DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għajnuna legali proviżorja għal persuni ssuspettati jew mixlija mċaħħda mil-libertà u l-għajnuna legali fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew /* SWD/2013/0477 final */
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL
TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI
TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Direttiva tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill dwar l-għajnuna legali
proviżorja għal persuni ssuspettati jew mixlija
mċaħħda mil-libertà u l-għajnuna legali fi
proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew
1. Definizzjoni tal-problema Il-problema ġenerali indirizzata
f’din il-valutazzjoni tal-impatt għandha żewġ aspetti: (a)
m’hemmx biżżejjed protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ta’ persuni
ssuspettati u mixlija fl-UE u (b) hemm bżonn li tissaħħaħ
il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri minħabba n-nuqqas ta’
standards fl-għajnuna legali. Attwalment m’hemm l-ebda strument legali
tal-UE li jipprovdi għall-persuni ssuspettati u mixlija d-dritt għal
għajnuna legali fi proċedimenti kriminali. Minkejja standards komuni
fuq livell Ewropew[1]
u l-fatt li l-Istati Membri kollha għandhom sistema ta’ għajnuna
legali, hemm livell għoli ta’ varjazzjonijiet bejn id-diversi sistemi ta’
għajnuna legali tal-Istati Membri fil-liġi u fil-prattika. Dan
iwassal għal nuqqasijiet fil-protezzjoni tad-dritt għal proċess
ġust. Id-dritt limitat għal għajnuna legali f’ċerti Stati
Membri għandu l-potenzjal li jtellef mill-fiduċja reċiproka u
fil-kooperazzjoni ġudizzjarja reċiproka fil-qasam
tal-proċedimenti kriminali, kif ukoll ifixkel id-dritt għal
proċess ġust skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni
Ewropea (il-Karta). Id-dritt għall-għajnuna legali huwa intrinsikament marbut
mad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat.
Għall-persuni li m’għandhomx mezzi u f’ċerti sitwazzjonijiet
(pereżempju meta ma tingħatax il-libertà), l-aċċess
għas-servizzi ta' avukat ma jistax ikun effettiv jekk l-Istat ma jipprovdix
għajnuna legali b'mod prattiku u finanzjarju sabiex jiżguralhom
assistenza legali. Filwaqt li d-Direttiva proposta tal-UE dwar
l-aċċess għas-servizzi ta' avukat[2],
li l-adozzjoni formali tagħha għadha pendenti, tipprevedi d-dritt ta’
aċċess għas-servizzi avukat, ma fiha l-ebda dispożizzjoni
dwar min iħallas jew jipprokura avukat. Għaldaqstant, mingħajr
l-intervent tal-UE sabiex jiġu stabbiliti standards minimi komuni dwar
l-għajnuna legali, id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi avukat
kif previst mid-Direttiva jista' ma jkunx prattiku u effettiv. In-nuqqas ta’ standards xierqa dwar l-għajnuna legali jaffettwa
l-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u jtellef
fil-kooperazzjoni ġudizzjarja ta' bejn l-Istati Membri. Dan huwa ta'
ħsara għar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet u
tas-sentenzi ġudizzjarji, u għal każijiet oħra ta’
kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri, kif ukoll itellef
mill-fiduċja fl-istrumenti transkonfinali. Jekk l-awtoritajiet
ġudizzjarji jkollhom dubju dwar kemm ġurisdizzjoni oħra hija
