10.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 6/46


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

2013/C 6/06

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta SESAR, li tinsab fi Brussell, twaqqfet fi Frar 2007 (1) sabiex iġġesti l-attivitajiet tal-programm SESAR (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru tas-Sema Uniku Ewropew).

2.

Il-programm SESAR jimmira li jimmodernizza l-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM) fl-Ewropa u huwa maqsum fi tliet fażijiet:

(a)

Il-“Fażi ta’ definizzjoni” bdiet fl-2005 u tmexxiet mill-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol), b'kofinanzjament mill-baġit tal-Unjoni Ewropea (UE) permezz tal-programm tan-Netwerk tat-Trasport Trans Ewropew. Ir-riżultat huwa l-Pjan Regolatorju tal-ATM Ewropew, li jiddefinixxi l-pjanijiet għall-kontenut, għall-iżvilupp u għall-iskjerament tal-ġenerazzjoni ta’ sistemi ATM li tmiss.

(b)

Il-“Fażi ta’ żvilupp” (2008-2013) ġestita mill-Impriża Konġunta SESAR (ara l-Anness) u li twassal għall-produzzjoni ta’ sistemi teknoloġiċi, komponenti u proċeduri operazzjonali ġodda kif definiti fil-Pjan Regolatorju tal-ATM Ewropew.

(c)

Il-“Fażi ta’ twaqqif” (skjerament) (2014-2020) li għandha titmexxa mill-industrija u mill-partijiet interessati, għall-produzzjoni u l-implimentazzjoni fuq skala kbira tal-infrastruttura tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru l-ġdida.

3.

L-Impriża Konġunta hija mfassla bħala sħubija pubblika-privata. Il-membri fondaturi huma l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, u l-Eurocontrol rrappreżentata mill-Aġenzija tagħha. Wara sejħa għall- espressjonijiet ta’ interess, 15-il intrapriża pubblika u privata mill-industrija tan-navigazzjoni tal-ajru huma membri tal-Impriża Konġunta. Dawn jinkludu fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, l-industrija tal-manifattura tal-art u tal-ajruspazju, manifatturi tal-ajruplani, awtoritajiet tal-ajruport u manifatturi ta’ tagħmir għal operazzjonijiet tal-ajru.

4.

Il-baġit għall-fażi ta’ żvilupp tal-programm SESAR huwa ta’ EUR 2,1 biljun, li jrid jingħata f'partijiet ugwali mill-UE, mill-Eurocontrol u mill-imsieħba pubbliċi u privati parteċipanti. Il-kontribuzzjoni tal-UE hija ffinanzjata mis-Seba' Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u mill-programm tan-Netwerk tat-Trasport Trans Ewropew. Madwar 90 % tal-finanzjament mill-Eurocontrol u mill-partijiet interessati l-oħrajn jieħdu l-għamla ta’ kontribuzzjonijiet mhux finanzjarji.

5.

L-Impriża Konġunta SESAR bdiet taħdem b'mod awtonomu fl-10 ta’ Awwissu 2007.

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

6.

L-approċċ tal-verifika meħud mill-Qorti fih proċeduri tal-verifika analitiċi, ittestjar tat-tranżazzjonijiet fil-livell tal-Impriża Konġunta u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll. Dan huwa supplimentat b'evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn huwa relevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

7.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (2) tal-Impriża Konġunta SESAR, li jikkonsistu fir-“rapporti finanzjarji” (3) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011, u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-Maniġment

8.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji (5) tal-Impriża Konġunta, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (6). Id-Direttur huwa responsabbli milli jistabbilixxi l-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ kontroll interni relevanti għat-tħejjija ta’ kontijiet finali (7) li jkunu ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba fi frodi u sew jekk minħabba xi żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Awditur

9.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal- Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.

10.

Il-Qorti mexxiet l-awditu (verifika) tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (Verifika) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu (verifika) biex tikseb aċċertament (assigurazzjoni) raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

11.

