DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATTI Li jakkumpanja d-dokument Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Nibnu s-Suq Uniku għall-Prodotti Ekoloġiċi: Niffaċilitaw tagħrif aħjar dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet /* SWD/2013/0112 final */
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL
TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI
TAL-IMPATTI Li jakkumpanja d-dokument Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Nibnu s-Suq Uniku għall-Prodotti
Ekoloġiċi: Niffaċilitaw tagħrif aħjar dwar
il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet 1. Definizzjoni tal-problema 1.1. Il-problema bażika:
it-tkattir ta' metodoloġiji qiegħed ifixkel il-funzjonament tas-suq
tal-prodotti ekoloġiċi Hemm ħafna metodoloġiji disponibbli
li jiġu użati għall-valutazzjoni u l-komunikazzjoni tal-impronta
ambjentali tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet[1]. L-għadd tagħhom qed
jiżdied b'mod mgħaġġel li qed iwassal għal tkattir ta'
inizjattivi nazzjonali[2]
u fis-settur privat[3].
Fil-prinċipju, il-kumpaniji huma ħielsa li jagħżlu huma
liema għandhom japplikaw, iżda ħafna drabi jintalbu jużaw
waħda partikolari, jew minn amministrazzjoni nazzjonali jew minn klijenti
iktar 'l isfel fil-katina ta' attivitajiet. Jekk kumpanija tkun tforni kumpaniji
oħrajn, jista' jkun li tintalab tagħti l-informazzjoni ambjentali
b'diversi modi, li jfisser li jkollha tuża ħafna metodoloġiji
differenti. Fl-istess ħin, m’hemmx tagħqid naturali ma'
metodoloġija speċifika waħda. Hemm diversi
industrijalisti li qegħdin jitolbu armonizzazzjoni tal-metodi
għall-ivvalutar tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti biex b'hekk ikun
hemm kundizzjonijiet ekwi għal kulħadd, jitnaqqsu l-ispejjeż u
ma jitħalliex il-parassitiżmu. Dawk li
wieġbu għall-konsulta pubblika wrew il-fehma tagħhom li n-nuqqas
ta' konsistenza huwa wieħed mill-iżjed ostakoli importanti
għall-wirja u l-ivvalutar komparattiv tal-prestazzjoni ambjentali (72,5%
qablu). Għall-mistoqsija dwar x'inhuma l-kawżi tal-ostakoli, il-partijiet
interessati wieġbu fil maġġoranza tagħhom li hemm
għadd kbir ta' inizjattivi fl-UE (70,8%) u għadd kbir ta' modi li
wieħed jista' jirrapporta (76,3%). 1.2. L-ambitu u l-kobor
tal-problema (a)
Spejjeż żejda għan-negozji Il-koeżistenza ta' metodoloġiji
diversi jintużaw fl-istess ħin timplika żieda fl-ispejjeż
għal dawk li jridu jivvalutaw u jikkomunikaw l-impronti ambjentali
tal-prodotti jew tal-organizzazzjonijiet tagħhom. Iż-żieda
fl-ispejjeż hija minħabba: (1) żieda fl-ispejjeż tat-taħriġ
biex kumpanija tkun tista' tlaħħaq mar-rekwiżiti
tal-metodoloġiji differenti; (2) żieda fl-ispejjeż marbutin
mal-ġbir ta' informazzjoni differenti; (3) rekwiżiti differenti ta'
tikkettar; (4) rekwiżiti differenti ta' verifikar; (b)
Opportunitajiet għan-negozju transkonfinali
ta' prodotti ekoloġiċi mnaqqsa. Minħabba n-nuqqas ta' definizzjoni ta'
prodotti ekoloġiċi miftieħma b'mod komuni, huwa diffiċli li
wieħed jikkonferma kemm qed jiġi affettwat il-kummerċ fl-UE u
ma' kumpaniji barra mill-UE. Iżda l-istħarriġ juri li 90%
tal-konsumaturi jixtru prodotti ekoloġiċi mill-inqas xi kultant, u
fost dawn ikun hemm prodotti esportati. Ġeneralment, huwa ċar li hemm
negozju mhux ħażin ta' prodotti ekoloġiċi, u il-probabbiltà
hi li dan qed jiżdied. Madankollu, it-tkattir ta' metodoloġiji jista'
jfixkel din ix-xejra pożittiva u jnaqqas l-opportunitajiet ta' negozju
