52013SC0264

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT PROPOSTA GĦAL DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-vjaġġi b'b'kollox inklużinkluż u arranġamenti tal-ivvjaġġar megħjuna, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fid-Direttiva 2011/83/UE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE /* SWD/2013/0264 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

PROPOSTA GĦAL DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-vjaġġi b'b'kollox inklużinkluż u arranġamenti tal-ivvjaġġar megħjuna, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fid-Direttiva 2011/83/UE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE

1.           INTRODUZZJONI

1.1.        Kuntest tal-politika

Is-suq tal-ivvjaġġar għandu rwol ċentrali fl-ekonomija Ewropea tal-lum.

Kompitu ewlieni tal-Unjoni Ewropea huwa li toħloq qafas regolatorju li jipprovdi biżżejjed protezzjoni għall-konsumaturi sabiex ikunu jistgħu b’mod kunfidenti jixtru l-vaganzi tagħhom fejn iridu fl-Unjoni. Fl-istess ħin, kundizzjonijiet indaqs għal negozji tal-ivvjaġġar għandu jiġi żgurat biex tiżdied il-kompetizzjoni fis-suq.

L-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Vjaġġi B'Kollox InklużB'Kollox Inkluż (PTD) fl-1990 tat kontribut sinifikanti għall-iżvilupp ta’ suq uniku għal parti importanti fis-suq tal-ivvjaġġar, u ħoloq drittijiet importanti għall-vjaġġaturi Ewropej. Madankollu, bl-iżvilupp tal-internet u l-popolarità ta’ modi ġodda li bihom il-konsumaturi jixtru l-btala tagħhom, l-applikabbiltà tad-Direttiva għal dawn il-prodotti kollha tal-ivvjaġġar ġodda sar inċert.

Kemm l-industrija kif ukoll l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi talbu ripetutament li l-PTD tiġi mmodernizzata. Ir-reviżjoni tal-PTD hija wkoll espliċitament prevista fl-Aġenda Ewropea dwar il-Konsumatur u tissemma fl-Anness II tal-Att dwar is-Suq Uniku II.

1.2.        Definizzjonijiet

· Arranġamenti ta’ vvjaġġar indipendenti — servizz tal-ivvjaġġar, bħal titjira, akkomodazzjoni jew kiri ta’ karozzi li jinxtara bħala prodott waħdu, jiġifieri li jinxtara separatament u li mhumiex offruti flimkien ma’ servizzi turistiċi oħrajn, anke jekk il-vjaġġatur juża diversi servizzi tal-ivvjaġġar għall-istess vjaġġ jew btala.

· Pakkett irranġat minn qabel — taħlita ta’ servizzi ta' vjaġġar miġbura bil-quddiem minn organizzatur u li jikkonsistu f’mill-inqas tnejn minn dawn is-servizzi: (1) ġarr ta’ passiġġieri u, (2) akkomodazzjoni u (3) servizzi turistiċi oħra mhux anċillari għat-trasport tal-passiġġieri jew l-akkomodazzjoni u li jammontaw għal parti sinifikanti tal-pakkett (eż. il-kiri ta’ karozzi).

· Arranġamenti tal-ivvjaġġar kombinati[1] - kombinazzjonijiet ta’ servizzi tal-ivvjaġġar fejn mill-inqas żewġ servizzi msemmija hawn fuq, bħal titjiriet, akkomodazzjoni f’lukandi jew kiri ta’ karozzi, huma mixtrija għal vjaġġ jew ta’ vaganza waħda jew mill-istess fornitur jew minn fornituri li jużaw proċessi ta' ibbukkjar assistiti u fejn ix-xerrej jista' jiġbor flimkien il-mezzi rilevanti ta' servizzi tal-ivvjaġġar skont il-preferenzi tiegħu (magħmula apposta). Arranġamenti tal-ivvjaġġar kombinati, għall-kuntrarju ta' pakketti li huma rranġati minn qabel, dinamiċi min-natura tagħhom u jistgħu jinqasmu f’żewġ subkategoriji ewlenin:

