28.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 58/6


Notifika ta’ bidu ta' proċedura ta’ anti-dumping rigward l-importazzjonijiet ta' ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

2013/C 58/06

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta' ħġieġ solari, li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huwa l-oġġett ta’ dumping u għalhekk qiegħed joħloq ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni.

1.   L-ilment

L-ilment tressaq fil-15 ta’ Jannar 2013 minn ProSun Glass tal-UE (“il-kwerelant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-enerġija tal-ħġieġ solari.

2.   Il-prodott investigat

Il-prodott suġġett għal din l-investigazzjoni huwa l-ħġieġ solari magħmul minn soda-lime-flat-glass ittemprat, b'kontenut tal-ħadid ta' anqas minn 300 ppm, trasmittanza solari ta' aktar minn 88 % (imkejla skond l-AM1,5 300-2 500 nm), reżistenza għas-sħana sa 250 °C (mkejla skont l-EN 15150), reżistenza għal xokkijiet termali ta’ Δ 150K (mkejla skont l-EN 15150) u li jkollhom saħħa mekkanika ta’ 90 N/mm2 jew aktar (mkejla skont l-EN 1288-3) (“il-prodott taħt l-investigazzjoni”).

3.   Allegazzjoni ta’ dumping

Il-prodott li allegatament qed ikun oġġett ta' dumping huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), u li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 7007 19 80. Dan il-kodiċi NM qed jingħata biss għall-informazzjoni.

Peress li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina hija kkunsidrata bħala pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq minħabba li l-ilmentatur stabbilixxa l-valur normali għall-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-Unjoni peress li, allegatament,il-bejgħ domestiku f'tali pajjiżi analogi terzi kien negliġibbli. L-allegazzjoni ta’ dumping hija msejsa fuq tqabbil tal-valur normali stabbilit b’dan il-mod mal-prezz ta’ esportazzjoni (fil-livell ta' kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta' dumping ikkalkulati huma sinifikanti għall-pajjiż ikkonċernat.

4.   L-allegazzjoni tal-ħsara u l-kawżalità

Il-kwerelant ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b'mod ġenerali f'termini assoluti u żdiedu f'termini ta' sehem mis-suq.

L-evidenza prima facie li ngħatat mill-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħin, fuq il-livelli tal-prezzijiet mitluba u fuq is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali, is-sitwazzjoni finanzjarja u s-sitwazzjoni tal-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni.

5.   Proċedura

Wara li ddeterminat, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment ippreżentat mill-industrija tal-Unjoni jew f'isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta' proċediment, il-Kummissjoni b'dan qiegħda tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott investigat li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat huwiex qed jiġi ddampjat u jekk dawn l-importazzjonijiet iddampjati kinux ta' dannu għall-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu fil-pożittiv, l-investigazzjoni sejra teżamina jekk l-impożizzjoni ta' miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

5.1.    Il-proċedura biex jiġi ddeterminat id-dumping

Il-produtturi esportaturi (2) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

5.1.1.1.   Il-proċedura għall-għażla tal-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fil-pajjiż ikkonċernat

(a)   Kampjunar

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu biex jidentifikaw ruħhom mal-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu hekk fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif, mitlub fl-Anness A ma' din in-notifika, dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom.

Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta' produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, u tista' tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista' realistikament jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi magħrufa kollha, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz, jekk ikun xieraq, tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, liema huma l-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi esportaturi li ntgħażlu fil-kampjun, lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex jiffurmaw parti mill-kampjun ikollhom jibagħtu kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob tagħrif dwar, fost l-oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija/i tal-produttur esportatur, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott investigat, l-ispiża tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-prodott investigat fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat u l-bejgħ tal-prodott investigat fl-Unjoni.

Bla ħsara għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw”). Bla ħsara għat-taqsima (b) ta' hawn taħt, id-dazju anti-dumping li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw ma għandux jaqbeż il-marġni medju b'piż differenzjat ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (3).