Awditu (Verifika) jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar (verifika) dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet (żvelar) fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawk ir-riskji, l-awditur iqis il-kontrolli interni relevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll implimentati sabiex jiġu aċċertati (żgurati) l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex ifassal il-proċeduri tal-awditjar (verifika) li jkunu xierqa skont iċ-ċirkostanzi. Awditu (Verifika) jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi li jkunu qed jiġu applikati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi magħmula, kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

12.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar (verifika) miksuba hija suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

13.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2011 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus (likwidità) tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli tal-kontabilità adottati mill-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni (8).

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

14.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

15.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

16.

Il-baġit finali għall-2011 adottat mill-Bord Amministrattiv kien jinkludi approprjazzjonijiet tal-impenji ta’ EUR 148 miljun u approprjazzjonijiet tal-pagamenti ta’ EUR 91,7 miljun. Ir-rati ta’ użu għall-approprjazzjonijiet ta’ impenji u ta’ pagament kienu 99,4 % u 82,4 % rispettivament.

17.

Fl-2011, il-kontribuzzjonijiet mill-membri (EUR 34 miljun) flimkien mar-riżultat tas-sena ta’ qabel (EUR 57 miljun) u sorsi oħra ta’ dħul (EUR 0,2 miljun) ammontaw għal EUR 91,2 miljun, kontra pagamenti ta’ EUR 75,6 miljun. Dan wassal għal riżultat tal-baġit pożittiv ta’ EUR 15,6 miljun u depożiti fil-kontijiet tal-bank fi tmiem is-sena li jammontaw għal EUR 15,3 miljun. Dan imur kontra l-prinċipju baġitarju tal-ekwilibriju.

KONTROLLI EWLENIN TAS-SISTEMI TA' SORVELJANZA U KONTROLL TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

Sistemi ta’ kontroll intern

18.

Il-Qorti tinnota li analiżi tal-proċessi tan-negozju tal-Impriża Konġunta li twettqet minn awditur estern indipendenti fl-2011 sabet li s-sistemi ta’ kontroll intern kienu qed joperaw b'mod effettiv. F'April tal-2012, l-Uffiċjal tal-Kontabilità vvalida b'mod formali l-proċessi tan-negozju ta’ bażi, f'konformità mar-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta.

Il-funzjoni tal-verifika interna u s-Servizz tal-Awditjar (Verifika) Intern tal-Kummissjoni

19.

Il-Qorti qabel osservat li l-Kummissjoni u l-Impriża Konġunta SESAR ħadu azzjoni biex jiċċaraw l-irwoli operazzjonali rispettivi tas-Servizz tal-Awditjar (Verifika) Intern tal-Kummissjoni (IAS) u tal-funzjoni tal-verifika interna tal-Impriża Konġunta (9).

20.

Il-Qorti tinnota li, f'Novembru 2011, il-Bord Amministrattiv tal-Impriża Konġunta adotta Pjan ta’ Verifika Strateġiku Koordinat tal-IAS għall-Impriża Konġunta għall-perjodu 2012-2014.

KWISTJONIJIET OĦRA

Pagament tard tal-kontribuzzjonijiet tas-sħubija

21.

Id-data tal-għeluq tal-1 ta’ Lulju 2010 għal pagament lill-Impriża Konġunta tal-kontribuzzjonijiet fi flus mill-membri tagħha għal dik is-sena ma ġietx rispettata. Fl-aħħar ta’ Awwissu 2011 kien għad fadal 17-il ordni ta’ rkupru pendenti, li jammontaw għal EUR 3,7 miljun. Membru wieħed ma kien ħallas l-ebda kontribuzzjoni annwali sal-aħħar tal-2011.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-15 ta’ Novembru 2012.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 dwar it-twaqqif ta’ Impriża Konġunta biex tiżviluppa s-sistema l-ġdida ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru Ewropew (SESAR) (ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1), emendat bir-Regolament (KE) Nru 1361/2008 (ĠU L 352, 31.12.2008, p. 12).

(2)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li jagħti aktar informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-baġit.

(3)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rapport tat-tibdil fl-attivi netti u sommarju tal-politiki tal-kontabilità prinċipali u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(5)  Ir-Regoli Finanzjarji tas-SESAR adottati mill-Bord Amministrattiv fit-28 ta’ Lulju 2009.