– Pakketti “one-trader”: Il-konsumaturi jistgħu jippersonalizzaw il-kontenut tal-vjaġġ jew ta’ vaganza skont il-ħtiġijiet tagħhom fuq websajt waħda jew f’aġent tal-ivvjaġġar filwaqt li jkunu ħielsa matul il-proċess tal-prenotazzjoni li jagħżlu komponenti separati tal-ivvjaġġar. Dawn l-arranġamenti tal-ivvjaġġar huma miġbura flimkien minn kummerċjant wieħed (inkluż fuq it-talba tal-vjaġġatur) u huma offruti jew mibjugħa f’mod li huwa tipiku għal pakketti, eż.:

– offruti, mibjugħa, jew iċċarġjati bi prezz inklużiv,

– mibjugħa fl-istess proċess ta’ prenotazzjoni,

– kopert minn kuntratt wieħed, jew

– reklamati jew mibjugħa taħt it-terminu “pakkett” jew taħt xi terminu simili,

– Arranġamenti tal-ivvjaġġar multi-trader:

· Pakketti “multi-trader”: Id-differenza bejn “pakkett multi-trader” u “pakkett one-trader” huwa li pakkett "multi-trader" jitqiegħed flimkien minn bosta kummerċjanti/ u l-arranġament ikollu mill-inqas wieħed mill-karatteristiċi li huma tipiċi għal pakketti indikati hawn fuq taħt pakketti “one-trader” , inkluż meta l-isem jew il-partikolaritajiet ta' vjaġġatur ikunu meħtieġa biex jikkonkludu tranżazzjoni ta' bbukkjar huma trasferiti bejn in-negozjanti mhux aktar tard minn meta l-prenotazzjoni tal-ewwel servizz ikun ikkonfermat;

· Arranġamenti tal-ivvjaġġar megħjuna “multi-trader” huma kombinazzjonijiet ta’ servizzi tal-ivvjaġġar fejn kummerċjant wieħed jiffaċilita b’mod immirat l-akkwist ta’ servizzi tal-ivvjaġġar minn kummerċjant ieħor matul żjara waħda ta’ punt tal-bejgħ jew permezz ta’ proċessi tal-ibbukkjar onlajn marbuta. F’dawn il-każijiet il-konsumaturi jikkonkludu kuntratti separati mal-fornituri relevanti tas-servizz u l-ebda element tipiku għal pakkett (ara hawn fuq) huma preżenti.

1.3.        Konsultazzjoni u kompetenzi

Il-Kummissjoni wettqet żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi (fl-2008 u l-2009) u għadd ta’ laqgħat ta’ ħidma mal-partijiet interessati (fl-2009, l-2010 u l-2012). DG JUST żamm ukoll kuntatt ma’ servizzi rilevanti permezz tal-Grupp ta' Tmexxija Valutazzjoni tal-Impatt (IASG), li tlaqqa' għall-ewwel darba f’Ġunju 2009 u ltaqa’ tliet darbiet.

1.4.        Karatteristiċi speċifiċi tal-vjaġġi b'kollox inklużi u l-qafas legali fis-seħħ

Għalkemm xi regoli orizzontali tal-protezzjoni tal-konsumaturi japplikaw ukoll għall-vjaġġi b'kollox inkluż, huma ma jirregolawx aspetti speċifiċi assoċjati magħhom, bħal obbligi ta’ tagħrif fuq l-itinerarju tal-ivjaġġar, id-definizzjoni ta’ responsabilità fl-eventwalita ta’ problemi fit-twettiq tal-pakkett u rekwiżiti obbligatorji ta’ protezzjoni mill-insolvenza. Ir-Regolamenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri jistipulaw drittijiet speċifiċi għal vjaġġaturi fir-rigward tas-servizzi tat-trasport, iżda mhux fir-relazzjoni mal-kombinazzjoni ta’ diversi servizzi turistiċi.

