4.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 157/4


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50, il-paragrafu 2, il-punt a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

2013/C 157/04

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oppożizzjoni (oġġezzjoni) skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

DINDE DE BRESSE

Nru tal-KE: FR-PDO-0217-0144-08-04-2010

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Titlu/Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwat/a mill-emenda

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu tal-produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Rekwiżiti nazzjonali

Oħrajn (għandhom ikunu speċifikati)

2.   Tip ta’ emenda/i

Emenda tad-Dokument Uniku jew tas-Sinteżi

Emenda tal-Ispeċifikazzjoni tad-DPO jew tal-IĠP rreġistrati li għaliha la d-Dokument Uniku u lanqas is-Sinteżi ma ġew ippubblikati

Emenda tal-Ispeċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda tad-Dokument Uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

Emenda temporanja tal-ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri obbligatorji sanitarji jew fitosanitarji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

3.   Emenda/i

3.1.   “Deskrizzjoni tal-prodott”

Mad-deskrizzjoni tal-prodott żdied it-tul ta’ żmien totali għat-tkabbir li huwa stabbilit għal minimu ta’ 28 ġimgħa

Ġie rtirat il-piż mas-simu tad-dundjan.

Id-“Dinde de Bresse” ma tistax tiġi kkumerċjalizzata barra l-festi tal-aħħar tas-sena, jiġifieri l-perjodu bejn l-1 ta’ Novembru u l-31 ta’ Jannar skont id-data meta jfaqqsu l-frieħ tad-dundjan.

Id-dundjani huma ppreżentati f’diversi modi: id-dundjani jistgħu jiġu kkumerċjalizzati fis-sura “effilée” (bir-ras u bil-kullar tar-rix, u bil-ġewwieni parzjalment imneħħija) “prêt à cuire” (lesta għat-tisjir) jew “éviscérée” (bir-ras u bil-kullar tar-rix u bil-ġewwieni mneħħija). Dawn għandhom jirrispettaw il-kundizzjonijiet li ġejjin: għandu jkollhom struttura tajba u kopertura tajba ta’ xaħam, imlaħħmin, bil-fillets żviluppati; il-ġilda tagħhom għandha tkun irqiqa, nadifa, u ma għandux ikun hemm rix li għadu qed jinbet minn taħt il-ġilda, tiċrit, tbenġil jew ilwien anormali;

3.2.   “Żona ġeografika”

L-istadji tal-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika tad-denominazzjoni huma ppreċiżati: id-dundjani koperti bid-denominazzjoni protetta tal-oriġini, għandhom jitkabbru, jinqatlu u jiġu ppreparati fiż-żona ġeografika. Il-preparazzjoni tad-dundjani (ix-xogħol ta’ rfinar tat-tneħħija tar-rix u tat-tindif tal-kullari) għandhom ukoll iseħħu fiż-żona ġeografika mill-operaturi tal-azjenda tal-produzzjoni. Din il-fażi ta’ preparazzjoni li tifforma parti mill-klassifikazzjoni tad-dundjani tad-denominazzjoni tal-oriġini “Dinde de Bresse” hija importanti biex il-preżentazzjoni u l-kwalità tal-prodott ikunu ggarantiti.

Barra minn hekk, saru korrezzjonijiet fl-iżbalji materjali fil-lista tal-communes u ġiet mehmuża mappa taż-żona ġeografika tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

3.3.   “Metodu tal-produzzjoni”

Fir-regoli ġenerali dwar l-għalf tad-“Dinde de Bresse” saru dawn il-kjarifiki:

ġiet introdotta l-projbizzjoni tal-OĠM fl-għalf kollu tad-“Dinde de Bresse” inkluż għall-għalf li t-tjur jingħataw fil-perjodu inizjali, kif ukoll il-projbizzjoni tat-tħawwil ta’ speċijiet veġetali ġenetikament modifikati fl-azjendi agrikoli.

fil-każ ta’ kundizzjonijiet klimatiċi eċċezzjonali (sħana qawwija, tempesti) l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tipprevedi l-possibbiltà li d-dundjani jinżammu ġewwa fil-bini sabiex is-saħħa tagħhom matul il-perjodu tat-tkabbir tagħhom tkun protetta.

