13.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 365/57


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija

2013/C 365/09

INTRODUZZJONI

1.

L-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi (minn hawn ’il quddiem "l-Aġenzija", magħrufa wkoll bħala l-"EAHC"), li tinsab fil-Lussemburgu, kienet imwaqqfa bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/858/KE (1) u emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/544/KE (2). L-Aġenzija kienet stabbilita għal perjodu li beda fl-1 ta’ Jannar 2005 u li jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2015 għat-tmexxija ta’ azzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa u tal-politika tal-konsumatur (3).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Aġenzija, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (4) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

Skont l-Artikoli 33 u 43 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (6), il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi:

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (7); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Aġenzija wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fihom huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Aġenzija fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi sorveljanza adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (8) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2012 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2012 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

11.

Mill-EUR 1,1 miljun riportati mill-2011, EUR 0,2 miljun (18 %) kienu kkanċellati fl-2012. Għalkemm dan huwa parzjalment relatat mad-diffikultajiet fit-tbassir tal-ispejjeż għal laqgħat ma’ parteċipanti esterni, livell għoli bħal dan jindika defiċit f’termini tal-ippjanar tal-baġit.

12.

Meta mqabbla mal-approprjazzjonijiet impenjati, ir-rati ta’ pagamenti tal-2012 huma sodisfaċenti għat-Titolu I u t-Titolu II f’livell ta’ 96 % u 84 % rispettivament. Madankollu, l-ammonti riportati għat-Titolu III huma f’livell ta’ EUR 1,1 miljun jew 47 % tal-approprjazzjonijiet impenjati tat-Titolu III. Għalkemm dan huwa parzjalment relatat mal-preżentazzjoni tardiva tal-klejms għall-ispejjeż għall-missjonijiet minn parteċipanti esterni għal-laqgħa, livell għoli bħal dan imur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SENA PREĊEDENTI

13.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-10 ta’ Settembru 2013.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 369, 15.12.2004, p. 73.

(2)  ĠU L 173, 3.7.2008, p. 27.

(3)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(5)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(6)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(7)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(8)  L-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-sena preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata / Għadha għaddejja / Pendenti / M/A)

2011

Għat-Titolu III – In-nefqa relatata man-nefqa operazzjonali, ammont ta’ EUR 0,8 miljun, jew 46 % tal-impenji mwettqa, ġie riportat għall-2012. Il-livell għoli ta’ ammonti riportati jmur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità.

Pendenti


ANNESS II

Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi (il-Lussemburgu)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(L-Artikoli 168 u 169 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

Il-livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa umana (tal-bniedem) għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni. L-azzjoni tal-Unjoni, li għandha tikkomplementa l-politika nazzjonali, għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, lejn il-prevenzjoni tal-mard u l-infirmità tal-bniedem, u li jiġu evitati l-fonti ta' periklu għas-saħħa tal-bniedem. Din l-azzjoni għandha tkopri l-ġlieda kontra l-flaġelli kbar tas-saħħa, billi tinkoraġġixxi riċerka fuq il-kawża tagħhom, it-tixrid tagħhom u l-prevenzjoni tagħhom, kif ukoll informazzjoni u edukazzjoni dwar is-saħħa. L-Unjoni għandha tikkomplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri fit-tnaqqis ta’ ħsara għas-saħħa marbuta mad-drogi, inkluża l-informazzjoni u l-prevenzjoni.

Sabiex tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u sabiex tassigura (tiżgura) livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-ħarsien tas-saħħa, is-sigurtà u interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, kif ukoll il-promozzjoni tad-dritt tagħhom għall-informazzjoni, l-edukazzjoni u l-organizzazzjoni tagħhom infushom sabiex iħarsu l-interessi tagħhom.

Kompetenzi tal-Aġenzija

Għanijiet

L-Aġenzija hija responsabbli għat-twettiq tal-ħidmiet ta’ implimentazzjoni għall-immaniġġjar tat-tieni Programm għas-Saħħa Pubblika 2008-2013 kif adottat bid-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE, il-Programm tal-Konsumaturi għall-2007-2013 kif adottat bid-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE u l-miżuri ta’ taħriġ għas-sigurtà tal-ikel koperti bir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttiva 2000/29/KE.