2.           DEFINIZZJONI TAL-PROBLEMA

Id-Direttiva dwar il-Vjaġġi B'Kollox Inkluż ħadmet tajjeb matul is-snin bil-ħolqien ta' suq tagħha stess. Madankollu, minħabba ż-żieda fix-xejra ta' xiri tal-ivvjaġġar permezz tal-internet, il-firxa tagħha saret mhux ċara u antikwata. Bħala konsegwenza, in-negozji madwar is-Suq Intern m'għadhomx jikkompetu fuq l-istess livell u qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ ostakli biex jespandu l-operat tagħhom b’mod transkonfinali. L-ambitu skadut tagħha huwa sors ta’ detriment sinifikanti għall-konsumaturi li ħafna drabi jixtru vjaġġi mhux protettetti taħt l-impressjoni li huma protetti. Dispożizzjonijiet oħrajn skaduti u mhux ċari tad-Direttiva attwali jiġġeneraw spejjeż mhux meħtieġa għan-negozji u l-konsumaturi.

2.1.        Il-kuntest tad-definizzjoni tal-problema - bidliet fis-suq tal-ivvjaġġar

73 % tal-unitajiet domestiċi fl-UE kellhom aċċess għall-internet fl-2011. Kważi żewġ terzi taċ-ċittadini tal-UE jużaw l-internet mill-inqas darba fil-ġimgħa. Iktar minn nofs l-utenti tal-Internet huma “utenti regolari” u li jużaw l-internet kuljum jew kważi kuljum. Is-servizzi tal-ivvjaġġar huma l-kategorija l-aktar popolari mixtrija onlajn.

L-internet biddel il-mod li bih il-konsumaturi jorganizzaw il-vaganzi tagħhom. Arranġamenti tal-ivvjaġġar kombinati qed jiżdiedu: id-dejta turi li 23 % taċ-ċittadini tal-UE xtrawhom iżda ċ-ċifri huma sostanzjalment ogħla għall-Irlanda (46 %), l-Isvezja (44 %), l-Italja (36 %) u s-Slovenja (42 %).

2.2.        Problemi ewlenin iffaċċjati min-negozji

2.2.1.     Nuqqas ta’ sitwazzjoni bl-istess kondizzjonijiet għal kulħadd

Il-bidliet fis-suq wasslu għal sitwazzjoni fejn in-negozji koperti mill-PTD huma suġġetti għal regoli u spejjeż differenti meta mqabbla ma’ dawk li mhumiex jew ma jqisux lilhom infushom bħala koperti miIl-PTD, għalkemm huma qegħdin jikkompetu għall-istess klijenti. L-ispiża medja tal-konformità għan-negozji ġie stmat għal EUR 10,5-12,5 għal kull pakkett.

2.2.2.     Spejjeż ta’ konformità mhux meħtieġa/mhux ġustifikati

Xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva skadew jew joħolqu piż żejjed fuq il-kumpaniji. Dan japplika b’mod partikolari għal rekwiżiti ta' informazzjoni skaduta (eż. rekwiżiti speċjali għal fuljetti jew prenotazzjoni tal-aħħar mument), in-nuqqas ta’ limitazzjoni tal-organizzatur mir-responsabilità f’każijiet fejn, permezz ta’ avvenimenti ta’ forza maġġuri, il-vjaġġ ta’ ritorn ma jistax ikun ipprovdut kif skedat, u ta’ spejjeż doppji għal vjaġġi ta’ negozju organizzati minn kumpaniji ta’ ġestjoni tal-ivvjaġġar (TMCS, meta dawk il-kumpaniji jipprovdu livell simili ta’ protezzjoni bħal taħt il-PTD).

2.2.3.     Diskrepanzi legali fl-Istati Membri li jwasslu għal ostakli għall-kummerċ transkonfinali

Id-Direttiva attwali hija bbażata fuq armonizzazzjoni minima, u dan irriżulta f’diskrepanzi legali bejn l-Istati Membri. Din il-frammentazzjoni tiġġenera spejjeż addizzjonali ta’ konformità għan-negozji li jixtiequ jagħmlu kummerċ transkonfinali (EUR 2 għal kull pakkett, li jfisser li dawn in-negozji jispiċċaw iħallsu EUR 12,5-Eur 14,5 għal kull pakkett) li jirriżultaw minn rekwiżiti ta’ informazzjoni differenti, ambitu differenti tarr-regoli ta' protezzjoni, differenzi fi skemi ta’ protezzjoni mill-insolvenza, flimkien ma’ nuqqas ta’ rikonoxximent reċiproku, u regoli nazzjonali differenti dwar ir-responsabiltà ta’ partijiet differenti.