(6)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(7)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Korpi tal-UE huma stabbiliti fil-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002, kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23), u huma integrati hekk fir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta SESAR.

(8)  Ir-Regoli tal-Kontabilità adottati mill-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità għas-Settur Pubbliku (IPSAS) jew, fin-nuqqas tagħhom, l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS).

(9)  Ir-Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta (ĠU C 368, 16.12.2011, p. 32).


ANNESS

L-Impriża Konġunta SESAR (Brussell)

Il-kompetenzi u l-attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(l-Artikolu 187)

Ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u l-ispazju

L-eżekuzzjoni effiċjenti tal-programmi tar-riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni tal-UE.

Il-kompetenzi tal-Impriża Konġunta / Aġenzija Eżekuttiva

(Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007, kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1361/2008)

L-objettivi prinċipali

L-għan tal-Impriża Konġunta għandu jkun li tiżgura l-modernizzazzjoni tas-sistema Ewropea ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru billi tikkoordina u tikkonċentra l-isforzi relevanti kollha ta’ riċerka u żvilupp fl-Unjoni. Hi għandha tkun responsabbli mill-eżekuzzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM u b'mod partikolari mit-twettiq tal-kompiti li ġejjin:

l-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR, skont il-Pjan Regolatorju tal-ATM, li jirriżultaw mill-fażi ta’ definizzjoni tal-proġett amministrat mill-Eurocontrol, billi tikkombina u tamministra taħt struttura unika l-finanzjament tas-settur pubbliku u ta’ dak privat,

l-iżgurar tal-finanzjament meħtieġ għall-attivitajiet tal-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR skont il-Pjan Regolatorju tal-ATM,

l-iżgurar tal-involviment tal-partijiet interessati tas-settur tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa, b’mod partikolari: il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, l-utenti tal-ispazji tal-ajru, l-assoċjazzjonijiet professjonali tal-persunal, l-ajruporti, u l-industrija tal-manifattura; kif ukoll l-istituzzjonijiet xjentifiċi relevanti jew il-komunità xjentifika relevanti,

l-organizzazzjoni tal-ħidma teknika ta’ riċerka u żvilupp, ta’ validazzjoni u studju, li għandha titwettaq taħt l-awtorità tagħha waqt li tiġi evitata l-frammentazzjoni ta’ tali attivitajiet,

l-iżgurar tas-superviżjoni ta’ attivitajiet relatati mal-iżvilupp ta’ prodotti komuni debitament identifikati fil-Pjan Regolatorju tal-ATM u jekk ikun meħtieġ, l-organizzazzjoni ta’ sejħiet speċifiċi għall-offerti.

It-tmexxija

Il-Bord Amministrattiv

Il-Bord Amministrattiv huwa responsabbli milli:

(a)

jadotta l-Pjan Regolatorju tal-ATM approvat mill-Kunsill kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament u japprova kwalunkwe proposta għall-modifika tiegħu;

(b)

jagħti linji gwida u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR u jeżerċita kontroll ġenerali fuq l-implimentazzjoni tiegħu;

(c)

japprova l-programm ta’ ħidma u l-programmi annwali ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta msemmijin fl-Artikolu 16(1) kif ukoll il-baġit annwali, inkluż il-pjan ta’ stabbiliment tal-persunal (tabella tal-persunal);

(d)

jawtorizza n-negozjati u jiddeċiedi dwar l-adeżjoni ta’ membri ġodda u dwar il-ftehimiet relatati kif imsemmija fl-Artikolu 1(3);

(e)

jissorvelja l-eżekuzzjoni tal-ftehimiet bejn il-membri u l-Impriża Konġunta;

(f)

jaħtar u jneħħi lid-Direttur Eżekuttiv u japprova l-iskema tal-organizzazzjoni u jimmonitorja l-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv;

(g)

jiddeċiedi dwar l-ammonti u l-proċeduri għall-pagament tal-kontributi finanzjarji tal-membri u l-evalwazzjoni tal-kontributi mhux finanzjarji;

