10.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 6/56


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

2013/C 6/07

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (Impriża Konġunta FCH), li tinsab fi Brussell, twaqqfet f’Mejju 2008 (1) għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2017.

2.

L-objettivi tal-Impriża Konġunta FCH jinkludu l-appoġġ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni fl-Istati Membri u pajjiżi assoċjati mas-Seba’ Programm Kwadru (2) b’mod koordinat flimkien ma’ organizzazzjonijiet tal-industrija u tar-riċerka sabiex tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet tas-suq u b’hekk tiffaċilita sforzi industrijali addizzjonali lejn utilizzazzjoni mgħaġġla tat-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu (3).

3.

Il-Membri tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, in-New Energy World Industry Grouping (NEW-IG) u l-Komunità tar-riċerka (N.ERGHY).

4.

Il-kontribuzzjoni massima tal-UE lill-Impriża Konġunta FCH biex tkopri l-ispejjeż ta’ ġestjoni u l-attivitajiet tar-riċerka hija ta’ EUR 470 miljun iffinanzjati mill-baġit tas-Seba’ Programm Kwadru, li minnha l-proporzjon assenjat għal spejjeż ta’ ġestjoni m’għandux ikun aktar minn EUR 20 miljun. NEW-IG għandu jikkontribwixxi 50 % tal-ispejjeż ta’ ġestjoni u N.ERGHY għandha tikkontribwixxi 1/12 tal-ispejjeż ta’ ġestjoni u għandha tikkontribwixxi għall-ispejjeż operazzjonali permezz ta’ kontribuzzjonijiet in natura  (4) li jkunu għall-anqas ekwivalenti għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

5.

L-Impriża Konġunta ngħatat l-awtonomija finanzjarja tagħha fil-15 ta’ Novembru 2010.

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

6.

L-approċċ tal-verifika meħud mill-Qorti fih proċeduri tal-verifika analitiċi, ittestjar tat-tranżazzjonijiet fil-livell tal-Impriża Konġunta u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Impriża Konġunta. Dan huwa supplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn huwa relevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

7.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (5) tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu, li jikkonsistu fir-“rapporti finanzjarji” (6) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (7) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011, u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

8.

Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (8).

Ir-responsabbiltà tal-Maniġment

9.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (9). Id-Direttur huwa responsabbli milli jistabbilixxi (10) l-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ kontroll interni relevanti għat-tħejjija ta’ kontijiet finali (11) li jkunu ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba fi frodi u sew jekk minħabba xi żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Awditur

10.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.

11.

Il-Qorti mexxiet l-awditu (verifika) tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (Verifika) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-ISSAI (12). Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tkun konformi mar-rekwiżiti etiċi u professjonali u li tippjana u twettaq l-awditu (verifika) biex tikseb aċċertament (assigurazzjoni) raġonevoli dwar jekk il-kontijiet ikunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

12.

L-awditu (verifika) tal-Qorti jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar (verifika) dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet (żvelar) fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula, inkluża l-valutazzjoni tagħha tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet jew ta’ tranżazzjonijiet illegali jew irregolari, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball, jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditjar (verifika) tagħha. Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqiesu l-kontrolli interni relevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet mill-entità sabiex jitfasslu l-proċeduri tal-awditjar (verifika) li jkunu xierqa skont iċ-ċirkostanzi. L-awditu (verifika) tal-Qorti jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi li jkunu qed jiġu applikati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi magħmula mill-maniġment, kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

13.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar (verifika) miksuba hija suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet imniżżlin hawn taħt.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

14.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2011 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus (likwidità) tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji tagħha.

Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

15.

Strateġija tal-verifika ex post kienet adottata mill-Bord ta’ Tmexxija f’Jannar 2011 u hi kontroll ewlieni għall-valutazzjoni tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (13). Tmienja biss minn tnax-il verifika ex post kienu kkompletati sa Settembru 2012 li jkopru EUR 4,8 miljun (27 % tal-klejms kollha għall-ispejjeż irċevuti mill-Impriża Konġunta FCH fl-2011). Sitta mill-verifiki ma ppreżentawx żbalji materjali imma t-tnejn l-oħra qabdu żbalji sinifikanti (14), li l-akbar fosthom (EUR 764 000) ġie kkoreġut fis-sena ta’ wara.

Opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

16.

Fl-opinjoni tal-Qorti, għajr għall-effetti tal-kwistjonijiet deskritti fil-paragrafu 15, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

17.

Il-kummenti li jsegwu fil-paragrafi 18 sa 27 ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit

18.

Il-baġit finali 2011 inkluda approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament li ammontaw għal EUR 117-il miljun u EUR 60 miljun rispettivament. Ir-rati ta’ utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament disponibbli kienu 99,8 % u 87,9 % rispettivament. Ammont ta’ EUR 112-il miljun li jirrappreżenta approprjazzjonijiet ta’ impenn disponibbli għal attivitajiet operazzjonali (it-Titolu III tal-baġit) kien implimentat permezz ta’ impenn globali relatat mas-sejħa għal proposti 2011.

19.

