13.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 365/197


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti tal-Awtorità

2013/C 365/28

INTRODUZZJONI

1.

L- Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (minn hawn ’il quddiem "l-Awtorità", magħrufa wkoll bħala l-“ESMA”), li tinsab f’Pariġi, ġiet stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-kompitu tal-Awtorità huwa li ttejjeb l-operat tas-suq finanzjarju intern tal-UE billi tiżgura livell għoli, effettiv u konsistenti ta’ regolamentazzjoni u sorveljanza, tippromwovi l-integrità u l-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji u ssaħħaħ il-koordinazzjoni superviżorja internazzjonali sabiex tiżgura l-istabbiltà u l-effettività tas-sistema finanzjarja (2). L-ESMA twaqqfet fl-1 ta’ Jannar 2011.

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Awtorità. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Awtorità, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

Skont l-Artikoli 33 u 43 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (5), il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Awtorità u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi:

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Awtorità jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Awtorità wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fihom huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Awtorità fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi sorveljanza adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Awtorità jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Awtorità jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2012 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2012 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR L-AFFIDABBILTÀ TAL-KONTIJIET

11.

Is-sistema ta’ kontabbiltà tal-Awtorità għadha ma ġietx ivvalidata mill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà.

KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI INTERNI

12.

Matul it-tieni sena ta’ attività tagħha, l-Awtorità ħadet pass importanti bl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti bażi għall-istandards kollha ta’ kontroll intern. Madankollu, għadha ma nkisbitx implimentazzjoni sħiħa tal-istandards.

13.

Hemm lok konsiderevoli għal titjib fil-puntwalità u d-dokumentazzjoni tal-proċeduri ta’ akkwist.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

14.

It-total tal-approprjazzjonijiet tal-Awtorità għall-2012 ammonta għal EUR 20,3 miljun, li minnhom EUR 2,8 miljun (14 %) ġew ikkanċellati u EUR 4,2 miljun (21 %) tal-approprjazzjonijiet impenjati ġew riportati għall-2013.

15.

Il-livell għoli ta’ kanċellazzjonijiet jirriżulta fil-parti l-kbira mill-fatt li l-baġit ġie stabbilit abbażi ta’ tabella tal-persunal implimentata bis-sħiħ fil-bidu tal-2012, filwaqt li xi reklutaġġi saru biss matul is-sena. Dewmien fl-akkwisti tal-IT ukoll ikkawża kanċellazzjonijiet.

16.

Il-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati li ġew riportati huwa għoli għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) f’livell ta’ 39 % u għat-Titolu III (nefqa operazzjonali) f’livell ta’ 52 %. Għat-Titolu II, dan kien ikkawżat fil-parti l-kbira mill-fatt li kuntratt sinifikanti għal xogħlijiet fil-bini tal-Awtorità ngħata f’Diċembru 2012 (EUR 0,6 miljun) u bix-xiri ta’ hardware tal-IT (EUR 0,5 miljun), tagħmir tat-telefonija (EUR 0,1 miljun) u għamara (EUR 0,3 miljun) li l-konsenja tagħhom ma ġietx ikkompletata fi tmiem is-sena. Għat-Titolu III, il-livell għoli ta’ approprjazzjonijiet impenjati li ġew riportati jirriżulta min-natura pluriennali ta’ proġetti sinifikanti ta’ żvilupp tal-IT u minn dewmien fl-akkwisti relatati.

17.

Fl-2012, l-Awtorità għamlet 22 trasferiment tal-baġit li jammontaw għal EUR 3,2 miljun (16 % tat-total tal-baġit 2012), li jindika dgħufijiet fl-ippjanar tal-baġit.

KUMMENTI OĦRA

18.