(h)

jadotta r-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta;

(i)

japprova l-kontijiet u l-karta tal-bilanċ annwali;

(j)

jadotta r-rapport annwali dwar il-progress tal-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu msemmi fl-Artikolu 16(2);

(k)

jiddeċiedi dwar proposti lill-Kummissjoni dwar l-estensjoni u x-xoljiment tal-Impriża Konġunta;

(l)

jistabbilixxi proċeduri għall-għoti ta’ drittijiet ta’ aċċess għall-assi tanġibbli u intanġibbli li jkunu l-proprjetà tal-Impriża Konġunta u t-trasferiment ta’ tali assi;

(m)

jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għall-għoti tal-kuntratti meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM, inklużi l-proċeduri speċifiċi għall-konflitti ta’ interess;

(n)

jiddeċiedi dwar il-proposti lill-Kummissjoni għall-emendament tal-Istatuti skont l-Artikolu 24;

(o)

jeżerċita tali poteri oħrajn u jwettaq tali funzjonijiet oħrajn, inkluż l-istabbiliment ta’ korpi sussidjarji, kif jista' jkun meħtieġ għall-finijiet tal-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR;

(p)

jadotta l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 8.

Id-Direttur Eżekuttiv

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jwettaq il-kompiti tiegħu b'independenza sħiħa fil-poteri assenjati lilu.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddirieġi l-eżekuzzjoni tal-proġett SESAR fil-linji gwida stabbiliti mill-Bord Amministrattiv li għalih huwa għandu jkun responsabbli. Huwa għandu jipprovdi lill-Bord Amministrattiv bl-informazzjoni kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tiegħu.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu:

‘(a)

jimpjega, imexxi u jissorvelja l-persunal tal-Impriża Konġunta, inkluż il-persunal imsemmi fl-Artikolu 8;’;

(b)

jorganizza, imexxi u jissorvelja l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta;

(c)

jippreżenta lill-Bord Amministrattiv il-proposti tiegħu dwar il-iskema tal-organizzazzjoni;

(d)

ifassal u jaġġorna regolarment il-programm ta’ ħidma globali u dak annwali tal-Impriża Konġunta, inkluż estimu dwar l-ispejjeż tal-programm, u jippreżentahom lill-Bord Amministrattiv;

(e)

ifassal, skont ir-Regolamenti Finanzjarji, l-abbozz tal-baġit annwali, inkluż it-tabella tal-persunal, u jippreżentahom lill-Bord Amministrattiv;

(f)

jiżgura li jitwettqu l-obbligi tal-Impriża Konġunta, fir-rigward tal-kuntratti u l-ftehimiet li hija tikkonkludi;

(g)

jiżgura li l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta jitwettqu b'indipendenza sħiħa u mingħajr kwalunkwe konflitt ta’ interess;

(h)

ifassal ir-rapport annwali dwar il-progress tal-proġett SESAR u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, u tali rapporti oħrajn li jistgħu jintalbu mill-Bord Amministrattiv, u jippreżentahom lil dan tal-aħħar;

(i)

jippreżenta l-kontijiet annwali u l-karta tal-bilanċ lill-Bord Amministrattiv;

(j)

jippreżenta lill-Bord Amministrattiv kwalunkwe proposta li tinvolvi tibdiliet fit-tfassil tal-proġett SESAR.

Il-Verifika Interna

L-Awditur Intern tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-verifika esterna

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

L-awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew u l-Bord Amministrattiv tal-IKS.