konformi mad-drittijiet għal proċess ġust, u jemmnu li hemm
ir-riskju li persuna ssuspettata jew mixlija mhux se jkollha aċċess
effettiv għall-pariri legali minħabba n-nuqqas ta’ għajnuna
legali, it-talbiet għall-kooperazzjoni ġudizzjarja minn dik
il-ġurisdizzjoni jistgħu jiġu rrifjutati. Minħabba li
l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku huwa l-pedament tal-qasam
tal-Ġustizzja, huwa meħtieġ li tiżdied il-fiduċja
reċiproka sabiex ikun effettiv. Il-problema speċifika indirizzata
hija li hemm nuqqas ta’ aċċess għal għajnuna legali effettiva
għall-persuni ssuspettati jew mixlija fl-UE, li jagħmel ħsara
lill-fiduċja reċiproka u għat-tħaddim bla xkiel tas-sistema
tar-rikonoxximent reċiproku. Hemm żewġ raġunijiet għal
din il-problema: ·
Il-possibbiltajiet ta' aċċess għal
għajnuna legali fi proċedimenti ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew (MAE)
fl-Istati Membri mhumiex biżżejjed; ·
L-assistenza permezz ta' għajnuna legali mhix
dejjem disponibbli fl-istadji bikrin tal-proċedimenti, speċjalment
qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar għajnuna legali, għalkemm
id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat japplika minn meta
l-persuna tiġi mgħarrfa mill-awtoritajiet li hija persuna
ssuspettata; Barra minn hekk, hemm żewġ elementi
oħra li għandhom ukoll il-potenzjal li jtellfu mill-fiduċja
reċiproka: ·
Kriterji ta’ eliġibbilità restrittivi wisq
sabiex tingħata għajnuna legali; ·
Nuqqasijiet fil-kwalità u fl-effettività
tal-assistenza legali li tingħata permezz ta’ skemi ta’ għajnuna
legali. L-ewwel raġuni – L-għajnuna legali fi proċedimenti ta'
MAE: Id-Direttiva dwar l-aċċess
għas-servizzi ta' avukat se tagħti d-dritt għal
rappreżentazzjoni doppja fil-proċedimenti ta' estradizzjoni taħt
il-MAE.[3]
Meta persuna tiġi arrestata b’MAE hija jkollha d-dritt ta’
aċċess għas-servizzi ta' avukat fl-Istat Membru li
jeżegwixxi l-proċedimenti ta’ estradizzjoni, u d-dritt li taħtar
it-tieni avukat fl-Istat Membru li ħareġ il-MAE sabiex jikkoordina
mal-avukat fl-Istat Membru li jeżegwixxihom. Madankollu, id-Direttiva ma
teħtieġx li din l-assistenza legali tkun koperta b'għajnuna legali.
L-ebda Stat Membru attwalment ma jagħti għajnuna legali
għas-servizzi ta' avukat fl-Istat Membru emittenti. Id-dritt
għall-għajnuna legali għadu esklussivament rregolat
mil-liġi nazzjonali fl-Istati Membri ta' eżekuzzjoni u dawk
emittenti, u dan jaffettwa l-effettività ta’ dan id-dritt u l-applikazzjoni
konsistenti tiegħu, minkejja d-dritt ta’ aċċess
għas-servizzi ta' avukat previst mid-Direttiva. Dan jista’
jippreġudika d-drittijiet tal-konvenut fi proċedimenti ta' MAE,
jikkawża dewmien u spejjeż żejda kif ukoll jista’
fl-aħħar mill-aħħar jtellef mill-fiduċja
reċiproka li hija meħtieġa sabiex l-istrument ta' MAE
jaħdem bla xkiel. It-tieni raġuni – L-għażla taż-żmien: Huwa ta’ importanza kbira li jkun hemm aċċess
għas-servizzi ta' avukat mill-aktar fis possibbli fl-istadji
investigattivi tal-proċedimenti sabiex jiġi protett d-dritt għal
proċess ġust tal-persuni ssuspettati, sabiex tiġi żgurata
l-kwalità tal-evidenza u biex ikun hemm protezzjoni kontra l-intimidazzjoni u
t-trattament ħażin. Fil-fatt, id-Direttiva dwar l-aċċess
