13.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 365/120


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti tal-Awtorità

2013/C 365/17

INTRODUZZJONI

1.

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ’il quddiem “l-Awtorità”, magħrufa wkoll bħala l-“EFSA”), li tinstab f’Parma, ġiet stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Ix-xogħlijiet prinċipali tal-Awtorità huma li tipprovdi t-tagħrif xjentifiku meħtieġ biex tiġi mfassla leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ikel u s-sigurtà tal-ikel, li tiġbor u tanalizza d-data biex tippermetti l-identifikazzjoni u l-immonitorjar tar-riskji u li tipprovdi tagħrif indipendenti dwar dawn ir-riskji (2).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Awtorità. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Awtorità, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

Skont l-Artikoli 33 u 43 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (5), il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Awtorità u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi:

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Awtorità jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Awtorità wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fihom huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Awtorità fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi sorveljanza adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Awtorità jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Awtorità jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2012 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2012 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR L-AFFIDABBILTÀ TAL-KONTIJIET

11.

Il-validazzjoni tas-sistemi kontabilistiċi mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Awtorità tkopri s-sistemi ċentrali tal-ABAC u tas-SAP, iżda mhux is-sistemi lokali u l-affidabbiltà ta’ skambji tad-data bejn sistemi ċentrali u lokali. Dan jirrappreżenta riskju fir-rigward tal-affidabbiltà tad-data tal-kontabbiltà.

KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI INTERNI

12.

Wara li twettqu valutazzjonijiet tar-riskji ta’ livell għoli minn konsulent estern fl-2012 u mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni fi Frar 2013, ġie identifikat għadd ta’ riskji kritiċi potenzjali fl-operat tal-kontrolli interni tal-Awtorità, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ġestjoni tad-data, tal-kontinwità tan-negozju u tas-sigurtà tal-IT. L-Awtorità bdiet awtovalutazzjoni komprensiva tas-sistema ta’ kontroll intern tagħha fl-2012. Il-proċess għadu għaddej u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi hija ppjanata għall-2013.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

13.

Il-livell kumplessiv ta’ approprjazzjonijiet impenjati kien ta’ 99 %. Madankollu, il-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati riportati għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) kien għoli f’livell ta’ EUR 2,3 miljun (22 % tal-approprjazzjonijiet tat-Titolu II) u għat-Titolu III (nefqa operazzjonali) f’livell ta’ EUR 5,6 miljun (30 % tal-approprjazzjonijiet tat-Titolu III). Għat-Titolu II, l-ammonti riportati li jammontaw għal EUR 1,1 miljun saru b’konformità mal-pjan ta’ ġestjoni tal-EFSA jew kienu relatati ma’ pagamenti sospiżi għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-Awtorità. Fil-każ tat-Titolu III, l-ammonti riportati ta’ EUR 2,1 miljun saru b’konformità mal-pjan ta’ ġestjoni tal-EFSA u ammont ta’ EUR 0,83 miljun kien riportat għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-Awtorità.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SENA PREĊEDENTI

14.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-17 ta’ Settembru 2013.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1,

(2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Awtorità. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-sena preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata / Għadha għaddejja / Pendenti / M/A)

2011

Dan l-għadd għoli ta’ trasferimenti fil-baġit jindika dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit u jmur kontra l-prinċipju tal-ispeċifikazzjoni.

Għadha għaddejja

2011

L-Awtorità xtrat bini ġdid għall-kwartieri ġenerali f’Diċembru 2011 għal EUR 36,8 miljun li se jitħallsu bin-nifs kull tliet xhur fuq 25 sena, li jfisser li l-pagamenti tal-interessi jammontaw għal EUR 18,5 miljun. Il-Qorti tistaqsi jekk setgħetx tinstab alternattiva iktar ekonomika mill-awtoritajiet baġitarji skont il-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba u li tiżgura rispett sħiħ tar-Regolament Finanzjarju.

Għadha għaddejja (Il-Kummissjoni ma aċċettatx li tipprovdi fondi addizzjonali biex jitħallas lura s-self kollu).