żdiedet il-possibbiltà tal-użu ta’ aċidifikanti u purifikanti (komplementari) fl-ilma tax-xorb tal-annimali dawn is-sustanzi komplementari għandhom l-għan tal-prevenzjoni tal-mard, u li jiggarantixxu iġjene aħjar fil-kwalità tal-ilma li tiġi ddistribwita lill-annimali.

Bl-istess mod ġew introdotti preċiżjonijiet dwar il-kompożizzjoni tal-għalf fil-perjodi differenti tat-tkabbir.

fil-perjodu inizjali: żdiedet lista pożittiva tal-kategoriji ta’ materja prima utilizzati fl-għalf inizjali kif ukoll xi preċiżjonijiet dwar il-kompożizzjoni tal-għalf inizjali li l-kwalità tiegħu hija superjuri għal dik ta’ għalf standard (% ta’ ċereali u prodotti sekondarji u l-użu tal-qamħirrun fit-tieni perjodu inizjali).

fir-rigward tal-prodotti tal-ħalib użati matul il-perjodu ta’ tkabbir, ġie stabbilit limitu minimu għall-prodotti tal-ħalib fil-forma ta’ trab (5 % tal-volum tal-porzjon kollu).

matul il-perjodu finali, l-għalf jiġi kkontrollat sabiex ikun żgurat li huwa xieraq għall-ikel tradizzjonali tad-“Dinde de Bresse”, jiġifieri l-għalf imsejjaħ “croissance” (tat-tkabbir) li miegħu jista’ jiġi miżjud ir-ross jew il-patata.

3.4.   “Rabta maż-żona ġeografika”

Din il-parti nkitbet mill-ġdid sabiex jintwerew il-karatteristiċi taż-żona ġeografika, il-karatteristiċi tal-prodott u r-rabta maż-żona ġeografika. Din l-intestatura ġiet miżjuda skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel.

3.5.   “Referenzi li jikkonċernaw il-korpi ta’ kontroll”

Din il-parti ġiet aġġornata bid-dettalji tal-korp ta’ ċertifikazzjoni inkarigat mill-kontroll tad-DPO.

3.6.   “Tikkettar”

Saru xi preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-kontenut tal-marki ta’ identifikazzjoni, tal-proċeduri kif jinħarġu u kif jiġu ttikkettjati kif ukoll tal-użu tal-isem “Bresse” fuq id-dokumenti ta’ akkumpanjament u fuq il-fatturi u tal-indikazzjonijiet li jidhru fuq is-siġill u t-tikketta.

3.7.   “Rekwiżiti nazzjonali”

F’konformità mar-riforma nazzjonali fis-sistema ta’ kontroll, l-ispeċifikazzjoni tal-prodott hija ssupplementata b’tabella li tippreżenta l-elementi prinċipali li għandhom jiġu kkontrollati u l-metodu għall-evalwazzjoni tagħhom.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (3)

DINDE DE BRESSE

Nru tal-KE: FR-PDO-0217-0144-08-04-2010

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem

“Dinde de Bresse”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.1

Laħam frisk (u l-ġewwieni)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Id-“Dinde de Bresse” tappartjeni għall-ġenus Meleagris u għall-ispeċi Meleagris. Id-dundjani adulti jippreżentaw il-karatteristiċi speċifiċi li ġejjin: rix iswed, għalel ħomor, saqajn irqaq, totalment lixxi u suwed, ġilda u laħam bojod.

Id-denominazzjoni hija marbuta mad-dundjani u s-sriedaq ta' età minima ta’ 28 ġimgħa li huma kkumerċjalizzati esklussivament bejn l-1 ta’ Novembru u l-31 ta’ Jannar għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-aħħar tas-sena skont id-data meta jfaqqsu l-frieħ.

Id-dundjani għandhom jiġu kkumerċjalizati fis-sura “effilée” u għandhom jirrispettaw il-kundizzjonijiet li ġejjin: għandu jkollhom struttura tajba u kopertura tajba ta’ xaħam, imlaħħmin, bil-fillets żviluppati; il-ġilda tagħhom għandha tkun irqiqa, nadifa, u ma għandux ikun hemm rix li għadu qed jinbet minn taħt il-ġilda, tiċrit, tbenġil jew ilwien anormali; ix-xaħam għandu jgħatti s-sinsla tad-dahar; il-forma naturali tal-isternum ma għandhiex tiġi mmodifikata. Is-saqajn u l-ġwienaħ ma għandhomx ikunu miksura. Il-kullar tar-rix fuq l-għonq (collerette) għandu jkun nadif. Is-saqajn għandu jitneħħilhom il-ħmieġ kollu.

