|
15.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 170/51 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
2013/C 170/12
Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
DOKUMENT UNIKU
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (2)
“COZZA DI SCARDOVARI”
Nru tal-KE: IT-PDO-0005-0981-12.03.2012
IĠP ( ) DPO ( X )
1. Isem
“Cozza di Scardovari”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
L-Italja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
|
Klassi 1.7. |
Ħut frisk, molluski u krustaċji u l-prodotti dderivati minnhom |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1
Il-“Cozza di Scardovari”, li tifforma parti mill-ispeċi “Mytilus galloprovincialis”, hija mollusk bivalvi b'forma tawwalija u għandha l-qoxra ta' lewn iswed li jagħti fil-vjola. Il-qxur huma konvessi, simetriċi u b'forma kważi trijangolari, b'marki rqaq konċentriċi. Mill-qoxra joħorġu bħal ħjut kannella pjuttost b'saħħithom, li jissejħu “byssus”, u li jintużaw biex il-maskli jintrabtu mas-substrat tagħhom jew ma' xi appoġġ ieħor.
Il-“Cozza di Scardovari” għandha l-karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi li ġejjin:
|
— |
laħma tleqq li timla sew il-qoxra (perċentwal ta' laħam mill-piż totali tal-mollusk - indikatur ta' kwalità > 25 %); |
|
— |
ħlewwa partikolari tal-laħma (kontenut ta' sodju < 210 mg/100 gr); |
|
— |
laħma partikolarment tarija, li tinħall u li għandha togħma qawwija. |
Meta tiġi kkumerċjalizzata l-'Cozza di Scardovari', irid ikollha qoxra skura u li ma tinkisirx meta tiġi mċaqalqa; il-maskli jridu jiġu kkumerċjalizzati ħajjin f'pakketti magħmulin minn xibka, ippakkjati bil-vakwu jew f'atmosfera protettiva jew iffriżati bil-qoxra jew mingħajrha.
3.3. Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
3.4. Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)
Il-“Cozza di Scardovari” tiekol prinċipalment ammonti kbar ta' partiċelli organiċi u inorganiċi u livelli kbar ta' fitoplankton u żooplankton, li huma speċifiċi għas-Sacca di Scardovari.
Fil-fatt, it-tkabbir tan-nutrijenti organiċi u inorganiċi huwa megħjun bil-flussi abbundanti ta' ilma ħelu li jiġu mill-fergħat tax-xmara Po, filwaqt li l-ilma baxx, it-temperatura u l-livell ta' ossiġenu tas-Sacca di Scardovari jingħaqdu flimkien biex jippromwovu l-iżvilupp ta' popolazzjoni numeruża ta' fitoplankton u ta' żooplankton. Il-maskli ma jingħatawx ikel jew supplimenti addizzjonali.
3.5. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata
Il-fażijiet ta' inseminazzjoni, tkabbir u l-ġbir tal-“Cozza di Scardovari”, iridu jsiru biss f'partijiet maqtugħin għalihom għat-trobbija tal-maskli li jinsabu fis-Sacca di Scardovari; il-fażijiet ta' tifsija, ħasil u għażla tal-prodott, li jeħtieġu ilma nadif mis-Sacca di Scardovari, iridu jsiru f'impjanti li jinsabu fit-territorji tal-frazzjonijiet ta' Scardovari, Ca' Mello u Santa Giulia fil-komun ta' Porto Tolle.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.
Il-prodott irid jiġi ppakkjat fiż-żona speċifikata fil-punt 4, fil-katina ta' produzzjoni, immedjatament wara li l-maskli jinħarġu mit-tankijiet ta' tifsija, biex tiġi garantita l-vitalità u l-freskezza tal-prodott, biex tiġi żgurata l-konformità mal-kriterji iġeniċi u sanitarji kif ukoll biex jitwettqu l-kontrolli xierqa għall-prevenzjoni kontra l-frodi li jsiru minħabba t-taħlit tal-prodott ma' maskli oħra li ġejjin minn żoni oħra ta' produzzjoni.