Jeħtieġ li l-Awtorità ttejjeb aktar it-trasparenza tal-proċeduri ta’ reklutaġġ tagħha. B’mod partikolari, fi proċedura ta’ reklutaġġ awditjata, l-għadd ta’ snin ta’ esperjenza għal pożizzjoni partikolari ma kienx applikat u fi tliet proċeduri tar-reklutaġġ awditjati ma kien hemm ebda evidenza li l-limiti għal-listi ta’ preselezzjoni ġew stabbiliti qabel l-eżaminar tal-applikazzjonijiet.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SENA PREĊEDENTI

19.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi meħuda b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tad-9 ta’ Lulju 2013.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Awtorità. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-sena preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata / Għadha għaddejja / Pendenti / M/A)

2011

L-impenji tal-Awtorità ammontaw għal EUR 12 841 997 jew 76 % tal-baġit għall-2011. Ir-rati tal-impenji kienu baxxi speċjalment għat-Titolu III "Nefqa operazzjonali" (47 %). Dan kellu impatt fuq l- objettivi tal-Awtorità fir-rigward tal-IT li ma ntlaħqux kompletament. Ir-rati baxxi ta’ eżekuzzjoni tal-baġit jindikaw diffikultajiet fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-baġit.

Għadha għaddejja

2011

Il-baġit tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2011 ammonta għal EUR 16,9 miljun. Skont l-Artikolu 62(1) tar-Regolament li hija Msejsa Fuqu, 60 % tal-baġit għall-2011 kien iffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u l-pajjiżi tal-EFTA u 40 % mill-baġit tal-Unjoni. Fi tmiem l-2011, l-ESMA rreġistrat riżultat pożittiv fil-baġit ta’ EUR 4,3 miljun. F’konformità mar-Regolament Finanzjarju tagħha (1), l-ammont sħiħ imbagħad ġie rreġistrat fil-kontijiet bħala passiv lejn il-Kummissjoni Ewropea.

Għadha għaddejja

2011

Ġew innutati dgħufijiet fir-rigward ta’ sitt impenji legali magħmula minn qabel l-impenji tal-baġit (EUR 483 845).

Għadha għaddejja

2011

Il-Qorti identifikat għadd ta’ każijiet b’valur totali ta’ EUR 207 442 li fihom approprjazzjonijiet ta’ pagament riportati għall-2012 ma kinux jikkorrispondu ma’ impenji legali li kienu saru. Għaldaqstant dawn l-ammonti riportati kienu irregolari u għandhom jiġu kkanċellati.

Pendenti

2011

L-Awtorità kienet għadha ma adottatx standards ta’ kontroll intern.

Ikkompletata

2011

Hemm ħtieġa li tittejjeb il-ġestjoni tal-assi fissi mill-Awtorità. Għall-assi intanġibbli żviluppati mill-Awtorità, il-proċeduri tal-kontabbiltà u l-informazzjoni dwar l-ispejjeż ma kinux affidabbli.

Għadha għaddejja

2011

Ir-regoli implimentattivi għar-Regolament tal-Persunal kienu għadhom ma ġewx adottati.

Ikkompletata

2011

L-ESMA kienet għadha ma laħqitx ftehim interistituzzjonali mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) dwar investigazzjonijiet ta’ frodi. L-Awtorità għandha tiżgura li r-Regolament Finanzjarju tagħha jiġi implimentat bis-sħiħ f’dan ir-rigward.

Ikkompletata

2011

Jeħtieġ li l-Awtorità ttejjeb it-trasparenza tal-proċeduri ta’ reklutaġġ. L-għadd ta’ snin ta’ esperjenza meħtieġa għal pożizzjoni partikolari ma ġiex rispettat, ġew aċċettati applikazzjonijiet li waslu wara l-iskadenza, mistoqsijiet għat-testijiet bil-fomm u bil-miktub ma ġewx stabbiliti qabel ma ġew eżaminati l-applikazzjonijiet mill-bord ta’ għażla u ma kien hemm ebda deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra biex jinħatar il-bord ta’ għażla.

Għadha għaddejja


(1)  L-Artikoli 15(4) u 16(1).


ANNESS II

Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (Pariġi)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b'regolamenti jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.