transkonfinali, għaliex il-kumpaniji jiskopru li r-rekwiżiti marbutin
mal-informazzjoni ambjentali dwar il-prodotti li jkollhom f'moħħom li
jbiegħu jinbidlu ma' kull fruntiera. Qed tintalab iżjed u iżjed
informazzjoni ambjentali differenti mill-gvernijiet nazzjonali fil-każ
tal-akkwist pubbliku, tar-rekwiżiti għar-rappurtar u
għat-tikkettar, jew minn inizjattivi privati, pereżempju minn
bejjiegħ biex jippermetti li l-prodott jintwera fil-ħwienet. (c)
Nuqqas ta' ċarezza biex il-konsumaturi jkunu
jistgħu jagħżlu Fil-preżent, l-informazzjoni
tal-konsumaturi dwar x'inhu ġenwinament "ekoloġiku" hija
fqira ħafna. Jekk din l-informazzjoni ma tingħatax b'mod affidabbli,
id-deċiżjonijiet tax-xiri ma jkunux tajbin, u ħafna konsumaturi
jispiċċaw ma jixtru xejn prodott ekoloġiku, anki jekk fil-bidu
jkunu xtaqu jagħmlu hekk. Dan intwera minn stħarriġ
tal-Ewrobarometru. filwaqt li 75% ta' dawk li wieġbu jgħidu li huma
lesti jixtru l-prodotti ekoloġiċi, kien hemm biss 17% li fir-realtà
kienu xtraw minn dawn il-prodotti fix-xahar ta' qabel l-istħarriġ[4]. L-għadd ta' dikjarazzjonijiet
ekoloġiċi qed jikber, minkejja li qegħdin isiru aktar
superfiċjali u vagi fit-terminoloġija li jużaw, u dan qed
ikompli jimmina l-fiduċja tal-konsumaturi: 48% tal-konsumaturi ma jafdawx
fl-informazzjoni ambjentali li tkun ikkomunikata fuq il-prodotti[5]. In-nies għandhom tendenza
li ma jafdawx fid-dikjarazzjonijiet ekoloġiċi, kemm dawk marbutin ma'
prodotti, kif ukoll dawk li jkunu fir-rapporti ta' Responsabbiltà Soċjali
Korporattiva (CSR), jew rapporti ambjentali oħrajn, tal-kumpaniji[6]. Din il-qagħda
tippenalizza lil dawk il-kumpaniji li ilhom jinvestu ħafna fit-titjib
tal-prestazzjonijiet tagħhom u biex jiksbu mudelli kummerċjali iktar
ekoloġiċi. Il-perċezzjoni hija li l-kumpaniji qegħdin
jikkompetu bid-dikjarazzjonijiet tagħhom flok abbażi tal-veru valur
ambjentali li dawn qed jiddeskrivu. (d)
Opportunitajiet mitlufin għall-effiċjenza
tar-riżorsi Il-kumpaniji aktar proattivi fehmu kemm
għad fadlilhom x'jaqdfu biex jiksbu aktar effiċjenza fil-katina
tal-provvista tagħhom u biex jisfruttaw il-fatt li qegħdin dejjem
iżjed jużaw perspettivi ta' ġestjoni taċ-ċiklu
tal-ħajja[7].
Dawk li qed jużaw approċċi taċ-ċiklu tal-ħajja
biex iżidu l-effiċjenza tagħhom fl-użu tar-riżorsi
jista' jkollhom benefiċċji oħra, bħal redittu ikbar fuq
l-investiment, żvilupp ta' swieq ġodda, immaġni korporattiva
mtejba, aktar lealtà mill-klijenti, fehim aħjar tar-riskji tul il-katina
tal-provvista tagħhom, u aktar distinzjoni bejn il-prodotti. Qegħdin jinbiegħu aktar prodotti
ekoloġiċi fis-suq u kieku jkun hemm aktar organizzazzjonijiet
ekoloġiċi dan ikun jikkontribwixxi biex jinkisbu l-miri
tal-inizjattiva ewlenija Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi u l-Istrateġija 2020
tal-UE. Minkejja li r-rappurtaġġ ambjentali minnu nnifsu ma jfissirx
li titjieb il-prestazzjoni, ħafna mill-kumpaniji li jkejlu l-prestazzjoni
jiffissaw miri u jwaqqfu azzjonijiet. In-nuqqas ta' xiri ta' prodotti
ekoloġiċi għandu effetti negattivi fuq l-użu
tal-innovazzjoni ekoloġika wkoll, u dan ipoġġi fir-riskju
l-vantaġġ kompettittiv żgħir tal-industriji
ekoloġiċi tal-UE li għadhom minn ta' quddiem fid-dinja u
qegħdin jikbru. Tabilħaqq, it-teknoloġiji ekoloġiċi
ġew identifikati bħala sors importanti ta' tkabbir
fl-Aġġornament tal-Politika Industrijali[8]. 2. Analiżi
tas-Sussidjarjetà It-tkattir ta' metodoloġiji,