Il-proċedura baġitarja msemmija fir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta FCH (15) ma kinitx segwita; id-deroga mogħtija mill-Kummissjoni sabiex jiddaħħlu approprjazzjonijiet ikkanċellati fl-estimi tad-dħul u l-infiq għat-tliet snin ta’ wara kienet interpretata ħażin. L-Impriża Konġunta għażlet li tuża approprjazzjonijiet ta’ pagament li jammontaw għal EUR 3,3 miljun (16) (li jirrappreżentaw approprjazzjonijiet ta’ pagament riportati mill-2010 għall-2011) ukoll jekk EUR 6,3 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament awtorizzati għas-sena finanzjarja attwali kienu għadhom disponibbli (17). B’konsegwenza tal-interpretazzjoni tal-proċedura baġitarja mill-Impriża Konġunta FCH, ir-riżultat baġitarju tas-sena mhuwiex korrett, minħabba li EUR 6,3 miljun (18) f’approprjazzjonijiet ta’ pagament riportati mill-2011 għall-2012 ma ġewx inklużi fil-kalkolu. Barra minn hekk, il-kont tar-riżultat baġitarju għall-2010 ma jirriflettix it-EUR 3,3 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament riportati mill-2010 għall-2011.

20.

Impenji globali mhux użati mill-2010 li ammontaw għal EUR 10,4 miljun u bid-data finali ta’ implimentazzjoni tal-31 ta’ Diċembru 2011, ma kinux diżimpenjati sa tmiem l-2011 imma kienu diżimpenjati f’Jannar 2012.

Sejħiet għal proposti

21.

Is-sejħiet għal proposti organizzati fl-2008, l-2009 u l-2010 rriżultaw fi ftehimiet ta’ għotja ffirmati li ammontaw għal total ta’ EUR 183,4 miljun (19), u fl-2011 tnediet ir-raba’ sejħa għal proposti li ammontat għal EUR 111,6 miljun, li tirrappreżenta 41 % u 25 % rispettivament tal-kontribuzzjoni massima tal-UE lill-Impriża Konġunta għal attivitajiet ta’ riċerka (20). L-evalwazzjoni tas-sejħa kienet finalizzata fl-2011 u l-proġetti magħżula bħalissa jinsabu fil-proċess ta’ negozjati. F’Jannar 2012 tnediet il-ħames sejħa għal proposti li ammontat għal EUR 79 miljun, 18 % oħra tal-kontribuzzjoni massima tal-UE. Dan juri progress sodisfaċenti fl-implimentazzjoni tal-baġit.

KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI EWLENIN TAS-SISTEMI TA’ SORVELJANZA U KONTROLL TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

22.

Fi tmiem l-2011, il-proċessi ta’ negozju ta’ bażi kienu ġew ivvalidati mill-Uffiċjal tal-Kontabilità (21) kif mitlub mir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta. Fir-rapport tagħha, għadd ta’ dgħufijiet (22) ġew identifikati u se jiġu segwiti mill-Uffiċjal tal-Kontabilità fl-2012.

Valutazzjoni annwali tal-livell tal-kontribuzzjoni in natura

23.

Il-metodu għall-evalwazjoni tal-livell ta’ kontribuzzjoni in natura  (23) ġie ffinalizzat (24) u kien ivvalutat b’mod konġunt mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) u l-Kapaċità tal-Awditjar Intern (IAC) f’April 2012 (25). Il-livell aggregat tal-kontribuzzjonijiet in natura vvalidati mill-Uffiċjal li Jawtorizza fit-8 ta’ Frar 2012 (id-data ta’ skadenza użata għat-tħejjija tal-Kontijiet Proviżorji 2011) kien ta’ EUR 347,6 miljun. Ir-rapport ta’ valutazzjoni kkonkluda li dan l-ammont għandu jitnaqqas b’EUR 0,93 miljun (26) (jew 0,3 %).

Immaniġġjar tat-teżor

24.

Fi tmiem Diċembru 2011 il-bilanċ fil-kont tal-bank tal-Impriża Konġunta FCH kien ta’ EUR 9,2 miljun (27). Bejn ix-xhur ta’ Awwissu 2011 u Diċembru 2011 il-bilanċ tal-flus tal-Impriża Konġunta FCH varja minn bejn wieħed u ieħor EUR 30 miljun sa EUR 60 miljun. L-Impriża Konġunta mistennija timplimenta l-miżuri kollha neċessarji biex timminimizza l-bilanċi tal-flus miżmuma akkont għal-livelli li huma meħtieġa.

KWISTJONIJIET OĦRAJN

Segwitu tal-osservazzjonijiet preċedenti

25.

Matul l-2011, l-Impriża Konġunta stabbilixxiet Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju u għamlet progress fil-formalizzazzjoni tal-politiki ta’ sigurtà tal-IT. Il-Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju inkluż pjan ta’ rkupru minn diżastru ġie adottat mill-Impriża Konġunta FCH fit-12 ta’ Ġunju 2012.

26.

Ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta għadhom ma ġewx emendati sabiex jinkludu d-dispożizzjoni li tirreferi għas-setgħat tal-Awditur Intern tal-Kummissjoni (28).

27.