2011

Hemm lok għal titjib fit-trasparenza tal-proċedura tar-reklutaġġ. Il-mistoqsijiet għat-testijiet bil-kitba u għall-intervisti ġew stabbiliti wara li l-applikazzjoniijet kienu ġew eżaminati mill-bord tal-għażla u d-dikjarazzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u n-nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess ġew iffirmati biss mill-membri tal-bord tal-għażla, matul u mhux qabel l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-kandidati.

Għadha għaddejja (F’Marzu 2012 ġew stabbiliti linji gwida ġodda ta’ reklutaġġ biex jirrimedjaw dawn id-dgħufijiet fil-futur).


ANNESS II

Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (Parma)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

Ġbir ta’ informazzjoni

Il-politika agrikola komuni (L-Artikolu 38 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)).

L-Operazzjoni tas-Suq Intern (L-Artikolu 114 TFUE).

Is-saħħa pubblika (L-Artikolu 168 TFUE)

Il-politika kummerċjali komuni (L-Artikolu 206 TFUE).

Kompetenzi tal-Awtorità

(Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

Għanijiet

Li tipprovdi opinjonijiet xjentifiċi u appoġġ xjentifiku u tekniku għal-leġiżlazzjoni u l-politika li għandhom impatt dirett jew indirett fuq is-sigurtà tal-ikel u l-għalf;

li tipprovdi tagħrif indipendenti dwar ir-riskji relatati mas-sigurtà tal-ikel;

li tikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja umana u tas-saħħa;

li tiġbor u tanalizza d-data meħtieġa biex tippermetti l-karatterizzazzjoni u l-immonitorjar tar-riskji.

Xogħlijiet

Li toħroġ opinjonijiet u studji xjentifiċi;

li tippromwovi metodoloġiji uniformi tal-istima tar-riskju;

li tgħin lill-Kummissjoni;

li tfittex, tanalizza, u tqassar id-data xjentifika u teknika meħtieġa;

li tidentifika u tikkaratterizza riskji li joħorġu;

li tistabbilixxi netwerk ta’ organizzazzjonijiet li jaħdmu f’oqsma simili;

li tipprovdi għajnuna xjentifika u teknika fl-immaniġġjar ta’ kriżi;

li ttejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali;

li tipprovdi lill-pubbliku u lill-partijiet interessati b’tagħrif oġġettiv, ta' min jorbot fuqu u li jiftiehem faċilment;

li tieħu sehem fis-sistema ta’ allarm malajr tal-Kummissjoni.

Tmexxija

Bord tal-Amministrazzjoni

Kompożizzjoni

14-il membru maħtura mill-Kunsill (b’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni) u rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni.

Xogħol

Li jadotta l-programm tax-xogħol u l-baġit u jiżgura li jiġu implimentati.

Direttur Eżekuttiv

Maħtur mill-Bord tal-Amministrazzjoni abbażi ta’ lista ta’ kandidati proposti mill-Kummissjoni, wara seduta quddiem il-Parlament Ewropew.

Forum ta’ Konsulenza

Kompożizzjoni

Rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru.

Xogħol

Li jagħti konsulenza lid-Direttur Eżekuttiv.

Kumitat Xjentifiku u bordijiet xjentifiċi

Li jħejju l-opinjonijiet xjentifiċi tal-Awtorità.

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awditu intern

L-Unità tal-Awditjar Intern tal-EFSA.

Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

Awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Riżorsi disponibbli għall-Awtorità fl-2012 (2011)

Baġit

EUR 78,3 (78,8) miljun li minnhom 100 % (100 %) huma sussidju mill-Unjoni Ewropea.

Persunal fil-31 ta' Diċembru 2012

Postijiet fit-tabella tal-persunal: 355 (355), li minnhom hemm postijiet okkupati:

persunal (persunal temporanju u uffiċjali): 342 (334)

persunal ieħor (kuntrattwali, esperti nazzjonali sekondati): 124 (109).

Total tal-persunal (inklużi disa’ ittri ta’ offerta mibgħuta fil-31.12.2012): 466 (443), li minnhom għal:

dmirijiet operazzjonali: 383 (326)

dmirijiet amministrattivi: 83 (117).