2.3.        Problemi ewlenin għall-konsumaturi

2.3.1.     Id-detriment tal-konsumatur imġarrab mill-utenti ta’ arranġamenti tal-ivvjaġġar kombinati

L-Istudju ta' Detriment lill-Konsumatur qies li d-detriment annwali għall-konsumatur personali għal arranġamenti tal-ivvjaġġar kombinati fl-UE27 jammonta għal aktar minn EUR 1 biljun netti (jiġifieri wara kumpens). Dan huwa minħabba l-fatt li problemi li jikkonċernaw arranġamenti tal-ivvjaġġar kombinati huma aktar frekwenti u, bħala medja, aktar ta’ detriment minn problemi relatati ma’ pakketti rranġati minn qabel. L-insolvenza ta’ organizzatur jew fornitur ta’ servizz jista’ jkun partikolarment ta’ ħsara għall-konsumaturi. Huwa ta’ spiss diffiċli għal konsumaturi biex jifhmu jekk arranġamenti tal-ivvjaġġar kombinati li jkunu xtraw bl-għajnuna ta’ negozjant ikunux protetti jew le. Tabilħaqq, 67 % tal-konsumaturi li xtraw arranġamenti tal-ivvjaġġar kombinati permezz ta’ intermedjarju ma’ kontijiet minn kumpaniji differenti kienu jemmnu li kienu se jirċievu rifużjoni f’każ ta’ falliment ta’ wieħed minnhom. Din il-konfużjoni tista’ twassal għal detriment sinifikanti, partikolarment meta l-konsumaturi biss jirrealizzaw li mhumiex protetti ladarba kumpanija tal-ivvjaġġar tagħhom tkun falliet u jitħallew iżolati barra mill-pajjiż jew ma jkunux jistgħu jieħdu flushom lura.

2.3.2.     Id-detriment tal-konsumatur li jirriżulta minn regoli mhux ċari u antikwati

Sa ċertu punt anki dawk li jixtru pakketti rranġati minn qabel “protetti” jsofru detriment. Dan huwa minħabba l-fatt li xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva huma neqsin miċ-ċarezza, huma skaduti jew ma jissodisfawx l-aspettattivi raġonevoli tal-konsumaturi tal-lum. Dan japplika b’mod partikolari għal ċerti regoli dwar ir-responsabilità, l-inċertezzi marbuta mal-prezzijiet, nuqqas ta’ dritt għal terminazzjoni u aċċess ikkumplikat għall-ġustizzja.

2.4.        Status Quo — Xenarju bażi (BS)

Mingħajr intervent pubbliku addizzjonali, il-problemi identifikati jibqgħu hemm. F’perspettiva aktar fit-tul, huma x’aktarx jiżdiedu, meta wieħed iqis il-popolarità dejjem tikber tal-Internet u ta' arranġamenti tal-ivvjaġġar kombinati.

2.5.        L-UE għandha d-dritt li taġixxi?

Il-bażi legali għal azzjoni tal-UE hija l-Artikolu 114 tat-Trattat li jistipula li "il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom […] jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b'regolamenti jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern." B'żieda ma' dan, l-Artikolu 114 (3) jispeċifika li "l-Kummissjoni, fil-proposti tagħha kif maħsuba fil-paragrafu 1 li jikkonċerna s-saħħa, is-sigurtà, il-ħarsien tal-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur, għandha tieħu bħala bażi protezzjoni fl-ogħla livell, waqt li tieħu kont partikolarment ta' kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi."

L-għan ta’ titjib fil-protezzjoni tal-konsumatur filwaqt li jeliminaw il-frammentazzjoni legali u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri.

3.           L-GĦANIJIET POLITIĊI

L-għanijiet ġenerali huma li jikkontribwixxi għal tħaddim aqwa tas-suq intern fis-settur tal-ivvjaġġar b’b'kollox inkluż u li jikseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur f’dan is-settur.