għas-servizzi ta' avukat tiżgura assistenza legali mill-mument meta
persuna tiġi mgħarrfa mill-awtoritajiet li hija ssuspettata jew
mixlija b’reat kriminali – iżda ma tiggarantix li din l-għajnuna hija
koperta mill-għajnuna legali. Għadd ta’ Stati Membri ma
għandhomx sistema li tiffunzjona ssanzjonata mill-Istat li tiżgura li
jkun hemm aċċess effettiv bla ħlas għas-servizzi ta' avukat
fl-istadji l-aktar bikrija tal-proċedimenti, speċjalment
għall-persuni f’detenzjoni. Dawn in-nuqqasijiet huma rikonoxxuti b’mod
mifrux mill-partijiet interessati[4]
u jfixklu serjament il-qofol tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi
ta' avukat. It-tielet raġuni – L-eliġibbiltà:
Kif previst fil-Karta u fil-KEDB, l-Istati Membri jistgħu jużaw
żewġ kundizzjonijiet sabiex jiddeterminnaw jekk persuna għandiex
id-dritt għall-għajnuna legali b'xejn: il-persuna ma jkollhiex
biżżejjed mezzi (it-test tal-mezzi); u fl-interess tal-ġustizzja
tkun meħtieġa l-għajnuna legali (it-test tal-merti).[5] Hemm varjazzjoni
wiesgħa fil-mod ta' kif issir valutazzjoni tal-eliġibbiltà fl-Istati
Membri. Hemm ukoll diverġenza wiesgħa dwar kif il-kriterji ta'
“mezzi” u ta' “merti” jinfthiemu. Il-kriterji restrittivi ta’ eliġibbiltà
jirriżultaw f’ħafna persuni ssuspettati jew mixlija li ma jkollhomx
biżżejjed mezzi sabiex ma jibbenefikawx mill-għajnuna legali
anke meta huwa fl-interess tal-ġustizzja. Konsegwentement, id-drittijiet
tagħhom għal difiża mhux se jiġu garantiti sew. Ir-raba' raġuni – Il-kwalità: Il-QEDB stipulat li l-obbligu tal-Istat li jipprovdi assistenza legali
b'xejn ma jiġix sodisfatt billi jiġi sempliċiment maħtur
avukat iffinanzjat mill-fondi pubbliċi, huwa għandu jiżgura li
l-assistenza mogħtija mill-avukati tal-għajnuna legali hija prattika
u effettiva, u ta' certu kwalità.[6]
Il-kwalità tal-assistenza koperta mill-għajnuna legali tista’ tiġi
żgurata permezz ta’: (1) il-kwalifiki u l-akkreditament; (2)
it-taħriġ tal-avukati u (3) il-monitoraġġ tal-xogħol
kopert bl-għajnuna legali. F’ħafna Stati Membri, ftit li xejn hemm garanzija
ta' kwalità, jew kważi xejn. Min jintlaqat bil-miżuri? Potenzjalment il-persuni ssuspettati jew mixlija kollha fi
proċedimenti kriminali fl-UE huma affettwati. Madwar 10 miljuni
proċedimenti kriminali jseħħu fl-UE kull sena, iżda ma jkun
hemm l-ebda dejta disponibbli dwar l-għadd ta’ proċedimenti li fihom
persuna suspettata jew mixlija ma ngħatatx għajnuna legali.
Il-miżuri jaffettwaw ukoll lill-avukati li jipprovdu jew jistgħu
jipprovdu assistenza, permezz ta' għajnuna legali, lil dawn il-persuni. 2. Analiżi
tas-sussidjarjetà Hemm
bżonn ta' azzjoni tal-UE abbażi tat-tliet fatturi li ġejjin: (1)
Il-problema għandha dimensjoni transkonfinali
għaliex jekk ċerti Stati Membri ma jirrispettawx id-dritt
proċedurali għall-għajnuna legali, dan joħloq problemi
għall-Istati Membri l-oħra.[7] (2)
Iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jkunu
involuti fi proċedimenti kriminali barra mill-Istat Membru tagħhom, u
l-ħtiġijiet ta’ dawn il-persuni ssuspettati jew mixlija għandhom
jiġu indirizzati fil-livell tal-UE. (3)
Il-KEDB diġà tistipula standards għal
proċessi ġusti fl-Ewropa, iżda l-mekkaniżmi ta’ infurzar