Kompetenzi tal-Awtorità

(Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

Kompiti

Li tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji.

Li tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni.

Li toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet.

Li toħroġ rakkomandazzjonijiet fejn awtorità kompetenti nazzjonali ma tkunx applikat atti settorjali jew tkun applikathom b’mod li jidher li jkun ksur tal-liġi tal-Unjoni.

Li tieħu deċiżjonijiet individwali indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti f’ċertu sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u f’riżoluzzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti f’sitwazzjonijiet transkonfinali.

F’każijiet li jirrigwardaw il-liġi tal-Unjoni applikabbli direttament, li tieħu deċiżjonijiet individwali indirizzati lill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, fejn: (i) awtorità kompetenti nazzjonali ma tkunx applikat atti settorjali jew tkun applikathom b’mod li jidher li jkun ksur tal-liġi tal-Unjoni u fejn l-awtorità kompetenti nazzjonali ma tkunx ikkonformat ma’ opinjoni formali tal-Kummissjoni; (ii) f'ċertu sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fejn awtorità kompetenti ma tikkonformax mad-deċiżjoni tal-Awtorità adottata; jew (iii) f'riżoluzzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti f'sitwazzjonijiet transkonfinali fejn awtorità kompetenti nazzjonali ma tkunx ikkonformat mad-deċiżjoni tal-Awtorità.

Li toħroġ opinjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill jew lill-Kummissjoni dwar kull kwistjoni marbuta mal-oqsma ta’ kompetenza tagħha.

Li tiġbor l-informazzjoni meħtieġa rigward il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji sabiex twettaq il-kompiti assenjati lilha.

Li tiżviluppa metodoloġiji komuni għall-valutazzjoni tal-effett tal-karatteristiċi tal-prodott u tal-proċessi tad-distribuzzjoni fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u fuq il-protezzjoni tal-konsumatur.

Li tipprovdi database aċċessibbli ċentralment tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji rreġistrati fil-qasam tal-kompetenza tagħha fejn speċifikat fil-leġiżlazzjoni settorjali.

Li toħroġ avviżi fil-każ li attività finanzjarja toħloq theddida serja lill-għanijiet tagħha.

Li tipprojbixxi jew tirrestrinġi temporanjament ċertu tipi ta’ attivitajiet finanzjarji li jkunu ta’ theddida għall-operat adatt u għall-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew ta’ parti minnha fl-Unjoni f’każijiet speċifikati u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni settorjali jew jekk ikun meħtieġ f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza.

Li tipparteċipa fl-attivitajiet tal-kulleġġi ta’ superviżuri, inklużi eżamijiet fuq il-post, imwettqa konġuntament minn żewġ awtoritajiet kompetenti jew aktar.

Li tindirizza kwalunkwe riskju ta’ tħarbit fis-servizzi finanzjarji li jkun ikkawżat minn dgħufija tas-sistema finanzjarja kollha jew ta’ partijiet minnha u li jkollu l-potenzjal ta’ konsegwenzi negattivi serji għas-suq intern u għall-ekonomija reali.

Li tfassal linji gwida u rakkomandazzjonijiet addizzjonali għall-parteċipanti ewlenin fis-swieq finanzjarji, biex jittieħed kont tar-riskju sistemiku ppreżentat minnhom.

Li twettaq inkjesta dwar tip partikolari ta’ attività finanzjarja jew tip ta’ prodott jew tip ta’ kondotta sabiex tevalwa theddid potenzjali għall-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u tagħmel rakkomandazzjonijiet adatti għal azzjoni lill-awtoritajiet kompetenti konċernati.

Li twettaq il-kompiti u r-responsabbiltajiet delegati mill-awtoritajiet kompetenti.

Li tipprovdi opinjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti.

Li twettaq evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti.

Li tikkoordina bejn l-awtoritajiet kompetenti, partikolarment fejn żvilupp avvers jista’ potenzjalment jipperikola l-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

Li tniedi u tikkoordina valutazzjonijiet fl-Unjoni kollha tar-reżistenza tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għal żvilupp avvers tas-suq.

