9.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 70/12


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-27 ta’ Ġunju 2012

li temenda d-Deċiżjoni C(2006) 6762 finali tal-24 ta’ Jannar 2007 li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE (issa l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE sal-punt li kienet indirizzata lil Mitsubishi Electric Corporation u lil Toshiba Corporation

(Kawża COMP/39.966 – Switchgear Iżolat bil-Gass – Multi)

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 4381)

(It-test bl-Ingliż biss hu awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 70/06

Fis-27 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni C(2006) 6762 finali tal-24 ta’ Jannar 2007 li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE (issa l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE sal-punt li kienet indirizzata lil Mitsubishi Electric Corporation u lil Toshiba Corporation. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1), il-Kummissjoni b’dan qiegħda tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kuntest ewlieni tad-deċiżjoni, inklużi kwalunkwe penali imposti, wara li kkunsidrat l-interess leġittimu tal-impriżi fil-ħarsien tal-interessi kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-Deċiżjoni temenda d-Deċiżjoni C(2006) 6762 tal-24 ta’ Jannar 2007 sal-punt li kienet indirizzata lil Mitsubishi Electric Corporation (Melco) u lil Toshiba Corporation (Toshiba) (minn hawn ’il quddiem id-Deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2007).

(2)

Fis-sentenzi tagħha fil-Kawża T-113/07 Toshiba Corp. vs il-Kummissjoni Ewropea u l-Kawża T-133/07 Mitsubishi Electric Corp. vs il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-konklużjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, li saru fl-Artikoli 1(l) u (s) tad-Deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2007, li Melco u Toshiba kisru l-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE billi pparteċipaw, mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004, f’kumpless ta’ ftehimiet u prattiċi miftiehma fis-settur Switchgear Iżolati bil-Gass fiż-ŻEE. Madankollu, il-Qorti Ġenerali annullat il-multi imposti fuq Melco u Toshiba għal din l-infrazzjoni fid-deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2007 minħabba ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fl-għażla tas-sena ta’ referenza għall-iskop tal-kalkolu tal-multa imposta fuq Melco u Toshiba.

(3)

Id-Deċiżjoni tirrimedja l-iżball fl-għażla tas-sena ta’ referenza u timponi mill-ġdid multa fuq Melco u Toshiba għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur stabbilit fid-deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2007.

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1.   Proċedura

(4)

L-intenzjoni tal-Kummissjoni li timponi mill-ġdid multa fuq Melco u Toshiba kif ukoll il-parametri tal-kalkolu tagħhom ġew ikkomunikati lil Melco u Toshiba f’ittra tal-Fatti fil-15 ta’ Frar 2012, li għaliha Melco wieġeb fis-16 ta’ Marzu 2012 u Toshiba fit-23 ta’ Marzu 2012.

(5)

Saret laqgħa dwar is-sustanza tal-Ittra tal-Fatti mar-rappreżentanti ta’ Melco u Toshiba fit-8 ta’ Ġunju 2012 u fit-12 ta’ Ġunju 2012 rispettivament.

(6)

Il-Kumitat Konsultattiv dwar Ftehimiet Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ b’opinjoni favorevoli fid-19 ta’ Ġunju 2012.

2.2.   Sommarju tal-ksur

(7)

Kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2007, Melco u Toshiba kisru l-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE billi pparteċipaw, mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004, f’kumpless ta’ ftehimiet u prattiċi miftiehma fis-settur Switchgear Iżolati bil-Gass fiż-ŻEE.

(8)

Fid-Deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2007, Melco u Toshiba kienu miżmuma unikament responsabbli għall-involviment tagħhom fil-ksur bejn il-15 ta’ April 1988 u l-1 ta’ Ottubru 2002, u flimkien u separatament responsabbli għall-ksur kommess minn TM T&D (2) bejn l-1 ta’ Ottubru 2002 u l-11 ta’ Mejju 2004.

2.3.   Destinatarji

(9)

Id-destinatarji tad-Deċiżjoni huma Melco u Toshiba.

2.4.   Rimedji

(10)

Biex tiġi kkalkulata l-multa fuq Melco u Toshiba, il-Kummissjoni tapplika l-Linji Gwida tal-Multi tal-1998, li kienu wkoll applikabbli għall-kalkolu tal-multa imposta fid-Deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2007 (3).

2.4.1.   L-ammont bażiku tal-multa

(11)

Is-serjetà tal-ksur hija waħda serja ħafna.

(12)

Minħabba t-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tapplika żieda ta’ 140 % għall-perjodu tar-responsabbiltà unika ta’ Melco u Toshiba u 15 % għall-perjodu tagħhom ta’ responsabbiltà in solidum.

2.4.2.   Ċirkostanzi aggravanti

(13)

Ma hemm l-ebda ċirkustanzi aggravanti f’dan il-każ

2.4.3.   Ċirkustanzi li jimmitigaw

(14)

Ma hemm l-ebda ċirkustanzi li jimmitigaw f’dan il-każ

2.4.4.   Żieda speċifika bħala deterrent

(15)

Huwa applikat multiplikatur għal deterrenza kemm għal Melco kif ukoll għal Toshiba minħabba l-fatturati tagħhom fuq livell dinji.

2.4.5.   Applikazzjoni tal-limitu tal-fatturat ta’ 10 %

(16)

La fil-każ ta’ Melco u lanqas ta’ Toshiba, il-multa ma tilħaq l-10 % tal-fatturati rispettivi tagħhom fuq livell dinji.

2.4.6.   L-Applikazzjoni tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2002: tnaqqis ta’ multi

(17)

L-ebda tnaqqis skont l-Avviż ta’ Klemenza tal-2002 ma huma mogħtija.

3.   DEĊIŻJONI

(18)

Għall-ksur wieħed u kontinwu stabbilit fid-deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2007 ġew imposti l-multi li ġejjin:

(a)

Mitsubishi Electric Corporation unikament responsabbli: EUR 74 817 000,

(b)

Toshiba Corporation unikament responsabbli: EUR 56 793 000,

(c)

Mitsubishi Electric Corporation u Toshiba Corporation responsabbli in solidum: EUR 4 650 000.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  TM T&D Corporation kienet impriża konġunta 50/50 bejn Melco u Toshiba. Kienet responsabbli għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-SIG. Hi bdiet topera fl-1 ta' Ottubru 2002. Sussegwentement kienet ġiet xolta fit-30 ta’ April 2005 u l-assi tagħha kienu akkwistati minn Melco u Toshiba.

(3)  ĠU C 9, 14.1.1998, p. 3.