Il-Ftehim mal-Istat Ospitanti (29) bejn l-Impriża Konġunta u l-awtoritajiet Belġjani dwar spazji għall-uffiċċji, privileġġi u immunitajiet u appoġġ ieħor li għandu jingħata ġie ffirmat fit-3 ta’ Frar 2012.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-13 ta’ Novembru 2012.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008 tat-30 ta’ Mejju 2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (ĠU L 153, 12.6.2008, p. 1).

(2)  Is-Seba’ Programm Kwadru, adottat bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1), jiġbor flimkien l-inizjattivi kollha tal-UE relatati mar-riċerka, taħt saqaf wieħed, u jaqdi rwol kruċjali fl-ilħuq tal-għanijiet ta’ tkabbir, kompetittività u impjiegi. Huwa wkoll pilastru ewlieni għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(3)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi, l-attivitajiet u r-riżorsi disponibbli tal-Impriża Konġunta. Huwa jiġi ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(4)  Skont l-Artikolu 12(3) tal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 521/2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta, li jistipula li l-“ispejjeż operattivi tal-Impriża Konġunta FCH għandhom jiġu koperti permezz tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, u permezz tal-kontribuzzjonijiet (in natura) mill-entitajiet legali l-oħra li jipparteċipaw fl-attivitajiet. Il-kontribuzzjoni mill-entitajiet legali parteċipanti għandha mill-inqas tikkorrispondi mal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.”

(5)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li jagħti inter alia kont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet b’sommarju tal-informazzjoni dwar it-trasferimenti tal-approprjazzjonijiet bejn il-partiti varji tal-baġit.

(6)  Ir-‘rapporti finanzjarji’ jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rapport tat-tibdil fl-attivi netti u n-noti għar-rapporti finanzjarji li jinkludu deskrizzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(7)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit, ir-rikonċiljazzjoni tiegħu mal-kont tar-riżultat ekonomiku u rapport dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit fl-2011.

(8)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(9)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(10)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(11)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-korpi tal-UE huma stabbiliti fil-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002, kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23), u huma integrati hekk fir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta FCH.

(12)  Il-Federazzjoni Internazzjoni tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

(13)  L-Artikolu 12(4) tar-Regolament (KE) Nru 521/2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta jiddikjara li “L-Impriża Konġunta FCH għandha twettaq verifiki fuq il-post u verifiki finanzjarji fost il-benefiċjarji tal-finanzjament pubbliku mill-Impriża Konġunta FCH.” Verifiki ex post jistgħu jidentifikaw nefqiet ineliġibbli kklejmjati mill-benefiċjarji li huma mbagħad suġġetti għal proċeduri ta’ rkupru.

(14)  Sakemm il-verifiki li jkun għad fadal ikunu ġew ikkompletati, mhuwiex xieraq li tiġi kkalkulata rata ta’ żball.

(15)  L-Artikolu 10 tar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta FCH jiddikjara li approprjazzjonijiet li ma jkunux intużaw fi tmiem is-sena finanzjarja li għaliha jkunu ddaħħlu għandhom jiġu kkanċellati. Fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-Impriża Konġunta, l-approprjazzjonijiet ikkanċellati jistgħu jiddaħħlu fl-estimi tad-dħul u l-infiq sa mhux aktar mit-tliet snin finanzjarji segwenti, f'konformità mal-Artikolu 27.

Madankollu, permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija meħuda mhux iktar tard mill-15 ta’ Frar, huma jistgħu jiġu riportati biss għas-sena finanzjarja li jkun imiss.

(16)  EUR 3,3 miljun ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament mhux użati għal attivitajiet operazzjonali mill-2010 ddaħħlu fil-baġit permezz tat-tieni emenda tal-baġit adottata mill-Bord ta’ Tmexxija fit-22 ta’ Novembru 2011.

(17)  L-Artikolu 10(4) tar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta FCH jiddikjara li l-Impriża Konġunta FCH għandha l-ewwel tuża l-approprjazzjonijiet awtorizzati għas-sena finanzjarja attwali u ma għandhiex tuża l-approprjazzjonijiet riportati sakemm tal-ewwel ma jkunux ġew eżawriti.

(18)  Fil-kontijiet annwali proviżorji għas-sena finanzjarja 2011 hu ddikjarat li approprjazzjonijiet ta’ pagament mhux użati mill-operazzjonijiet tal-2011 (EUR 6 267 731) […] jiġu riattivati (riportati) fil-baġit 2012 tal-Impriża Konġunta FCH permezz ta’ emenda tal-baġit […] (Il-kontijiet annwali proviżorji tal-Impriża Konġunta FCH għas-sena finanzjarja 2011, p. 42).

(19)  L-approprjazzjonijiet ta’ impenn jinkludu wkoll l-kontribuzzjonijiet tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li jammontaw għal 2,4 % minn pajjiżi assoċjati mas-Seba’ Programm Kwadru.

