|
22.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 177/24 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
2013/C 177/10
Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għall-oġġezzjoni għall-applikazzjoni għal emenda, skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (2)
APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9
“MONTES DE GRANADA”
Nru tal-KE: ES-PDO-0105-0169-28.07.2008
IĠP ( ) DPO ( X )
1. Intestatura tal-ispeċifikazzjoni affettwata mill-emenda
|
— |
|
Isem il-prodott |
|
— |
|
Deskrizzjoni |
|
— |
☒ |
Żona ġeografika |
|
— |
☒ |
Prova tal-oriġini |
|
— |
☒ |
Metodu ta' produzzjoni |
|
— |
☒ |
Rabta |
|
— |
|
Tikkettar |
|
— |
☒ |
Rekwiżiti nazzjonali |
|
— |
☒ |
Oħrajn (Korp ta’ Spezzjoni) |
2. Tip ta' emenda
|
— |
☒ |
Emenda tad-Dokument Uniku jew tas-Sommarju. |
|
— |
|
Emenda tal-Ispeċifikazzjoni tad-DPO jew l-IĠP rreġistrata li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku jew Sommarju. |
|
— |
|
Emenda tal-Ispeċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda għad-Dokument Uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006). |
|
— |
|
Emenda temporanja tal-Ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006). |
3. Emendi
3.1. Żona Ġeografika
Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni tad-DPO Montes de Granada ġiet estiża biex tinkludi 22 muniċipalitajiet oħra.
Dawn huma l-muniċipalitajiet ta' Peligros u Viznar fir-reġjun ta' Sierra Arana u l-muniċipalitajiet li jinsabu fl-Altiplano de Granada:
Beas de Guadix, Benalúa de Guadix, Cortes u Graena, Gor (minbarra l-parti ta' dak it-territorju li tinkludi l-Parque Natural Sierra de Baza), Gorafe, Guadix, Marchal, Purullena, Baza u Caniles (minbarra l-parti fiż-żewġ territorji li jinkludu l-Parque Natural Sierra de Baza), Benamaurel, Cortes de Baza, Cúllar, Cuevas del Campo, Freila, Zújar, Castilléjar, Castril, Galera u Huéscar.
Ir-raġuni tal-inklużjoni ta' dawn il-muniċipalitajiet fiż-żona ta' produzzjoni tad-DPO “Montes de Granada” hija li, flimkien maż-żona attwalment definita, dawn jiffurmaw entità omoġenja kemm fir-rigward tal-ambjent naturali (l-orografija, il-ġeografija, il-ħamrija, il-klima, eċċ) kif ukoll il-fattur uman (il-varjetajiet ta' żebbuġ użat, tekniki ta' kultivazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa verġni). Barra minn hekk, iż-żejt taż-żebbuġa prodott f'dawn il-muniċipalitajiet proposti għall-inklużjoni għandu l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi tad-DPO “Montes de Granada”.
3.2. Imballaġġ
Ir-restrizzjoni tal-imballaġġ fil-post tal-orġini tneħħiet, hekk kif ġew stabbiliti modi li jiżguraw it-traċċabbiltà tal-prodott.
3.3. Rabta
It-test ġie emendat sabiex jikkorrispondi għall-istruttura tal-punt 5 tad-Dokument Uniku, “Rabta maż-zona ġeografika”.
3.4. Korp tal-kontroll
L-Awtorità kompetenti għall-ispezzjonijiet ġiet speċifikata u l-indirizz tal-internet tagħha huwa inkluż, fejn jinsabu l-ismijiet tal-korpi responsabbli mill-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott qabel ma jiġi kummerċjalizzat.
3.5. Rekwiżiti nazzjonali
Ġew aġġornati r-rekwiżiti leġiżlattivi bid-dettalji tal-leġiżlazzjoni preżenti.