Prodotti u servizzi fl-2012 (2011)

Prodotti xjentifiċi u pubblikazzjonijiet ta’ sostenn 2012 (2011)

Attività 1:   Għoti ta’ opinjonijiet xjentifiċi u konsulenza u approċċi għall-analiżi tar-riskju

Gwida tal-Kumitat Xjentifiku/Bord Xjentifiku: 4 (9)

Opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku/Bord Xjentifiku: 46 (38)

Rapport Xjentifiku tal-EFSA: 9 (3)

Dikjarazzjoni tal-EFSA: 2 (3)

Dikjarazzjoni tal-Kumitat Xjentifiku/Bord Xjentifiku: 4 (4)

Total tal-prodotti xjentifiċi għall-attività nru 1 = 65 (57)

Attività 2:   Evalwazzjoni ta’ prodotti, sustanzi u klejms soġġetti għal awtorizzazzjoni

Konklużjoni dwar l-Evalwazzjoni tal-Pestiċidi bejn il-Pari: 60 (54)

Gwida tal-EFSA: 0 (2)

Gwida tal-Kumitat Xjentifiku/Bord Xjentifiku: 7 (17)

Opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku/Bord Xjentifiku: 241 (298)

Rapport Xjentifiku tal-EFSA: 1 (1)

Dikjarazzjoni tal-Kumitat Xjentifiku/Bord Xjentifiku: 7 (9)

Dikjarazzjoni tal-EFSA: 4 (3)

Total tal-prodotti xjentifiċi għall-attività 2 = 320 (384)

Attività 3:   Ġbir ta’ Data, kooperazzjoni xjentifika u netwerking

Gwida tal-EFSA: 1 (3)

Dikjarazzjoni tal-EFSA: 4 (0)

Opinjoni Motivata: 114 (88)

Rapport Xjentifiku tal-EFSA: 12 (16)

Total tal-prodotti xjentifiċi għall-attività 3 = 131 (107)

Pubblikazzjonijiet ta’ Sostenn

Rapport dwar avvenimenti: 11 (8)

Rapport Xjentifiku Estern: 74 (37)

Rapport tekniku: 77 (65)

Total ta’ Pubblikazzjonijiet ta’ Sostenn = 162 (110)

Total ta' prodotti = 678 (658)

Opinjonijiet xjentifiċi appoġġati b’attivitajiet tal-komunikazzjoni: 9,5 % (35 %)

Konsultazzjonijiet pubbliċi: 39 (78)

Żjarat fuq il-websajt: 4,4 (3,5) miljun

Abbonati għar-rivista Highlights: 30 309(27 933)

Kopertura mill-midja: 9 194(9 397)

Mistoqsijiet mill-midja: 893 (1 086)

Stqarrijiet għall-istampa: 25 (15)

Artikli tal-Aħbarijiet fuq l-Internet: 60 (63)

Intervisti: 111 (126)

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Awtorità.


IT-TWEĠIBIET TAL-AWTORITÀ

11.

Ir-riskju msemmi mill-Qorti ma mmaterjalizzax fl-użu ta’ dejta mhux preċiża mill-Uffiċċju tal-Kontabilist tal-EFSA. Madankollu l-Awtorità se tintegra s-sistemi lokali tagħha fil-proċess ta’ validazzjoni mill-Kontabilist tagħha.

12.

Bħala parti mill-ġestjoni u l-proċeduri ta’ kontroll intern tagħha l-Awtorità twettaq valutazzjoniet tar-riskju ta’ livell għoli fuq bażi regolari sabiex tidentifika u tadotta miżuri adegwati ta’ mitigazzjoni għar-riskji potenzjali. Dan l-eżerċizzju huwa kontroll intern prinċipali stabbilit biex tiżdied il-probabilità li jinkisbu l-objettivi tal-Awtorità. L-Awtorità se tkompli ttejjeb tali approċċ preventiv ta’ ġestjoni bbażata fuq ir-riskju.

13.

L-Awtorità se tkompli ttejjeb il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-baġit sabiex iżżomm ir-riport konformi mal-objettivi tal-implimentazzjoni tal-baġit stipulati għal attivitajiet operazzjonali.