52013SC0200

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/71/EURATOM li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sikurezza nukleari ta’ installazzjonijiet nukleari /* SWD/2013/0200 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/71/EURATOM li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sikurezza nukleari ta’ installazzjonijiet nukleari

1.           Introduzzjoni

Fil-preżent, l-enerġija nukleari tiġġenera kważi 30 % tal-elettriku kollu fl-UE u madwar żewġ terzi tal-elettriku b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju. Is-sikurezza nukleari hija tal-akbar importanza għall-UE u n-nies tagħha. L-ispejjeż ta' aċċident nukleari jistgħu jkunu tant kbar, li jistgħu jeqirdu ekonomiji nazzjonali. Għalhekk huwa essenzjali għas-soċjetà u l-ekonomija li jitnaqqas ir-riskju ta’ aċċidenti nukleari fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE billi jiġu applikati standards għoljin għas-sikurezza nukleari kif ukoll kwalità għolja ta’ sorveljanza regolatorja. L-aċċident nukleari ta’ Fukushima fil-Ġappun fl-2011 ġedded l-attenzjoni politika dinjija fuq il-miżuri meħtieġa sabiex jiġu żgurati l-aħjar livelli ta’ sikurezza nukleari.

Abbażi tal-mandat mill-Kunsill Ewropew f’Marzu 2011[1], il-Kummissjoni Ewropea (KE), flimkien mal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG), nediet valutazzjonijiet komprensivi tas-sikurezza u r-riskji madwar l-UE tal-impjanti nukleari (“Testijiet tal-Istress”). Ir-riżultati identifikaw differenzi fl-approċċi tas-sikurezza nukleari u prattiki industrijali fil-pajjiżi parteċipanti[2].

Il-mandat mill-Kunsill Ewropew inkluda t-talba lill-KE sabiex tirrevedi l-qafas legali u regolatorju eżistenti għas-sikurezza ta’ installazzjonijiet nukleari u sabiex tipproponi kwalunkwe titjib li jista’ jkun meħtieġ. Kwalunkwe proposta leġiżlattiva għandha tqis il-konklużjonijiet tat-Testijiet tal-Istress u l-lezzjonijiet mitgħallma mill-aċċident nukleari ta' Fukushima, kif ukoll l-input minn konsultazzjoni pubblika miftuħa u mill-opinjonijiet tal-partijiet interessati kollha. Il-konsultazzjoni uriet li maġġoranza kbira huma favur it-tisħiħ tal-qafas leġiżlattiv tal-UE.

Din il-Valutazzjoni tal-Impatt tqis il-fatturi msemmija hawn fuq, li jiddeskrivu l-isfida ta' li jiġu żgurati livelli suffiċjenti ta’ sikurezza nukleari fl-UE. Tiddefinixxi l-objettivi ġenerali u speċifiċi għall-prevenzjoni mtejba u għat-tnaqqis tal-aċċidenti nukleari. Huma proposti u analizzati għadd ta’ għażliet politiċi, li jvarjaw miż-żamma tas-sitwazzjoni attwali għal riformi aktar profondi. Kull għażla ġiet ivvalutata skont l-impatti tas-sikurezza, ekonomiċi, ambjentali u soċjali stmati tagħha.

L-alternattiva magħżula temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/EURATOM li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-Sikurezza Nukleari ta’ installazzjonijiet nukleari[3] ('Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari'), billi ssaħħaħ prinċipji u rekwiżiti dwar is-sikurezza nukleari ġenerali eżistenti jew billi tintroduċi oħrajn ġodda, ikkumplimentati bi kriterji u proċeduri tas-sikurezza nukleari tal-Euratom armonizzati sabiex tiġi vverifikata l-implimentazzjoni tagħhom fuq livell nazzjonali. Tipprovdi wkoll għal indipendenza akbar tar-regolaturi u għal trasparenza pubblika miżjuda dwar il-prestazzjoni tal-industrija u tar-regolaturi. Filwaqt li wħud mill-miżuri bażi tal-alternattiva ppreferuta jistgħu jiġu implimentati mingħajr telf ta' żmien, oħrajn jeħtieġu xogħol ta' iżvilupp tekniku b'input mill-Istati Membri.