(20)  Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 521/2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta FCH u l-Artikolu 12 tal-Anness tiegħhu, il-kontribuzzjoni massima tal-UE li tkopri l-ispejjeż ta’ ġestjoni u l-attivitajiet ta’ riċerka tal-Impriża Konġunta għandha tkun ta’ EUR 470 miljun, li minnha l-kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta’ ġestjoni ma għandhiex tkun aktar minn EUR 20 miljun. Jekk parti mill-kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta’ ġestjoni ma tkunx użata, din tista' ssir disponibbli għall-attivitajiet ta’ riċerka.

(21)  L-Artikolu 43(e) tar-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta FCH jistipula li l-Uffiċjal tal-Kontabilità għandu jkun responsabbli għall-istabbiliment u l-validazzjoni tas-sistemi kontabilistiċi.

(22)  Eżempji ta’ dgħufijiet identifikati jinkludu l-ħtieġa li jiġi stabbilit u miżmum reġistru eżawrjenti ta’ impenji legali u l-ħtieġa ta’ iktar segwitu effettiv u sorveljanza tal-implimentazzjoni rapida u korretta ta’ emendi għal impenji legali.

(23)  Kontribuzzjonijiet in natura huma l-ispejjeż eliġibbli li jkunu ġarrbu l-entitajiet legali parteċipanti fl-attivitajiet li mhumiex rimborżati mill-Impriża Konġunta FCH (metodoloġija tal-Impriża Konġunta FCH għal kontribuzzjonijiet in natura).

(24)  L-Artikolu 12(7) tal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 521/2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta FCH jistipula li “(I)l-metodoloġija għall-evalwazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura għandha tiġi ddefinita mill-Impriża Konġunta FCH f’konformità mar-regoli finanzjarji u bbażata fuq ir-Regoli għall-Parteċipazzjoni tas-Seba’ Programm Kwadru.”

(25)  L-Artikolu 12(7) tal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 521/2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta FCH jistipula li l-valutazzjoni għandha titwettaq kull sena finanzjarja minn ‘awditur indipendenti’ u r-riżultati għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni fi żmien erba’ xhur mit-tmien ta’ kull sena finanzjarja.

(26)  L-aġġustament jirriżulta minn tmien proġetti tas-sejħiet għal proposti 2008, fejn ċerti parteċipanti kienu ppreżentaw l-ispejjeż ibbaġitjati tagħhom abbażi ta’ sistema ta’ rata fissa ta’ 60 % għall-kalkolu ta’ spejjeż indiretti minflok ir-rata fissa ta’ 20 % applikabbli għall-Impriża Konġunta FCH (Valutazzjoni annwali tal-livell ta’ kontribuzzjonijiet in natura – Rapport finali).

(27)  Il-bilanċ tal-flus fi tmiem l-2010 ammonta għal EUR 5 miljun.

(28)  Il-paragrafu 20 tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali 2010 tal-Impriża Konġunta FCH (ĠU C 368, 16.12.2011, p. 40).

(29)  Il-paragrafu 20 tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali 2010 tal-Impriża Konġunta FCH.


ANNESS

L-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu

Il-kompetenzi u l-attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

L-Artikoli 187 u 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE dwar is-Seba' Programm Kwadru – tipprovdi għal kontribut tal-Unjoni għall-istabbiliment ta’ sħubiji pubbliċi-privati fit-tul f'forma ta’ Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti li jistgħu jkunu implimentati permezz ta’ Impriżi Konġunti skont it-tifsira tal-Artikolu 187 tat-TFUE.

Il-kompetenzi tal-Impriża Konġunta

(Ir-Regolament (KE) Nru 521/2008 kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1183/2011)

L-objettivi

L-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru u b'mod partikolari t-temi tal-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni” għal “Enerġija”, “Nanoxjenzi, Nanoteknoloġiji, Materjali u Teknoloġiji Ġodda tal-Produzzjoni”, “Ambjent (inkluża l-Bidla fil-Klima)”, u “Trasport (inkluża l-Aeronawtika)”.

B'mod partikolari, hi għandha:

(a)

timmira li tpoġġi l-Ewropa fuq quddiem nett tat-teknoloġiji dinjija dwar iċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu u tippermetti lit-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu jippenetraw fis-suq, b'hekk tippermetti lill-forzi tas-suq kummerċjali jmexxu 'l quddiem il-benefiċċji pubbliċi potenzjali sostanzjali;

(b)

tappoġġa r-Riċerka, l-Iżvilupp teknoloġiku u d-Dimostrazzjoni (minn hawn 'il quddiem imsejħa RTD) fl-Istati Membri u pajjiżi assoċjati mas-Seba' Programm Kwadru (minn hawn 'il quddiem imsejħa Pajjiżi Assoċjati) b'mod koordinat biex tegħleb il-falliment fis-suq u tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet tas-suq u b'hekk tiffaċilita sforzi industrijali addizzjonali lejn utilizzazzjoni mgħaġġla tat-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu;

(c)

tappoġġa l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet RTD tal-JTI dwar iċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu, notevolment bil-ħruġ ta’ għotjiet wara sejħiet kompetittivi għall-proposti;

(d)

timmira li tħeġġeġ iktar investiment pubbliku u privat fir-riċerka tat-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu fl-Istati Membri u l-Pajjiżi assoċjati.