4.           GĦAŻLIET TA’ POLITIKA

4.1.        Għażliet politiċi identifikati

· Għażla 1 — Iż-żamma tal-istatus quo — xenarju bażiku (PO1)

· Għażla 2 — Linji Gwida (PO2)

· Għażla 3 — It-tikketta Vjaġġi B'Kollox Inkluż (subalternattiva A) u/jew rekwiżit fuq kummerċjanti li jbigħu arranġamenti tal-ivvjaġġar megħjuna biex jiddikjaraw jekk is-servizzi inkwistjoni ma jikkostitwixxux pakkett — l-hekk imsejħa dikjarazzjoni ta’ ċaħda “Din mhuwiex pakkett” (subalternattiva B) (PO3)

· Għażla 4 — Revoka tad-Direttiva u awtoregolamentazzjoni (PO4)

· Għażla 5 — L-immodernizzar tad-Direttiva u l-kopertura ta’ pakketti “one-trader” (PO5)

PO5 tinvolvi reviżjoni tal-PTD preżenti li fiha jiġi ċċarat l-ambitu tagħha permezz tal-inklużjoni espliċita ta’ pakketti tal-ivvjaġġar “one-trader” u taġġorna u ttejjeb diversi dispożizzjonijiet.

· Għażla 6 — L-approċċ gradwali — l-immodernizzar tad-Direttiva u l-kopertura kemm ta’ pakketti “one-trader” kif ukoll “multi-trader” filwaqt li jiġi applikat reġim eħfef għal arranġamenti tal-ivvjaġġar “multi-trader” megħjuna (PO6)

Din l-għażla tinkludi PO5 (il-miżuri kollha ta’ politika proposti) issupplimentat b’estensjoni tal-ambitu tal-PTD ma’ approċċ gradwali:

- pakketti “multi-trader” jiġifieri “pakketti ġodda” kollha se jkunu soġġetti għall-istess reġim bħala pakketti rranġati minn qabel (inklużi r-responsabilità kollha għat-twettiq tal-pakkett u l-obbligu li jakkwistaw protezzjoni mill-insolvenza),

- arranġament tal-ivjaġġar “multi-trader” megħjuna se jkunu soġġetti għal reġim eħfef, limitat għal protezzjoni mill-insolvenza u obbligu biex jiddikjaraw b’mod ċar u prominenti li kull fornitur ta’ servizz se jkun unikament responsabbli kuntrattwalment għat-twettiq tas-servizzi (l-għażla ta’ politika 3B),

· Għażla 7 — L-immodernizzar tad-Direttiva u l-kopertura kemm ta’ suġġett “pakketti” kif ukoll arranġamenti tal-ivvjaġġar “multi-trader” kollha (PO7)

Din l-għażla tinkludi PO5 u 6 filwaqt li tesponi wkoll l-arranġamenti tal-ivvjaġġar “multi-trader” megħjuna kollha għar-rekwiżiti tal-PTD kollha. Dan ifisser li l-obbligi u r-responsabilitajiet kollha japplikaw għal arranġamenti tal-ivvjaġġar “multi-trader” megħjuna wkoll.

· Għażla 8 — “Direttiva dwar l-Ivjaġġar” (PO8)

Din l-għażla tinkludi PO 7 supplimentata b’estensjoni tal-ambitu għal arranġamenti tal-ivvjaġġar indipendenti kollha. Din l-alternattiva fil-prinċipju tapplika l-istess regoli għal servizzi tal-ivjaġġar kollha irrispettivament jekk il-prodott huwiex offrut/mixtri bħala parti minn pakkett jew bħala prodott waħdu.

4.2.        Għażliet Politiċi mhux miżmuma

Huwa propost li PO8 ma tinżammx minħabba li l-maġġoranza tal-problemi tal-konsumaturi ma’ arranġamenti ta’ vvjaġġar indipendenti jistgħu, sakemm teżisti sistema xierqa ta’ infurzar fil-livell nazzjonali, ikunu ttrattati b’suċċess fil-qafas ta’ leġiżlazzjoni orizzontali eżistenti.