Ir-riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2011 (2010)

Il-Bagit

EUR 147,7 miljun

(EUR 129,5 miljun)

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2011

Il-baġit operattiv għall-2011 jipprevedi tabella tal-persunal ta’ 39 Aġent Temporanju (TA) u 3 Esperti Nazzjonali Ssekondati (SNE), li jwassal għal total ta’ 42 kariga tal-persunal, li minnhom 35 kienu okkupati fl-aħħar tas-sena tal-2011 meta mqabbel ma’ 37 fl-2010):

23 membru tal-persunal temporanju, irreklutati esternament,

8 membri tal-persunal issekondati mill-Membri tal-IKS skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 219/2007,

3 membri tal-persunal b’kuntratt,

1 SNE.

Allokati lil

Kompiti operazzjonali: 19

Kompiti amministrattivi u ta’ sostenn: 15

Kompiti mħallta: 1

Il-prodotti u s-servizzi fl-2011

L-2011 tikkostitwixxi sena ewlenija fil-progress lejn l-ilħuq tal-Objettivi ta’ Nofs it-Terminu u l-Viżjoni 2012. Partikolarment:

L-Objettiv Nru 1 –   It-trajettorja 4D tal-bidu tiġi validata f’ambjent operazzjonali appoġġata minn teknoloġija bbażata fuq is-satelliti

L-operazzjonijiet ibbażati fuq it-trajettorja 4D tal-bidu huma ppjanati li jiġu validati matul l-ewwel eżerċizzju ta’ validazzjoni li qiegħed iseħħ bħala parti mir-Release 1 fi Frar 2012 fl-ambjent tat-traffiku tal-MUAC, in-NUAC u l-Approċċ ta’ Stokkolma. Għadd ta’ attivitajiet ta’ tħejjija twettqu fl-2011, inklużi l-iżvilupp u l-integrazzjoni taż-żewġ prototipi FMS kif ukoll għadd ta’ attivitajiet ta’ simulazzjoni li jikkollegaw bejn il-pjattaformi ta’ simulazzjoni tal-art u tal-ajru. It-tieni iterazzjoni, parti mir-Release 2, hija ppjanata għal tard fl-2012 u t-tielet waħda għall-2013. Il-mira se tkun li tiġi validata l-proċedura operazzjonali għat-titjir skont CTA fl-ispazju tal-ajru En-route u TMA.

Huwa mistenni li, kif ippjanat, l-objettiv se jintlaħaq fil-parti l-kbira fl-2012, għalkemm l-użu ta’ teknoloġiji bbażati fuq is-satelliti qiegħed jiġi introdott wara l-iskeda ta’ żmien tal-2013.

L-Objettiv Nru 2 –   10 000 titjira, inklużi 500 militari, ikollhom it-tikketta SESAR

Fl-2011, 9 366 titjira kummerċjali wrew benefiċċji bikrin tas-SESAR (inklużi dimostrazzjonijiet ta’ titjiriet AIRE u OPTIMI). Madankollu ta’ min jinnota li għalissa l-għadd ta’ titjiriet militari għadu limitat. Minbarra l-attivitajiet tal-Programm li għadhom għaddejjin, il-Bord Amministrattiv tal-IKS iddeċieda li titvara s-sejħa għal “Attivitajiet ta’ Dimostrazzjoni” fejn testijiet integrati matul l-2012 se jippermettu lill-IKS tilħaq il-mira u ddaħħal id-dimensjoni militari fil-parti l-kbira matul l-2013 ukoll.

L-Objettiv Nru 3 –   80 % tal-proġetti SESAR ittestjaw il-prodotti tagħhom f’ambjent ta’ realtà

Sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ 80 % ta’ eżerċizzji ta’ validazzjoni f’ambjent ta’ realtà, ġiet stabbilita Strateġija ta’ Validazzjoni. B’mod partikolari, il-prodotti tar-Release 1 u dawk ippjanati għar-Release 2 fl-2012 se jorbtu l-Proġetti primarji mal-eżerċizzji differenti mwettqa fi ħdan l-Oqsma ta’ Fokus Operazzjonali u ma’ sistemi jew ambjent reali.

