13.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 365/134


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti tal-Awtorità

2013/C 365/19

INTRODUZZJONI

1.

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (minn hawn ’il quddiem "l-Awtorità", magħrufa wkoll bħala l-“EIOPA”), li tinsab fi Frankfurt, ġiet stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-kompitu tal-Awtorità huwa li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ standards u prattiċi regolatorji u superviżorji komuni ta’ kwalità għolja, li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, li tistimula u tiffaċilita d-delega tal-kompiti u r-responsabbiltajiet fost l-awtoritajiet kompetenti, li timmonitorja u tivvaluta l-iżviluppi fis-suq fil-qasam tal-kompetenzi tagħha u li tippromwovi l-ħarsien tad-detenturi ta’ poloz, u tal-membri u l-benefiċjarji ta’ skemi tal-pensjonijiet (2). L-Awtorità ġiet stabbilita fl-1 ta’ Jannar 2011.

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Awtorità. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Awtorità, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

Skont l-Artikoli 33 u 43 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (5), il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Awtorità u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi:

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Awtorità jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Awtorità wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fihom huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Awtorità fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi sorveljanza adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Awtorità jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Awtorità jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2012 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2012 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-LEGALITÀ U R-REGOLARITÀ TAT-TRANŻAZZJONIJIET

11.

L-EIOPA tejbet il-proċeduri ta’ akkwist tagħha sabiex issir konformi għalkollox mar-regoli ta’ akkwist tal-UE. Madankollu, kuntratt wieħed relatat mat-tfassil ta’ database finanzjarju ġie suddiviż f’erba’ lottijiet ta’ EUR 60 000 kull wieħed, li kollha kemm huma ġew direttament mogħtija lil żewġ kumpaniji. Minħabba t-total tal-valur tas-servizzi li għandu jiġi akkwistat għall-istess proġett (EUR 240 000), kien imissha ġiet applikata proċedura miftuħa jew ristretta u l-impenji u l-pagamenti relatati huma għalhekk irregolari.

KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI INTERNI

12.

Verifikazzjoni fiżika tal-assi twettqet f’Mejju u f’Ġunju 2012, imma ma sar ebda rapport fiżiku ta’ verifikazzjoni. L-Awtorità ma adottat ebda proċedura jew linja gwida dwar il-kontrolli fiżiċi fuq l-assi tanġibbli.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

13.

L-ammont riportat ta’ approprjazzjonijiet impenjati għall-2013 kien għoli ħafna għat-Titolu III (nefqa operazzjonali) f’livell ta’ 79 % tal-approprjazzjonijiet totali. Fil-biċċa l-kbira dan jirriżulta mill-kumplessità u d-durata twila ta’ proċedura waħda ta’ akkwist tal-IT li għaliha l-kuntratt ta’ EUR 2,2 miljun ġie ffirmat kif ippjanat f’Diċembru 2012.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SENA PREĊEDENTI

14.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-10 ta’ Settembru 2013.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48.

(2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Awtorità. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-sena preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata / Għadha għaddejja / Pendenti / M/A)

2011

Ir-rati ta’ impenn kienu baxxi speċjalment għat-Titolu II "Nefqa amministrattiva" (60 %) u t-Titolu III "Nefqa operazzjonali" (12 %). Dan kellu impatt fuq l-objettivi tal-Awtorità fir-rigward tal-IT li ma ntlaħqux kompletament.

Ikkompletata

2011

Il-baġit tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2011 ammonta għal EUR 10,7 miljun. Skont l-Artikolu 62(1) tar-Regolament li hija Msejsa Fuqu, 55 % tal-baġit għall-2011 kien iffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u tal-EFTA u 45 % mill-baġit tal-Unjoni. Fi tmiem l-2011 l-Awtorità rreġistrat riżultat pożittiv fil-baġit ta’ EUR 2,8 miljun. F’konformità mar-Regolament Finanzjarju tagħha, l-ammont sħiħ imbagħad ġie rreġistrat fil-kontijiet bħala passiv lejn il-Kummissjoni Ewropea.

Għadha għaddejja

2011

Is-sistema ta' kontabbiltà tal-Awtorità għad trid tiġi vvalidata mill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà, kif mitlub mir-Regolament Finanzjarju.