2.           Definizzjoni tal-problema

L-aċċident fl-impjant nukleari (NPP) ta’ Fukushima Daiichi fl-2011 wassal għal ħsara ambjentali, ekonomika u soċjali sinifikanti u qajjem tħassib dwar il-possibbiltà ta’ effetti fuq is-saħħa fil-populazzjoni affettwata fil-Ġappun. Minkejja li ġie kkawżat minn terremot u tsunami ta’ saħħa immensa, l-investigazzjonijiet tal-kawżi tal-aċċident jiżvelaw firxa ta’ fatturi prevedibbli li flimkien jagħtu eżitu katastrofiku. L-analiżi tal-aċċident ta’ Fukushima tiżvela kwistjonijiet tekniċi pjuttost sostanzjali u rikorrenti kif ukoll nuqqasijiet istituzzjonali persistenti simili għal dawk tal-evalwazzjonijiet ta’ wara l-aċċidenti nukleari ta’ Three Mile Island u ta’ Chernobyl għexieren ta’ snin ilu. Dan l-aħħar aċċident nukleari għal darb’oħra affettwa ħażin il-fiduċja tal-pubbliku fir-rigward tas-sikurezza tal-enerġija nukleari, u b’mod partikolari fi żmien meta l-użu tal-enerġija nukleari qiegħed jiġi diskuss bħala għażla possibbli sabiex jiġu ssodisfati d-domandi globali għall-enerġija b’mod sostenibbli.

L-UE għandha 132 reattur operattiv, li jirrappreżentaw madwar terz mill-437 reattur operattiv tal-enerġija nukleari fid-dinja. Il-biċċa l-kbira tal-NPPs tal-UE kienu diġà nbnew tlieta sa erba’ deċennji ilu, u huma bbażati fuq disinji u dispożizzjonijiet dwar is-sikurezza li minn dak iż-żmien baqgħu jiġu aġġornati. F'Mejju 2011, tniedew it-"testijiet tal-istress" sabiex jivvalutaw jekk il-marġnijiet tas-sikurezza attwali humiex biżżejjed sabiex ikopru diversi avvenimenti mhux mistennija. Ir-riżultati juru firxa ta' punti pożittivi u dgħjufijiet fl-NPPs kollha, inkluż il-ħtieġa ċara li għal numri ta' impjanti, jiġu implimentati miżuri li jżidu r-robustezza kontra bosta tipi ta' perikli interni u esterni. It-testijiet urew ukoll differenzi sinifikanti fl-approċċi nazzjonali għall-valutazzjoni ta' aċċidenti li jmorru lil hinn mid-disinn li jagħmluha diffiċli jekk mhux impossibbli li ssir valutazzjoni adegwata tal-livelli tas-sikurezza attwali. Pereżempju, f'xi każijiet, ir-riskju ta' terrimot ma ġiex ikkunsidrat fil-bażi tad-disinn orġinali iżda ġie introdott biss f'fażi iktar tard, u/jew ma ġiex meqjus biżżejjed. Minn dak iż-żmien ġew żviluppati approċċi ġodda għall-periklu sismiku u għall-valutazzjoni tar-riskji, iżda mhux l-operaturi kollha vvalutaw mill-ġdid il-perikli tas-sit u r-riskji sismiċi b'metodoloġiji, dejta u kriterji reċenti.