(b)   Marġini individwali ta’ dumping għall-kumpaniji li ma jiġux inklużi fil-kampjun

Il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġini ta’ dumping individwali tagħhom (“marġni ta’ dumping individwali”). Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jitolbu marġni ta’ dumping individwali għandhom jitolbu kwestjonarju u formoli applikabbli oħra ta' talba u jibagħtuhom lura mimlija kif meħtieġ mhux iktar tard mill-iskadenzi speċifikati fis-sentenza li ġejja u fit-taqsima 5.1.2.2 hawn taħt. Il-kwestjonarju mimli għandu jiġi ppreżentat fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Biex il-Kummissjoni tkun tista' tistabbilixxi marġini ta' dumping individwali għal dawk il-produtturi esportaturi fil-pajjiż li m'għandux ekonomija tas-suq, irid jiġi ppruvat li dawn ikunu jissodisfaw il-kriterji biex jingħataw trattament ta' ekonomija tas-suq (“TES”). Il-Kummissjoni se teżamina wkoll jekk dawn jistgħux jingħataw dazju individwali skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu marġni ta' dumping individwali għandhom ikunu jafu li l-Kummissjoni tista' xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġni ta' dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta' produtturi esportaturi tant ikun kbir li tali determinazzjoni tkun partikolarment diffiċli u ma jkunx jippermetti li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

5.1.2.   Proċedura addizzjonali dwar il-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

5.1.2.1.   L-għażla ta’ pajjiż terz b’ekonomija tas-suq

Suġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5.1.2.2 hawn taħt, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat huwa previst li l-valur normali għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-prezz jew il-valur mibni f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew jekk pajjiż terz b’ekonomija tas-suq xieraq ma jistax jintgħażel, il-valur normali għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ prezzijiet tal-Unjoni. Huwa nnotat li qabel tirrikorri għall-prezzijiet tal-Unjoni Il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-possibbiltajiet kollha biex tagħżel pajjiż analogu xieraq. Il-partijiet interessati huma hawnhekk mistiedna biex jikkummentaw dwar l-għażla ta’ pajjiż analogu u dwar l-użu ta’ prezzijiet tal-Unjoni fi żmien 10 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.1.2.2.   Trattament tal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

B'konformità mal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi individwali fil-pajjiż ikkonċernat, li jqisu li għalihom jgħoddu l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq fir-rigward tal-manifattura jew il-bejgħ tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, jistgħu jressqu talba għal trattament ta' ekonomija tas-suq sostanzjata kif xieraq għal dan il-għan (“talba għal TES”). It-TES jingħata jekk il-valutazzjoni tat-talba għal TES turi li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku (4) jkunu sodisfatti. Il-marġni ta’ dumping tal-produtturi esportaturi li ngħataw TES se jiġi kkalkulat, safejn hu possibbli u bla ħsara għall-użu ta’ fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, billi jintuża l-valur normali u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħhom stess skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku.

(a)   Trattament ta' ekonomija tas-suq

Il-Kummissjoni se tibgħat il-formoli ta’ talba għal TES lill-produtturi esportaturi kollha fil-pajjiż ikkonċernat magħżula biex ikunu parti mill-kampjun u lill-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u li jixtiequ japplikaw għal marġni ta’ dumping individwali, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, kif ukoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Il-produtturi esportaturi kollha li jitolbu TES għandhom jissottomettu formola kompluta ta’ talba għal TES fi żmien 21 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun jew tad-deċiżjoni li ma jintgħażilx kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.1.3.   Investigazzjoni ta’ importaturi li mhumiex konnessi  (5)  (6)

L-importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni huma mistiedna jipparteċipaw f'din l-investigazzjoni.

Minħabba li jidher li hemm għadd potenzjalment kbir ta' importaturi li mhumiex relatati, li huma involuti f'dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni tista' tillimita l-importaturi li mhumiex relatati u li se jiġu investigati, għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “it-teħid tal-kampjuni”). Il-kampjunar se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li humiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu biex jidentifikaw ruħhom mal-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi lill-Kummissjoni jgħaddulha t-tagħrif dwar il-kumpanija(i) tagħhom kif qed jintalab fl-Anness B għal din in-notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta' importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista' tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' bejgħ fl-Unjoni tal-prodott investigat, li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati kollha magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi. Dawn il-partijiet għandhom jissottomettu l-kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob tagħrif dwar, l-inter alia, l-istruttura tal-kumpanija(i) tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija(i) fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat u dwar il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tad-dannu u l-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Id-determinazzjoni tad-dannu tissejjes fuq evidenza pożittiva u tinvolvi studju oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx dannu materjali, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f'dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “it-teħid tal-kampjuni”). It-teħid ta' kampjuni jitwettaq skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji qegħdin fil-fajl li jinsab għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni bl-għajnuna tad-dettalji ta' kuntatt mogħtija fit-Taqsima 5.6 hawn taħt). Produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti ieħor fir-rigward tal-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

Il-produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha u/jew l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji fl-aħħar intgħażlu fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet għandhom jissottomettu kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob tagħrif dwar, fost l-oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija(i) tagħhom u tas-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tal-kumpanija(i).