Ikkompletata

2011

Il-proċeduri ta’ akkwist awditjati ma kinux konsistenti kompletament mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju ġenerali. Għal ħames każijiet ta’ xiri ta’ tagħmir tal-IT (ammont totali ta’ EUR 160 117) il-kriterji tal-għotja applikati ma ġewx stabbiliti minn qabel u ma ġie ffirmat ebda kuntratt bil-miktub. F’każ ieħor relatat mas-servizzi ta’ reklutaġġ (EUR 55 000), il-kriterji tal-għotja ma ġewx applikati b’mod korrett. L-Awtorità għandha tiżgura li l-kuntratti l-ġodda kollha jingħataw f’konformità sħiħa mar-regoli ta’ akkwist tal-UE.

Għadha għaddejja

2011

Jeħtieġ li l-Awtorità ttejjeb it-trasparenza tal-proċeduri ta’ reklutaġġ: il-marki minimi għall-ammissjoni għal testijiet bil-miktub u intervisti jew għall-inklużjoni fil-lista ta’ kandidati adatti, u l-mistoqsijiet għal testijiet orali u bil-miktub, ma kinux stabbiliti qabel ma ġew eżaminati l-applikazzjonijiet, u ma kien hemm ebda deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra biex jinħatru l-bords tas-selezzjoni.

Għadha għaddejja


ANNESS II

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (Frankfurt am Main)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(L-Artikoli 26, 114, 290, 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

Tistabbilixxi jew tassigura l-funzjonament tas-suq intern, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.

Tħejji abozz ta’ standards tekniċi bħala xogħol preparatorju għal atti mhux leġiżlattivi ta' applikazzjoni ġenerali sabiex jissumplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv jew meta jkun hemm bżonn ta' kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti.

Kompetenzi tal-Awtorità

(Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Awtorità, l-Artikolu 1(6) u l-Artikolu 8 dwar kompiti u setgħat)

Għanijiet

Tipproteġi l-interess pubbliku billi tikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-effettività fuq żmien qasir, medju u twil tas-sistema finanzjarja, għall-ekonomija tal-Unjoni, iċ-ċittadini u n-negozji tagħha.

Kompiti

Li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ standards u prattiki regolatorji u superviżorji komuni ta’ kwalità għolja;

li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, li tistimula u tiffaċilita d-delega tal-kompiti u r-responsabbiltajiet fost l-awtoritajiet kompetenti;

li tikkoopera mill-qrib mal-BERS;

li torganizza u twettaq analiżijiet tar-reviżjoni bejn il-pari tal-awtoritajiet kompetenti;

li timmonitorja u tivvaluta l-iżviluppi fis-suq fil-qasam tal-kompetenzi tagħha;

li twettaq analiżijiet ekonomiċi tas-swieq biex l-Awtorità tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet tagħha sew;

li tippromwovi l-ħarsien tad-detenturi ta’ poloz, u tal-membri u l-benefiċjarji ta’ skemi tal-pensjonijiet;

li tikkontribwixxi għall-funzjonament konsistenti u koerenti tal-kulleġġi tas-superviżuri, il-monitoraġġ, il-valutazzjoni u l-kejl tar-riskju sistemiku, l-iżvilupp u l-koordinazzjoni tal-pjani ta’ rkupru u riżoluzzjoni, l-għoti ta’ protezzjoni ta’ livell għoli lid-detenturi ta’ poloz, lill-benefiċjarji u fl-Unjoni kollha;

li twettaq kwalunkwe kompitu speċifiku ieħor stipulat f’dan ir-Regolament jew f’atti leġiżlattivi oħra;

li tippubblika fil-websajt tagħha, u taġġorna b’mod regolari, l-informazzjoni relatata mal-qasam tal-attivitajiet tagħha;

li tieħu r-responsabbiltà, kif adatt, tal-kompiti kollha eżistenti u li għaddejjin bħalissa mill-Kumitat tas-Superviżuri Ewropej tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (CEIOPS).