3.           Kwistjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati

Fuq il-bażi tas-sorsi varji ta' ħila, bħal inizjattivi korrespondenti mill-IAEA u mill-WENRA kif ukoll lezzjonijiet mitgħallma mit-Testijiet tal-Istress tal-UE u mill-investigazzjonijiet tal-aċċident ta' Fukushima, ġew identifikati oqsma ewlenin għal titjib tas-sikurezza nukleari. Dawn l-oqsma problematiċi jikkonċernaw kwistjonijiet tekniċi (b'mod partikolari l-lokazzjoni u d-disinn tas-sit), is-sorveljanza regolatorja, aspetti relatati mal-governanza tas-sikurezza nukleari (indipendenza regolatorja u trasparenza) kif ukoll il-kwistjoni ta' stat ta' tħejjija u rispons f'każ ta' emerġenza.

•           Kwistjonijiet tekniċi •           Kwistjonijiet ta' sorveljanza regolatorja •           Kwistjonijiet ta' indipendenza regolatorja •           Kwistjonijiet ta' trasparenza •           Kwistjonijiet ta' stat ta’ tħejjija u rispons f'każ ta' emerġenza

In-nuqqasijiet ewlenin identifikati jinkludu diskrepanzi fl-iżgurar ta' identifikazzjoni komprensiva u trasparenti u l-ġestjoni ta' kwistjonijiet ewlenin relatati mas-sikurezza, in-nuqqas li jiġu implimentati miżuri tas-sikurezza importanti u n-nuqqas ta' approċċ konsistenti fost l-Istati Membri għar-regolazzjoni ta' riskji nukleari minkejja n-natura transkonfinali tagħhom.

Il-leġiżlazzjoni tas-sikurezza nukleari tal-Euratom attwali, b'mod partikolari d-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari, tistabbilixxi qafas tal-Euratom li huwa vinkolanti legalment, ibbażat fuq prinċipji u obbligi ġenerali rikonoxxuti fuq livell internazzjonali. Madankollu, minħabba li l-iskop ta' din id-Direttiva huwa limitat għal dawn il-prinċipji ġenerali, id-dgħjufija prinċipali tiegħu hija li ma għandu ebda mezz kif jindirizza b'livell dettaljat biżżejjed, il-kwistjonijiet tas-sikurezza tekniċi li jirriżultaw mill-aċċidenti nukleari ta' Fukushima u identifikati fil-kors tat-Testijiet ta' Stress. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttiva ma jidhrux li huma biżżejjed fil-qasam tal-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Barra minn hekk, it-Testijiet tal-Istress juru biċ-ċar li l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn il-partijiet kollha li għandhom responsabbiltajiet għas-sikurezza nukleari, pereżempju fil-forma ta' reviżjonijiet bejn il-pari, għandhom jissaħħu. Id-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttiva li jikkonċernaw it-trasparenza għandhom jittejbu wkoll. Barra minn hekk, il-kwistjoni ta' stat ta’ tħejjija u rispons adegwati fuq is-sit f'każ ta' emerġenza għandha tiġi kkunsidrata.

Minkejja l-irwol tat-Testijiet tal-Istress fit-titjib tas-sikurezza tal-NPPs tal-UE, id-dgħjufija hija relatata man-natura mhux vinkolattiva tagħhom. Bħala eżerċizzju volontarju, ta' darba, huma ma jiggarantixxux li l-miżuri identifikati sejrin jiġu implimentati b'mod sħiħ u aġġornati regolarment.

Permezz tal-IAEA, ġew żviluppati u sar qbil fuq prinċipji, standards u Konvenzjonijiet internazzjonali tas-sikurezza[4] li jirregolaw is-sikurezza nukleari. Madankollu, dawn l-istandards tas-sikurezza mhumiex vinkolanti legalment, filwaqt li l-Konvenzjonijiet internazzjonali huma vinkolanti legalment iżda mhux infurzabbli. Il-leġiżlazzjoni tal-Euratom tibbenefika minn mekkaniżmi ċari u b'saħħithom għal sanzjoni għat-traspożizzjoni u implimentazzjoni xierqa tagħha. Wara l-avvenimenti ta' Fukushima, l-Istati Membri tal-IAEA jagħrfu b'mod ġenerali l-ħtieġa li jtejbu l-effikaċja, il-governanza u l-infurzabilità tal-qafas legali internazzjonali għas-sikurezza nukleari.

