qabel ma jqegħduh fis-suq.

Il-belt ta’ Selles-sur-Cher kienet iċ-ċentru ewlieni ta’ ġbir u bejgħ mill-ġdid ta’ dan it-tip ta’ ġobon. Il-ġobon imbagħad beda jissejjaħ bl-isem tal-post fejn kien jgħaddi mill-proċess ta’ maturazzjoni.

Fil-bidu tas-seklu għoxrin, il-produzzjoni tal-ġobon tal-ħalib tal-mogħża żdiedet bil-mod il-mod biex dan jinbiegħ lil bliet industrijali bħal Tours, Blois, Vierzon, Châteauroux, Pariġi, Lyon, eċċ. Din iż-żieda fil-produzzjoni tal-prodotti magħmulin mill-ħalib tal-mogħża seħħet id f’id mal-iżvilupp tat-tekniki tat-trobbija (iż-żamma tal-annimali fi stalel miftuħin, l-apparat li jaħleb il-baqar u l-introduzzjoni tar-razez alpini u Saanen sabiex jitjiebu l-oriġini lokali) u mal-iżvilupp tal-mezzi profilattiċi u veterinarji (il-prodotti kontra l-parassiti u l-antibijotiċi). Wara dan il-produtturi malajr speċjalizzaw fit-trobbija tal-mogħoż, kemm għall-ħalib u kemm għall-irziezet (bejjiegħa diretti jew li jagħtu l-prodott lil proċessur) u malajr inħolqu l-kooperattivi tal-produtturi tal-ħalib.

Wara dan, il-ġobon tat-tip “Selles-sur-Cher” ġie rrikonoxxut bħala prodott b’denominazzjoni protetta tal-oriġini permezz ta’ digriet tal-21 ta’ April 1975.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott

Il-ġobon tat-tip “Selles-sur-Cher” isir mill-ħalib sħiħ u mhux ipproċessat tal-mogħoż, li miegħu jkun żdied kemm kemm tames, abbażi ta’ baqta ta’ natura lattika.

Wiċċ il-ġobon jitmellaħ u l-ġobon jiġi affumikat bil-karbonju attiv. Il-perjodu tal-maturazzjoni huwa ta’ mill-inqas għaxart ijiem minn meta mal-ħalib jiżdied it-tames.

Il-ġobon tat-tip “Selles-sur-Cher” huwa kkaratterizzat mill-affarijiet li ġejjin:

 

il-forma karatteristika tiegħu, li tkun kemm kemm qisha kon bla ponta;

 

il-lewn abjad u matt tiegħu minn ġewwa, li jixbah lill-avorju, u l-konsistenza lixxa u omoġenja tiegħu;

 

in-natura lattika tiegħu, li tonqos bil-mod il-mod matul il-perjodu tal-maturazzjoni;

 

l-affumikar fil-wiċċ tiegħu, li jagħti lill-qoxra tiegħu lewn li jinbidel minn griż lewn l-irmied għal griż fil-blu huwa u jimmatura. Il-qoxra hija magħmula b’mod ewlieni mill-fungu tat-tip Geotrichum u mill-ħmejjer.

5.3.   Ir-rabta każwali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi l-oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Fl-oqsma differenti li ftit li xejn għandhom potenzjal agronomiku, il-mogħża malajr saret il-“baqra tal-foqra” u tat iċ-ċans lil dawn l-artijiet foqra jsiru ta’ valur.

L-art ramlija u taflija li tagħti f’dik ramlija li nsibu fil-Punent tar-reġjun ta’ Sologne u fil-wied ta’ Cher, flimkien mal-klima ta’ dan ir-reġjun, wasslu għal sistema speċifika ta’ għalf, imsejsa fuq il-produzzjoni tal-għalf niexef, li tifforma l-bażi tal-għalf tal-mogħoż. Il-ħtieġa li jiġi prodott għalf niexef kienet akkumpanjata mill-għoti ta’ valur lil imriegħi li ma għandhomx wisq benefiċċji mil-lat tal-agronomija (pereżempju l-imriegħi umdi tal-belt ta’ ħdejn ix-xmara Fouzon), u b’hekk ġiet stabbilita t-trobbija dinamika tal-mogħoż f’żoni li ftit li xejn jistgħu jintużaw għal attivitajiet agrikoli oħrajn. Sal-lum, it-trobbija tal-mogħoż għadha sseħħ fi stabbilimenti f’dawn iż-żoni, li fihom ma ssir l-ebda attività agrikola oħra bħall-vitikultura jew it-tkabbir taċ-ċereali.

Il-ħtiġijiet għall-awtonomija fl-għalf imdaħħlin fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott jipperpetwaw it-tradizzjoni ta’ għalf tal-merħla bbażat fuq il-prodotti tal-imriegħi. Dawk li jrabbu l-bhejjem, billi jagħżlu mogħoż li huma adattati għaż-żona u għall-kundizzjonijiet tal-għalf u li jkunu kapaċi jagħtu ħalib li jkun ta’ kwalità tajba biex minnu jsir il-ġobon, jippermettu lil dawk li jagħmlu l-ġobon jesprimu l-karatteristiċi partikulari li joħorġu mill-għalf u mill-flora tal-mikrobi tal-ħalib. Minn dan il-lat, l-awtonomija fl-għalf, il-ħarsien ta’ ammont minimu ta’ fibrożi fil-porzjon tal-għalf (ir-rata ta’ ċellulożi) u t-trobbija ta’ għenieq għat-tiġdid tal-merħla (l-għarfien espert fil-ġenetika) fiż-żona ġeografika kollha juru ż-żamma ta’ dan l-għarfien.

L-istandardizzazzjoni tal-forma tal-ġobon ġejja mir-relazzjonijiet mal-produtturi. Il-ġobon tat-tip “Selles-sur-Cher” huwa ġobon pjuttost kbir għat-tip ta’ ġobon lattiku li hu. It-tip ta’ forma li tintuża b’mod tradizzjonali (forma bil-fond), il-perjodu li matulu l-ġobon jitħalla joqgħod wara li tiżdiedlu l-baqta (18 sa 48 siegħa f’temperatura ta’ inqas minn 25 °Ċ) u l-perjodu li matulu l-ġobon jitħalla joqtor fil-forom iwasslu biex fil-bidu tal-perjodu ta’ maturazzjoni, il-baqta tkun relattivament umda.

Waqt li fil-bidu l-użu tal-affumikar kien jiffaċilita l-konservazzjoni tal-ġobon fil-kantina u mbagħad fil-post tat-tnixxif, illum il-ġurnata l-karbonju attiv u l-melħ, flimkien mal-flora ta’ wiċċ il-ġobon, jiffurmaw struttura fil-qoxra li tirregola l-iskambji mal-post tal-maturazzjoni, li jinżamm f’temperatura pjuttost sħuna u kostanti. Din it-teknika twassal għall-konsistenza tal-ġobon minn ġewwa u għall-iżvilupp tat-togħma tiegħu.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (4))

https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCSelles-sur-Cher.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Mibdul bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Mibdul bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 3.