Id-dundjani għandu jkollhom piż minimu ta’

 

3 kg fis-sura “effilé” għall-ġens femminili,

 

5.5 kg “effilé” għall-ġens maskili,

Il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom fis-sura “prêt à cuire” jew “éviscérée” bir-ras u bil-kullar tar-rix hija permessa biss bil-kundizzjoni li s-saqajn, ħlief id-dwiefer, ma jkunux maqtugħin barra.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

It-tkabbir tad-dundjani ta’ Bresse jsir fi tliet perjodi suċċessivi li huma l-perjodu inizjali, dak tat-tkabbir u l-perjodu finali.

Waqt il-perjodu inizjali li jdum 10 ġimgħat massimu, l-għalf tad-dundjani huwa ikel ikkostitwit minn minimu ta’ 30 % f’ċereali u prodotti sekondarji taċ-ċereali għall-ewwel parti tal-perjodu inizjali (minn 0 sa 28 jum) u minimu ta’ 50 % f'’ċereali u prodotti sekondarji taċ-ċereali li minnhom 20 % f’qamħirrun għat-tieni parti tal-perjodu inizjali (minn 29 jum sa 70 jum).

Il-materja prima użata fl-għalf tal-perjodu inizjali tista’ tiġi minn barra ż-żona ġeografika. L-elementi li jikkostitwixxu l-materja prima huma materja prima li hija esklussivament ta’ oriġini veġetali, il-prodotti tal-ħalib u l-minerali:

iż-żrieragħ taċ-ċereali, il-prodotti tagħhom u l-prodotti sekondarji tagħhom;

żrieragħ jew frott tal-kittien, il-prodotti jew il-prodotti sekondarji tagħhom (fil-każ taż-żjut veġetali, huma awtorizzati biss iż-żjut naturali u raffinati):

iż-żrieragħ leguminużi, il-prodotti u l-prodotti sekondarji tagħhom;

tuberkuli u għeruq, il-prodotti u l-prodotti sekondarji tagħhom; pitravi, patata;

żrieragħ u frott ieħor, il-prodotti u l-prodotti sekondarji tagħhom: għeneb;

għalf, inkluż l-għalf mhux ipproċessat: alfalfa u d-derivati tiegħu;

pjanti oħrajn, il-prodotti u l-prodotti sekondarji tagħhom: ġulepp tal-kannamieli, zokkor, alka tal-baħar;

prodotti tal-ħalib: ħalib, xorrox tal-butir, xorrox;

minerali: fosfat tad-dikalċju, karbonat tal-kalċju, bikarbonat tas-sodju, melħ, manjeżju.

Il-livell ta’ xaħam totali fl-għalf huwa limitat għal 6 %

Matul il-perjodu inizjali kollu, l-addittivi awtorizzati huma dawk previsti fir-Regolamenti fis-seħħ bir-restrizzjonijiet li ġejjin:

addittivi teknoloġiċi tal-gruppi funzjonali emulsifikanti, stabbilizzanti, sustanzi li jgħaqqdu u ġeli: ipprojbiti.

Matul il-perjodu tat-tkabbir, li jdum minimu 15-il ġimgħa, minbarra l-provvista tal-ħaxix fl-apert, l-ikel tat-“tkabbir” tad-dundjani huwa magħmul minn ċereali li jistgħu jkunu msajra, mfarrka jew mitħuna, mingħajr l-ebda forom oħra ta' pproċessar, u minn prodotti tal-ħalib. Il-qamħirrun jirrappreżenta minimu ta’ 50 % tal-porzjon sħiħ. Il-prodotti tal-ħalib jikkonsistu minn ħalib, u mill-prodott sekondarji tiegħu. Dawn jistgħu jiġu ddistribwiti f’forma ta’ likwidu jew ta’ trab u jistgħu jitħalltu maċ-ċereali. Fil-każ tad-distribuzzjoni esklussiva tal-għalf niexef, il-prodotti tal-ħalib fil-forma tat-trab għandhom jikkostitwixxu minimu ta’ 5 % tal-porzjon sħiħ. Matul dan il-perjodu, iċ-ċereali jiġu esklussivament miż-żona ġeografika tad-denominazzjoni tal-oriġini, filwaqt li l-prodotti tal-ħalib jistgħu jiġu minn barra ż-żona ġeografika.