5.           VALUTAZZJONI TAL-IMPATTI

5.1.        Valutazzjoni ta’ PO2 — LINJI GWIDA

Din il-PO tinvolvi ż-żamma tal-PTD fil-forma preżenti tagħha u tħejji linji gwida. Sa ċertu punt din tista' żżid iċ-ċarezza regolatorja għan-negozji u l-konsumaturi. Meta mqabbla max-xenarju bażi, din l-għażla tista’ twassal għal tnaqqis żgħir ħafna ta’ detriment għal konsumatur bħala riżultat ta’ implimentazzjoni aħjar tal-PTD min-negozji u infurzar aktar strett mill-Istati Membri. Madankollu, peress li l-linji gwida huma, skont id-definizzjoni, mhux legalment vinkolanti, dawn il-benefiċċji huma inċerti.

5.2.        Valutazzjoni ta' PO3 — it-Tikketta Vjaġġi B'Kollox Inkluż (PO3 A) u/jew iċ-ċaħda “Dan mhuwiex pakkett” (PO3 B), għażla ta’ żieda mal-għażliet ta’ politika oħrajn

Billi l-konsumaturi qegħdin dejjem aktar jirrikonoxxu li l-istess tikketta tapplika madwar l-UE, PO3 A x’aktarx li twassal għal kompetizzjoni aktar ġusta bejn l-atturi differenti fis-suq u tista’ għalhekk issaħħaħ il-funzjonament tas-suq intern. It-tikketta tista’ tnaqqas id-detriment tal-konsumaturi billi l-konsumaturi jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati. Iċ-ċaħda (PO3 B) hija mistennija li tkun aktar effettiva mit-tikketta Vjaġġi B'Kollox Inkluż minħabba li informazzjoni negattiva twissi l-konsumaturi li kieku jixtru arranġamenti għall-ivvjaġġar mingħajr protezzjoni taħt l-impressjoni żbaljata li dawn ikunu protetti. L-ispejjeż ta’ konformità għan-negozji skont din il-PO huma limitati għal miżuri ta’ spiża medja ta' darba stmata ta’ EUR 500 għal kull kumpanija.

5.3.        Valutazzjoni ta’ PO4 – Revoka tad-Direttiva

Ir-revoka tad-Direttiva tista' tnaqqas il-konformità u l-ispejjeż amministrattivi għan-negozji b’EUR 10,5-EUR 12,5 għal kull pakkett, li fit-teorija jistgħu jwasslu għal prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi. Madankollu dawn il-benefiċċji jiddependu fuq ir-rieda tal-Istati Membri biex jirrevokaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri x’aktarx li jżommu protezzjoni għall-konsumaturi fil-qasam ta’ vjaġġi b’kollox inkluż. Għalhekk, din il-PO tista' tirriżulta wkoll f’aktar frammentazzjoni tas-Suq Intern.

5.4.        Valutazzjoni ta’ PO5 — L-immodernizzar tad-Direttiva u l-kopertura ta’ pakketti “one-trader”

PO5 għandha tikkontribwixxi għat-tħaddim aħjar tas-Suq Intern fis-settur tal-ivvjaġġar b’kollox inkluż, telimina l-frammentazzjoni legali u tagħmel kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi. Xi spejjeż ta’ konformità mhux ġustifikati pereżempju, dawk relatati ma' regoli għal fuljetti, se jitneħħew. Ikun hemm madankollu żieda ta’ spejjeż ta’ konformità għal pakketti ġodda “one-trader” miġjuba taħt l-ambitu tal-PTD. Jekk wieħed jassumi li 50 % tal-pakketti one-trader jkunu diġà koperti miIl-PTD preżenti, l-ispejjeż addizzjonali ta’ konformità jkunu jammontaw għal EUR 335-EUR 424 miljun (stima ta’ spejjeż ta’ konformità għal kull pakkett baxxa -EUR 7,5 u għolja -EUR 9,5). Dawn l-ispejjeż addizzjonali ta’ konformità għall-industrija se jiġu kkumpensati (għall-inqas parzjalment):

– bit-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi (EUR 395 miljun)

– iffrankar tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-esklużjoni ta’ vjaġġi ta’ negozju organizzati minn Kumpaniji ta’ Ġestjoni tal-Ivvjaġġar mill-ambitu tad-Direttiva bejn EUR 60 u EUR 76 miljun ((livell baxx-Eur 7,5 u livell għoli-EUR 9,5 stima ta’ spejjeż ta’ konformità għal kull pakkett));

– rikonoxximent reċiproku ta’ protezzjoni mill-insolvenza;

– l-introduzzjoni ta’ limitazzjoni (fi ġranet) biex jipprovdu arranġamenti alternattivi f’każ li avvenimenti ta’ forza maġġuri jdumu fit-tul.