L-Objettiv Nru 4 –   L-ewwel piloti SWIM huma stabbiliti biex ipartu d-data madwar tal-inqas ħames dominji

Bħalma ġie diġà rrappurtat lill-Bord Amministrattiv (minn hawn ’il quddiem ukoll l-ADB), fl-2011 ġie introdott Pjan ta’ Azzjoni SWIM biex iwieġeb għar-riskji identifikati fil-Proġetti relatati, fost l-oħrajn, in-nuqqas ta’ qafas legali għas-SWIM. Inkiseb xi progress u dan intwera fl-Avveniment ta’ Dimostrazzjoni SWIM, li sar f’Novembru 2011 b’parteċipazzjoni tajba mill-programm ġenerali. Madankollu għadd ta’ kwistjonijiet u prijoritajiet li għadhom mhux riżolti s’issa dewmu l-ilħuq ta’ dan l-objettiv ta’ nofs it-terminu. Minkejja l-progress miksub sa tmiem is-sena 2011 u l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni bil-kontributi tal-eżerċizzju ta’ validazzjoni li għadu għaddej, x’aktarx li l-objettiv ma jintlaħaqx fl-iskeda ta’ żmien stabbilita.

L-Objettiv Nru 5 –   L-ewwel torri remot huwa lest biex jibda jopera

L-ewwel eżerċizzji ta’ validazzjoni għat-Torri Remot, parti mir-Release 1, twettqu kif ippjanat u se jitlestew matul l-2012 biex jintlaħaq dan l-objettiv ta’ nofs it-terminu. L-eżerċizzju tar-Release 1 ikkonferma:

il-fattibbiltà li jingħata Servizzi tat-Traffiku tal-Ajru lill-ajruport ta’ Ängelholm miċ-Ċentru tat-Torri Remot ATCC R&D f’Malmö;

il-fattibbiltà tat-twettiq ta’ operazzjonijiet nominali u mhux nominali b’mod remot;

il-fattibbiltà teknika li tinqabad is-sitwazzjoni tat-traffiku u l-ambjent operazzjonali “out of window” minn ajruport wieħed u li tintwera din l-istampa fis-sit remot.

L-Awtoritajiet Regolatorji ħadu sehem f’dawn il-provi.

L-Objettiv Nru 6 –   Jintwerew il-benefiċċji tas-SESAR fi bliet pari li jikkollegaw bejn tmien ajruporti Ewropej

Wara s-suċċess tal-ewwel ċiklu AIRE fl-2009, l-Impriża Konġunta SESAR aktar estendiet din il-green branch tal-Programm SESAR. Permezz tal-kollegament ta’ ajruporti Ewropej prinċipali (Pariġi, Vjenna, Madrid, Kolonja, Dusseldorf, Praga, Brussell, Toulouse, …) u l-involviment ta’ madwar 40 sieħeb fl-Ewropa u lil hinn minnha, l-AIRE wriet benefiċċji sinifikanti f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis tal-emissjonijiet. Il-kwalità ta’ dawn ir-riżultati hija għolja mhux biss f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis ta’ konsum tal-fjuwil u b’hekk l-emissjonijiet ta’ CO2, iżda minħabba r-rata ta’ konverżjoni għolja minn proġetti għal prattika tal-ATM ta’ kuljum.

Ir-riżultati tal-AIRE u r-riżultati mistennija fis-sejħa għal “attivitajiet ta’ dimostrazzjoni” varata u li għandha titwettaq matul l-2012 se jippermettu l-ilħuq tal-objettiv.

L-Objettiv Nru 7 –   L-utenti tal-ispazju tal-ajru ngħaqdu mal-mudell ekonomiku SESAR għal operazzjonijiet ibbażati fuq il-ħin

Dan l-objettiv għandu ħafna dimensjonijiet u l-proċess ta’ żvilupp tal-mudell ekonomiku għad mhuwiex matur biex iħaddan il-perspettivi kollha tal-partijiet interessati differenti. Minkejja dan, ġie investit sforz sostanzjali fl-iżvilupp ta’ metodoloġiji tal-mudell ekonomiku għal ANSPs, utenti tal-ispazju tal-ajru u ajruporti. Fl-2011 ġew validati l-prodotti tal-Pass 1 tal-Operazzjonijet 4D Ibbażati fuq il-Ħin u se jkomplu jiġu validati fl-2012 u se jsir progress fl-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni wkoll. Sa ċertu punt u f’xi oqsma, il-mudell ekonomiku se jiġi approvat sal-livell ta’ prontezza għall-industrijalizzazzjoni, fejn se tinħtieġ aktar ħidma mal-partijiet interessati fuq l-iskjerament tiegħu. L-objettiv mhuwiex se jintlaħaq fl-iskeda ta’ żmien stabbilita għalkemm informazzjoni preliminari dwar il-mudell ekonomiku se tkun disponibbli biex titħejja t-tranżizzjoni għall-iskjerament għall-ewwel soluzzjonijiet SESAR mill-2013.