Dan il-perjodu ta’ tkabbir huwa segwit minn perjodu ta’ rfinar li jdum minimu 3 ġimgħat li fih l-annimali jkunu ġewwa bini kopert u magħluq, kalm u b’cirkolazzjoni tal-arja. Matul dan il-perjodu, l-għalf li jiġi ddistribwit lid-dundjani jkun magħmul mill-għalf tat-tkabbir iddefinit hawn fuq li miegħu jista’ jiżdied ir-ross jew il-patata li jistgħu jkunu ġejjin miż-żona ġeografika jew le..

3.5.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata

Id-dundjani jitkabbru, jinqatlu u jiġu ppreparati (fażi finali fejn jitneħħa r-rix u jitnaddfu l-kullari) fiż-żona ġeografika.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

L-ebda dundjan ma jista’ jiġi kkumerċjalizzat bid-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Dinde de Bresse” jekk ma jkollux, fl-istess ħin, iċ-ċurkett tal-produttur, is-siġill bil-marka u t-tikketta stabbilita mill-grupp.

Minbarra t-tikkettar fuq l-imballaġġ, id-dokumenti ta’ akkumpanjament kollha u l-fatturi għandu jkollhom l-isem tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Dinde de Bresse” u l-kliem “appellation d’origine protégée” jew “AOP” (DPO).

Mudelli tal-marki ta’ identifikazzjoni

Iċ-ċurkett mhux trasferibbli huwa anell tal-metall li jkollu fuqu, minbarra l-kelma “Bresse” in-numru ta’ identifikazzjoni tal-produttur.

Is-siġill mhux trasferibbli huwa klipp tal-metall bil-kelma “Bresse” li jkollu fuqu marka:

bid-denominazzjoni “Dinde de Bresse”,

bit-tismija “AOP”.

It-tikketta jkun fiha:

id-denominazzjoni “Dinde de Bresse” miktuba f’karattri bid-dimensjoni li tkun, tal-anqas, daqs l-akbar karattri li jidhru fuq it-tikketta.

is-simbolu “AOP” (DPO) tal-Unjoni Ewropea

il-kliem “appellation d'origine protégée ” jew “AOP”

Kundizzjonijiet marbuta mal-marki ta’ identifikazzjoni

Il-marki ta’ identifikazzjoni differenti previsti hawn fuq jinħarġu mill-grupp għal kull operatur li jirrispetta l-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

L-anell jitwaħħal mill-produttur li jrabbi t-tjur mas-sieq ix-xellugija qabel ma d-dundjani jitilqu mill-azjenda agrikola.

Is-siġill bil-marka jitqiegħed fuq in-naħa ta' quddiem tal-isternum waqt il-klassifikazzjoni bħala denominazzjoni protetta tal-oriġini tad-dundjani qabel ma jintbagħtu.

L-anell u s-siġill jistgħu jintużaw darba biss u għandhom jitwaħħlu b’attenzjoni sabiex ma jkunux jistgħu jitbagħbsu.

It-tikketta titqiegħed fuq l-isternum waqt il-klassifikazzjoni finali tad-dundjani bħala denominazzjoni protetta tal-oriġini.

L-anelli, is-siġilli bil-marka u t-tikketti mhux użati jingħataw lura lill-operaturi tal-grupp.

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tkopri żona ġeografika definita bħala “Bresse”, li hija magħmula minn pjanura u li tinsab fil-lvant tal-baċin medju ta’ Saône, li tinkludi parti mid-dipartimenti ta’ Ain, ta’ Jura u ta’ Saône et Loire.

Id-dundjani tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini, għandhom jitkabbru, jinqatlu u jiġu ppreparati fiż-żona ġeografika li testendi sat-territorji tal-communes jew partijiet minn communes li ġejjin:

Id-Dipartiment ta’ Ain (01): Il-communes kollha tad-distretti awtonomi (cantons) ta’ Bâgé-le-Châtel, Bourg-en-Bresse-Est, Bourg-en-Bresse-Nord-Centre, Bourg-en-Bresse-Sud, Montrevel-en-Bresse, Péronnas, Pont-de-Vaux, Pont-de-Veyle, Saint-Trivier-de-Courtes, u Viriat.