L-Aġenzija għandha wkoll timmaniġġja l-fażijiet kollha fil-perjodu tal-miżuri implimentattivi delegati lilha fil-qafas tal-programm ta’ azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika għall- 2003-2008, adottat bid-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Ħidmiet

Taħt il-programmi tal-Unjoni msemmija hawn taħt, l-Aġenzija hija responsabbli mill-implimentazzjoni tal-ħidmiet li ġejjin kif definiti fl-att ta’ delegazzjoni adottat fid-9 ta’ Settembru 2008 (1):

 

Il-Programm għas-Saħħa Pubblika 2003-2008 - Id-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE

 

Il-Programm għas-Saħħa Pubblika 2008-2013 - Id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE

 

Il-Programm tal-Konsumaturi għall-2007-2013 - Id-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE

 

Il-Miżuri ta’ Taħriġ dwar is-Sigurtà tal-Ikel - Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttiva 2000/29/KE:

(a)

Timmaniġġja l-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-proġetti (għal skopijiet ta’ monitoraġġ u tixrid, l-Aġenzija għandha tieħu l-passi neċessarji biex toħloq database tal-proġetti jew biex tkompli wieħed li diġà jeżisti, billi tinkorpora deskrizzjoni tal-proġett u r-riżultati finali).

(b)

Timmonitorja l-proġetti implimentati taħt dawn il-programmi u l-miżuri inklużi l-kontrolli neċessarji.

(c)

Tiġbor, tipproċessa u tqassam id-data u b’mod partikolari tiġbor, tanalizza u tgħaddi lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiggwida l-implimentazzjoni tal-programmi u l-miżuri tal-Unjoni, tippromwovi l-koordinazzjoni u s-sinerġija ma’ programmi oħra tal-Komunitajiet, tal-Istati Membri jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

(d)

Torganizza laqgħat, seminars, taħdidiet, u miżuri ta’ taħriġ.

(e)

Tgħin fl-evalwazzjoni tal-impatt tal-programm, b’mod partikolari fl-evalwazzjoni annwali u/jew ta’ nofs il-perjodu tal-implimentazzjoni tal-programmi, u fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ segwitu dwar l-evalwazzjonijiet deċiżi mill-Kummissjoni.

(f)

Ixxerred ir-riżultati tal-operazzjonijiet ta’ informazzjoni ppjanati u implimentati mill-Kummissjoni.

(g)

Tipproduċi data kumplessiva dwar il-kontroll u s-sorveljanza.

(h)

Tipparteċipa fil-ħidma ta’ tħejjija dwar deċiżjonijiet ta’ finanzjament.

Tmexxija

Kumitat ta’ Ġestjoni

Huwa magħmul minn ħames membri maħtura mill-Kummissjoni Ewropea. Il-membri tal-Kumitat ta’ Ġestjoni huma maħtura għal sentejn.

Huwa jadotta l-programm ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, huwa jadotta l-baġit amministrattiv tal-Aġenzija u r-rapport tal-attività annwali tagħha.

Direttur

Huwa maħtur mill-Kummissjoni Ewropea għal erba’ snin.

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew wara rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2012 (2011)

Baġit finali

Il-baġit amministrattiv tal-Aġenzija għall-2012 ammonta għal EUR 7,22 (7,04) miljun.

Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2012

Fil-31 ta’ Diċembru 2012, l-Aġenzija impjegat 50 (49) membru tal-persunal statutorju, inklużi 11-il (11-il) membru tal-persunal temporanju u 39 (38) membru tal-persunal kuntrattwali.

Prodotti u servizzi 2012

1.   Il-monitoraġġ tal-għotjiet tal-2005, tal-2006, tal-2007, tal-2008 u tal-2009 ipprovduti taħt il-Programm għas-Saħħa Pubblika 2003-2008 (PHP); jintemmu b’suċċess in-negozjati għal għotjiet taħt is-sejħiet għal proposti tal-2009, inklużi proġetti, għall-konferenzi, għotjiet operattivi, azzjonijiet konġunti; l-immaniġġjar tas-sejħa għal proposti tal-2011; u l-għoti ta’ kuntratti u għotjiet ta’ flus taħt is-sejħiet għal proposti tal-2008 u s-sejħiet għall-offerti taħt il-Programm tal-Konsumaturi għall-2007-2013 (CP); l-għoti ta’ proġetti taħt is-sejħa għall-offerti tal-2007, tal-2008 and tal-2009 taħt il-Miżuri ta’ Taħriġ dwar is-Sigurtà tal-Ikel.