Il-kompiti

(a)

li tiżgura l-istabbiliment u t-tmexxija effiċjenti tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar iċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu;

(b)

li tintlaħaq il-massa kritika tal-isforz tar-riċerka biex titnissel il-fiduċja fl-industrija, fl-investituri pubbliċi u privati, f'dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-partijiet interessati oħra sabiex jidħlu għal programm fit-tul;

(c)

li tirrendi l-investiment industrijali, nazzjonali u reġjonali fl-RTD aktar effettiv;

(d)

li jiġu integrati r-RTD, u jiffukaw fuq il-ksib ta’ sostenibbiltà fit-tul u miri kompetittivi industrijali dwar l-ispejjeż, ir-rendiment u d-durabbiltà u jingħelbu l-ostakli teknoloġiċi kritiċi;

(e)

li tistimola l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ katini ġodda ta’ valur inklużi l-SMEs;

(f)

li tiffaċilita l-interazzjoni bejn l-industrija, l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka inkluża dik dwar riċerka bażika;

(g)

li tippromwovi l-involviment ta’ SMEs fl-attivitajiet tagħha, f'konformità mal-objettivi tas-Seba' Programm Kwadru;

(h)

li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ istituzzjonijiet minn kull Stat Membru u pajjiż assoċjat;

(i)

li twettaq riċerka soċjo-tekniko-ekonomiku fil-wiesgħa biex tivvaluta u timmonitorja l-progress teknoloġiku u l-ostakoli mhux tekniċi għad-dħul fis-suq;

(j)

li twettaq riċerka li ssostni l-iżvilupp ta’ regolamenti u standards ġodda u tirrevedi regolamenti u standards eżistenti sabiex telimina l-ostakoli artifiċjali għad-dħul fis-suq u tappoġġa l-interkambjabbiltà, l-interoperabbiltà, il-kummerċ tal-idroġeni bejn il-fruntieri, u s-swieq tal-esportazzjoni waqt li tiżgura s-sigurtà tal-operat u mhux ixxekkel l-innovazzjoni;

(k)

li twettaq attivitajiet ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni, u biex tipprovdi informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha sabiex ittejjeb l-għarfien pubbliku u toħloq aċċettazzjoni pubblika dwar is-sigurtà tal-idroġenu, u l-benefiċċji mit-teknoloġiji l-ġodda għall-ambjent, għas-sigurtà tal-provvista, għall-ispejjeż tal-enerġija, u għall-impjiegi;

(l)

li tistabbilixxi u timplimenta Pjan ta’ Implimentazzjoni Pluriennali;

(m)

li timpenja l-finanzjament tal-Unjoni u timmobilizza r-riżorsi tas-settur privat u oħrajn tas-settur pubbliku meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha ta’ RTD;

(n)

li tiżgura l-operat tajjeb tal-attivitajiet tal-RTD u ġestjoni finanzjarja tajba tar-riżorsi;

(o)

li tikkomunika u xxerred l-informazzjoni dwar il-proġetti, inklużi l-ismijiet tal-parteċipanti, ir-riżultati tal-attivitajiet tal-RTD, u l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Impriża Konġunta FCH;

(p)

li tinnotifika lill-entitajiet ġuridiċi li jkunu kkonkludew Ftehim ta’ Għotja mal-Impriża Konġunta FCH bl-opportunitajiet ta’ self potenzjali mill-Bank Ewropew tal-Investiment, b'mod partikolari l-Faċilità Finanzjarja tal-Qsim tar-Riskju stabbilita taħt is-Seba' Programm Kwadru;

(q)

li tiżgura livell għoli ta’ trasparenza u kompetizzjoni ġusta taħt kundizzjonijiet ta’ aċċess ugwali għall-applikanti kollha għall-attivitajiet RTD tal-Impriża Konġunta FCH, kemm jekk ikunu membri tal-Grupp tar-Riċerka jew tal-Grupp Industrijali (b'mod partikolari SMEs) u kemm jekk le;

(r)

li ssegwi l-iżviluppi internazzjonali fil-qasam u li tidħol f'kooperazzjoni internazzjonali meta jkun xieraq;

(s)

li tiżviluppa kooperazzjoni mill-qrib u tiżgura koordinazzjoni mal-Programm Kwadru ta’ Riċerka u attivitajiet oħra Ewropej, nazzjoni (nazzjonali) u transnazzjonali, korpi u partijiet interessati;

(t)

li ssegwi l-progress lejn l-objettivi tal-Impriża Konġunta FCH;

(u)

li twettaq kull attività oħra meħtieġa biex tilħaq l-objettivi tagħha.

It-tmexxija

Il-korpi tal-Impriża Konġunta FCH huma:

(a)

il-Bord ta’ Tmexxija;

(b)

id-Direttur Eżekuttiv;

(c)

il-Kumitat Xjentifiku

Il-Bord ta’ Tmexxija

Il-Bord ta’ Tmexxija huwa l-korp ewlieni li jieħu d-deċiżjonijiet tal-Impriża Konġunta FCH.

Id-Direttur Eżekuttiv

Id-Direttur Eżekuttiv huma responsabbli għat-tmexxija ta’ kuljum tal-Impriża Konġunta u huwa r-rappreżentant legali tagħha. Għandu jirrispondi lill-Bord ta’ Tmexxija.