id-diffikultajiet relatati u l-ispejjeż imkattra jirrikjedu azzjoni
koordinata min-naħa tal-UE, billi dawn jaffettwaw b'mod dirett
il-funzjonament mingħajr xkiel tas-Suq Uniku. Jekk l-UE
tagħżel li tħalli ż-żmien għaddej qabel ma
tintervjen, il-kumpaniji jkunu diġà ġew obbligati li jikkonformaw ma'
bosta metodoloġiji, u jkunu tgħabbew bl-ispejjeż biex
jikkonformaw; l-amministrazzjonijiet jkunu diġà bnew
l-istrutturi tagħhom għall-implimentazzjoni tal-politiki – dawn
spejjeż li jkunu setgħu ma sarux kieku l-UE tkun ħadet azzjoni
aktar bikrija. Għaldaqstant, huwa ġġustifikat li
l-azzjoni fil-livell tal-UE ssir issa. L-UE qiegħda f'pożizzjoni ideali
biex tippromwovi l-armonizzazzjoni tal-metodoloġiji madwar is-Suq Uniku,
filwaqt li tafda fl-esperjenza tal-Istati Membri u ta' inizjattivi privati
f'dan il-qasam b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati. L-UE tista'
ġġib valur miżjud importanti, billi koordinazzjoni aħjar
tkun tiswa frankizz sinifikanti ta' spejjeż għall-gvernijiet
nazzjonali u għas-settur privat[9]. 2.1. L-inapplikabbiltà
tal-prinċipju ta' għarfien reċiproku La ma hemmx regoli fil-livell tal-UE,
l-operaturi ekonomiċi privati u l-awtoritajiet pubbliċi huma
ħielsa li jadottaw u japplikaw l-iskema li jippreferu huma biex
jikkalkulaw u jikkomunikaw il-prestazzjoni ambjentali. Iżda fil-każ
tal-Istati Membri, il-flessibbiltà regolatorja hija limitata mir-rekwiżit
li ma jitħejjewx, jiġu adottati jew applikati regolamenti tekniċi
bil-għan jew bl-effett li joħolqu ostakoli għall-kummerċ
bla bżonn. Fil-każ ta' regolamenti nazzjonali, il-prinċipju ta'
għarfien reċiproku ħafna drabi jkun l-aħjar mod li
jiġi żgurat il-moviment liberu tal-prodotti fis-suq intern. Iżda
f'dan il-kuntest dan ma jidhirx li huwa ta' għajnuna għaliex
fil-preżent hemm xi Stati Membri li lanqas biss għandhom metodi biex
jikkalkulaw u jikkomunikaw il-prestazzjoni ambjentali u fi Stati Membri
oħrajn il-metodi applikati għandhom kampi ta' applikazzjoni, miri u
regoli diversi. B'riżultat ta' dan, bħalissa mhuwiex possibbli li
tiġi stabbilita ekwivalenza bejniethom. Barra minn hekk, l-għarfien
reċiproku ma jneħħix ostakoli oħrajn mhux tekniċi
għan-negozju fi ħdan l-UE: anki mingħajr il-kundizzjonijiet
legali, l-esportaturi xorta waħda jridu jużaw il-metodi ta'
komunikazzjoni li huma magħrufin mill-konsumaturi fis-suq barrani biex ma
jkollhomx żvantaġġ fil-konfront tal-produtturi lokali. 3. Għanijiet L-għan ġenerali tal-azzjoni
tal-UE huwa li tiżdied id-disponibbiltà ta' informazzjoni affidabbli, dwar
il-prestazzjoni ambjentali ta' prodotti u ta' organizzazzjonijiet. 3.1. L-għanijiet
speċifiċi Il-promozzjoni tal-użu ta'
metodoloġija komuni biex tiġi vvalutata u kkomunikata l-prestazzjoni
ambjentali tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet. 3.2. L-għanijiet operattivi L-għan speċifiku ta' hawn fuq jista'
jinqasam f'għanijiet operattivi kif jidher hawn taħt: Tabella 1
Għanijiet operattivi L-għan speċifiku || L-għanijiet operattivi Il-promozzjoni tal-użu ta' metodoloġija komuni biex tiġi vvalutata u kkomunikata l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet || 1. Jitniedu żewġ metodoloġiji li jkunu relattivament sempliċi biex jintużaw, iżda robusti wkoll, waħda minnhom għall-kejl tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u l-oħra għall-kejl tal-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjonijiet 2. L-Istati Membri u atturi privati jitħeġġu biex jużaw il-metodoloġiji 3. Permezz ta' proċess miftuħ, trasparenti u li jinkludi diversi partijiet interessati, jiġu żviluppati regoli għall-kejl tal-impronta ambjentali tal-prodotti u speċifiċi għas-setturi 4. Għażliet