Billi aktar pakketti “one-trader” jinġiebu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-PTD (din l-għażla tkopri madwar 40 % ta’ vjaġġi ta’ vaganza) u ċerti regoli jkunu kkjarifikati, id-detriment tal-konsumatur għandu jonqos b’EUR 348 miljun jekk 50 % ta’ pakketti tal-ivjaġġar one-trader jinġabu għall-ewwel darba taħt l-ambitu tal-PTD.

5.5.        Valutazzjoni tal-PO6 — L-approċċ gradwali — L-immodernizzar tad-Direttiva u l-kopertura kemm ta’ pakketti “one-trader” kif ukoll “multi-trader” filwaqt li jiġi applikat reġim eħfef għal arranġamenti tal-ivvjaġġar “multi-trader” megħjuna

Meta mqabbla ma’ PO5, din l-alternattiva tkompli tikkontribwixxi għal tħaddim aħjar tas-suq intern fis-settur tal-ivvjaġġar b’kollox inkluż, telimina l-frammentazzjoni legali u jkun hemm kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi totali spejjeż ta’ konformità addizzjonali tista’ tiġi stmata għal EUR 528-EUR 654 miljun fis-sena (livell baxx-Eur 7,5 u livell għoli-EUR 9,5 stima ta’ spejjeż ta’ konformità għal kull pakkett).

Trendi arranġamenti tal-ivvjaġġar “multi-trader” megħjuna suġġett esklużivament għall-obbligi li jiddikjaraw li huma ma jikkostitwixxux pakkett u biex jakkwistaw protezzjoni mill-insolvenza, iżid it-trasparenza għall-konsumaturi u tiżgura li jkun hemm kompetizzjoni ġusta, filwaqt li jiġu evitati spejjeż mhux meħtieġa assoċjati mal-obbligi kollha li japplikaw għal pakketti.

Dan reġim eħfef ikun ta’ benefiċċju b’mod partikulari għall-SMEs li bħalissa jbigħu pakketti "multi-trader" u “one-trader” għaliex jista’ jkun diffiċli għalihom biex ikopru r-responsabilità għat-twettiq tas-servizzi kollha pprovduta minn kummerċjanti differenti. Dawn il-kumpaniji jkunu jistgħu jadattaw l-attivitajiet kummerċjali tagħhom b’tali mod li jħarsu biss xi rekwiżiti tal-PTD (protezzjoni mill-insolvenza u obbligu li tintwera ċ-ċaħda ta’ responsabilità “Dan mhuwiex pakkett”). Huwa impossibbli li jiġi kwantifikat b’mod preċiż kemm in-negozji jkunu jistgħu jagħmlu dan. Madankollu, jekk wieħed jassumi li 25 % ta’ pakketti “one-trader” u 50 % ta’ pakketti “multi-trader” fil-futur jinbiegħu bħala arranġamenti tal-ivvjaġġar megħjuna, it-total annwali addizzjonali tal-ispejjeż ta’ konformità ta' PO6 jista’ jiġi stmat għal EUR 386-EUR 444 miljun fis-sena (livell baxx-EUR 7.5 u livell għoli EUR 9.5 stima ta’ spejjeż ta’ konformità għal kull pakkett).

Għall-konsumaturi, hekk kif aktar pakketti jinġiebu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-PTD, id-detriment annwali tal-konsumatur jista' raġonevolment ikun stmat li jonqos b’EUR 508 miljun. Madankollu, billi jintużaw l-istess suppożizzjonijiet kif spjegat hawn fuq li wħud mill-kummerċjanti jistgħu jadattaw il-mudelli tan-negozju tagħhom u ma jibqgħux ibigħu aktar pakketti, it-tnaqqis totali ta’ kull sena li ssir lill-konsumatur tista’ tiġi stmata għal EUR 430 miljun. Barra minn hekk, iċ-ċaħda “Dan mhuwiex pakkett” — għandha tgħin lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet infurmati.