3.7. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Il-pakkett irid ikun issiġillat b'tali mod li meta dan jinfetaħ irid jinkiser is-siġill tal-garanzija. Fuq it-tikketta jrid ikun hemm il-kliem li ġej: “Cozza di Scardovari” u “Denominazzjoni Protetta ta' Oriġini”, li eventwalment tista' tinbidel bl-akronimu DPO. Irid ikun hemm ukoll il-logo tad-denominazzjoni “Cozza di Scardovari D.O.P”, flimkien mas-simbolu tal-Unjoni Ewropea għad-DPO.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona ta' produzzjoni tinkludi s-Sacca di Scardovari u t-territorji tal-frazzjonijiet ta' Scardovari, Ca' Mello u Santa Giulia fil-komun ta' Porto Tolle fil-provinċja ta' Rovigo.
It-terminu “Sacca” jidentifika d-daħla fil-kosta li ffurmat minħabba l-għeluq parzjali ta' massa ta' ilma baħar, li tingħaqad mal-baħar miftuħ permezz ta' “fetħa fil-laguna”.
Is-Sacca di Scardovari tinsab fiż-żona tan-Nofsinhar tad-delta tal-Po, bejn il-fergħat tal-Po ta' Tolle li jinsabu fin-naħa tal-Grigal u l-fergħat tal-Po ta' Gnocca li jinsabu fin-naħa tal-Lbiċ, u hija magħluqa min-Nofsinhar permezz tal-koordinati ġeografiċi Gauss-Boaga, skont iż-żona tal-Punent, li tindividwa ż-żewġ punti ta' għeluq tas-Sacca fil-Baħar Adrijatiku:
|
— |
4971445,99 N – 1773953,45 E |
|
— |
4967536,31 N – 1770965,25 E |
5. Rabta maż-żona ġeografika
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika
Is-Sacca di Scardovari hija ambjent li l-karatteristiċi tiegħu huma r-riżultat tat-taħlita tal-kurrenti ta' ilma ħelu tax-xmara Po, mimiljin b'nutrijenti u b'partiċelli f'wiċċ l-ilma, mal-ilmijiet melħin tal-baħar, li huma suġġetti għal ċikli tal-frugħ tal-ilma.
Din is-Sacca hija kkaratterizzata minn ilma b'livell baxx ta' salinità minħabba l-fatt li meta l-ilma baħar, li għandu livell ta' salinità ta' madwar 35 %, jingħaqad mal-ilma ħelu tax-xmara, il-livell ta' konċentrazzjoni ta' melħ taż-żona jvarja bejn l-10 % u t-30 %, b'medja ta' madwar 20 %. Barra minn hekk, l-ilmijiet tax-xmara jiggarantixxu ammont sostanzjali ta' nutrijenti u għadd kbir ta' partiċelli organiċi f'wiċċ l-ilma.
Il-qiegħ tas-Sacca li huwa fond sa 3 m, jippermetti li d-dawl jinxtered b'mod tajjeb tul il-kolonna tal-ilma, joħloq il-kundizzjonijiet ideali ta' temperatura li hija kemxejn aktar għolja minn dik tal-baħar, u jipproduċi livell għoli ta' fitoplankton. Minbarra dan, it-tibdil tal-ilma minħabba ċ-ċikli ta' livelli differenti tal-ilma, jippermetti li jinħolqu l-aqwa kundizzjonijiet idrodinamiċi u livell tajjeb ta' ossiġenu fl-ilma, biex b'hekk ikun hemm l-ambjent ideali għat-tkabbir tal-molluski.
L-ewwel kooperattiva tas-sajjieda lokali tas-Sacca di Scardovari twaqqfet fl-1936. Il-bidla tat-territorju fl-aħħar seklu kienet mgħaġġla ħafna, kemm minħabba fatturi kkawżati mill-bniedem, kif ukoll minħabba fatturi antorpoġeniċi u naturali. Il-forma attwali tas-Sacca di Scardovari ffurmat wara l-għargħar tal-1966. Minn dakinhar 'l hawn, beda b'mod sperimentali, it-tkabbir tal-maskli f'partijiet maqtugħin għalihom fis-Sacca stess, bħala alternattiva għas-sajd fil-baħar. Dan jixhdu wkoll ir-rapport tal-Kunsill ta' Amministrazzjoni tal-kooperattiva tas-sajjieda dwar l-impjant ta' tifsija tal-maskli ta' Scardovari tas-snin tmenin. Il-kwalità tal-prodott hija wkoll ir-riżultat tal-għarfien tal-operaturi li, mis-snin sittin bdew jesperimentaw bit-tkabbir tal-maskli f'partijiet żgħar maqtugħin għalihom fis-Sacca stess, bħala alternattiva għas-sajd fil-baħar. L-attività ta' tkabbir, li ssir fil-qafas ta' familja jew ta' assoċjazzjoni, tinvolvi teknika tradizzjonali għat-tħejjija tat-tankijiet u għall-preparazzjoni tal-prodott li fil-biċċa l-kbira ssir b'mod manwali. Din il-proċedura tinkludi s-separazzjoni u l-ispazjar tal-maskli, it-tneħħija ta' parassiti u l-għażla tal-maskli skont id-daqs tagħhom fid-diversi katini sabiex jiġi ottimizzat it-tkabbir tagħhom.