DOKUMENT UNIKU
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (3)
“MONTES DE GRANADA”
Nru tal-KE: ES-PDO-0105-0169-28.07.2008
IĠP ( ) DPO ( X )
1. Isem
“Montes de Granada”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Spanja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta' prodott
|
Klassi 1.5. |
Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żjut, eċċ.) |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem fil-punt 1
Żejt taż-żebbuġa straverġni miksub minn frott b'saħħtu u matur mis-siġar taż-żebbuġ (Olea europaea), minn varjetajiet prinċipali (Picual, Lucio u Loaime) u varjetajiet sekondarji (Escarabajuelo, Negrillo de Iznalloz, Hojiblanca u Gordal de Granada) kultivati fiż-żona ddefinita.
Iż-żejt huwa miksub mit-tħin tal-varjetajiet prinċipali u sekondarji flimkien. Dawn għalhekk huma żjut multivarjetali u mogħnija bil-karatteristiċi speċifiċi ta' kull varjetà użata. Mill-karatteristiċi organolettiċi taż-żjut, jispikka l-karattru qawwi tal-varjetà dominati Picual (il-kulur aħdar tiegħu, b'imrar medju għal qawwi u bl-aroma ta' frott) li jittaffa mill-preżenza tal-varjetajiet Lucio, Loaime u varjetajiet sekondarji li joħolqu aromi friski li jixbhu tipi varji ta' frott, togħma anqas morra u kulur aktar dehbi.
B'mod ġenerali, iż-żjut taż-żebbuġa straverġni prodotti fiż-żona għandhom aroma u togħma ta' frott (ta' qawwa medja għal għolja), li tixbah dik taż-żebbuġ magħsur reċentement frisk jew matur, togħma ftit morra b'palat tajjeb, fejn l-qawwa tagħhom tvarja skont il-grad tal-maturità taż-żebbuġ mitħun. L-aċidità hija baxxa u l-kulur ikopri varjetà sħiħ ta' ħdura, mill-aħdar jgħajjat għal isfar ħadrani.
Il-profil lipidu tiegħu għandu livell għoli tal-aċidu olejku, li normalment jinsab fuq it-80 % u ġieli jilħaq it-83 %. Iż-żjut għandhom ukoll proporzjon għoli tal-aċidi monoinsaturati/polinsaturati (12 għal 20) u għalhekk valur għoli djetetiku u stabbilità vis-à-vis l-ossidazzjoni. Għandhom stabbilità kimika għolja, fil-biċċa l-kbira minħabba il-kompomenti tal-polifenoli li huma responsabbli għat-togħma morra tagħhom, li jagħmilhom iżjed resistenti għall-ossidazzjoni miż-żjut taż-żebbuġa verġni oħra.
3.3. Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Mhux applikabbli
3.4. Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)
Mhux applikabbli
3.5. Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-produzzjoni taż-żebbuġ u l-elaborazzjoni tal-prodott isiru fiż-żona ġeografika definita fil-punt 4.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-imballaġ, eċċ.
Iż-żejt irid jiġi ppakkjat fil-kondizzjonijiet appropjati u bl-użu ta' imballaġġi għall-użu alimentari sabiex jiġi żgurat li l-prodott ikollu ħajja kummerċjali twila. Il-prodott ippakkjat għandu jinħażen 'il bogħod mid-dawl u s-sħana sabiex jasal lill-konsumatur fl-aħjar kondizzjoni.
3.7. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Il-prodott għandu jkollu l-marka tal-konformità, it-tikketta ta' wara bid-denominazzjoni, li għandha tiggarantixxi t-traċċabbiltà tal-prodott, li tkun identifikata permezz ta' kodiċi alfanumeriku, u li għandha titwaħħal b'tali mod li ma tkunx tista' tintuża għal darba oħra.
4. Deskrizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika tkopri l-muniċipalitajiet li ġejjin: Alamedilla, Alfacar, Alicún de Ortega, Beas de Guadix, Benalúa de Guadix, Benalúa de las Villas, Benamaurel, Calicasas, Campotéjar, Castillejar, Castril, Cogollos Vega, Colomera, Cortes de Baza, Cortes y Graena, Cúllar, Cuevas del Campo, Darro, Dehesas de Guadix, Deifontes, Diezma, Fonelas, Freila, Galera, Gobernador, Gorafe, Guadahortuna, Guadix, Güevéjar, Huélago, Huéscar, Iznalloz, il-parti tat-Tramuntana tal-muniċipalità ta' La Peza (sax-xmara Fardes), Marchal, Montejícar, Montillana, Morelábor, Nívar, Pedro Martínez, Píñar, Peligros, Purullena, Torrecardela, Villanueva de las Torres, Víznar, Zújar, Moclín (iż-żona tal-Ilvant sal-fruntiera naturali ffurmata mix-xmara Velillos), Albolote u Atarfe, (iż-żona tat-Tramuntana bejn ix-xmajjar Cubillas u Colomera sal-punt ta' fejn jiltaqgħu) u Baza, Caniles u Gor (minbarra ż-żoni ta' dawk il-muniċipalitajiet li jiffurmaw parti mill-Parque Natural Sierra de Baza).
5. Rabta maż-żona ġeografika
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika
L-ambjent agrikolu taż-żona ddefinita tad-DPO “Montes de Granada” huwa ambjent omoġenju għat-tkabbir taż-żebbuġ li huwa uniku fil-Peniżola Iberika.
Qiegħed f'altitudni medja ogħla minn żoni oħra tat-tkabbir taż-żebbuġ fil-Peniżola Iberika (madwar 900 m 'il fuq mil-livell tal-baħar). Huwa mdawwar mill-katina ta' muntanji Subbetiċi. Għalhekk, din iż-żona importanti għat-tkabbir taż-żebbuġ, tradizzjonalment magħrufa bħala “Montes de Granada”, hija sierra jew żona tal-muntanji baxxi fil-provinċja ta' Granada. L-ewwel referenza għat-“terrenos montuosos” (art muntanjuża) u l-“cultivo del olivo” (tkabbir taż-żebbuġ) fir-reġjun ta' “Montes de Granada” tmur lura għas-seklu 16, f'dokument dwar l-allokazzjoni tal-artijiet wara l-Konkwista ta' Granada mill-Monarkija Kattolika li jgħid “… f'kull kwartier hemm ukoll allokata parti mill-masġar taż-żebbuġ, li …” (Peinado Santaella, 1989; La repoblación de la tierra de Granada: Los Montes, Universidad de Granada).
Il-pajsaġġi tar-reġjun għandhom depressjonijiet b'altitudni ta' 750 sa 900 m li jalternaw ma' katini muntanjużi mifruxa mill-Punent għal-lvant u li jilħqu għoli ta' 1 400 u 2 000 metri. Il-pajsaġġ huwa aktar aħrax lejn il-qċaċet tal-franka, u riljievi oħra, ukoll maqtugħin minn skarpijiet, jikkonsistu minn truf baxxi u għoljiet magħmulin mill-ġebla tal-franka, ġir tal-marl li huwa ħamrija magħmula minn taħlita ta' tafal u ġir, u ħamrija taflija. Lejn il-Lvant, minn Peligros, fil-muniċipalità l-aktar lejn l-Ilbiċ taż-żona ġeografika ddefinita u viċin Vega de Granada (depressjoni Intrabetika), il-pajsaġġ isir inqas aħxar u jestendi għal plateau għolja 1 200 m, fejn il-katina tal-muntanji Subbetiċi tintegra mad-Depressjoni Intrabetika fil-muniċipju ta' Huéscar, il-muniċipalità l-aktar lejn il-Majjistral taż-żona ġeografika ddefinita “Montes de Granada”.
Il-karatteristiċi klimatiċi taż-żona ġeografika ddefinita huma speċifiċi, u għandhom influwenza deċisiva fuq il-karatteristiċi taż-żjut taż-żebbuġa verġni prodotti.