4.           Il-kompetenza tal-Euratom, sussidjarjetà u proporzjonalità

Kwalunkwe reviżjoni leġiżlattiva għandha tkun mibnija fuq l-approċċ tad-Direttiva attwali dwar is-Sikurezza Nukleari u ssaħħaħha. L-Artikoli 31 u 32 jibqgħu l-bażi legali tat-Trattat tal-Euratom.

Kwalunkwe proposta ta' reviżjoni għandha timmira li tkompli ssaħħaħ l-irwol u l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti, peress li jidher biċ-ċar li l-operat tajjeb tal-impjanti nukleari fl-UE jista' jista' jiġi ssorveljat u żgurat biss permezz ta' regolaturi b’saħħithom u li huma mogħnija bis-setgħat kollha meħtieġa u bil-garanziji ta’ indipendenza. Għandha tkun imħeġġa kemm il-kooperazzjoni mill-qrib kif ukoll il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn ir-regolatori, filwaqt li jitqiesu l-impatti transkonfinali potenzjali ta’ aċċident nukleari.

Fid-dawl tal-konsegwenzi wesgħin ta’ inċident nukleari u b’mod partikolari l-bżonn tal-pubbliku għal informazzjoni f’każ bħal dan, huwa essenzjali approċċ mifrux madwar l-UE kollha fuq kwistjonijiet marbuta mat-trasparenza. Dan jista’ jiżgura li, irrispettivament mill-konfini tal-istat, il-pubbliku jkun infurmat kif xieraq fuq kull kwistjoni rilevanti marbuta mas-sikurezza nukleari sabiex jiġi żgurat livell uniformi ta' trasparenza u informazzjoni madwar l-UE kollha.

Fl-Ewropa, it-Testijiet tal-Istress ikkonfermaw li mhux biss hemm differenzi kontinwi bejn l-Istati Membri tal-UE fl-iżgurar ta’ identifikazzjoni u ġestjoni komprensiva u trasparenti ta’ kwistjonijiet tas-sikurezza ewlenin, iżda li għad baqa’ wkoll xi lakuni sinfikanti. Leġiżlazzjoni msaħħa tal-Euratom tista' tinkludi sett ta' dispożizzjonijiet tekniċi fuq livell ta' dettall xieraq għal strument legali ta' qafas. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiżguraw approċċ tal-UE komuni għas-sikurezza nukleari.

L-esperjenza mill-aċċident nukleari ta’ Fukushima u l-għarfien siewi li jirriżulta mit-Testijiet tal-Istress urew b’mod ċar li sistema ta' monitoraġġ b'saħħitha u trasparenti (inkluż bejn il-pari) hija element essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u kontinwa ta’ kwalunkwe reġim ta’ sikurezza.

F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-reviżjoni prevista ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi. Barra minn hekk, filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri, għandu jiġi ddefinit approċċ flessibbli u proprozjonat fir-rigward tal-livell ta’ applikabbilità. Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' żvilupp ta' kriterji tekniċi mifruxin madwar l-Ewropa b'kunsiderazzjoni speċjali għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, fejn l-għarfien u l-esperjenza prattika tal-esperti mill-Istati Membri jintużaw b'mod sħiħ.