2.   Il-programm ta’ ħidma PHP

Is-sejħa għal proposti tal-2012 tnediet fit-8 ta’ Diċembru 2011 u għalqet fid-9 ta’ Marzu 2012. Hija ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE (2) u fuq is-siti tal-EAHC (3) u tal-Ewropa.

Il-proposti għal proġetti: 16 minn 84 proposta għal proġetti evalwati (19,5 %) kienu rrakkomandati għal total ta’ EUR 13 312 116 tal-kofinanzjament tal-UE.

Il-proposti għal konferenzi: 7 minn 41 proposta għal konferenzi (17 %) kienu rrakkomandati għall-finanzjament li jammonta għal EUR 599 097.

Il-proposti għal għotjiet operattivi: 19 minn 40 proposta għal għotjiet operattivi (47,5 %) kienu rrakkomandati għall-kofinanzjament totali tal-UE b’ammont ta’ EUR 4 330 590.

L-Azzjonijiet Konġunti: Il-ħames proposti għal azzjonijiet konġunti sottomessi kienu rrakkomandati għall-kofinanzjament tal-UE b’ammont ta’ EUR 8 941 660.

Il-listi ta’ riżerva jinkludu ħames proġetti, żewġ proposti għal konferenzi u żewġ proposti għal għotjiet operattivi. Dawn jistgħu jkunu eliġibbli għall-kofinanzjament totali tal-UE b’ammont ta’ EUR 4 540 962, EUR 90 000 u EUR 273 754 rispettivament.

Tliet sejħiet għall-offerti, inkluża waħda għal kuntratt qafas dwar is-sigurtà tas-saħħa, proċedura waħda negozjata u 10 talbiet għas-servizzi kienu ppubblikati fl-2012.

Billi l-parti l-kbira tal-kuntratti kienu konklużi fit-tieni nofs tal-2012, il-ħidma dwarhom bdiet lejn tmiem is-sena. L-EAHC ospitat laqgħa ta’ tnedija għal kull kuntratt u ssorveljat mill-qrib it-twettiq, b’koordinazzjoni mad-DĠ SANCO.

3.   Il-programm ta’ ħidma CP

Fl-2012, fi ħdan il-qafas tal-Programm tal-Konsumaturi, l-Aġenzija nediet seba’ sejħiet għal proposti.

L-Aġenzija kkofinanzjat 64 għotja, li taw l-opportunità lill-uffiċjali ta’ infurzar minn diversi Stati Membri biex jikkondividu l-esperjenzi u t-tagħrif dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/95/KE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti u tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur.

Fi ħdan il-qafas tas-Sejħa tal-GPSD, l-EAHC kkofinanzjat proġett għall-iskambju u l-implimentazzjoni tal-aqwa prattiki bejn l-Istati Membri, u b’hekk tittejjeb il-kooperazzjoni transkonfinali u tiżdied is-sigurtà tal-prodotti tal-konsumatur. L-għan prinċipali tagħha huwa li żżid is-sigurtà tal-prodott tal-konsumatur fi ħdan il-grupp ta’ prodotti li ġejjin: oġġetti għall-indukrar tat-tfal, nanoteknoloġija u kożmetiċi, qfieli u lazzijiet, slielem u detetturi tal-monossidu tal-karbonju (CO) u tad-duħħan.

Fir-rigward tal-azzjonijiet konġunti tas-CPC (Klassifikazzjoni Ċentrali tal-Prodott), l-EAHC ikkofinanzjat żewġ proġetti. L-ewwel waħda twettaq attivitajiet sabiex tiżviluppa fehim kondiviż dwar il-liġijiet ta’ kummerċ elettroniku. It-tieni azzjoni konġunta tas-CPC tiżviluppa attivitajiet li jiffokaw fuq il-“kundizzjonijiet inġusti f’kuntratti konklużi minn konsumaturi”.

Fl-2012 l-Aġenzija ffirmat għotjiet speċifiċi mal-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BEUC) u l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Koordinazzjoni tar-Rappreżentazzjoni tal-Konsumaturi fl-Istandardizzazzjoni (ANEC).

Il-kofinanzjament tal-BEUC se jikkontribwixxi biex jippromwovi aktar l-interessi tal-konsumaturi Ewropej fil-proċess tal-politika tal-UE bħala akkwirenti jew utenti tal-prodotti u s-servizzi.

L-appoġġ finanzjarju mogħti lill-ANEC jiżgura r-rappreżentazzjoni u d-difiża tal-interessi tal-konsumatur fil-proċess tal-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni.