5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ta' ħsara kkawżata minnu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri tal-anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur għandhom juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat.

Il-partijiet li jidentifikaw ruħhom fil-limitu ta' żmien imsemmi hawn fuq, jistgħu jagħtu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista' tingħata f'għamla libera jew billi jimtela l-kwestjonarju li ħejjiet il-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, it-tagħrif mogħti skont l-Artikolu 21 se jitqies biss jekk ikun sostnut b'evidenza fattwali meta jitressaq.

5.4.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-notifika, il-partijiet interessati kollha huma b'dan mistiedna li juru fehmiethom, iressqu l-informazzjoni u jipprovdu l-evidenza li ssostniha. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.    Il-possibbiltà ta' smigħ mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu smigħ mis-servizzi tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ għandha titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    L-istruzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha, inkluż it-tagħrif mitlub f’din in-notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati “Ristretti” (7).

Il-partijiet interessati li jagħtu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tiegħu skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li se jkunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex tkun tista' tinftiehem b'mod raġonevoli s-sustanza tat-tagħrif ippreżentat b'mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tiegħu fil-format u l-kwalità mitluba, dan it-tagħrif kunfidenzjali jista' jitwarrab.

Jeħtieġ li l-partijiet interessati jagħmlu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f'format elettroniku (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Madankollu, kull Prokura, ċertifikazzjoni iffirmata u l-aġġornamenti tagħhom li jakkumpanjaw il-formoli ta’ talba għal TES jew ir-risposti tal-kwestjonarju, għandhom jitressqu b’mod fiżiku, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Jekk xi parti interessata ma tkunx tista' tressaq is-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, din għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih, b'konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

Il-Kummissjoni Ewropea

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 08/020

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22993704

Posta elettronika: trade-solarglass-dumping@ec.europa.eu

trade-solarglass-injury@ec.europa.eu

6.   Nuqqas ta' kooperazzjoni

F’każi fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista' tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u għalhekk is-sejbiet jissejsu fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kienet ikkooperat.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet għal smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza seduta ta’ smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet jitħaddmu b'mod sħiħ.

It-talba għal smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet tat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, għandha ssir talba għal smigħ fil-perjodi ta’ żmien speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, id-dumping, id-danni, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Unjoni. Seduta bħal din, bħala regola, issir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba' ġimgħa wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji.

Għal aktar tagħrif u għad-dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-DĠ Trade: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm

8.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tiġi konkluża, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-Ipproċessar tad-dejta personali

Kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (8).


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi l-prodott li qed jiġi investigat jew direttament jew permezz ta' parti terza lejn is-suq tal-Unjoni, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

(3)  B’konformità mal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, kull marġni żero u de minimis, u marġini stabbiliti skont iċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku se jitwarrbu.

(4)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż tan-negozju jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat; (ii) id-ditti għandhom sett wieħed ċar ta’ reġistri bażiċi tal-kontabilità li jiġu indipendentement ivverifikati skont l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u li jiġu applikati għall-finijiet kollha; (iii) m’hemmx distorsjoni sinifikanti ttrasferita mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq; (iv) il-liġijiet tal-falliment u tal-proprjetà jiggarantixxu ċertezza u stabbilità legali u (v) il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq.

(5)  Fil-kampjun jistgħu jintgħażlu biss importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. B'konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jikkonċerna l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tal-kumpaniji ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu impjegat u l-persuna li timpjegah; (d) kwalunkwe persuna li direttament jew indirettament hija l-proprjetarja, tikkontrolla jew għandha sehem ta’ 5 % jew iżjed tal-istokks jew l-ishma tal-votazzjoni tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla lill-oħra b’mod dirett jew indirett; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien, direttament jew indirettament, jikkontrollaw terza persuna; jew (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuna jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk għandhom xi waħda minn dawn ir-relazzjonijiet li ġejjin: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F'dan il-kuntest, “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(6)  Id-dejta pprovduta minn importaturi mhux relatati tista' tintuża wkoll f'konnessjoni mal-aspetti ta' din l-investigazzjoni apparti mid-determinazzjoni ta' dumping.

(7)  Dokument “Ristrett” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim Anti-dumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS A

Image

Image


ANNESS B

Image

Image