Li tieħu deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ aġenziji li jiggradaw il-kreditu u dwar l-irtirar ta’ tali ċertifikazzjoni u reġistrazzjoni.

Li tistabbilixxi ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji ta’ aġenziji rilevanti li jiggradaw il-kreditu ta’ pajjiżi terzi.

Li twettaq investigazzjonijiet ta’ u spezzjonijiet fuq il-post fil-bini tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu, entitajiet gradati u partijiet terzi relatati.

Fejn aġenzija li tiggrada l-kreditu tkun wettqet xi ksur, li tieħu deċiżjonijiet biex tirtira r-reġistrazzjoni tagħha, timponilha projbizzjoni temporanja milli toħroġ gradazzjonijiet ta’ kreditu, timponi sospensjoni fuq l-użu għal skopijiet regolatorji tal-gradazzjonijiet ta’ kreditu li tkun ħarġet, tirrikjedi li l-ksur jiġi mitmum, u/jew toħroġ avviżi pubbliċi.

Fejn aġenzija li tiggrada l-kreditu tkun wettqet ksur b’intenzjoni jew negliġenza, li tieħu deċiżjonijiet biex timponi multa.

Tmexxija

Bord tas-Superviżuri

Kompożizzjoni

President (li m'għandux ikollu vot); il-kap tal-awtorità pubblika nazzjonali kompetenti għas-supervizjoni tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji f'kull Stat Membru; rapprezentant wieħed tal-Kummissjoni (li m'għandux ikollu vot); rappreżentant wieħed tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (li m'għandux ikollu vot); rappreżentant wieħed ta’ kull waħda mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħra (li m'għandux ikollhom vot).

Kompiti

Jagħti gwida lill-ħidma tal-Awtorità u jkun responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-Kapitolu II tar-Regolament li hija msejsa fuqu.

Bord Maniġerjali

Kompożizzjoni

President u sitt membri oħrajn tal-Bord tas-Superviżuri, eletti mill-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri u minn fosthom stess. Id-Direttur Eżekuttiv u rappreżentant tal-Kummissjoni jipparteċipaw fil-laqgħat mingħajr id-dritt li jivvotaw (għalkemm ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jivvota dwar kwistjonijiet relatati mal-baġit).

Kompiti

Jiżgura li l-Awtorità taqdi l-missjoni tagħha u twettaq il-kompiti assenjati lilha skont ir-Regolament li hija msejsa fuqu.

President

Rappreżentant tal-Awtorità responsabbli sabiex iħejji x-xogħol tal-Bord tas-Superviżuri u jmexxi l-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri u tal-Bord Maniġerjali. Jinħatar mill-Bord tas-Superviżuri wara li jkun semgħu l-Parlament Ewropew.

Direttur Eżekuttiv

Jinħatar mill-Bord tas-Superviżuri wara l-konferma mill-Parlament Ewropew. Ikun responsabbli mit-tmexxija tal-Awtorità u jipprepara x-xogħol tal-Bord Maniġerjali.

Awditu intern

Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS).

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awtorità ta' kwittanza

Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill

Riżorsi disponibbli għall-Awtorità fl-2012

Baġit finali

Baġit totali: EUR 20,279 miljun, inklużi:

 

Sussidju mill-Unjoni: EUR 7,12 miljun

 

Kontribuzzjonijiet mill-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti: EUR 10,158 miljun

 

Tariffi minn entitajiet sorveljati: EUR 3,001 miljun

Persunal fil-31 ta' Diċembru 2012

Persunal statutorju: 75 post ta’ persunal temporanju awtorizzati fit-tabella tal-persunal, li minnhom kienu reklutati: 75

Persunal kuntrattwali: 10 postijiet ta’ persunal kuntrattwali ppjanati fil-baġit; postijiet ta’ persunal kuntrattwali mimlija fil-fatt fil-31.12.2012: 12

Esperti Nazzjonali Sekondati: 16-il post ta’ Espert Nazzjonali Sekondat ippjanati fil-baġit, postijiet ta’ Esperti Nazzjonali Sekondati mimlija fil-fatt fil-31.12.2012: 10

Prodotti u servizzi fl-2012

19-il CRA rreġistrata, waħda ċċertifikata.