Problemi prattiċi tal-konsumatur bħal kwalità ta’ prodott jew servizz, konsenja tardiva ta’ prodott minn barra l-pajjiż jew kundizzjonijiet inġusti f’kuntratt huma fost il-kwistjonijiet ittrattati kuljum mill-ECC (Ċentru Ewropew tal-Konsumatur) f’29 pajjiż. Fl-2012, l-ECC-Net ittratta aktar minn 72 000 kuntratt b’konsumaturi li esperjenzaw problema transkonfinali. B’kollox, l-ECC-net ghenet lil konsumaturi f’madwar 416 000 każ mill-ħolqien tagħha fl-2005. Fl-2012, l-EAHC nediet Sejħa għal Proposti li tikkonċerna l-kontribuzzjoni finanzjarja lill-ECCs għall-attivitajiet tagħhom matul l-2013 u kkonkludiet 29 ftehimiet ta’ għotja.

Fi ħdan il-qafas tal-Programm tal-Konsumaturi fl-2012 l-Aġenzija nediet 2 sejħiet għall-offerti u 11-il talba għal servizzi speċifiċi.

Dolceta huwa għodda għall-edukazzjoni online, żviluppata fi ħdan il-kuntest tal-Programm tal-Konsumaturi tal-UE. Fl-2012, l-aġenzija nediet 2 talbiet għal servizzi, waħda għandha l-għan li tippromwovi s-sit il-ġdid u tarrikkixxi l-kwalità tal-kontenut tiegħu u oħra għandha l-għan li żżomm u tospita dik eżistenti u tiżgura l-manutenzjoni tas-sit u l-ospitar u l-modernizzazzjoni tas-sit il-ġdid għas-sena li ġejja.

Matul l-2012 ġiet żviluppata pjattaforma interattiva ġdida għall-għalliema fl-iskejjel sekondarji biex tieħu post is-sit eżistenti Dolceta. Il-pjattaforma interattiva ġiet stabbilita wara analiżi tal-ħtiġijiet tal-għalliema f’termini ta’ kontenut, fatturi, markar tad-ditta u disinn. Is-sit huwa mistenni li jiġi mniedi f’Marzu 2013.

Matul l-2012, l-EAHC iffirmat three 3 kuntratti speċifiċi fl-implimentazzjoni tal-kuntratt qafas dwar l-istudji tas-swieq tal-konsumatur. L-ewwel kuntratt għandu l-għan li janalizza jekk is-suq tal-karburanti hux qed jaħdem għall-konsumaturi u jekk il-konsumaturi humiex kapaċi jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar ix-xiri. It-tieni kuntratt se jesplora sa liema limitu l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni volontarja u ta’ awtodikjarazzjoni li huma preżenti fuq prodotti tal-ikel huma konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli. It-tielet studju tas-swieq huwa li jipprovdi informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-preżenza ta’ klejms ħodor (green claims) fis-suq uniku għal prodotti mhux tal-ikel

Bil-għan li tiġi żviluppata data biex tgħin lill-Kummissjoni tifhem aħjar, timmonitorja u tikkunsidra l-interess tal-konsumaturi fis-suq intern, l-Aġenzija ffirmat kuntratt biex twettaq stħarriġ dwar il-monitoraġġ tas-suq ta’ 52 suq tal-konsumatur f’27 Stat Membru, fil-Kroazja, fin-Norveġja u fl-Islanda. Ir-riżultati ta dan l-istħarriġ se jkunu analizzati u r-rakkomandazzjonijiet tal-politika se jkunu identifikati sabiex jirrimedjaw in-nuqqasijiet detetti jew b’rabta mal-funzjonament tas-suq uniku jew fir-rigward tal-abbiltà tal-konsumaturi biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati.

Fl-2012, l-EAHC immonitorjat l-implimentazzjoni tal-kuntratti qafas multipli biex tinfetaħ mill-ġdid il-kompetizzjoni għall-provvista ta’ studji ekonomiċi dwar l-imġieba għall-EAHC, għad-DĠ SANCO u Servizzi oħra tal-Kummissjoni (DĠ JUST u DĠ CLIMA).

B’mod speċifiku, l-EAHC nediet tliet talbiet għall-konklużjoni ta’ studji bħal dawn fl-oqsma li ġejjin: Tariffi Multilaterali tal-Interkambju għal Karti ta’ Kreditu; logħob tal-azzard online u miżuri adegwati għall-protezzjoni tal-konsumaturi ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard u skrins ta’ informazzjoni ta’ sostenibbiltà online dwar l-imġieba ta’ xiri intelliġenti fil-punt tax-xiri (Eco-Search).