Il-klima hija waħda Mediterranja kontinentali, b'differenzi konsiderevoli bejn il-lejl u n-nhar u bejn staġun u ieħor. Ix-xtiewi huma twal u kesħin u jdumu minn Novembru sa Marzu b'temperatura medja ta' bejn 5 u 6 °C u medja minima ta' 2 °C. Minħabba l-altitudni għolja (750 għal 2 000 m), il-borra hija frekwenti. Mill-banda l-oħra, minħabba li Granada tinsab fin-nofsinhar tal-pajjiż, is-Sjuf huma twal u sħan u jibdew mill-bidu ta' Mejju sa Ottubru, b'temperaturi medji ta' 'l fuq minn 30 °C. Ix-xita medja annwali tvarja bejn 400 sa 600 mm u hija anqas fis-snin xotti ħafna.
Għalkemm Granada qiegħda fin-Nofsinhar, dawn ix-xtiewi jixbhu dawk tal-Meseta fit-Tramuntana tal-Peniżola Iberiku. Ir-raġuni għal dawn it-temperaturi irregolari fin-Nofsinhar estrem hija ż-żona ġeografika tar-reġjun Montes De Granada. Din tinsab f'nofs kwadru li l-ġnub tagħha huma ffurmati mill-katina ta' muntanji bl-aktar temperaturi baxxi fil-Peniżola Iberika: lejn l-Ilbiċ, din tmiss mal-fruntiera ta' Sierra Nevada (temperatura medja annwali 8-10 °C), lejn il-Majjistral, mal-fruntiera ta' Sierra Mágina-Sierra de Lucena-Montejícar (temperatura medja annwali 10-12 °C), lejn ix-Xlokk, mal-fruntiera ta' Sierra de Baza (temperatura medja annwali 10-12 °C) u lejn il-Grigal, mal-fruntiera ta' Castril y Sierra de la Sagra (temperatura medja annwali 8-10 °C).
Din it-tip ta' klima estrema ddeterminat it-tekniki tat-tkabbir taż-żebbuġ fiż-żona ta' Montes de Granada tul iż-żminijiet, mill-għażla tal-varjetajiet taż-żebbuġ adattati għax-xtiewi estremi għal prattiki bħall-ħsad bikri biex tiġi evitata l-ġlata ta' Jannar u Frar, kif ukoll it-tekniki ta' żbir maħsuba biex iżommu proporzjon massimu bejn il-werqa u z-zkuk biex jipproteġu s-siġar mill-ġlata xitwija ħarxa. Mill-banda l-oħra, dawn l-istess kondizzjonijiet klimatiċi għenu fil-prevenzjoni tal-pesti jew tal-mard endemiku fiż-żoni tat-tkabbir taż-żebbuġ f'Andalucia bħad-“dubbiena taż-żebbuġ” u t-“tbajja' tal-moffa” (olive leaf spot), li żżid il-kwalità tal-frott (aċidità baxxa) u magħhom, il-kwalità taż-żjut.
Il-varjetajiet nattivi taż-żebbuġ imkabbar f'żoni ġeografiċi ddefiniti bħal Lucio, Loaime, Escarabajuelo u Negrillo de Iznalloz ġew magħżulin tul is-sekli minħabba l-adattament tagħhom għall-kondizzjonijiet estremi agrikoli minħabba li huma partikolarment reżistenti għall-ġlata u l-frotta timmatura malajr, u għalhekk jistgħu jiġu maħsuda qabel il-ġlata tax-xitwa. Referenza mill-1632 isemmi l-“Olivas de Marca” fil-muniċipalità ta' Cogollos Vega, u tagħmel referenza għal siġar li jrendu ħsad abbundanti ta' żebbuġ ta' kwalità għolja (Libro de Apeos de Cogollos Vega, Real Chancillería de Granada). Għadhom jinstabu siġarta' aktar minn 500 sena tal-varjetà Loaime, isem ta' oriġini Għarbija, fir-reġjun ta' Los Montes de Granada, li ġew ikkultivati qabel il-Konkwista ta' Granada mill-Monarkija Kattolika.