Barra minn hekk, dan li ġej jagħti stampa usa’ dwar il-progress u l-kisbiet għall-2011:

l-ewwel kontenut tar-Release tas-SESAR, ir-Release 1, ġie konsolidat permezz ta’ reviżjoni inizjali tal-Inġinerija tas-Sistemi u approvat mill-Bord Amministrattiv bħala parti mill-AWP 2011. Dan kien magħmul minn 29 Eżerċizzju ta’ Validazzjoni li indirizzaw elementi ta’ kunċett f’16-il Qasam ta’ Fokus Operazzjonali;

f’Ġunju 2011, seħħet it-tieni analiżi tal-Inġinerija tas-Sistemi biex jiġi vvalutat il-progress tar-Release 1 lejn il-validazzjoni tal-pass V3 u, b’mod partikolari, tal-pjanijiet ta’ validazzjoni u tal-prontezza tal-pjattaformi. L-analiżi rriżultat f’għadd ta’ azzjonijiet korrettivi biex jiġu mitigati r-riskji relatati mal-eżekuzzjoni tar-Release. L-analiżi kkonkludiet li l-progress ġenerali kien adegwat, filwaqt li ġew innutati xi dgħufijiet f’dak li jirrigwarda l-konsum tar-riżorsi u l-allinjament tal-prodotti. B’mod partikolari, il-livell ta’ maturità tal-proġetti fis-segwitu tal-metodoloġija EOCVM, għalkemm tjieb meta mqabbel mal-2010, kien għadu mhux biżżejjed;

ir-Release 1 beda jwassal riżultati tanġibbli u jindika punt ta’ bidla fl-iżvilupp tas-sistema ġdida tal-ATM;

fi tmiem l-2011, twettqu 26 attività ta’ validazzjoni, li jfisser li nkiseb 90 % tar-Release 1 u li tliet eżerċizzji jiġu posposti għall-2012;

282 proġett jinsabu fil-fażi ta’ eżekuzzjoni, u jirrappreżentaw aktar minn 90 % tal-Programm kollu, iżda l-progressjoni tal-Programm mhijiex imqassma b’mod indaqs. Fil-fatt, id-derivazzjoni tal-kunċett ta’ livell għoli għal rekwiżiti operazzjonali qed iddum aktar milli mistenni u dan għandu impatt fuq il-perkors kritiku ta’ bosta proġetti tekniċi. Għadd ta’ azzjonijiet ta’ mitigazzjoni kellhom jiġu stabbiliti u qegħdin jiġu monitorjati fil-livell tal-Grupp ta’ Kontroll tal-Programm. Is-SWIM huwa qasam ieħor ta’ tħassib fejn ġie mfassal pjan ta’ azzjoni dedikat biex jingħelbu l-kwistjonijiet identifikati matul l-2011.

F’dak li jirrigwarda l-konsum tar-riżorsi (FTE), l-ewwel estimi fi tmiem l-2011 mogħtija mill-Membri jindikaw sottokonsum ġenerali ta’ madwar 20 %. Minkejja dan, ta’ min jinnota li għal ħafna Proġetti t-tqassim ippjanat tar-riżorsi matul il-fażi ta’ eżekuzzjoni jinsab taħt reviżjoni u għadu mhuwiex rifless fil-bażi użata għall-kejl tal-progressjoni tal-Programm. Wara r-riallokazzjoni tal-IBAFO I u II adottata mill-Bord Amministrattiv fil-15 ta’ Diċembru 2011, wieħed jista’ jikkonkludi li hemm sottokonsum tar-riżorsi fl-istadji bikrin tal-Programm li jidher li qed jiġi kkumpensat minn livell ogħla ta’ riżorsi sa tmiem il-Programm.