Sorveljanza li għadha għaddejja, inklużi eżamijiet tematiċi bħal gradazzjonijiet tal-bank.

Ivvalutat il-konformità ta’ tliet proposti ġodda għat-tneħħija tat-trasparenza ta’ qabel il-bejgħ u x-xiri skont l-MiFID.

Ippubblikat linji gwida finali dwar il-bejgħ u x-xiri awtomatizzat ta' frekwenza għolja (HFT).

Kompliet il-ħidma dwar it-tħejjija tal-eżami tal-MiFID/MAD/PD.

Twassil ta’ standards tekniċi proposti (kemm regolatorji kif ukoll implimentattivi) għar-Regolament dwar derivattivi OTC, Entitajiet ta' Kontroparti Ċentrali (CCPs) u Repożitorji tat-Tranżazzjonijiet (ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Swieq Ewropej - EMIR).

Xogħol ta’ tħejjija għad-dħul fis-seħħ tal-EMIR fejn l-ESMA se tibda tissorvelja r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet.

Ħarġet standards tekniċi dwar regolament ġdid ta’ bejgħ bin-nieqes.

L-ewwel opinjonijiet maħruġa dwar il-limiti ta’ bejgħ bin-nieqes fil-Greċja u Spanja.

Ipproduċiet regoli dettaljati għar-remunerazzjoni ta’ maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi.

Ikkontribwixxiet għall-iżvilupp tal-Istandards Internazzjonali għall-Irrappurtar Finanzjarju (IFRS); informazzjoni interna ta’ kull ġimgħa.

Ħarġet kjarifiki lill-impriżi dwar l-applikazzjoni korreta tar-regoli tal-IFRS (trattament ta’ tolleranza u avvjament).

Xogħol dwar il-kondiviżjoni ta’ esperjenzi u t-taħdit dwar l-implikazzjonijiet bejn is-superviżuri nazzjonali fuq kwistjonijiet ta’ sorveljanza tas-suq u kwistjonijiet relatati mad-Direttivi tal-Prospectus (PD) u tat-Trasparenza (TD), Offerti ta’ Akwiżizzjoni, eċċ.

Xogħol konġunt mal-ASEs l-oħra.

Ikkontribwixxiet b’mod attiv għall-BERS fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja, ukoll permezz ta’ rapporti tar-riskju regolari.

Protezzjoni tal-konsumatur finanzjarju mtejba permezz ta’ regoli u rekwiżiti addizzjonali għall-intermedji u għall-maniġers ta’ fondi, parir finanzjarju u adegwatezza (MiFID), regoli ta’ divulgazzjoni għall-ETFs

Twissija ta’ investitur pan-Ewropew dwar nasbiet ta’ investiment online.

Sar jum għal investituri fl-uffiċċji tal-ESMA.

Mexxiet database madwar l-UE għal rapporti dwar it-tranżazzjonijiet.

Żviluppat soluzzjoni tal-IT b’suċċess għall-pubblikazzjoni ta’ gradazzjonijiet storiċi tas-CRA.

Ikkoordinat ir-rispons tas-superviżuri nazzjonali għall-kriżi finanzjarja, inkluż ir-rinfurzar tal-analiżi ta’ riskju tagħhom.

Wettqet żewġ evalwazzjonijiet bejn il-pari dwar l-implimentazzjoni tas-Sistema tal-Abbuż tas-Suq u d-Direttiva dwar il-Prospetti.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Awtorità.


IT-TWEĠIBIET TAL-AĠENZIJA

11.