L-adattament għall-ambjent lokali tal-varjetà Picual (il-varjetà predominanti), li ġiet introdotta fiż-żona f'nofs is-seklu 19 u li hija aktar produttiva u vigoruża mill-varjetajiet indiġeni msemmija hawn fuq, ippermettiet ħafna mill-imsaġar taż-żebbuġ jiżviluppaw flimkien mal-varjetajiet aktar antiki u nativi.
Dokument storiku importanti li jmur lura għal nofs is-seklu 19 (Diccionario Geografico Estadistico e Historico, Pascual Madoz, 1845, ippubblikat mill-ġdid minn Bosque Maurel, 1987) ifaħħar l-imsaġar taż-żebbuġ ta' din il-comarca u ż-żejt skwiżit tagħhom, u jirreferi espliċitament għall-: “Montes de Granada … u minkejja n-nuqqas ta' ilma għax-xorb, l-ilmijiet tax-xmajjar Cubillas, Benalúa u Moclín huma użati għall-irrigazzjoni tal-art ta' madwar, u għall-produzzjoni ta' kull tip ta' ċereali, żejt ċarissimu u skwiżit, inbid u żrieragħ ta' kull tip …”.
5.2. Speċifiċità tal-prodott
Il-karatteristiċi speċifiċi li jiddefinixxu ż-żejt taż-żebbuġ “Montes de Granada” huma:
|
— |
Profil lipidu speċifiku, b'kontenut tal-aċidu olejku għoli li huwa fuq it-80 % u jista' jilħaq it-83 %. Iż-żjut għandhom ukoll proporzjon għoli ta' aċidi monoinsaturati/polinsaturati (12 għal 20) li jiddetermina l-valur għoli djetetiku tal-prodott. |
|
— |
Aċidità baxxa. |
|
— |
Kulur li jvarja minn aħdar jgħajjat għal isfar ħadrani skont il-grad ta' maturazzjoni taż-żebbuġ u l-proporzjonijiet tal-varjetajiet differenti li jiffurmaw ż-żejt. |
|
— |
Aroma u togħma ta' frott, ta' frott frisk jew matur, ta' qawwa medja għal għolja (Medjan tal-fruttat ≥ 3). |
|
— |
Togħma nkemmxejn morra u pikkanti, ta' qawwa li tvarja skont il-grad ta' maturità tal-frott, relatata mal-livell ta' polifenoli fiż-żjut. |
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għall-IĠP)
L-altitudni għolja taż-żona ta' produzzjoni Montes de Granada u t-temperaturi estremi fil-ħarifa u fix-xitwa, li huwa ż-żmien fejn iż-żebbuġ jimmatura, huma kruċjali għall-kwalità distintiva ta' dawn iż-żjut.