Il-Kumitat Xjentifiku

Il-Kumitat Xjentifiku - Magħmul minn mhux iktar minn disa' membri li jirriflettu rappreżentazzjoni bilanċjata ta’ esperti tal-aqwa livell dinji mill-kamp tal-akkademja, mill-industrija u mill-korpi regolatorji. Il-kompiti tiegħu huma li:

(a)

jagħti parir dwar il-prijoritajiet xjentifiċi għall-proposta ta’ Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Annwali u Pluriennali;

(b)

jagħti parir dwar il-kisbiet xjentifiċi deskritti fir-rapport tal-attività annwali;

(c)

jagħti parir dwar il-kompożizzjoni tal-kumitati ta’ reviżjoni tal-esperti ugwali fil-qasam.

Il-korpi konsultattivi esterni għall-Impriża Konġunta FCH huma:

Il-Grupp ta’ Rappreżentanti tal-Istati FCH u l-Assemblea Ġenerali tal-Partijiet Interessati

Il-Grupp ta’ Rappreżentanti tal-Istati FCH

Dan huwa magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u kull Pajjiż assoċjat. Il-kompiti l-aktar importanti tiegħu jinkludu l-għoti ta’ opinjonijiet dwar il-progress fil-programmi tal-Impriża Konġunta FCH, il-monitoraġġ tal-konformità u r-rispett tal-miri u l-koordinazzjoni ma’ programmi nazzjonali biex jiġi evitat it-trikkib.

L-Assemblea Ġenerali tal-Partijiet Interessati

L-SGA hija mezz ta’ komunikazzjoni importanti dwar attivitajiet tal-Impriża Konġunta FCH u b'hekk hija miftuħa għall-partijiet interessati pubbliċi u privati kollha, gruppi ta’ interess internazzjonali mill-Istati Membri, mill-pajjiżi assoċjati kif ukoll mill-pajjiżi terzi. Din titlaqqa' darba fis-sena. L-SGA għandha tkun infurmata dwar l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta FCH u tkun mistiedna tagħti l-kummenti.

L-awdituri interni u esterni u l-awtorità ta’ kwittanza tal-Impriża Konġunta FCH huma:

Il-Verifika Interna

Il-Maniġer tal-Verifika Interna tal-Impriża Konġunta FCH (jiġifieri l-Kapaċità ta’ Verifika Interna jiġifieri IAC);

is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (jiġifieri IAS).

Il-Verifika Esterna

Il-Qorti tal-Awdituri.

L-Awtorità ta’ Kwittanza

Il-Parlament fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Ir-riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2011

Il-baġit

EUR 117,2 miljun f'Approprjazzjonijiet ta’ Impenn li minnhom EUR 113,1 miljun huma ffinanzjati mill-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-operazzjonijiet (hemm ippjanata kontribuzzjoni ekwivalenti in natura minn membri privati tal-industrija) u EUR 4 miljun għall-ispejjeż ta’ ġestjoni.

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2011

18-il kariga għal persunal temporanju fit-tabella tal-persunal (imtlew kollha)

2 karigi għal persunal b'kuntratt (imtlew kollha)

Allokati lil:

Attivitajiet operazzjonali: 6

Attivitajiet amministrattivi: 7

Kompiti mħallta: 7

Il-kisbiet ewlenin għall-2011

Ir-reviżjoni tal-Pjan Pluriennali ta’ Implimentazzjoni (MAIP), adottat mill-Bord ta’ Tmexxija fit-22 ta’ Novembru 2011

L-abbozzar tal-prijoritajiet RTD u s-suġġetti ta’ sejħiet (call topics) 2011 (36) b'finanzjament indikattiv tal-Impriża FCH ta’ EUR 109 miljun

L-abbozzar tal-prijoritajiet RTD u s-suġġetti ta’ sejħiet (call topics) 2012 (31) b'finanzjament indikattiv tal-Impriża FCH ta’ EUR 77.5 miljun

Il-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-proposti 2011 f'Mejju bi skadenza għas-sottomissjoni f'Awwissu 2011

L-evalwazzjoni tas-sejħa għall-proposti 2011 f'Settembru 2011 bi preparazzjoni ta’ lista ta’ proġetti li għandhom jinbdew negozjati għalihom; lista li għandha titressaq lill-Bord għall-approvazzjoni f'Novembru 2011 (30); Negozjati nbdew fit-28 ta’ Novembru 2011

L-innegozjar tas-sejħa tal-2010 għall-proposti magħżulin wara l-approvazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni mill-Bord ta’ Tmexxija u l-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ għotjiet relatati (26)

L-iżvilupp tal-koperazzjoni internazzjonali mas-sħab ewlenin (l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Ġappun u l-Korea). Suġġett wieħed fis-sejħa tal-2012 bi kriterju ta’ eliġibbilta addizjonali ta’ konnessjoni ma’ proġett iffinanzjat mid-Dipartiment tal-Enerġija (l-Istati Uniti tal-Amerika)

L-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati (sessjonijiet ta’ informazzjoni)

Il-kooperazzjoni mar-Reġjuni Ewropej (permezz ta’ HyRaMP)

Il-kooperazzjoni maċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) fil-livell ta’ proġett u programm. L-allinjament tal-attivitajiet permezz ta’ Pjan ta’ Ħidma Konġunta ffokat fuq il-kejl, l-immappjar teknoloġiku u l-parir strateġiku. L-Assemblea Ġenerali tal-Partijiet Interessati li saret fit-22-23 ta’ Novembru 2011 flimkien mal-ewwel jum ta’ Analiżi tal-Programm bi kważi 400 parteċipant u attivitajiet oħrajn ta’ komunikazzjoni, li ffokat fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġiji FCH b'mod partikolari fis-settur tat-trasport.