Politiċi 4.1. L-għażla
nru 1. Xenarju bażiku – l-ebda bidla politika: Mingħajr aktar interventi min-naħa
tal-UE, it-tkattir ta' inizjattivi privati u pubbliċi se jkompli. Minkejja
li huwa mistenni li jkun hemm għadd ta' metodi li xi ftit jew wisq iqarrbu
lejn xulxin f'oqsma komuni importanti, bħall-Gassijiet b'effett ta' Serra,
il-kumpaniji xorta waħda jkollhom jiffaċċjaw swieq li jkollhom
rekwiżiti li jvarjaw. Dan ikun ta' piż kbir partikolarment
għall-SMEs. Minħabba d-diversità ta' informazzjoni li tkun
disponibbli, il-konsumaturi privati, pubbliċi u kummerċjali,
konfużi, jibqgħu ma jafdawx id-dikjarazzjonijiet ambjentali dwar il-prestazzjoni
ambjentali. 4.2. L-għażla
nru 2. Qafas politiku obbligatorju ġdid dwar il-prodotti Qafas legali ġdid tal-UE għal
prodotti sostenibbli se jieħu post u jikkonsolida l-istrumenti
politiċi eżistenti marbutin mal-prodotti li huma inklużi
fil-Pjan ta' Azzjoni SCP/SIP tal-2008 (bħal, pereżempju l-Ekodisinn u
l-Ekotikketta). Fil-prattika, dan ikun jiġġenera konsistenza
aħjar bejn ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-prestazzjoni
ambjentali marbuta mal-prodotti, billi juża evidenza komuni biex itejjeb
il-koordinazzjoni fl-iffissar ta' standards[10];
billi jwaqqaf proċess waħdieni, aktar sempliċi (u inqas
għali) ta' "ffissar ta' kriterji" għall-istess kategoriji
ta' prodotti[11];
u billi japplika proċess waħdieni għall-iżvilupp u
l-approvazzjoni tar-rekwiżiti għall-istess kategoriji ta' prodotti
kif ukoll metodi ta' ttestjar u verifika omoġenji. 4.3. L-għażla
nru 3. Qafas obbligatorju ta' rappurtar dwar l-Impronta Ambjentali
tal-Organizzazzjonijiet (OEF) F'din l-għażla l-użu
tal-metodoloġija tal-OEF ikun obbligatorju għall-organizzazzjonijiet
kbar f'setturi prijoritarji għall-għanijiet ta' rappurtar/forniment
ta' informazzjoni[12].
Biex iħeġġeġ titjib kontinwu, ir-rekwiżit se jkun
assoċjat ma' inċentivi għall-użu tiegħu u vvalutar
komparattiv. B'kollaborazzjoni mal-partijiet interessati, tul
iż-żmien, il-Kummissjoni se tiżviluppa regoli settorjali tal-OEF
(OEFSR)[13],
li jżidu l-konsistenza tar-rappurtar ambjentali tagħhom u, sa
ċertu punt, il-komparabbiltà tal-prestazzjoni ambjentali ġenerali
tagħhom. B'hekk ikun possibbli li organizzazzjoni tipprovdi l-informazzjoni
bbażata fuq l-OEF biex tikkomunika l-prestazzjoni ambjentali tagħha u
turi l-progress tagħha tul is-snin; iżda biex tkun tista' tieħu
sehem fl-ivvalutar komparattiv jew fi klassifiki skont is-settur,
organizzazzjoni se jkollha tirrapporta abbażi tar-regoli settorjali
stabbiliti (l-OEFSR marbut mas-settur speċifiku). 4.4. L-għażla
nru 4. L-integrazzjoni tal-metodoloġiji għall-kejl tal-impronta
ambjentali ta' prodotti (PEF) u organizzazzjonijiet (OEF) fi strumenti
politiċi rilevanti F'din l-għażla, il-metodoloġiji
tal-PEF u tal-OEF huma integrati, fejn rilevanti u fejn jistgħu jiġu
implimentati, fi strumenti eżistenti volontarji jew obbligatorji[14]. Pereżempju l-PEF u l-OEF
se jintużaw minnufih fi strumenti bħall-Ekotikketta, il-GPP u l-EMAS
biex jinfurmaw il-proċess ta' żvilupp tal-kriterji[15] u l-ħolqien ta' Dokumenti
ta' Referenza Settorjali[16]
biex jiġu ddeterminati l-impatti ambjentali rilevanti u l-indikaturi
ewlenin tal-prestazzjoni bbażati fuq iċ-ċiklu tal-ħajja.