tagħha ma jiggarantixxux livell suffiċjenti u konsistenti ta’
protezzjoni jew ta' konformità mill-Istati firmatarji tagħha, inklużi
l-Istati Membri tal-UE. 3. L-objettivi tal-inizjattiva
tal-UE Kull miżura li tittieħed fil-livell
tal-UE dwar l-għajnuna legali, li ġiet żviluppata abbażi
tal-problemi ġenerali u speċifiċi identifikati hawn fuq,
għandha tilħaq l-objettivi ġenerali, speċifiċi u
operattivi li ġejjin. Ġenerali: || · Sabiex tiggarantixxi liċ-ċittadini tal-UE standard ta’ livell għoli fil-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali fundamentali fi proċedimenti kriminali. · Sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka u b’hekk ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fl-UE jkun aġevolat, u sabiex titjieb il-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-UE. Speċifiċi: || · Sabiex jiġi żgurat li l-persuni ssuspettati jew mixlija jkollhom aċċess għall-għajnuna legali u jingħataw għajnuna legali adegwata matul il-proċedimenti kriminali, f’livell li jiżgura fiduċja reċiproka msaħħa. · Sabiex jiġi żgurat li d-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta' avukat, kif previst mid-Direttiva dwar id-Dritt ta’ Aċċess għas-Servizzi ta' Avukat għall-persuni ssuspettati u mixlija u għall-persuni suġġetti għall-proċedimenti ta' MAE, ikun effettiv, billi tiġi żgurata l-għajnuna legali. Operattivi: || 1) Sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna legali hija disponibbli għall-persuni suġġetti għal MAE, 2) Sabiex jiġi żgurat l-aċċess għall-assistenza koperta mill-għajnuna legali (“id-difiża f'emerġenza”) fl-ewwel stadji tal-proċedimenti, 3) Sabiex jiġi żgurat l-aċċess effettiv għall-għajnuna legali għal persuni ssuspettati u mixlija li m’għandhomx mezzi suffiċjenti (it-test tal-mezzi), u fejn huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja (it-test tal-mertu), 4) Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex itejbu l-kwalità tas-servizzi koperti mill-għajnuna legali. 4. Għażliet ta’
politika Erba’ għażliet ta’ politika ewlenin
tqiesu fid-dettall: Għażla 1 – Status quo || Iż-żamma tal-istatus quo. L-ebda azzjoni fil-livell tal-UE. Għażla 2 – Livell ta' obbligu baxx || Azzjoni mhux leġislattiva: Azzjonijiet għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, tal-għoti tal-informazzjoni, tal-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri (billi jinħoloq grupp ta’ esperti biex jiġbor l-aħjar prattiki għal-linji gwida tal-prattikanti). Għażla 3 – Livell ta' obbligu medju || L-istrument legali L-għażla sekondarja 3(a) permezz ta' Rakkomandazzjoni; L-għażla sekondarja 3(b) permezz ta' Direttiva; jew permezz ta' taħlita tat-tnejn li huma: Bejn billi jiġu stabbiliti standards kwalitattivi minimi kif inhuma previsti fil-KEDB u fil-Karta, u bejn billi tissaħħaħ il-prevedibilità tal-istandards nazzjonali kif ukoll jogħla l-livell tagħhom. L-istrument legali, b’mod partikolari, ikun jinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw li l-persuni ssuspettati u mixlija jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna legali fi proċedimenti ta' MAE u fl-ewwel stadji tal-proċedura. Madankollu, mhux se jkun hemm azzjoni ddettaljata