Kisbiet ewlenin oħra:

It-trasferiment għal bini ġdid (flimkien mal-erbgħa Impriżi Konġunti l-oħra f'nofs Jannar 2011

L-ewwel evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta FCH

Il-validazzjoni tas-sistema ta’ kontabilità mill-Uffiċjal tal-Kontabilità fil-21 ta’ Novembru 2011

L-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1183/2011 li jemenda r-regolament li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu

L-ewwel klejms għal spejjeż irċevuti u ttrattati

L-ewwel verifiki ex post imnedija

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta.


TWEĠIBIET TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA (IK) FCH GĦALL-OSSERVAZZJONIJIET IMQAJMA MILL-QORTI

Точка 15 u 16

L-Impriża Konġunta FCH stabbiliet strateġija ta’ kontroll ta’ natura multiannwali li tgħaqqad flimkien kontrolli ex-ante u ex-post u tqis l-aspetti tal-kosteffiċjenza. Verifiki ex-post huma komponent ewlieni tas-sistema ta’ kontroll intern globali u jirrappreżentaw wieħed mill-elementi ewlenin li jsostnu d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv. Sabiex tindirizza b'mod xieraq il-ħtiġijiet tal-kontroll u tal-assigurazzjoni tagħha, l-Impriża Konġunta FCH nediet l-ewwel verifiki ex-post immedjatament wara li l-ewwel pretensjonijiet tal-ispejjeż ġew riċevuti u vvalidati mill-Impriża Konġunta fl-2011.

L-Impriża Konġunta FCH tilqa' l-konklużjoni pożittiva tal-Qorti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet kollha li fuqhom huma bbażati l-kontijiet bl-unika eċċezzjoni ta’ tranżazzjonijiet relatati mal-validazzjoni ta’ pretensjonijiet għall-ispejjeż. Fl-opinjoni tal-Impriża Konġunta FCH, l-aspetti li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati fit-tfassil tal-konklużjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti inġenerali u fuq il-pretensjonijiet ta’ spejjeż validati fl-2011, b'mod partikolari:

Il-ħin, it-tip ta’ pagamenti u l-piż tagħhom: L-ewwel dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż li ġew riċevuti u vvalidati mill-Impriża Konġunta fl-2011 biss. EUR 4,6 miljun f’pagamenti interim tħallsu fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż validati. Dan jirrappreżenta 8 % (1) tat-total tal-pagamenti ta’ EUR 56,7 miljun tal-2011.

L-effikaċja tas-sistema tal-kontroll intern tal-Impriża Konġunta FCH: Fl-2011, ingħatat prova tal-effikaċja tas-sistema ta’ kontroll tal-Impriża Konġunta. Il-Qorti ma rrapportat l-ebda żball lill-Impriża Konġunta dwar l-aspetti tal-legalità u r-regolarità bħala riżultat tal-ittestjar tagħha stess tat-tranżazzjonijiet. L-iżbalji msemmija mill-Qorti nstabu mis-sistema ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta stess (jiġifieri verifiki ex-post).

L-impatt tal-iżbalji naturali u finanzjarji misjuba: 97 % (fil-valur) tal-iżbalji misjuba mill-Impriża Konġunta huma riżultat ta’ verifika waħda biss ta’ benefiċjarju ġdid, li ma kienx familjari mar-regoli tal-Impriża Konġunta FCH, u huma dovuti għal interpretazzjoni ħażina tar-regoli ta’ eliġibbiltà. Billi l-ispiża totali ddikjarata b’mod eċċessiv mill-benefiċjarju tammonta għal EUR 764 000, l-impatt finanzjarju tal-iżbalji misjuba, meta wieħed iqis il-kontribuzzjoni fi flus kontanti tal-Impriża Konġunta - (jiġifieri ħlas eċċessiv), hi ħafna inqas (EUR 177 971).

Azzjonijiet korrettivi: Kull żball misjub mill-Impriża Konġunta ġie aċċettat mill-benefiċjarji u 98 % (fil-valur) minnhom ġew ikkoreġuti mill-Impriża Konġunta, kif rikonoxxut mill-Qorti.