L-EAHC ħadmet fuq it-tħejjija ta’ proġett ġdid dwar il-bini tal-kapaċità għall-organizzazzjonijiet tal-konsumatur. L-EAHC nediet Sejħa miftuħa għall-konklużjoni ta’ FWC (kuntratt qafas) għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ta’ taħriġ, inkluż l-e-learning multilingwu and l-iżvilupp ta’ pjattaforma fuq l-Internet; studju għall-valutazzjoni ta’ ħtiġijiet ta’ taħriġ tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fl-Ewropa kien ikkuntrattat f’Awwissu. Ir-riżultati finali tiegħu se jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-proġett il-ġdid.

4.   Il-programm ta’ ħidma BTSF

L-EAHC hija responsabbli issa għall-implimentazzjoni ta’ kważi l-attivitajiet kollha tal-BTSF (Programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel), b’taħriġ biss dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati li għadu mmaniġġat mid-DĠ SANCO. Minkejja l-espansjoni tal-firxa ta’ korsijiet offruti, l-EAHC irnexxielha tkisser l-ostakolu ta’ sodisfazzjoni tal-parteċipant ta’ 85 % sena qabel iż-żmien skedat. Barra minn hekk, il-valutazzjoni interim riċenti tal-BTSF turi li aktar minn 96 % tal-parteċipanti jħarsu lejn it-tagħrif miksub mit-taħriġ bħala ta’ benefiċċju għall-ħidma ta’ kuljum tagħhom.

Fl-2012, madwar 6 300 parteċipant, il-parti l-kbira tagħhom uffiċjali tal-Istati Membri, kienu mħarrġa f156 sessjoni ta’ ħidma u missjonijiet għat-taħriġ. Il-maġġoranza tal-programmi kienu bbażati fuq l-UE. Oħrajn kienu għal pajjiżi terzi, b’taħriġ immirat lejn parteċipanti mir-reġjuni tad-dinja fejn saru l-avvenimenti.

Żvilupp importanti fl-2012 kien l-estensjoni tal-mandat tal-EAHC (4) biex tippermettilha tuża sorsi tal-fondi taħt il-linji baġitarji tad-DĠ TRADE u d-DĠ DEVCO għall-attivitajiet tal-BTSF minbarra dawk previsti mill-bażi legali tal-BTSF (5). Dan wassal għall-pubblikazzjoni tal-ewwel Sejħa għall-Offerti għal programm ġdid biex ikun immaniġġat mill-EAHC bil-għan li jippermetti lill-pajjiżi mhux tal-UE li jipparteċipaw b’mod aktar effettiv f’entitajiet li jistabbilixxu standards internazzjonali (ISSB).

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Settembru 2008 - li tiddelega s-setgħat lill-Aġenzija.

(2)  ĠU C 358, 8.12.2011, http://ec.europa.eu/eahc/documents/health/calls/2012/WP_2012_mt_for_projects.pdf.

(3)  http://ec.europa.eu/eahc/health/projects.html.

(4)  Ara d-Deċiżjoni C(2012) 8448 COM ta’ implimentazzjoni.

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttiva 2000/29/KE.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija.


IT-TWEĠIBA TAL-AĠENZIJA

11.

L-Aġenzija ħadet nota tal-osservazzjonijiet tal-Qorti. Qegħdin isiru sforzi kontinwi, li rriżultaw fi tnaqqis bin-nofs (e.g. minn 36 % għal 18 %) tal-perċentawl ta’ riporti minħabba kanċellamenti, matul il-perjodu 2009-2012. Din il-prassi pożittiva għandha tissaħħaħ aktar fis-snin li ġejjin, permezz ta’ ppjanar aħjar u monitoraġġ tal-azzjonijiet skont it-Titolu III tal-baġit.

12.

L-Aġenzija għandha barra minn hekk ittejjeb l-eżekuzzjoni tal-baġit, bil-ħsieb li tkompli żżid l-eżekuzzjonijiet tal-ħlas ta’ Titolu III tal-baġit, u għaldaqstant tnaqqas il-perċentwal tal-approprjazzjonijiet ta’ ħlas riportati għas-sena ta’ wara. Il-kuntratturi għandhom jintalbu b’mod attiv biex joħorġu fatturi fil-pront, fi żmien sena kalendarja, meta jkun xieraq.