27.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/10


Avviż għall-attenzjoni ta' Ansar Eddine li żdied mal-lista msemmija fl-Artikoli 2, 3, u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati man-netwerk ta’ Al-Qaida, permezz tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 290/2013

2013/C 89/09

1.

Il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK (1) titlob lill-Unjoni biex tiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida u ta' individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħrajn assoċjati magħhom, imsemmijin fil-lista magħmula skont l-UNSCR 1267(1999) u 1333(2000) li għandha tiġi aġġornata b'mod regolari mill-Kumitat tan-NU stabbilit skont l-UNSCR 1267(1999).

Il-lista mfassla minn dan il-Kumitat tan-NU tinkludi:

Al Qaida;

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet, korpi u gruppi assoċjati ma' Al Qaida; u

persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi li huma proprjetà ta' kwalunkwe wieħed jew waħda minn dawn il-persuni, entitajiet, korpi u gruppi assoċjati, jew li huma kkontrollati minnhom jew jappoġġjawhom b'mod ieħor.

Atti jew attivitajiet li jindikaw li individwu, grupp, impriża, jew entità hija “assoċjata ma’ ” Al-Qaida, jinkludu:

(a)

il-parteċipazzjoni fl-iffinanzjar, fl-ippjanar, fl-iffaċilitar, fit-tħejjija jew fit-twettiq ta' atti jew attivitajiet li jsiru minn Al Qaida jew minn kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp żgħir li jinqata' minnha jew derivattiv tagħha, jew ta' atti jew attivitajiet li jsiru magħhom, taħt isimhom, f'isimhom jew b'appoġġ għalihom;

(b)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' armi u materjal relatat ma' kwalunkwe wieħed minnhom;

(c)

ir-reklutaġġ għal kwalunkwe wieħed minnhom; jew

(d)

xi forma oħra ta' appoġġ għall-atti jew l-attivitajiet ta' xi wieħed minnhom.

2.

Fid-19 ta' Marzu 2013 il-Kumitat tan-NU ddeċieda li jżid lil Ansar Eddine mal-lista relevanti. Ansar Eddine jista' jressaq talba lill-Ombudsperson tan-NU, flimkien ma' kwalunkwe dokumentazzjoni ġustifikattiva, sabiex terġa' tiġi kkunsidrata d-deċiżjoni li tiġi inkluża fil-lista tan-NU msemmija hawn fuq. Tali talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

In-Nazzjonijiet Uniti – L-Uffiċċju tal-Ombudsperson

Room TB-08041D

New York, NY 10017

UNITED STATES OF AMERICA

Tel. +1 2129632671

Fax +1 2129631300/3778

Posta elettronika: ombudsperson@un.org

Għal aktar tagħrif ara http://www.un.org/sc/committees/1267/delisting.shtml

3.

Barra mid-deċiżjoni tan-NU msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 290/2013 (2), li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati man-netwerk tal-Al-Qaida (3). L-emenda, magħmula skont l-Artikolu 7(1)(a) u 7a(1) tar-Regolment (KE) Nru 881/2002, iżżid lil Ansar Eddine mal-lista fl-Anness I ta' dak ir-Regolament (“Anness I”).

Il-miżuri li ġejjin tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 japplikaw għall-persuni u l-entitajiet li jinsabu fl-Anness I:

(1)

l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lill-individwi u l-entitajiet ikkonċernati, jew li huma proprjetà tagħhom jew miżmuma minnhom, u l-projbizzjoni (fuq kulħadd) milli jagħmlu fondi u riżorsi ekonomiċi disponibbli lil kwalunkwe mill-individwi u entitajiet ikkonċernati jew għall-benefiċċju tagħhom, sew jekk direttament kif ukoll jekk indirettament (l-Artikoli 2 u 2a (4)); u

(2)

il-projbizzjoni tal-għoti, il-bejgħ, il-forniment jew it-trasferiment ta' pariri tekniċi, assistenza jew taħriġ relatati ma' attivitajiet militari lil kwalunkwe mill-individwi jew entitajiet ikkonċernati, kemm direttament kif ukoll indirettament (l-Artikolu 3).

4.

L-Artikolu 7a tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 (5) jipprevedi proċedura ta' reviżjoni fejn jitressqu kummenti dwar ir-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista minn dawk li jkunu elenkati. L-individwi u l-entitajiet miżjudin fl-Anness I permezz tar-Regolament (UE) Nru 290/2013 jistgħu jagħmlu talba lill-Kummissjoni biex isiru jafu r-raġunijiet għall-inklużjoni tagħhom fil-lista. Din it-talba għandha tintbagħat lil:

Il-Kummissjoni Ewropea

‘Restrictive measures’

Rue de la Loi/Wetstraat 200

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

5.

L-attenzjoni tal-individwi u l-entitajiet ikkonċernati hija wkoll miġbuda għall-possibbiltà li jikkontestaw Regolament (UE) Nru 290/2013 quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, skont il-kundizzjonijiet imsemmija fir-raba' u fis-sitt paragrafi tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

6.

Biex ikun hemm ordni tajba, qed tinġibed l-attenzjoni tal-individwi u l-entitajiet inklużi fl-Anness I għall-possibbiltà li jagħmlu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat(i) Membru/i rilevanti, kif elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 881/2002, sabiex jiksbu awtorizzazzjoni biex jużaw fondi ffriżati u riżorsi ekonomiċi għal bżonnijiet essenzjali jew pagamenti speċifiċi skont l-Artikolu 2a ta' dak ir-Regolament.


(1)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 4.

(2)  ĠU L 87, 27.3.2013, p. 2.

(3)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.

(4)  L-Artikolu 2a ddaħħal bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 561/2003 (ĠU L 82, 29.3.2003, p. 1).

(5)  L-Artikolu 7a ddaħħal bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1286/2009 (ĠU L 346, 23.12.2009, p. 42).