Kopertura tal-verifika: Verifiki ex-post imnedija mill-Impriża Konġunta fl-2011 koprew 43 % (fil-valur) tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż ivvalidati matul dik is-sena. Minn Settembru 2012, il-verifiki kompletati irrappreżentaw 27 % tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż ivvalidati kif ġie ddikjarat mill-Qorti

Miżuri preventivi u ta’ kxif: l-Impriża Konġunta FCH implimentat miżuri sabiex jipprevjenu żbalji finanzjarji fir-rapportar tal-ispejjeż billi tejbet l-għarfien fi ħdan il-benefiċjarji tal-qafas regolatorju. S'issa ġew organizzati tliett kampanji ta’ komunikazzjoni indirizzati lill benefiċjarji tal-Impriża Konġunta FCH u ġew ippubblikati gwidi tal-Impriża Konġunta FCH fuq kwistjonijiet finanzjarji u ta’ kontroll/verifika. Il-kontrolli ex-ante tal-Impriża Konġunta FCH ġew imsaħħa wkoll sabiex jippermettu sejbien ogħla u korrezzjoni ta’ żbalji qabel il-validazzjoni tal-pretensjonijiet għall-ispejjeż.

Mingħajr ma tixħet dubju fuq id-dikjarazzjonijiet tal-Qorti, l-Impriża Konġunta FCH tinnota li meta tikkunsidra l-effikaċja tal-kontrolli interni tal-Impriża Konġunta fis-sejbien ta’ żbalji, il-kopertura għolja ta’ verifiki ex-post, il-korrezzjonijiet implimentati mill-Impriża Konġunta fuq 98 % tal-iżbalji misjuba u l-piż baxx tal-pagamenti interim fir-rigward tal-pagamenti totali, l-ammont f'riskju (jiġifieri żball potenzjali li ma jinstabx fil-pretensjonijiet għall-ispejjeż ivvalidati) huwa relattivament limitat fir-rigward tal-pagamenti totali li saru u n-nefqa operattiva totali li saret fl-2011.

Точка 19

L-Impriża Konġunta FCH stabbilixxiet proċedura għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 10.1 paragrafu 1 u l-Artikolu 11 tar-Regoli Finanzjarji tagħha li tippermetti lill-Impriża Konġunta FCH sabiex iddaħħal approprjazzjonijiet ikkanċellati fil-baġit tagħha sat-tliet snin finanzjarji li ġejjin. L-Impriża Konġunta FCH s’issa ma użatx il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 10.1 paragrafu 2 li tagħmel riportazzjoni għas-sena finanzjarja li jmiss (bl-eċċezzjoni ta’ C4 u C5) u konsegwentement l-Artikolu 10.1 paragrafu 2 u u l-Artikoli 10.2 sa 10.7 ma japplikawx fil-każ speċifiku.

L-Impriża Konġunta FCH applikat b'mod konsistenti l-proċedura tagħha għall-implimentazzjoni tar-regoli finanzjarji tagħha, b'mod partikolari d-deroga mogħtija mill-Kummissjoni fis-sens sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet tal-Impriża Konġunta FCH.

Точка 20

L-Impriża Konġunta FCH tirrikonoxxi li d-diżimpenji kellhom jitwettqu sal-31.12.2011 u li l-ommissjoni ġiet ikkoreġuta f’Jannar 2012. Monitoraġġ tal-baġit u l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ tmiem is-sena aktar stretti għandhom jevitaw ripetizzjoni ta’ ommissjoni simili

Точка 22

Il-maniġment tal-Impriża Konġunta FCH iddefinixxa pjan ta’ azzjoni sabiex jindirizza n-nuqqasijiet u minn Ottubru 2012 il-maġġoranza tal-azzjonijiet ikunu kompletament jew parzjalment implimentati

Точка 23

Il-korrezzjoni saret.

Точка 24

Il-bilanċ fi flus kontanti tal-Impriża Konġunta FCH kien bejn EUR 4 miljuni fl-1 ta’ Awwissu 2011 u EUR 60 miljun fil-11 ta’ Ottubru 2011 bil-bilanċ tal-għeluq ikun ta’ 9 miljuni fil-31 ta’ Diċembru 2011. L-Impriża Konġunta FCH qed timplimenta l-miżuri kollha sabiex tottimizza l-likwidità tagħha fil-limiti tal-ftehimiet ta’ finanzjament.

Точка 26

Ir-regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta FCH sejrin jiġu emendati bix-xieraq sabiex jirriflettu l-emendi kollha neċessarji meħtieġa mir-"Regolament Finanzjarju Mudell għall-korpi ta’ sħubija pubbliċi-privati" meta jiġi adottat. Sadanittant, kif rikonoxxut mill-Qorti fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet tal-2012, l-irwoli rispettivi tal-Awditur Intern tal-Kummissjoni (IAS) u tal-Kapaċità tal-Awditjar Intern tal-Impriża Konġunta FCH (IAC) ġew definiti u approvati mill-Bord tat-Tmexxija f'Marzu 2011. "Pjan tal-awditu strateġiku għall-2011-2013 kordinat bejn l-IAS-IAC" kien approvat mill-Bord Mejju 2011 u dan qed jiġi implimentat.


(1)  11 % meta wieħed iqis il-ħlasijiet interim (EUR 4,6 miljun) u prefinanzjamenti approvati matul l-2011 (EUR 1,6 miljun).