5.           Objettivi

Objettivi ġenerali

· Li l-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali jiġu protetti minn perikli li jirriżultaw minn radjazzjonijiet jonizzanti minn installazzjonijiet nukleari, billi jinkisbu kundizzjonijiet ta' tħaddim xierqa, jiġu impeduti aċċidenti u billi l-konsegwenzi tal-aċċidenti jiġu mtaffija;

· Li jinżamm u jiġi promoss it-titjib kontinwu tas-sikurezza nukleari u tar-regolament tiegħu fuq il-livell ta' Euratom;

Objettivi speċifiċi

· Li l-arkitettura tas-sikurezza nukleari ġenerali tittejjeb kontinwament (eż. bit-tisħiħ ta' Prinċipji u Rekwiżiti ġenerali eżistenti tas-sikurezza nukleari jew bl-introduzzjoni ta' oħrajn ġodda).

· Li l-arkitettura tas-sikurezza nukleari speċifiċi tittejjeb kontinwament (eż. bl-ikkumplimentar tal-prinċipji u rekwiżiti tas-sikurezza msemmija hawn fuq mill-Kriterji tas-Sikurezza Nukleari tal-Euratom).

· Li l-metodoloġiji ta' valutazzjoni tas-sikurezza nukleari jiġu mtejba kontinwament (eż. permezz tat-tħeġġiġ ta' użu konsistenti u komprensiv ta' metodi b'riskju infurmat għal appoġġ għat-teħid tad-deċiżjonijiet);

· Li tiġi żgurata l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-partijiet kollha li għandhom responsabbiltajiet għas-sikurezza nukleari fuq kwistjonijiet tekniċi, inkluż reviżjonijiet bejn il-pari;

· Li jissaħħaħ l-irwol tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali;

· Li tissaħħaħ l-indipendenza effettiva tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali;

· Li titjieb it-transparenza fis-sikurezza nukleari;

· Li jissaħħu l-istat ta’ tħejjija u l-arranġamenti ta' rispons f'każ ta' emerġenza.

6.           Alternattivi politiċi

ALTERNATTIVA POLITIKA 0

· Li d-Direttiva qafas tal-Euratom attwali (id-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari) titħalla mhux mibdula.

· Li jintuża l-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni eżistenti bejn il-KE u l-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri li jirriżultaw mill-proċess tat-Testijiet tal-Istress permezz ta' ENSREG

ALTERNATTIVA POLITIKA 1

· Azzjoni leġiżlattiva (att vinkolanti legalment) fuq livell tal-Euratom.

· Li d-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari tiġi emendata billi jissaħħu l-Prinċipji u r-Rekwiżiti ġenerali eżistenti (eż. l-irwol u l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali; trasparenza) u ż-żieda ta' oħrajn ġodda (eż. stat ta' tħejjija u rispons fuq il-post f'każ ta' emerġenza; lokazzjoni, disinn u kostruzzjoni, u tħaddim tal-installazzjonijiet nukleari.

· Li jintuża l-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni eżistenti bejn il-KE u l-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri li jirriżultaw mill-proċess tat-Testijiet tal-Istress permezz ta' ENSREG

ALTERNATTIVA POLITIKA 2

SUB-ALTERNATTIVA 2.1

· Azzjoni leġiżlattiva (kombinazzjoni ta' atti vinkolanti legalment u l-ispeċifikazzjoni ta' atti legalment mhux vinkolanti) fuq livell ta' Euratom.

· L-emendar tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari bit-tisħiħ ta' Prinċipji u Rekwiżiti ġenerali eżistenti jew bl-introduzzjoni ta' oħrajn ġodda (bħal Alternattiva Politika 1) + l-introduzzjoni fid-Direttiva tal-mandat għall-KE sabiex din tappoġġa dawn il-Prinċipji u Rekwiżiti ġenerali, bl-iżvilupp ta' Kriterji tas-Sikurezza Nukleari tal-Euratom mhux vinkolanti legalment (Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni).

· Dawn il-Kriterji tas-Sikurezza Nukleari tal-Euratom jiġu żviluppati f'kooperazzjoni mill-qrib mal-esperti mill-Istati Membri.