Tmexxija

(Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi l-Awtorità: L-Artikoli 40-44: Bord tas-Superviżuri; L-Artikoli 45-47: Bord Maniġerjali; L-Artikoli 48-50: President; L-Artikoli 51-53: Direttur Eżekuttiv

Bord tas-Superviżuri (BtS)

Kompożizzjoni

President (ma għandux ikollu vot), il-kap tal-awtorità pubblika nazzjonali kompetenti għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji f’kull Stat Membru (li għandu vot), rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni, tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, tal-Awtorità Bankarja Ewropea, tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (kollha ma’ għandhomx ikollhom vot); osservaturi jistgħu jiġu permessi.

Kompiti

Korp prinċipali tal-Awtorità għat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

Bord Maniġerjali (BM)

Kompożizzjoni

President tal-Awtorità, sitt rappreżentanti tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali. Id-Direttur Eżekuttiv u rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea għandhom jipparteċipaw fil-laqgħat tal-BM mingħajr id-dritt li jivvutaw.

Kompiti

Il-BM għandu jiżgura li l-Awtorità taqdi l-missjoni tagħha u twettaq il-kompiti assenjati lilha skont ir-Regolament Nru 1094/2010. Il-BM għandu jeżerċita s-setgħat baġitarji u jadotta l-pjan politiku dwar il-persunal u l-miżuri implimentattivi dwar il-persunal.

Il-President tal-Awtorità

Jirrappreżenta l-Awtorità, iħejji x-xogħol tal-Bord tas-Superviżuri (BtS), imexxi l-laqgħat tal-BtS u tal-BM.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità

Huwa inkarigat mit-tmexxija tal-Awtorità u l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali u l-baġit; iħejji x-xogħol tal-Bord Maniġerjali, il-baġit u l-programm ta’ ħidma.

Kumitat tal-Kontroll tal-Kwalità

Kompożizzjoni

Il-President Supplenti tal-Awtorità, żewġ Membri tal-Bord Maniġerjali, id-Direttur Eżekuttiv.

Kompiti

Li jissorvelja u jivvaluta l-implimentazzjoni xierqa tal-proċeduri u d-deċiżjonijiet interni.

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awditu intern

Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS).

Awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Riżorsi disponibbli għall-Awtorità fl-2012

Baġit finali

Approprjazzjonijiet tal-Baġit Finali: EUR 15 655 000

Tabella tal-Persunal

Persunal statutorju: 69 post awtorizzat fit-tabella tal-persunal, li minnhom okkupati: 69

It-tabella tal-persunal 100 % mwettqa

Postijiet ta’ persunal kuntrattwali: 12 ippjanati fil-baġit, 14 okkupati

Postijiet ta’ Esperti Nazzjonali Sekondati: tmienja ppjanati fil-baġit, li minnhom okkupati: tmienja

Total: 91 membru tal-persunal

Prodotti u servizzi fl-2012

Kompiti regolatorji

Opinjoni dwar il-Miżuri Interim Fir-Rigward ta’ Solvenza II.

Opinjoni dwar Mudelli u Data esterni.

Erba’ konsultazzjonijiet pubbliċi relatati ma’ oqsma differenti tal-attivitajiet tal-Awtorità (Assigurazzjoni u Pensjonijiet).

Għoti ta’ parir fuq l-eżaminar tad-direttiva dwar l-Istituzzjonijiet għall-Provvista ta’ Rtirar Okkupazzjonali (IORP).

Rapport dwar ir-Rwol tal-Iskemi ta’ Garanzija tal-Assigurazzjoni fil-Proċeduri ta’ Stralċ ta’ Impriżi Insolventi fl-UE/ŻEE.

Rapport Finali tal-EIOPA dwar il-Konsultazzjoni Pubblika N11/008 fuq il-proposta għal Linji Gwida dwar Riskju Proprju u Valutazzjoni tas-Solvenza.

Rapport Finali tal-EIOPA dwar il-Konsultazzjoni Pubblika N11/009 u 11/011 fuq il-proposta għar-Rekwiżiti tar-Rappurtar u tad-Divulgazzjoni.

Kompiti superviżorji

Il-parteċipazzjoni tal-Awtorità fil-Kulleġġ tas-Superviżuri ta’ 75 grupp ta’ assigurazzjoni.