5.2. Speċifiċità tal-prodott
Il-“Cozza di Scardovari” hija kkaratterizzata minn laħma b'livell baxx ta' sodju (inqas minn 210 mg/100 gr ta' prodott), li huwa inqas ħafna mil-livell tal-bivalvi mrobbija fil-baħar miftuħ u li jiddetermina t-togħma pjaċevoli u delikata u l-ħlewwa partikolari tal-laħma.
Barra minn hekk, il-maskli għandhom indiċi ta' kundizzjoni għoli, ta' aktar minn 25 %, li jiddetermina l-laħma abbundanti li timla sew il-qoxra minħabba l-metaboliżmu għoli u għall-iżvilupp sostanzjali tal-parti li tittiekel. Dan l-iżvilupp tal-mollusk li jsir biss f'perjodu ta' tmienja jew disa' xhur minn meta ssir l-inseminazzjoni, jippermetti biex il-“Cozza di Scardovari” tiġi prodotta b'mod sostanzjali.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)
Il-karatteristiċi kwalitattivi, fiżiċi u organolettiċi tal-“Cozza di Scardovari” huma r-riżultat tal-kundizzjonijiet speċjali tal-ambjent tas-Sacca li minnha ħadu isimhom. B'mod partikolari, il-livelli baxxi ta' salinità tal-ilmijiet tas-Sacca fejn jiġu prodotti l-maskli ta' Scardovari, jirriżultaw f'livelli baxxi ta' sodju fil-laħma tagħhom – inqas minn 210 mg għal kull 100 gr ta' prodott – karatteristika li tgħin biex it-togħma tal-maskli tkun partikolarment tajba, delikata u tarija.
L-għadd kbir ta' partiċelli organiċi f'wiċċ l-ilma u l-produzzjoni għolja ta' fitoplankton fl-ilmijiet baxxi tas-Sacca, jippermettu li l-molluski jkollhom metaboliżmu għoli, ikun hemm żvilupp sostanzjali tal-parti li tittiekel b'indiċi ta' kundizzjoni ta' aktar minn 25 % u biex titkabbar b'rata iktar mgħaġġla l-“Cozza di Scardovari”.
Il-karatteristiċi ġeografiċi u morfoloġiċi tas-Sacca di Scardovari (livell baxx ta' ilma, tibdil kostanti tal-ilma minħabba ċ-ċikli ta' livelli differenti tal-ilma, kundizzjonijiet ideali ta' temperatura, ossiġenu u idrodinamiżmu), u l-professjonalità tal-operaturi fit-tekniki tradizzjonali ta' produzzjoni u ta' tkabbir, jinfluwenzaw direttament il-benesseri tal-bivalvi billi jippermettu l-iżvilupp akbar u aktar uniformi tal-maskli u l-kontroll tal-kwalità tal-istess maskli.
Ir-reputazzjoni tal-isem u tal-prodott hija dokumentata bir-ritratti tal-Festa tal-“Cozza di Scardovari” li saret fis-snin tmenin. Illum, il-produzzjoni ta' maskli li ġejjin mis-Sacca di Scardovari hija ta' importanza kbira għal dan ir-reġjun, peress li tħaddem ħafna operaturi u intrapriżi tal-familja u l-prodott huwa magħruf fost il-konsumaturi kemm fl-Italja kif ukoll f'pajjiżi oħra Ewropej.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni
(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (3))
L-Amministrazzjoni attwali nediet il-proċedura ta’ oġġezzjoni nazzjonali bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tad-DPO “Cozza di Scardovari” fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Taljana Nru 271 tal-21 ta’ Novembru 2011
It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit:
http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335
Jew
billi wieħed imur direttament fis-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, l-Ikel u l-Forestrija (http://www.politicheagricole.it), jikklikkja fuq il-kliem “Qualità e sicurezza” (il-parti ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin), u wara jikklikkja fuq il-kliem “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(2) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.
(3) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 2.