Il-communes u partijiet mill-communes li ġejjin: l’Abergement-Clémenciat (parti Nord Châtillon), Beaupont, Bény, Biziat, Certines, Ceyzériat (parti fil-Punent ta’ D52), Chanoz-Châtenay, Châtillon-sur-Chalaronne (fil-Majjistral), Chaveyriat, Coligny (parti fil-Punent ta’ N83/D52), Condeissiat, Courmangoux (fil-Punent ta’ D52), Dompierre-sur-Chalaronne (parti Nord Chalaronne), Dompierre-sur-Veyle (parti), Domsure, Druillat (parti), Garnerans, Illiat, Jasseron (parti fil-Punent ta’ D52), Marboz, Meillonnas (parti fil-Punent ta’ D52), Mézériat, Neuville-les-Dames, Pirajoux, Pressiat (fil-Punent ta’ D52), Saint-Didier-sur-Chalaronne (parti Nord Chalaronne), Saint-Etienne-du-Bois, Saint-Etienne-sur-Chalaronne (parti Nord Chalaronne), Saint-Julien-sur-Veyle, Saint-Martin-du-Mont (parti fil-Punent ta’ D52), Salavre (parti fil-Punent ta’ N83), Sulignat, Thoissey, Tossiat (parti fil-Punent ta’ D52), La Tranclière, Treffort-Cuisiat (parti fil-Punent ta’ D52), Verjon (parti fil-Punent ta’ N83), Villemotier, Vonnas.

Id-Dipartiment ta’ Jura (39): Il-communes u partijiet mill-communes li ġejjin: Annoire (fin-Nofsinhar ta’ Doubs), Asnans-Beauvoisin (fil-Punent ta’ D468), Augea (fil-Punent ta’ N83), Balanod (fil-Punent ta’ N83), Beaufort (fil-Punent ta’ N83), Bletterans, Bois-de-Gand (fil-Punent), Bonnaud, Cezancey (fil-Punent ta’ N83), Chaînée-des-Coupis (fil-Lbiċ), Chapelle-Voland, La Chassagne (fin-Nofsinhar ta’ D468), Chaumergy (parti), Chaussin (fin-Nofsinhar ta’ D468), La Chaux-en-Bresse (fil-Punent ta’ D95), Chazelles, Chêne-Sec, Chilly-le-Vignoble, Commenailles, Condamine, Cosges, Courlans, Courlaoux, Cousance (fil-Punent ta’ N83), Cuisia (fil-Punent ta’ N83), Desnes (fil-Punent), Digna (fil-Punent ta’ N83), Les Essards-Taignevaux (fil-Punent ta’ D468), Fontainebrux, Foulenay (parti), Francheville (fil-Punent ta’ D95 + fit-Tramuntana ta’ D468), Frébuans, Froideville (parti), Gevingey (fil-Punent ta’ N83), Les Hays, Larnaud, Longwy-sur-le-Doubs (parti), Mallerey, Maynal (fil-Punent ta’ N83), Messia-sur-Sorne (fit-Tramuntana ta’ N83), Montmorot (fin-Nofsinhar ta’ N78+fil-Punent ta’ N83), Nanc-lès-Saint-Amour (fil-Punent ta’ N83), Nance, Neublans-Abergement, Orbagnia (fil-Punent ta’ N83), Petit-Noir (fil-Punent ta’ Doubs), Relans, Les Repôts, Ruffey-sur-Seille (parti), Rye (fil-Punent ta’ D468), Sainte-Agnès (fil-Punent ta’ N83), Saint-Amour (fil-Punent ta’ N83), Saint-Jean-d’Etreux (fil-Punent ta’ N83), Trenal, Vercia (fil-Punent ta’ N83), Villevieux, Vincelles (fil-Punent ta’ N83), Vincent (fil-Punent ta’ D95).

Id-Dipartiment ta’ Saône-et-Loire (71): Id-distretti awtonomi kollha ta’ Beaurepaire-en-Bresse, Cuisery, Louhans, Montpont-en-Bresse, Montret, Saint-Germain-du-Bois, Saint-Germain-du-Plain, Saint-Martin-en-Bresse.