Pjan ta’ Azzjoni għall-Kulleġġi 2012 inklużi l-annessi, eż. katalgu b’elementi għal skambju ta’ informazzjoni, Rapport ta’ Tmiem is-sena dwar il-Funzjonament ta’ Kulleġġi u l-Kisbiet tal-Pjan ta’ Azzjoni 2011.

Protezzjoni tal-konsumatur u l-innovazzjoni finanzjarja

Linji Gwida dwar it-Trattament tal-Ilmenti minn Impriżi tal-Assigurazzjoni.

Rapport dwar l-Aħjar Prattiki minn Impriżi tal-Assigurazzjoni meta jittrattaw l-ilmenti.

Rapport tal-Metodoloġija għal ġabra, analiżi u rappurtar tat-tendenzi tal-konsumatur.

Stħarriġ aġġornat tal-EIOPA dwar il-kompetenzi tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fil-qasam tal-Protezzjoni tal-Konsumatur.

Proċeduri għall-ħruġ ta’ twissijiet u restrizzjonijiet/projbizzjonijiet temporanji.

Rapport dwar l-Aħjar Prattiki għad-Divulgazzjoni u l-Bejgħ ta’ Annwalitajiet Varjabbli.

Ħarsa Ġenerali Inizjali lejn Tendenzi tal-Konsumatur fis-setturi Ewropej tal-assigurazzjoni u l-pensjonijiet okkupazzjonali.

Kultura superviżorja komuni

Erba’ seminars transsettorjali.

17-il seminar għall-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

Żvilupp ta’ metodoloġija għal tliet reviżjonijiet bejn il-pari.

Stabbiltà finanzjarja

Żewġ Rapporti biannwali dwar l-Istabbilità Finanzjarja;

Tħejjija ta’ test tal-istress madwar l-Ewropa għas-settur tal-assigurazzjoni (it-test ġie pospost minħabba l-LTGA).

Produzzjoni ta’ Tabella Operattiva tar-Riskji kull tliet xhur.

Tħejjija ta’ Valutazzjoni tal-Garanziji fuq Terminu ta’ Żmien Twil.

Immaniġġar ta’ kriżijiet

Finalizzazzjoni ta’ qafas komprensiv għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jistabbilixxi fid-dettall il-proċessi li l-Awtorità se ssegwi fir-rilaxx tar-responsabbiltajiet tagħha għall-prevenzjoni u l-immaniġġar ta’ kriżijiet.

Ftehim dwar approċċ komuni tal-EIOPA meta tkun qed tittratta ma’ skoperturi sovrani u bankarji.

Żvilupp ta’ Opinjoni tal-EIOPA dwar ir-rispons superviżorju għal perjodu mtawwal ta’ rati tal-imgħax baxxi.

Kontribuzzjoni dettaljata għall-konsultazzjoni tal-Kummisjoni Ewropea dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni għal istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji.

Relazzjonijiet esterni

11-il laqgħa, inkluża waħda konġunta ma’ BtS, tal-IRSG (Grupp tal-Partijiet Interessati fl-Oqsma tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni) u OPSG (Grupp tal-Partijiet Interessati fil-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol), disa’ opinjonijiet uffiċjali u dikjarazzjonijiet b’feedback, tmien konsultazzjonijiet informali dwar “xogħol fl-idejn”.

Madwar 20 Djalogu Regolatorju u Superviżorju ma’ assoċjazzjonijiet ta’ superviżuri ta’ pajjiżi terzi mill-Austral-Asia (l-Awstralja-Asja), l-Amerika Latina u l-Amerika ta’ Fuq, l-Afrika t’Isfel, l-Islanda u l-Isvizzera. Parteċipazzjoni attiva u kontribuzzjonijiet fil-Kumitat Tekniku u Eżekuttiv tal-IAIS, il-Kumitat ta’ Stabbiltà Finanzjarja, is-Sottokumitat tas-Solvenza u Attwarju u l-Konferenza Annwali tal-IAIS.

Proġett ta’ Djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika: Pubblikazzjoni tad-dokument strateġiku “Way Forward” (“it-Triq il-Quddiem”) u r-Rapport finali ta’ seba’ Kumitati Tekniċi, żewġ Seduti Pubbliċi f’Washington DC u fi Brussell.