5.6.        Valutazzjoni tal-PO7 — L-immodernizzar tad-Direttiva u l-kopertura kemm ta’ pakketti "one-trader” kif ukoll arranġamenti tal-ivvjaġġar “multi-trader” kollha

Bl-istess mod għal PO6, din l-alternattiva tikkontribwixxi għal funzjonament aħjar tas-suq intern fis-settur tal-ivvjaġġar b’kollox inkluż. Madankollu, billi jiġi estiż l-ambitu tal-arranġamenti tal-ivjaġġar "multi-trader" kollha u billi dawn ikunu kollha suġġetti għall-obbligi tal-PTD, din l-għażla tiġġenera spejjeż mhux proporzjonali u mhux ġusti għal kumpani li jkunu sempliċement intermedjarji, minħabba li ma jkunux jistgħu jiggarantixxu t-twettiq tas-servizzi kollha inklużi fil-kombinazzjoni tal-ivjaġġar. L-ispejjeż addizzjonali ta' konformità jistgħu jkunu stmati għal EUR 610 - EUR 773 miljun annwali (livell baxx - EUR 7,5 u livell għoli EUR 9,5 stima ta' spejjeż ta' konformità għal kull pakkett). Din il-PO kieku tkompli żżid l-għadd ta’ konsumaturi mħarsa mis-sistema tal-PTD u tnaqqas id-detriment tal-konsumaturi annwali b’EUR 593 miljun.

6.           TQABBIL TAL-GĦAŻLIET

L-għażla 6 "approċċ gradwali", inkluż l-għażla sussidjarja 3B, għandha għadd ta' vantaġġi fuq il-POs l-oħra. Fil-fatt, tilħaq l-għanijiet ta' politika ddikjarati billi għandha trendi l-livell ugwali filwaqt li tiżgura li l-ispejjeż ta' konformità jkunu raġonevoli għall-dawk il-parteċipanti ġodda li jaqgħu taħt l-ambitu tagħha. Din l-għażla tipprovdi wkoll reġim eħfef li jkun ta’ benefiċċju partikolari għall-SMEs u l-mikrointrapriżi, li jistgħu jinsabu f'diffikultà biex jassumu r-responsabbiltà għat-twettiq ta' servizzi differenti inklużi f’kombinazzjoni tal-ivvjaġġar. Għall-konsumaturi, PO6 iġġib magħha tnaqqis sinifikanti tad-detriment tal-konsumatur minħabba t-twessigħ tal-ambitu tiegħu, jiżgura protezzjoni mill-insolvenza għat-tipi kollha ta’ arranġamenti tal-ivvjaġġar kombinati, kjarifika ta’ ċerti regoli skaduti u mhux ċari tad-Direttiva attwali u trasparenza akbar tal-informazzjoni li tingħata lill-konsumaturi. Din tikseb bilanċ ġust bejn l-interessi tan-negozji u l-interessi tal-konsumatur billi jiġu indirizzati biss dawk is-sitwazzjonijiet fejn hemm elementi konkreti li jindikaw lill-konsumatur li jkun qed jixtri pakkett, filwaqt li l-applikazzjoni ta’ “reġim eħfef” biss ma’ xi ftit mir-rekwiżiti tal-PTD (protezzjoni mill-insolvenza u obbligi ta’ informazzjoni) għal sitwazzjonijiet fejn ir-rabta bejn is-servizzi offruti jkun inqas prominenti.

7.           MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI

Il-proċess ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni għandu jiffoka fuq l-objettivi determinati mid-definizzjoni tal-problema. Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data ta’ skadenza tat-traspożizzjoni.

[1]               Arranġamenti tal-ivvjaġġar kombinati spiss jissemmew mill-industrija bħala pakketti dinamiċi. It-terminu arranġamenti tal-ivvjaġġar kombinati għalhekk huwa sinonimu għal pakketti dinamiċi u se jkunu jistgħu jintużaw wieħed flok l-ieħor fid-dokument kollu b’mod partikolari meta ssir referenza għar-riżultati ta’ studju fuq id-Detriment tal-Konsumatur fil-qasam ta’ Pakketti Dinamiċi