L-influwenza tat-temperatura ambjentali u tal-altitudni taż-żona ta' produzzjoni tal-imsaġar fuq il-proċess ta' maturazzjoni taż-żebbuġ hija magħrufa sew fid-dinja xjentifika. Dawn il-kondizzjonijiet iħallu influwenza qawwija fuq il-profil tal-aċidi grass fiż-żjut u l-kontenut tal-klorofilla, li hija responsabbli għall-kulur aħdar taż-żjut. Għalhekk, aktar ma' tkun għolja l-altitudni u aktar ma tkun baxxa t-temperatura, speċjalment matul ix-xhur ta' maturazzjoni tal-frott (il-ħarifa u x-xitwa), aktar ma jkun għoli l-kontenut tal-aċidu grass mhux saturat (speċjalment l-aċidu olejku) u tal-klorofilla fiż-żjut, riżultati tal-maturazzjoni bil-mod ta' frott minħabba t-temperaturi baxxi, karatteristika speċifika taż-żona ta' produzzjoni tal-“Montes de Granada”. Il-varjetà taż-żebbuġ hija ukoll fattur importanti, u f'dan il-każ hija l-varjetà predominanti Picual li tħalli kontenut tal-aċidu olejku ogħla minn dawk ta' kull varjetà oħra mkabbra fi Spanja. Iż-żjut taż-żebbuġa “Montes de Granada” għandhom wieħed mill-ogħla kontenuti tal-aċidu olejku (80-83 %) ta' kwalunke żejt taż-żebbuġa verġni. Għall-istess raġunijiet, il-proporzjon tal-aċidi grassi monoinsaturati/polinsaturati huwa għoli ħafna, bejn 12-20, immoderat sa ċertu punt mill-varjetajiet nativi Lucio u Loime li għandhom kontenut anqas mill-varjetà Picual. Mill-banda l-oħra, il-varjetà Picual tagħti liż-żjut “Montes de Granada” l-kulur aħdar tagħhom li għandu intensità differenti, minn aħdar jgħajjat għal isfar ħadrani. Il-varjetà għandha wieħed mill-ogħla kontenuti tal-klorofilla fiż-żebbuġ Spanjol u jkun fiha aktar meta timmatura bil-mod bħal ma tagħmel fiż-żona definita,
Barra minn hekk, minħabba li ħafna miż-żona “Montes de Granada” hija muntanjuża b'altitudni medja ta' 900 m, iż-żjut ikollhom livelli baxxi tal-aċidità minħabba t-temperaturi baxxi matul il-perjodu tal-ħsad fix-xitwa, billi l-attività tal-enżima lipoproteina tonqos hekk kif tinżel it-temperatura. L-inċidenza baxxa ta' xi pesti, bħad-dubbiena taż-żebbuġ, jipprevjenu l-lipoliżi fil-frotta fil-ħarifa.
Fl-aħħar nett, ilu magħruf miż-żminijiet tal-qedem li l-kwalità organolettika taż-żjut taż-żebbuġa verġni hija influwenzata mill-kondizzjonijiet tat-tkabbir lokali, u li ż-żjut prodotti f'żoni muntanjużi huma aktar aromatiċi u għandhom togħma aħjar miż-żjut imkabbra f'żoni iżjed baxxi jew f'żoni miftuħin. Ir-raġuni hija minħabba l-frazzjoni mhux saponifikata taż-żjut taż-żebbuġa verġni miksuba, li toħloq l-aroma tagħhom u tiżdied mal-altitudni. Għahekk, il-maturazzjoni bil-mod ta' dan il-frott f'dan l-ambjent agrikolu fis-Sierra jew l-ambjent muntanjuż baxx tar-reġjun “Montes de Granada”, tagħtina żebbuġ b'livelli ogħla ta' sustanzi aromatiċi, li flimkien mal-istress ambjentali ta' żmien il-ħarifa u x-xitwa fiż-żona “Montes de Granada” (temperaturi baxxi u stress idriku), jipprovoka żieda fil-kontenut tal-kompost tal-polifenoli, u magħhom, it-togħma morra u pikkanti taż-żjut. Il-varjetà taż-żebbuġa hija ukoll fattur importanti fil-kompost tal-polifenoli, u l-varjetà Picual għandha l-akbar konċentrazzjoni ta' dan il-kompost mill-varjetajiet taż-żebbuġ ikkultivati fi Spanja.
Referenza għall-pubblikazzjoni ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott
(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4))
It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott huwa disponibbli fuq:
http://www.juntadeandalucia.es/agriculturaypesca/portal/export/sites/default/comun/galerias/galeriaDescargas/cap/industrias-agroalimentarias/denominacion-de-origen/Pliegos/PliegoMontesdeGranadamodificado.pdf
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(2) Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.
(3) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 2.
(4) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 2.