preskrittiva, hija fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri kif jimplimentawh. Iż-żewġ għażliet sekondarji jistgħu jiġu kkumbinati billi xi elementi jkunu previsti fi strument legali vinkolanti, filwaqt li elementi oħra jkunu previsti fi strument legali nonvinkolanti. Għażla 4 – Livell għoli ta' obbligu || L-istrument legali Permezz ta’ Direttiva li tipprevedi kriterji ddettaljati minimi armonizzati dwar l-aċċess u l-kwalità tal-għajnuna legali, li sa ċertu punt jmorru lil hinn mill-istandards kwalitattivi stipulati fil-KEDB. 5. Il-valutazzjoni tal-impatti 5.1. L-effettività sabiex
jintlaħqu tal-objettivi politiċi ·
Għażla 1:
L-aċċess insuffiċjenti għall-għajnuna legali jibqa'
l-istess jew imur għall-agħar. ·
Għażla 2:
L-inċentiv għall-Istati Membri sabiex itejbu l-aċċess
għall-għajnuna legali huwa insuffiċjenti, ladarba ma hemmx
azzjoni leġiżlattiva. ·
Għażla 3(a) – Rakkomandazzjoni: Għandha impatt medju minħabba li din
l-għażla se tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-objettivi
ġenerali. Madankollu, minħabba n-natura nonvinkolanti ta’ dan
l-istrument, hemm ir-riskju li din l-għażla ma jkollha l-ebda impatt
tanġibbli peress li tista’ ma tiġix implimentata kollha kemm hi
mill-Istati Membri kollha. ·
Għażla 3(b) – Direttiva: Għandha impatt kbir minħabba li din l-għażla
se twassal għal titjib sinifikanti permezz ta' standards minimi komuni
dwar l-għajnuna legali li huma legalment vinkolanti u infurzabbli. ·
Għażla 4:
Għandha impatt kbir ħafna għax ikollha s-saħħa kollha
ta' istrument leġiżlattiv (b'natura vinkolanti, b'eżegwibbiltà
għolja) u jkollha impatt sinifikanti pożittiv li jwassal biex
jintlaħaq l-objettiv tal-politika, madankollu titfa' piż kbir fuq
l-Istati Membri. Din se ttejjeb b’mod sinifikanti l-fiduċja reċiproka
u l-kooperazzjoni. 5.2. Impatt fuq id-Drittijiet
Fundamentali ·
Għażla 1:
Ma għandha l-ebda impatt billi l-aċċess għall-għajnuna
legali se jibqa' jiġi protett fil-livell tal-Istati Membri permezz
tal-KEDB u tal-Karta, u se jibqgħu l-problemi attwali ta' protezzjoni
limitata. ·
Għażla 2:
Għandha impatt żgħir billi t-titjib fil-proċess ġust u
fid-drittijiet tad-difiża se jiddependu fuq kemm l-Istati Membri
jikkonformaw mal-aħjar eżempji ta' prattiki jew linji gwida, fuq kif
l-informazzjoni dwar l-għajnuna legali se tixxerred u kif se jsir
it-taħriġ. ·
Għażla 3(a) – Rakkomandazzjoni: Hija pożittiva iżda għandha impatt
medju żgħir fuq id-drittijiet fundamentali u tiddependi fuq kif
l-Istati Membri jimplimentawha. Xi titjib huwa mistenni fil-proċess
ġust u fid-drittijiet tad-difiża, iżda n-nuqqas ta’ metodu ta’
infurzar jista’ jtejjeb biss ftit s-sitwazzjoni. ·
Għażla 3(b) – Direttiva: Għandha impatt kbir billi din l-għażla
jkollha l-istess impatt pożittiv bħall-għażla 3(a),
iżda permezz ta’ miżura legalment vinkolanti. ·
Għażla 4: Għandha impatt pożittiv sinifikanti fuq id-drittijiet
fundamentali tal-persuni ssuspettati jew mixlija. 5.3. Impatti Soċjali ·
Għażla 1:
Ebda implikazzjoni. ·
Għażla 2:
Hija pożittiva iżda għandha impatt limitat minħabba
azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u
t-taħriġ. ·
Għażla 3(a) – Rakkomandazzjoni: Jekk tiġi implimentata kif suppost