SUB-ALTERNATTIVA 2.2

· Azzjoni leġiżlattiva (kombinazzjoni ta' atti vinkolanti legalment u l-ispeċifikazzjoni ta' atti vinkolanti legalment) fuq livell ta' Euratom.

· L-emendar tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari bit-tisħiħ ta' Prinċipji u Rekwiżiti ġenerali eżistenti jew bl-introduzzjoni ta' oħrajn ġodda (bħal Alternattiva Politika 1) + l-introduzzjoni fid-Direttiva tal-mandat għall-KE sabiex din tispeċifika l-Prinċipji u Rekwiżiti ġenerali, bl-iżvilupp ta' Kriterji tas-Sikurezza Nukleari tal-Euratom vinkolanti legalment (Regolamenti tal-Kummissjoni).

· Dawn il-Kriterji tas-Sikurezza Nukleari jiġu żviluppati f'kooperazzjoni mill-qrib bejn il-gruppi ta' ħidma esperti bħalma huma l-ENSREG u WENRA u l-esperti tal-KE. Sussegwentament, huma jiġu adottati permezz ta' proċedura ta' "komitoloġija" li teħtieġ l-input tal-Istati Membri kollha.

ALTERNATTIVA POLITIKA 3

· Azzjoni leġiżlattiva (att vinkolanti legalment) fuq livell tal-Euratom

· L-istabbiliment ta' Aġenzija Regolatorja tas-Sikurezza Nukleari tal-Euratom sabiex tamministra u tiżviluppa aktar l-acquis tas-sikurezza nukleari tal-Euratom, kif żviluppat skont l-Alternattiva Politika 2, taħt is-superviżjoni tal-KE, bil-missjoni li:

-Tippromwovi l-aqwa standards komuni għall-ġenerazzjoni bla periklu tal-enerġija nukleari fl-UE.

-Tassisti lill-KE sabiex tiżviluppa rekwiżiti / standards / kriterji tas-sikurezza nukleari, li jiġu inkorporati fil-proposti għal leġiżlazzjoni tas-sikurezza nukleari tal-Euratom ġdida; li twettaq spezzjonijiet sabiex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni; li tiżviluppa sistema ta' ċertifikazzjoni tal-Euratom ta' disinni standard ta' faċilitajiet nukleari; li telabora l-kontenut ta' liċenzja uniformi u proċedura ta' liċenzjar, li tintervjeni fil-każ ta' aċċidenti jew inċidenti nukleari; li tifformola opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar kwistjonijet tas-sikurezza nukleari; li tiġbor u tanalizza dejta sabiex titjieb aktar is-sikurezza nukleari.

7.           Valutazzjoni tal-impatti

Tabella 1 – Tqabbil tal-Alternattivi Politiċi f'termini tal-impatti tagħhom (sommarju)

Alternattiva Politika || Valutazzjoni tal-Impatt || Spejjeż ta' konformità għall-operaturi (għal kull unità ta' reattur) || Spejjeż regolatorji u piż amministrattiv għall-Istati Membri (għal kull unità ta' reattur fis-sena) || Impatt Ambjentali || Impjiegi fis-settur nukleari tal-Ewropa || Affordabilità tal-Enerġija

0 || Ma hija probabbli xejn li jitnaqqsu r-riskji || Medda: ~€30-200 miljun || ~€3 miljuni Medda: ~€1-4 miljun || Ma hija probabbli xejn li jitnaqqsu r-riskji || ~500000 persuna || Għolja

1 || Xi ftit gwadanni fis-sikurezza biss || Medda: ~€30-200 miljun || £€5 miljuni || Ebda tnaqqis sinifikanti fir-riskji || ~500000 + ~500 || Għoli

2 || Gwadanni sinifikanti fis-sikurezza għallinqas għal xi NPPs f'xi Stati Membri || ≥€200 miljun || £€5 miljuni || Titjib sinifikanti għallinqas għal xi NPPs f'xi Stati Membri || ~500000 + ~500 + ~500 || ~Għolja