Analiżi tad-distakki bejn ir-reġimi tar-(ri)assigurazzjoni tal-Awstralja, iċ-Ċile, iċ-Ċina, Ħong Kong, l-Iżrael, il-Messiku, Singapor, l-Afrika t’Isfel, inkluża l-valutazzjoni sħiħa tas-segretezza professjonali, bħala bażi għal deċiżjoni tal-UE dwar it-tranżizzjonali tal-ekwivalenza.

Ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Aġenzija Superviżorja tas-Servizzi Finanzjarji Kroati (CFSSA/HANFA).

Konferenzi / avvenimenti pubbliċi oħra 2012

Erba’ konferenzi u avvenimenti (“Conference on Global Insurance Supervision (GIS)” (Konferenza dwar is-Superviżjoni Globali tal-Assigurazzjoni), Launch Event “QIS (Quantitative Impact Study) for Pensions” (Avveniment ta’ Varatura “QIS (Studju Kwantitattiv dwar l-Impatt) għall-Pensjonijiet), konferenza annwali tal-EIOPA u t-tieni Ġurnata dwar l-Istrateġija tal-Konsumatur).

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Awtorità.


IT-TWEĠIBIET TAL-AWTORITÀ

11.

L-EIOPA tagħraf u taqsam it-tħassib imqajjem mill-Qorti. Madankollu, hemm raġunament sod tan-negozju li jsostni kemm id-deċiżjoni li ssir proċedura ta’ akkwist u kemm li ssir f’erba’ lottijiet, sabiex napprofondixxu l-għarfien tagħna dwar kif għandna nfasslu s-sistema tagħna billi nnaqqsu r-riskju li niksbu s-servizzi u l-prodotti l-ħżiena u niżguraw kompetizzjoni suffiċjenti fl-istadju ewlieni tal-proċess, jiġifieri l-akkwist ewlieni.

L-intenzjoni qawwija tal-EIOPA li tkun konformi u li ttejjeb il-proċessi tagħha hija enfasizzata bil-fatti li ġejjin: Twaqqfu kumitati ta’ evalwazzjoni għal kull proċedura anki meta dawn ma kinux neċessarji; l-għan tal-EIOPA kien li ssib kuntratturi differenti għal oqsma differenti biex tħejji proċeduri miftuħa fil-ġejjieni, li huwa ddokumentat bil-fatt li għal kull proċedura, ġew mistiedna aktar min-numru neċessarju ta’ kumpaniji għas-sejħa għall-offerti. Kien hemm duplikazzjoni ta’ kuntratturi minħabba n-numru limitat ta’ offerti rċevuti. L-EIOPA riedet li jkollha kompetizzjoni effettiva u li tevita fornitur wieħed li jiġi b’soluzzjoni ‘mfassla apposta’ li kieku de facto fl-akkwist ewlieni twassal biex l-istess kumpanija tkun l-unika waħda adegwata li ddeċidiet li tmexxi erba’ lottijiet separati.

12.

L-EIOPA ħadet nota dwar tas-sejbiet tal-Qorti. Fl-2012, il-priorità kienet li tissalvagwardja l-assi tal-awtorità stess minflok l-implimentazzjoni tal-proċeduri u d-dokumentazzjoni sottostanti tal-proċess tal-verifikazzjoni. Sadanittant l-EIOPA ħadet azzjoni korrettiva. Sar taħriġ għall-atturi finanzjarji l-ġodda, bl-għan li jissimplifika l-proċessi tal-assi. L-EIOPA adottat ukoll linji gwida li jiddokumentaw il-proċessi tal-assi. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-proċessi għadha għaddejja.

13.

L-EIOPA ħadet nota tas-sejbiet tal-Qorti. F’każ ta’ riporti marbuta mal-IT, dan jista’ jiġi attribwit mal-istadju tal-bidu tal-Awtorità, wara li l-ewwel kienet adottat l-istrateġija tal-IT fi tmiem l-2011 u l-pjan ta’ implimentazzjoni tal-istrateġija tal-IT fil-bidu tal-2012. Ladarba l-istadju tal-bidu jintemm, in-nefqiet tal-IT ser jitqassmu b’mod aktar uniformi matul is-sena fiskali li se tnaqqas ir-riskju ta’ riporti b’mod sinifikanti.