mill-Istati Membri, din l-għażla jkollha impatti soċjali
pożittivi (pereżempju aċċess ugwali
għall-ġustizzja billi tiġi żgurata l-assistenza permezz
tal-għajnuna legali u titjib fil-kwalità ta' din l-assistenza). ·
Għażla 3(b) – Direttiva: Għandha impatt kbir billi din l-għażla
jkollha l-istess impatt pożittiv bħall-għażla 3(a)
iżda permezz ta’ miżura legalment vinkolanti. ·
Għażla 4:
Għandha impatti soċjali kbar peress li se twessa’ l-aċċess
għall-għajnuna legali u konsegwentement il-possibbiltà għal
proċess ġust għal persuni ssuspettati u mixlija fil-bżonn. 5.4. Impatt fuq is-sistemi
nazzjonali tal-ġustizzja ·
Għażla 1:
Ma għandha l-ebda impatt – is-sistemi nazzjonali jistgħu jevolvu lejn
aktar konverġenza f'konformità mal-ġurisprudenza tal-QEDB, iżda
mhux fuq perjodu ta' żmien qasir jew medju. ·
Għażla 2:
L-impatt globali se jkun limitat ladarba l-azzjonijiet huma nonvinkolanti u ma
għandhomx l-għan dirett li jistabbilixxu standards minimi komuni
fl-UE. ·
Għażla 3(a) – Rakkomandazzjoni: Minħabba n-natura nonvinkolanti tagħha,
huwa diffiċli li jiġi previst l-impatt tagħha, għax
jiddependi fuq kemm l-Istati Membri jridu jikkonformaw. Jekk tiġi
implimentata kif suppost, din l-għażla tkun teħtieġ bidliet
fis-sistemi tal-Istati Membri li attwalment għandhom standards baxxi
tal-għajnuna legali. ·
Għażla 3(b) – Direttiva: Għandha impatt medju kbir billi din
l-għażla tkun teħtieġ riformi leġiżlattivi
f’għadd ta’ Stati Membri, madankollu tippermetti ċerta flessibbiltà
permezz ta' obbligi fformulati b'mod ġenerali. ·
Għażla 4:
Għandha l-aktar impatti sinifikanti fuq is-sistemi tal-ġustizzja
nazzjonali billi l-ġudikatura jkollha l-għodda kollha
meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-dritt għall-għajnuna legali
bi standard għoli. Ikun hemm bżonn jitwettqu riformi
leġiżlattivi sinifikanti fis-sistemi tal-għajnuna legali
tal-Istati Membri kollha, sabiex ikunu konformi mal-istrument. 5.5. Impatt finanzjarju u
ekonomiku ·
Għażla 1:
Ma hemm l-ebda piżijiet finanzjarji immedjati assoċjati ma’ din
l-għażla. ·
Għażla 2:
L-ispejjeż għal din l-għażla se jkunu limitati u se
jitħallsu kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-UE. L-ogħla total
tal-ispejjeż finanzjarji huwa stmat li se jkun madwar EUR 23 miljun.
·
Għażla 3(a) – Rakkomandazzjoni: Jekk l-Istati Membri jikkonformaw
mar-rakkomandazzjoni, l-ispejjeż ikunu l-istess bħal
fl-għażla 3(b). ·
Għażla 3(b) – Direttiva: L-ispejjeż totali huma mistennija li jkunu fil-medja
tal-erba’ għażliet, u ħafna minnhom se jitħallsu
mill-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livell lokali u nazzjonali.
L-ispejjeż totali jvarjaw minn EUR 247 sa EUR 382 miljun.
Dawn jinkludu l-ispejjeż għall-miżuri li ġejjin: –
L-għajnuna legali fi proċedimenti ta'
MAE: EUR 0,13-0,24 miljun (fl-UE fis-sena) –
Is-sistema ta’ difiża f'emerġenza: EUR 52-81
miljun (fl-UE fis-sena) –
Il-kriterji ta’ eliġibbilità minimi komuni:
EUR 181-287 miljun (fl-UE fis-sena) –
Il-kontroll tal-kwalità: EUR 13,4 miljun
(fl-UE fis-sena) ·
Għażla 4:
L-ispejjeż totali huma mistennija li jkunu l-ogħla mill-erba’
għażliet, u ħafna minnhom se jitħallsu
mill-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livell lokali u nazzjonali.