F'din l-għażla jkun meħtieġ li jitwaqqaf sett ta'
inċentivi, kemm mis-settur pubbliku, kif ukoll minn dak privat, li jkun
jippremja lill-kumpaniji u jirrinforza l-effett pożittiv ta' titjib
fil-prestazzjoni ambjentali[17]. 4.5. L-għażla
nru 5. Ir-rakkomandazzjoni li l-PEF u l-OEF jiġu applikati fuq
bażi volontarja Se tkun indirizzata lill-Istati Membri
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex tirrikkmanda li kull darba li Stat Membru
jkun biħsiebu jintroduċi skema volontarja jew rekwiżiti marbutin
mal-kejl, il-verifika, ir-rappurtar, l-ivvalutar komparattiv u l-komunikazzjoni
tal-prestazzjoni ambjentali ta' prodotti u ta' organizzazzjonijiet,
għandhom japplikaw il-metodoloġiji tal-PEF u l-OEF rispettivament[18].
Ir-Rakkomandazzjoni se tkun indirizzata wkoll
lin-negozji. Se tirrikkmanda l-użu tal-metodoloġiji tal-PEF u l-OEF
fil-kejl tal-impronta ambjentali tal-prodotti jew l-impronta ambjentali
ġenerali tal-kumpanija kull meta jitwettaq dan it-tip ta' kejl. Se
tistieden ukoll lill-komunità finanzjarja (investituri, assiguraturi, banek)
biex jużaw l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali bbażata
fuq l-applikazzjoni tal-OEF u/jew tal-OEFSRs fl-ivvalutar tar-riskji
ambjentali. 5. Il-Valutazzjoni tal-Impatti
u t-Tqabbil tal-Għażliet Għall-għanijiet tal-ivvalutar u
t-tqabbil, kif ukoll biex jinħolqu gruppi ta' għażliet li jkunu
jeskludu wieħed lill-ieħor, l-għażliet politiċi li
jidhru hawn fuq qegħdin miġburin skont jekk humiex marbutin
mal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti jew ma' dik tal-organizzazzjonijiet.
Għal analiżi dettaljata tal-impatt ekonomiku, soċjali u
ambjentali ta' kull għażla, ara r-rapport dwar il-Valutazzjoni
tal-Impatti. 5.1. Tqabbil ta'
għażliet politiċi marbutin mal-prestazzjoni ambjentali
tal-prodotti Tabella 2 –
Tqabbil tal-impatti tal-għażliet marbutin mal-prestazzjoni ambjentali
tal-prodotti L-għażla ta’ politika Kategorija tal-impatt || 2. Qafas politiku ġdid obbligatorju dwar il-prodotti || 4. L-integrazzjoni tal-PEF u l-OEF fi strumenti politiċi rilevanti || 5. Ir-rakkomandazzjoni li l-PEF u l-OEF jiġu applikati fuq bażi volontarja Il-funzjonament tas-suq intern u l-kompetizzjoni || +++ || ++ || ++ Il-kompetittività, il-kummerċ u l-investimenti || ++ || ++ || + L-ispejjeż tat-tħaddim u t-tmexxija tal-kummerċ || - || 0 || + L-impatt fuq l-SMEs || - || 0 || + Piżijiet amministrattivi fuq in-negozji || + || 0 || 0 Piż fuq l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-potenzjal ta' simplifikazzjoni || - || + || + L-innovazzjoni u r-riċerka || ++ || ++ || ++ Il-konsumaturi u l-unitajiet domestiċi || + || + || + L-impatt ekonomiku kumplessiv || 0 || 0 || + L-impjiegi u s-swieq tax-xogħol || ++ || ++ || ++ L-inklużjoni soċjali u l-ħarsien ta' gruppi partikolari || + || 0 || 0 Is-saħħa pubblika || + || + || + L-impatt soċjali kumplessiv || + || + || + L-impatt ambjentali kumplessiv || +++ || ++ || ++ 5.2. Tqabbil ta'
għażliet politiċi marbutin mal-prestazzjoni ambjentali
tal-organizzazzjonijiet Tabella 3 –
Tqabbil tal-impatti tal-għażliet marbutin mal-prestazzjoni ambjentali