Il-communes u partijiet mill-communes li ġejjin: Authumes, Beauvernois, Bellevesvre, Chalon-sur-Saône (in-naħa tax-xellug tax-xatt), Champagnat (fil-Punent ta’ N83), La Chapelle-Saint-Sauveur, Charrette-Varennes (parti), Châtenoy-en-Bresse, La Chaux, Ciel, Condal, Cuiseaux (parti), Dampierre-en-Bresse, Dommartin-les-Cuiseaux, Epervans, Flacey-en-Bresse, Fretterans (parti), Frontenard, Frontenaud, Joudes (fil-Punent ta’ N83), Lacrost, Lans, Lays-sur-le-Doubs (parti), Longepierre (fin-Nofsinhar), Le Miroir, Montjay, Mouthier-en-Bresse, Navilly (fin-Nofsinhar ta’ Doubs), Oslon, Pierre-de-Bresse, Pontoux, Préty, La Racineuse, Ratenelle, Romenay, Saint-Bonnet-en-Bresse, Saint-Marcel, Sermesse, Torpes, Tournus (parti), Toutenant, La Truchère, Varennes-Saint-Sauveur, Verdun-sur-le-Doubs, Verjux.

Għall-communes fejn hija inkluża parti biss fiż-żona ġeografika, il-fruntieri tagħha huma rrappurtati fid-dokumenti grafiċi ddepożitati fl-uffiċċju tas-sindku tal-communes ikkonċernati.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Dinde de Bresse” hija bbażata fuq l-istess żona li ġiet iddefinita mill-esperti fis-sentenza tal-1936 għar-rikonoxximent tad-denominazzjoni tal-oriġini “Volaille de Bresse”. Iż-żona tikkonsisti minn territorju perfettament omoġenju magħmul minn pjanura msaġġra bl-għoljiet, ir-riżultat ta’ avvennimenti ġeoloġiċi periglaċjali Plijo-Kwaternarji li ffurmaw il-bażi ta’ ħamrija ferm taflija u impermeabbli. Il-ħamrija tal-wiċċ hija ffurmata prinċipalment minn tafal tas-silika b’karatteristiċi ramlija u skarsi ħafna l-aktar ta’ blat u ta’ ġir. Il-klima hija influwenzata ħafna mill-oċean b’xita regolari matul is-sena kollha. L-umdità hija prevalenti fil-maġġor parti tas-sena. Ix-xita u ċ-ċpar huma frekwenti fix-xitwa.

Din is-sitwazzjoni ġeomorfoloġika u tal-klima tiffavorixxi perfettament il-kultivazzjoniji tal-ħxejjex u taċ-ċereali li jirrikjedu ħafna ilma, bħall-qamħirrun li tfaċċa fil-Bress fil-bidu tas-seklu XVII (bejn wieħed u ieħor ftit aktar minn seklu wara l-wasla tiegħu fix-xtur tal-Andalusija). Dan tal-aħħar għandu rwol ċentrali fis-sistema agrikola tal-Bresse għaliex iservi bħala bażi għall-ikel tal-bniedem, iżda wkoll għall-ikel tal-annimali tar-razzett u prinċipalment tat-tjur. Il-qamħirrun jiżġura sors ta’ ikel rikk fl-enerġija li jippermetti l-produzzjoni ta’ tjur imsemmna li taw bidu għar-reputazzjoni tad-“Dinde de Bresse”. Id-dundjan ilu jitkabbar fi Bress mit-tmiem tas-seklu XVI.

L-azjendi agrikoli li mhumiex kbar ħafna, hum sparpaljati ferm, b’għelieqi ttraversati minn ħafna arbuxelli u boski żgħar (bocages). F’dan il-kuntest, matul is-sekli ġiet stabbilita biedja mħallta tradizzjonali bbażata fuq kultivazzjonijiet ta’ ħaxix u ta’ ċereali u fuq it-trobbija ta’ tjur u ta’ bovini (tal-ħalib kif ukoll dawk li jreddgħu). Fil-bidu tas-seklu għoxrin, it-trobbija tad-dundjani saret komuni ħafna u bosta rziezet kellhom merħliet ta’ dundjani bir-rix u s-saqajn suwed. Saħansitra sal-lum, l-iżolament u d-distribuzzjoni fuq firxa wiesgħa tal-irziezet ta’ Bresse, il-preżenza ta’ mergħat u ta’ arbuxelli jagħtu l-possibbiltà li jitkabbru ħafna dundjani fil-libertà u li tiġi ppreservata teknika ta’ trobbija tradizzjonali.