L-ispejjeż totali jvarjaw minn EUR 1 594 sa
EUR 1 716-il miljun. Dawn ikunu jinkludu l-ispejjeż
għall-miżuri li ġejjin: –
L-għajnuna legali fi proċedimenti ta'
MAE: EUR 0,8-1,1 miljun (fl-UE fis-sena) –
Is-sistema ta’ difiża f'emerġenza:
EUR 180-210 miljun (fl-UE fis-sena) –
Il-kriterji minimi komuni ta’ eliġibbilità: EUR 1.4
biljun (biż-żieda ta’ EUR 92 miljun għall-għajnuna
legali obbligatorja għat-tfal) (fl-UE fis-sena) –
Il-kontroll tal-kwalità: EUR 13,4-il miljun
(fl-UE fis-sena) Għall-għażliet 3 u 4
l-ispejjeż ma jeħdux inkonsiderazzjoni l-iffrankar fl-ispejjeż
li huwa possibbli minn tnaqqis fl-ispejjeż attwali tal-QEDB u tal-appelli
domestiċi, tal-proċessi mill-ġdid, tal-proċedimenti mitmuma
minħabba rappreżentazzjoni legali mhux adegwata. 6. It-tqabbil
tal-għażliet/L-għażla ppreferuta Ma hemm l-ebda għażla ppreferuta. 7. Monitoraġġ u
evalwazzjoni Jekk l-għażla ppreferuta tkun
azzjoni leġiżlattiva fil-forma ta’ Direttiva, iż-żmien
stipulat għat-traspożizzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri se jkun
ta’ 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tagħha. L-Istati
Membri għandhom jintalbu jiġbru dejta affidabbli sabiex jassistu
f’dan il-proċess, peress li attwalment hemm nuqqas ta’ dejta bħal
din. Jekk l-għażla ppreferuta hija azzjoni fil-forma ta’
Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tagħha
l-aktar tard fi żmien erba’ snin minn meta tiġi ppublikata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tippjana
li twettaq studju empiriku speċifiku b’enfasi fuq il-ġbir tad-dejta
wara li kull strument tal-Pjan Direzzjonali dwar id-Drittijiet Proċedurali
jkun ilu applikat minn tliet snin sa ħamsa. Sabiex takkwista għarfien
kwantitattiv u kwalitattiv fil-fond dwar l-effikaċja tal-proposti, se
jintużaw indikaturi speċifiċi għall-għajnuna legali. [1] L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali
tal-UE u l-Artikolu 6(3)(c) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet
tal-Bniedem (KEDB). [2] COM(2011) 326 final, 8.6.2011. [3] Il-proċedimenti ta' MAE mhumiex per se
meqjusa bħala “proċedimenti kriminali” u mhumiex koperti mill-KEDB. [4] Ara pereżempju Schumann, Bruckmüller, Soyer, Pre-Trial
Emergency Defence Intersentia 2012. Cape et al, Effective Criminal
Defence in Eastern Europe, LARN 2012. Ara wkoll ir-Rapport tal-FTI Defence
Rights in the EU, Ottubru 2012, paragrafi 71-73 fejn hemm irrappurtat
dwar bosta problemi fl-iskemi b'avukati li jkunu fuq servizz fl-Istati Membri u
r-rapport reċenti ta' Justicia, p. 46. Ir-Rapport tal-Konferenza
mill-Konferenza dwar l-għajnuna legali f'Varsavja. Ara wkoll Improving
pre-trial Justice, p. 38 tal-Open Society Institute Sofia 2008, Report
on Civic monitoring of police stations (b'rabta mal-BU). [5] Il-KEDB u l-Karta jħaddnu test kumulattiv dwar
il-mezzi u l-merti, u l-persuni jridu jikkwalifikaw fit-tnejn sabiex jiksbu
l-għajnuna legali. Għalhekk huwa aċċettat li hemm
sitwazzjonijiet fejn persuna ssuspettata li ma jkollhiex biżżejjed
riżorsi ma tikkwalifikax għall-għajnuna legali, pereżempju
meta l-każ ma jkunx wieħed kumpless jew minħabba li s-sanzjoni
li tista' tiġi imposta ma tkunx daqshekk serja. [6] Pavlenko vs Russia, Rikors nru 42371/02,
sentenza tal-4 ta' Ottubru 2010, paragrafu 99. [7] Pereżempju, jekk awtorità ġudizzjarja tintalab
biex teżegwixxi sentenza tal-qorti minn Stat Membru ieħor fejn
l-istandards mhumiex adegwati, tista’ jew tirrifjuta li tagħmel dan, jew
tista’ titlob tagħrif addizzjonali li jwassal biex l-eżekuzzjoni
tiddewwem.