Ir-rapport għall-validazzjoni tas-sistemi ta’ kontabbiltà qiegħed fil-proċess ta’ finalizzazzjoni. Qabel it-tħejjija tar-rapport, biex jivvalida l-affidabbiltà tar-riżultati tal-proċeduri fis-seħħ, il-kontabilist applika l-approċċ ta’ 100 % kontrolli tat-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha fis-seħħ ta’ approċċ ta’ ttestjar ta’ kampjuni u sistema.

12.

L-ESMA stabbilixxiet funzjoni ta’ kontroll intern fl-2012 u adottat pjan ta’ azzjoni bbażat fuq ir-riskju dwar il-kontroll intern li qed jiġi żviluppat u monitorja b’mod attiv. Fi tmiem l-2012, l-ESMA kienet implimentat 19 mill-20 attività ppjanati għas-sena. Għall-2013 u l-2014 hemm programmi ta’ ħidma dwar il-kontroll intern żviluppati. Filwaqt li jitqiesu r-riskji assoċjati mal-ambjent amministrattiv, is-sistemi interni ta’ ġestjoni u kontroll huma adatti għall-prestazzjoni tad-dmirijiet tal-ESMA, skont l-Artikolu 38.4 tar-Regolament Finanzjarju tal-ESMA.

13.

Fl-2012, l-ESMA kellha terġa’ toħroġ sejħiet għal offerti għal diversi kuntratt li ntirtu mill-predeċessur tagħha, is-CESR. Twassal kważi l-pjan ta’ akkwist kollu, iżda bi ftit dewmien minħabba nuqqas ta’ riżorsi. Sabiex tittejjeb f’dan il-qasam, l-ESMA ser tirrekluta aktar persunal fit-tim ta’ akkwist tagħha fl-2013, filwaqt li ttejjeb il-proċeduri b’kontrolli interni addizzjonali.

14.

L-ESMA tapprezza l-ispjegazzjoniiet korretti diġà msemmija fil-kummenti tal-Qorti. Dawk l-ispjegazzjonijiet jirriflettu s-sitwazzjoni fl-2012.

15.

Il-baġit 2012 tħejja f’Jannar 2011, fl-ewwel xahar ta’ operat tal-aġenzija. Il-baġit tħejja fil-biċċa l-kbira mill-Kummissjoni tal-UE u fil-fatt ma kien hemm l-ebda esperjenza fit-tmexxija tal-aġenzija.

16.

Fir-rigward tal-ġestjoni tal-baġit irrappreżentat bil-programm ta’ ħidma tal-IT tal-ESMA, għandu jiġi nnotat li l-programm ta’ ħidma tal-IT fl-2012 kien ibbażat fuq rekwiżiti li ġejjin mil-leġiżlazzjonijiet li kienu għadhom taħt diskussjoni mill-istituzzjonijiet tal-UE. In-negozjati finali ta’ xi wħud minn dawn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi kellhom impatt fuq il-programm ta’ ħidma tal-IT kif ukoll fuq il-pjan ta’ akkwist matul is-sena.

17.

Miż-żjara tal-Qorti, l-ESMA żviluppat proċessi aħjar u implimentat kontrolli li qed jindirizzaw il-kwistjonijiet identifikati u l-ibbaġitjar u l-ippjanar.

18.

L-ESMA tirrikonoxxi s-sejba. B’segwitu tal-kumment mill-Qorti, l-ESMA wettqet reviżjoni ex post tal-proċeduri kollha ta’ reklutaġġ ta’ aġenti temporanji li tmexxew fl-2012, fejn saret konferma li ma seħħ l-ebda każ simili ieħor. Biex tillimita r-riskju li fil-futur iseħħu żvisti simili, l-ESMA implimentat proċeduri ġodda li jistabbilixxu limiti għal kandidati fuq il-lista u passi ta’ kontroll ex ante dwar il-validazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ kandidati b’għodda elettronika għall-kalkolu tan-numru tas-snin ta’ esperjenza.