F’dawn l-azjendi agrikoli ta’ karattru familjali, il-produtturi li jrabbu l-annimali jikkonsakraw parti kbira mill-attività tagħhom għall-awtosuffiċjenza tal-azjenda. Fil-maġġoranza tal-azjendi, il-produtturi jipproduċu ċ-ċereali tagħhom stess (qamħ, xgħir, ħafur, qamħirrun …) li bihom jitimgħu lid-dundjani, notevolment fil-fażi tat-tkabbir u tal-irfinar tagħhom. Huma jieħdu ħsieb l-ispazji fl-arja aperta billi jissorveljaw l-iskular tal-ilma (jiżdiedu gandotti u raddi), billi jaqtgħu l-arbuxelli u l-buxx u billi jikkonsolidaw il-bini ta’ ċnut fuq perimetri kbar u b’hekk ikomplu jsostnu l-prattiki tat-trobbija fil-libertà.

It-trobbija tad-“Dinde de Bresse” trid tikkunsidra l-partikolaritajiet ta’ din it-tajra mdaqqsa li ttir ftit u li hija sensittiva għall-mard. Dan jirrikjedi sorveljanza importanti tal-merħla fl-istadji kolla tal-ħajja tal-annimal, mit-twelid tal-frieħ sal-qatla (miżuri li jikonċernaw l-iġjene għall-prevenzjoni tal-mard, il-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet klimatiċi, l-ekwilibriju fl-ikel bil-għan tat-tkabbir tal-annimal u f’dak li jsib x’jiekol fl-apert, l-iggruppjar tal-merħla, miżuri ta’ protezzjoni kontra predaturi …)

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Id-“Dinde de Bresse” titkabbar skont ir-ritmu tal-istaġuni, kemm jista’ jkun qrib l-ambjent naturali, sakemm tikseb il-maturità fiżjoloġika f'ħin tajjeb għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-aħħar tas-sena. Hija distinta mid-dundjani tal-qatgħat minħħabba l-fiżjoloġija żgħira tagħha.

Id-dundjan huwa kkaratterizzat mil-laħam frisk u mhux iffriżat tiegħu b'ġilda u laħam partikolari: ġilda fina u bajda, laħam abjad, fillets żviluppati u kopertura tajba ta’ xaħam kif ukoll bi kwalitajiet organolettiċi wara t-tisjir: immerraq ħafna, laħma ratba, togħma tajba ħafna.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Il-biedja mħallta ta’ Bresse, li tirriżulta direttament mill-fiżjonomija tal-ambjent naturali tal-post, hija l-fattur determinanti tal-oriġini tat-trobbija tad-dundjani fi Bresse. L-arbixelli, il-buxxijiet u l-boski fil-viċinanza tar-razzet jipproteġu l-annimali mir-riħ u jikkostitwixxu riżerva ta’ bijodiversità għan-nutriment tagħhom. L-umdità tal-ħamrija tiffavorixxi l-iżvilupp ta' molluski, dud u larva oħrajn li jservu ta' nutriment għad-dundjani fl-ispazji fl-apert billi jagħtuhom il-proteini utli għat-tkabbir tagħhom li jieħu ż-żmien u għall-formazzjoni ta’ fillets żviluppati. Il-ħamrija mhux ikkalċifikata tiffavorixxi ċ-ċokon tal-iskeletru tad-dundjan u l-għadam fin tiegħu.