tal-organizzazzjonijiet L-għażla ta’ politika Kategorija tal-impatt || 3. Qafas obbligatorju tal-OEF għar-rappurtar || 4. L-integrazzjoni tal-PEF u l-OEF fi strumenti politiċi rilevanti || 5. Ir-rakkomandazzjoni li l-PEF u l-OEF jiġu applikati fuq bażi volontarja Il-funzjonament tas-suq intern u l-kompetizzjoni || +++ || ++ || ++ Il-kompetittività, il-kummerċ u l-investimenti || ++ || ++ || + L-ispejjeż tat-tħaddim u t-tmexxija tal-kummerċ || - || 0 || + L-impatt fuq l-SMEs || - || 0 || + Piżijiet amministrattivi fuq in-negozji || - || 0 || 0 Piż fuq l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-potenzjal ta' simplifikazzjoni || - || + || + L-innovazzjoni u r-riċerka || ++ || ++ || ++ Il-konsumaturi u l-unitajiet domestiċi || 0 || + || + L-impatt ekonomiku kumplessiv || 0 || 0 || + L-impjiegi u s-swieq tax-xogħol || ++ || ++ || ++ L-inklużjoni soċjali u l-ħarsien ta' gruppi partikolari || 0 || 0 || 0 Is-saħħa pubblika || + || + || + L-impatt soċjali kumplessiv || + || + || + L-impatt ambjentali kumplessiv || +++ || ++ || ++ 5.3. It-tqabbil
tal-għażliet skont l-effiċjenza, l-effikaċja u l-koerenza Is-sistema ta' punteġġ użata
għat-tabelli ta' tqabbil 2 u 3 tgħin biex jiġu vvalutati
l-vantaġġi relattivi tal-għażliet alternattivi f'kull
kategorija ta' impatti li titkejjel, iżda ma tipprovdix il-piż
relattiv ta' kull kategorija ta' impatti. Għaldaqstant, l-analiżi
hija kkomplementata bi tqabbil tal-għażliet skont l-effikaċja,
l-effiċjenza u l-koerenza[19].
Dan juri li minkejja li l-għażliet obbligatorji (2 & 3)
jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri, u huma assoċjati wkoll
mal-ikbar potenzjal ta' titjib ambjentali, huma assoċjati wkoll ma'
spejjeż tal-bidu ogħla għan-negozji u għall-awtoritajiet
pubbliċi, u minħabba f'hekk jidhru inqas attraenti f'dawn
iż-żminijiet ta' kriżi ekonomika. L-esperjenza preċedenti
tat-tfassil tal-liġijiet fl-UE wriet li l-ispejjeż ta' adattazzjoni u
transazzjoni għan-negozji u għall-amministrazzjonijiet pubbliċi
huma inqas importanti meta jitnieda strument leġiżlattiv wara li
l-applikazzjoni tiegħu tkun saret fuq bażi volontarja. Abbażi
tal-analiżi li twettqet f'dan ir-rapport, dan jidher li hu l-każ anki
għall-Għażliet 2 u 3, li jistgħu jsiru aktar
kosteffikaċi wara applikazzjoni ewlenija tal-PEF u l-OEF kif inhi proposta
fl-għażla 5. L-Għażla 1 tkun tgħin ftit wisq
biex jintlaħqu l-miri u lanqas tagħti biżżejjed
riżultati fit-titjib ambjentali u tal-użu effiċjenti
tar-riżorsi. Il-prestazzjoni tal-għażla 4 tkun varjabbli,
skont f'liema strument jiġu integrati l-PEF u l-OEF. 5.4. L-għażla preferita L-għażla preferita hija
n-numru 5 "Ir-rakkomandazzjoni li l-PEF u l-OEF jiġu
applikati fuq bażi volontarja" għar-raġunijiet li
ġejjin: ·
Hija pożittiva fl-aspetti rilevanti kollha
meta mqabbla max-xenarju bażiku, u b'mod ġenerali tagħti
riżultati aħjar mill-għażliet alternattivi. ·
Applikazzjoni volontarja tippermetti aktar
żvilupp gradwali tal-metodoloġiji tal-PEF u l-OEF fi proċess
pilota li jinvolvi lill-Istati Membri u firxa wiesgħa ta' partijiet
interessati sakemm tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha fis-snin
ta' wara (eż. permezz ta' applikazzjoni obbligatorja jew permezz ta'
użu mifrux); ·
Tippermetti li jiġu sfruttati opportunitajiet
għall-effiċjenza importanti, kemm mil-lat ekonomiku kif ukoll mil-lat
ambjentali. ·
Minkejja xi benefiċċji sinifikanti
fit-tliet pilastri, l-Għażliet 2 u 3 jkunu jinvolvu spejjeż
ogħla fil-livell ta' żvilupp preżenti tal-metodoloġiji.