Xejra simili iżda inqas evidenti – maturità u riżorsi – donnha tidher f’dak li jirrigwarda l-prodotti, peress li f’xi oqsma l-IKS nnutat forniment aktar tal-prodotti bil-mod f’konformità mas-sottokonsum tar-riżorsi. Sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni f’terminu ta’ żmien qasir, ittieħdu miżuri differenti, fost l-oħrajn, talba lill-membri tal-Kumitat tal-Programm biex iwettqu aktar verifikazzjonijiet fil-livell tal-imsieħba, analiżi tar-raġunijiet prinċipali għas-sottokonsum, ir-riallokazzjoni tal-IBAFO I u II, it-terminazzjoni ta’ xi Proġetti, eċċ. Il-miżuri kollha huma monitorjati fil-livell tal-ġestjoni tar-riskju u konsolidati fil-livell tal-IKS. Barra minn hekk, titwettaq ħidma mal-Membri biex jiġu identifikati l-kawżi fundamentali ewlenin. Xi wħud minnhom jistgħu jissemmew diġà, bħall-organizzazzjoni tal-ħidma f’xi Proġetti, xi kontributi desinkronizzati madwar il-Programm, in-nuqqas ta’ identifikazzjoni ċara tal-prodotti u ta’ kriterji tal-kwalità li jkunu aktar speċifiċi.

Fir-rigward tat-310 proġetti R&D u ta’ Ġestjoni taħt ir-responsabbiltà tal-IKS (minbarra l-Proġetti WP E tar-Riċerka fuq Żmien Twil) it-tabella hawn taħt tagħti sommarju tas-sitwazzjoni skont l-istatus tal-proġett fi tmiem l-2011.

 

Fil- 31.12.2010

Implimentati fl-2011

Fil- 31.12.2011

 

Għadd totali ta’ Proġetti fil- Programm SESAR

304

6

310

 

li minnhom

 

 

 

 

Proġetti mibdija

285

16

301

 

proġetti kanċellati

2

1

3

0,9 %

proġetti sospiżi

11

–1

10

3,2 %

proġetti li għadhom qegħdin jinbdew

26

–20

6

2 %

proġetti fil-fażi ta’ eżekuzzjoni

246

36

282

91 %

Proġetti li għandhom jinbdew

19

–10

9

2,9 %

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta SESAR.


IT-TWEĠIBIET TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA SESAR

Id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni

13 – 14.

L-Impriża Konġunta SESAR (SJU) tikkonferma b’sodisfazzjon l-opinjoni ta’ verifika nadifa tal-Qorti dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali għall-2011 kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

L-opinjonijiet tal-verifika jikkostitwixxu kisba importanti għall-SJU, li wieħed jista’ jibni fuqha sabiex ikompli jiġi assigurat li l-ġestjoni interna u s-sistemi ta’ kontroll adegwati huma stabbiliti u effettivi fl-ilħuq tal-objettivi tal-Programm SESAR.

ll-Ġestjoni tal-Baġit u dik Finanzjarja

17.

L-SJU tqis li għamlet aktar progress fir-rigward tal-prinċipju baġitarju ta’ ekwilibriju. Il-bilanċ tal-flus kontanti ta’ tmiem is-sena 2011 naqas minn EUR 57,2 miljun għal EUR 15,3 miljun li jikkorrispondi għal tnaqqis ta’ 73.2 %. L-SJU se tkompli bl-isforzi tagħha biex tassigura ġestjoni ottima ta’ flus kontanti u r-rispett tal-prinċipji tal-baġit.

Kwistjonijiet Oħra - Pagament tard tal-kontribuzzjonijiet tas-sħubija

21.

Il-kontribuzzjoni tard li kienet għadha pendenti fi tmiem is-sena tħallset fi Frar 2012. L-SJU se tkompli tiddiskuti mal-Membri tagħha dwar l-aktar approċċ xieraq biex ikun assigurat ir-rispett tad-dati tal-iskadenzi kuntrattwali għall-pagament ta’ kontribuzzjonijiet ta’ flus kontanti tas-sħubija.