Il-prattiki tat-trobbija jserrħu fuq għażla ta' annimali b’karatteristiċi speċifiċi (laħam u ġilda bojod) u fuq dieta tal-ikel tradizzjonali bbażata fuq it-tmigħ awtonomu tad-dundjani fl-ispazji bil-ħaxix fil-ftuħ (dud tal-art, ħaxix …) Din id-dieta hija kkompletata biċ-ċereali taż-żona ġeografika u bil-prodotti tal-ħalib (ħalib dilwit, xorrox, ħalib tat-trab, xorrox tal-butir …) Dawn il-kundizzjonijiet ta’ għalf b’mod partikolari l-aċċess għall-ħaxix u l-eżerċizzju muskolari li huma possibbli minħabba l-ispazju li hemm għad-dispożizzjoni tal-annimal, jinfluwenzaw il-kwalitajiet ta’ kontrazzjoni tal-muskoli b’ċerti proteini u enżimi tagħhom. Il-metaoboliżmu enerġetiku tal-muskolu jaffettwa l-aktar il-konsistenza tal-laħam tad-“Dinde de Bresse”. Minbarra dan, il-kwalitajiet nutrizzjonali tal-qamħirrun li jifforma parti importanti mid-dieta jippermettu produzzjoni ta’ tjur “grasses” (imsemmna).

Waqt il-perjodu finali tat-tismin, id-dundjani jiddaħħlu fil-bini b’tali mod li t-tismin idum minimu ta’ 3 ġimgħat protetti mid-dawl. F’dan il-perjodu, il-produtturi jkunu partikolarment attenti għall-preparazzjoni tal-ikel, notevolment billi jalternaw iż-żrieragħ mhux ipproċessat biż-żrieragħ taċ-ċereali msajrin, ir-ross jew il-patata, li flimkien mal-prodotti tal-ħalib jipprovdu lid-dundjani b’ikel li jiftħilhom l-aptit.

Wara bosta ġimgħat b’din id-dieta partikolari u b’età tal-qatla avvanzata il-produtturi jiksbu dundjani ta’ maturità fiżjoliġika kompluta, li minbarra x-xaħam intramuskolari, ikollhom saff oħxon ta’ xaħam ta’ kopertura. Barra minn hekk, it-tnaqqis fl-attività muskolari tad-dundjani matul dan il-perjodu ta' qabel il-qatla għandu rwol importanti fl-abbiltà li l-muskoli jżommu l-ilma. It-tqassim tax-xaħam li jinfiltra l-muskolu kif ukoll il-kapaċità tal-muskolu li jżomm l-ilma jikkondizzjonaw il-konsistenza mmerrqa u ratba tal-laħam u dawn il-kwalitajiet partikolari joħorġu mill-ġdid wara t-tisjir. Barra minn hekk, il-presenza ta’ elementi li jinfluwenzaw it-togħma, jiġifieri l-komponenti idrosolubbli u l-lipidi, jiggarantixxu li waqt it-tisjir, permezz ta’ reazzjonijiet kimiċi, jinkiseb laħam ta’ togħma bnina.

Fil-ħin tal-qatla, biex il-ġilda ma titbenġilx u sabiex tinżamm id-dekorazzjoni ta’ rix fil-bażi tal-għonq, l-operatur juża kura delikata ħafna fl-operazzjonijiet tal-qatla u tat-tneħħija tar-rix (tneħħija totali tad-demm sabiex tinkiseb il-bjuda sabiħa tal-annimali, tneħħija tar-rix b’kawtela sabiex jiġi evitat il-qtugħ). Fl-aħħar nett, tingħata attenzjoni partikolari lill-preparazzjoni tad-dundjani li jinbiegħu bil-kullar tar-rix tagħhom. Uħud minnhom jiġu ddekorati skont it-tradizzjoni ta’ Bresse “mode bressanne” (saqajn u ġwienaħ imwaħħlin mal-ġisem) imdeffsa f’biċċa xoqqa meħjuta sabiex ix-xaħam tal-annimal jiġi ddistribwit b’mod tajjeb. Dawn huma prodotti ta’ kwalità li jinbiegħu wara l-erba' kompetizzjonijiet tat-tjur, imsejħa “glorieuses”, li ilhom jiġu organizzati f’Diċembru ta’ kull sena sa mill-1862. Dawn il-kompetizzjonijiet kemm huma kburin bil-prodotti tagħhom il-produtturi li jrabbu t-tjur u jixhdu kemm huma marbuta mal-attività prestiġġjuża tagħhom.

Id-“Dinde de Bresse” hija ankrata sew fil-gastronomija lokali, u tiġi msajra u promossa mill-ikbar chefs Franċiżi li japprezzaw it-togħma bnina tagħha.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4))

https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCDindeDeBresse.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Mibdul bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Mibdul bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 3.