Barra minn hekk, hemm riskju li l-approprijazzjoni ta' dawn
l-għażliet mill-partijiet interessati tkun iżjed baxxa, u dan
ikun jaffettwa b'mod negattiv kemm l-istrument jiġi aċċettat u
jkun effettiv. ·
B'mod ġenerali, il-partijiet interessati
kollha kienu jaqblu mal-introduzzjoni ta' skema volontarja bbażata fuq
il-metodoloġija tal-PEF, minbarra l-NGOs (50% ma qablux). L-opinjoni tal-partijiet
interessati dwar l-integrazzjoni tal-metodoloġija tal-PEF fl-istrumenti
regolatorji SCP tal-UE u fil-miżuri politiċi kienet maqsuma, u kienet
fil-biċċa l-kbira kontra miżura ġdida obbligatorja (60% ma
qablux). ·
It-tieni għażla li l-iżjed qablu
magħha l-partijiet interessati kienet l-Għażla 5 (41%
jaqblu ħafna jew jaqblu). Il-maġġoranza ma qablux
mal-għażliet politiċi marbutin ma' prijorità fuq għodda
obbligatorji (43%) jew mas-setturi kollha (52,8%) u mal-integrazzjoni tal-OEF
fi strumenti obbligatorji eżistenti (44%). 6. Monitoraġġ u
Evalwazzjoni Il-Valutazzjoni tal-Impatti tistabbilixxi sett
ta' indikaturi Speċifiċi, li jistgħu Jitkejlu, li jistgħu
Jinkisbu, li huma Rilevanti u Marbutin biż-Żmien, relatati
mal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-għażla preferita, li huma
raggruppati skont miri rilevanti. Dawn huma ppreżentati fid-dettall
fir-Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti. Reviżjoni ġenerali tal-politiki
introdotti mill-inizjattiva politika soġġett għall-Valutazzjoni
tal-Impatti preżenti hija prevista sal-2015, flimkien mar-reviżjoni
ta' xi strumenti politiċi SCP ewlenin. [1] Ara lista tal-iżjed inizjattivi importanti (u
diversi) dwar il-valutazzjoni tal-impronta ambjentali tal-prodotti u
tal-organizzazzjonijiet fl-Annessi 17, 18 u 19. [2] Eż. Bħalissa Franza qiegħda tevalwa
programm pilota dwar it-tikkettar ambjentali tal-prodotti. Mill-2008 'l hawn,
il-kumpaniji privati qed jiġu mistiedna biex jipparteċipaw
fil-programm biex jintwerew u jiġu ttestjati eżempji ta' tikkettar
ambjentali b'ħafna kriterji. Evalwazzjoni preliminari tal-prodotti
agrikoli tal-ikel juru li 75% tal-kumpaniji involuti fil-programm pilota
biħsiebhom ikomplu bit-tikkettar ambjentali u madwar 64% huma favur
approċċ armonizzat tal-UE. (http://www.developpement-durable.gouv.fr/IMG/pdf/LPS125.pdf)
Jeżistu inizjattivi oħra fir-Renju Unit, fl-Isvizzera, u
internazzjonalment fil-Ġappun, fl-Awstralja u fil-Kanada. Għal aktar
dettalji ara l-Anness 19. [3] Eż. is-Sustainability Consortium, l-Envifood
Protocol, il-GHG Product Protocol, tikketti u standards diversi (l-impronta
tal-karbonju, il-LCA, l-impronta tal-ilma); Il-Carbon Disclosure Project,
l-indiċijiet tas-sostenibbiltà, il-Global Reporting Initiative,
eċċ. Għal aktar dettalji ara l-Annessi 18 u 19. [4] Eurobarometer Attitudes of European citizens towards the
environment (L-attitudnijiet taċ-ċittadini tal-Ewropa lejn
l-ambjent), 2008; [5] The Flash
Eurobarometer 332 . [6] It-tieni stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar Attitudes of European citizens towards environment (L-attitudnijiet taċ-ċittadini
Ewropej lejn l-ambjent) (2011), wera tnaqqis fl-għadd ta' dawk li
wieġbu li jemmnu li t-tikketti fuq il-prodotti jippermettu
l-identifikazzjoni ta' dawk li huma favur l-ambjent (47% mqabbel ma' 52%
fl-2008). [7] Għal lista tal-istudji li jsostnu din l-asserzjoni,
ara l-Anness 21. [8] COM(2012) 582 finali, Industrija
Ewropea Aktar B'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku -
Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali [9] Ta' min jinnota li l-iskemi tar-Renju Unit u ta' Franza