3 || Gwadanni sinifikanti fis-sikurezza għallinqas għal xi NPPs f'xi Stati Membri || ≥€200 miljun || £€5 miljuni || Titjib sinifikanti għallinqas għal xi NPPs f'xi Stati Membri || ~500000 + ~500 + ~500 + ~250 || ~Għolja

8.           Tqabbil tal-Alternattivi

L-Alternattiva Politika 1 tipproduċi xi effetti ta' benefiċċju fir-rigward tas-sikurezza nukleari, dovuti għall-inklużjoni ta' regoli vinkolanti u infurzabbli addizzjonali li jkunu vinkolanti legalment (anki jekk dawn huma biss fil-livell tal-prinċipji u rekwiżiti ġenerali). Min-naħa l-oħra, l-Alternattivi Politiċi 2 u 3 huma probabbli li jirriżultaw f'titjib iktar sinifikanti għas-sikurezza tal-NPPs tal-UE permezz tal-adozzjoni tal-Kriterji tas-Sikurezza Nukleari tal-Euratom, li jipprovdu għal punti ta' riferiment tas-sikurezza oġġettivi u verifikabbli. Meta mqabbel mal-Alternattivi Politiċi 0 u 1, l-ispejjeż addizzjonali tal-Alternattivi Politiċi 2 u 3 ta' mill-inqas ~€200 miljun għal kull unità ta' reattur fuq il-~5-10 snin li jmiss, jidhru aċċettabbli, b'mod speċjali meta mqabbla mal-ispejjeż ta' aċċident nukleari.

L-Alternattiva Politika 3, li tmur lil hinn, teħtieġ tibdil sinifikanti fit-tfassil organizzattiv tal-Kummissjoni u fl-arkitettura tas-sikurezza attwali tal-Euratom. Minħabba li teħtieġ tibdil kbir fil-kultura u fl-arkitettura tas-sikurezza tal-Istati Membri, f'dan il-mument, ma tistax titqies bħala alternattiva realistika sabiex jinkisbu benefiċċji immedjati għas-sikurezza nukleari.

Fir-rigward tal-Alternattiva Politika 2, iż-żewġ Sub-alternattivi 2.1 u 2.2 jindirizzaw b'mod sħiħ l-objettivi deskritti fit-Taqsima 5. Approċċ vinkolattiv għal kollox, bħal fis-Sub-alternattiva 2.2, ikun l-iktar wieħed effettiv. Madankollu, il-vantaġġ tas-Sub-alternattiva 2.1 huwa li filwaqt li teħtieġ l-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji u rekwiżiti ġenerali, toffri approċċ aktar flessibbli għall-Istati Membri sabiex jikkonformaw mal-kriterji rakkomandati tas-Sikurezza Nukleari tal-Euratom. Tippermetti li tinkiseb esperjenza dwar kif dawn il-kriterji huma applikati fil-prattika u tagħmilha possibbli sabiex ikun hemm rispons aktar veloċi għal żviluppi tekniċi ġodda. Barra minn hekk, jekk jiġi segwit approċċ pass, pass, ikun possibbli wkoll, skont din l-esperjenza, li l-kriterji rakkomandati jiġu trasformati f'oħrajn vinkolanti legalment f'fażi iktar tard. Bħala konklużjoni, huwa rrakkomandat li tiġi kkunsidrata jew l-Alternattiva Politika 2.1 jew 2.2.

[1]               Kunsill Ewropew, EUCO 10/1/ 11

[2]               Rapport tal-Analiżi Bejn il-Pari tal-ENSREG – Testijiet ta' Stress imwettqa fuq impjanti nukleari Ewropej, 25 ta’ April 2012 (http://www.ensreg.eu/node/407)

[3]               ĠU L 172, 2.7.2009

[4]               B'mod partikolari il-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari(INFCIRC/449 tal-5 ta’ Lulju 1994)