diġà jagħmlu kontroreferenza għall-iżviluppi fl-UE u
l-Italja tipprevedi rabta qawwija wkoll. Jidher li l-Istati Membri qegħdin
jitolbu gwida/appoġġ armonizzat fil-livell tal-UE dwar l-ivvalutar
tal-impronta ambjentali. Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill
tal-20 ta' Diċembru 2010 fejn stieden lill-Kummissjoni
"biex tiżviluppa metodu komuni għall-valutazzjoni
kwantitattiva tal-impatti ambjentali tal-prodotti tul iċ-ċiklu
tal-ħajja tagħhom". [10] Il-kriterji għall-istrumenti politiċi tal-UE
marbutin mal-prodotti s-soltu jiġu stabbiliti abbażi ta' evidenza
teknika u tas-suq li tinġabar permezz ta' studji ta' tħejjija
speċifiċi. Jekk din l-evidenza tkun taqbel għall-istrumenti
kollha tal-SCP tal-UE, l-assunzjonijiet dwar l-effetti
ekonomiċi/kompetittivi ta' kriterji ġodda jkunu l-istess u
r-riżultat jista' jkun li jkun hemm iktar omoġenjità. [11] Jekk il-kriterji jiġu ffissata bħala
riżultat ta' proċess wieħed għal "użi" differenti,
li jqis il-miri diversi tal-istrumenti politiċi tal-UE marbutin
mal-prodotti, tista' tkun żgurata aktar konsistenza (eż.:
fid-definizzjoni tal-limiti għall-Ekotikketta u t-Tikketta
tal-Enerġija). [12] Mill-2010 'hawn, iċ-Ċentru tar-Riċerka
Konġunta tal-UE ilu jiżviluppa l-metodi (li jiġbru fihom
kategoriji differenti ta' prodotti u ta' organizzazzjonijiet) għall-kejl
tal-Impronta Ambjentali tal-Prodotti (PEF) u tal-Impronta Ambjentali
tal-Organizzazzjonijiet (OEF). Kemm il-PEF, kif ukoll l-OEF huma metodoloġiji
bbażati fuq iċ-ċiklu tal-ħajja (LCA) biex jidentifikaw u
jikkwantifikaw l-impatti ambjentali l-aktar rilevanti tal-prodotti (kemm
tal-oġġetti kif ukoll tas-servizzi) jew portafoll tal-prodotti u
tas-servizzi (organizzazzjoni). Dawn ikomplu jibnu fuq approċċi
eżistenti u fuq standards internazzjonali, minkejja li l-użu tal-LCA
għall-ivvalutar fil-livell ta' organizzazzjoni huwa approċċ
relattivament ġdid. Għal deskrizzjoni aktar sħiħa tal-karatteristiki
tal-PEF u l-OEF ara l-Anness 9. [13] Ir-Regoli Settorjali għall-kejl tal-Impronta
Ambjentali tal-Organizzazzjonijiet huma sett ta' speċifikazzjonijiet u
struzzjonijiet metodoloġiċi mfasslin altapposta biex jintużaw
għal settur speċifiku. Ara l-Anness 9 [14] L-għażla tal-integrazzjoni u l-possibbiltà tal-implimentazzjoni
teknika jkollhom jiġu vvalutati fid-dettal, kull każ għalih. Għal
aktar informazzjoni dwar l-iżviluppi metodoloġiċi
meħtieġa biex jiġu implimentati bis-sħiħ il-PEF u
l-OEF fi strumenti politiċi eżistenti, ara l-Anness 9. [15] http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/products-groups-and-criteria.html
[16] http://susproc.jrc.ec.europa.eu/activities/emas/index.html
[17] Għal aktar dettalji dwar l-inċentivi, ara
l-Annessi 20 u 14. [18] Eż. fil-każ ta' skemi jew rekwiżiti
nazzjonali marbutin mar-rappurtar mhux finanzjarju jew tal-promozzjoni
tal-użu tal-indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali fil-valutazzjonijiet
tar-riskji fl-investiment, il-metodoloġija ta' referenza tkun l-OEF
flimkiem mal-OEFSRs. [19] L-effikaċja hija ddefinita bħala safejn
l-għażliet jirnexxilhom jilħqu l-miri; L-effiċjenza hija
ddefinita bħala safejn dawn il-miri jistgħu jintlaħqu b'mod
kosteffikaċi; Il-koerenza hija ddefinita bħala safejn
l-għażliet ikunu koerenti mal-miri tal-politika tal-UE u kemm huwa
probabbli li jillimitaw il-kompromessi minn qasam għal ieħor,
ambjentali, soċjali u ekonomiku. Ara t-tabella 6 fir-rapport dwar
il-Valutazzjoni tal-Impatti.