Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni 2009/831/KE fir-rigward tal-perjodu ta' applikazzjoni tagħha /* COM/2013/0930 final - 2013/0446 (CNS) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea (TFUE), li japplika għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE,
li jinkludi r-reġjun awtonomu ta' Madejra u r-reġjun awtonomu
tal-Ażores, fil-prinċipju ma jawtorizza l-ebda differenza bejn
it-tassazzjoni ta' prodotti lokali u t-tassazzjoni ta' prodotti mill-Portugall
jew minn Stati Membri oħra. Madanakollu, l-Artikolu 349 tat-TFUE (li
qabel kien l-Artikolu 299(2) tat-Trattat tal-KE) jistipula l-possibbiltà ta’
introduzzjoni ta’ miżuri speċifiċi għal dawk
ir-reġjuni minħabba l-eżistenza ta’ diffikultajiet permanenti li
jħallu impatt fuq il-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali
tar-reġjuni ultraperiferiċi. Permezz tad-Deċiżjoni
tal-Kunsill 2009/831/KE tal-10 ta' Novembru 2009[1], adottata fuq
il-bażi tal-Artikolu 299(2) tat-Trattat tal-KE, il-Portugall ġie
awtorrizzat sal-31 ta' Diċembru 2013 biex japplika rati
mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa fir-reġjun awtonomu tal-Madejra fir-rigward ta'
rum u likuri prodotti u kkonsmati lokalment u fir-reġjun awtonomu
tal-Ażores fir-rigward ta' likuri u eaux-de-vie prodotti u kkonsmati
lokalment. L-Artikolu 2 ta’ dik id-Deċiżjoni jikkonfina d-deroga
msemmija hawn fuq għal prodotti speċifiċi. Il-Portugall jista'
japplika għal dawn il-prodotti, rata tad-dazju tas-sisa aktar baxxa mir-rata
massima imposta fuq l-alkoħol kif stipulata fl-Artikolu 3
tad-Direttiva 92/84/KE[2],
u aktar baxxa mir-rata minima tad-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol kif
ġiet stipulata minn din id-Direttiva iżda li mhijiex iktar minn 75%
tar-rata tad-dazju tas-sisa normali nazzjonali fuq l-alkoħol. Id-Deċiżjoni 2009/831/KE
tispjega r-raġunijiet tal-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi,
li jinkludu d-daqs żgħir, in-natura fframmentata u l-mekkanizzazzjoni
baxxa tal-impriżi agrikoli. Barra minn hekk, it-trasport lejn
il-ġżejjer ta' ċerti materjali mhux ipproċessati u ta'
imballaġġ li ma ġewx prodotti lokalment iwassal għal
spejjeż addizzjonali, meta mqabbel mat-trasport tal-prodott finali biss.
It-trasport u l-installazzjoni tat-tagħmir f’dawk ir-reġjuni
mbegħdin u insulari jkomplu jżidu l-ispejjeż addizzjonali.
Fl-aħħar nett, il-produtturi kkonċernati jħallsu wkoll
spejjeż żejda li ġeneralment ibatu l-ekonomiji lokali, b’mod
partikolari żieda fi spejjeż marbutin max-xogħol u mal-enerġija. It-tnaqqis ta' 75% ma jmurx lil hinn minn dak
li huwa meħtieġ biex jibbilanċja l-livelli ta' spejjeż
addizzjonali li jridu jitħallsu mill-operaturi bħala riżultat
tal-karatteristiċi partikolari msemmijin tal-Madejra u tar-regjuni
tal-Ażores bħala reġjuni ultraperiferiċi. Minħabba li l-vantaġġ tat-taxxa
hu limitat għal dak li hu meħtieġ biex jingħelbu
l-ispejjeż addizzjonali u minħabba li l-volumi kkonċernati
jibqgħu modesti, il-miżura ma timminax l-integrità u l-koerenza
tal-ordni legali tal-Komunità. Barra minn hekk, il-vantaġġ tat-taxxa
hu limitat għall-konsum fir-reġjuni kkonċernati. L-awtoritajiet Portugiżi talbu għal
tiġdid tal-awtorizzazzjoni biex japplikaw rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa
fir-reġjun awtonomu tal-Madejra fuq rum u likuri prodotti u kkonsmati
lokalment u fir-reġjun awtonomu tal-Ażores fuq likuri u eaux-de-vie
prodotti u kkonsmati lokalment sal-31 ta' Diċembru 2020.
It-tiġdid jeħtieġ li jiġi approvat kemm
b’Deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 349 tat-TFUE kif ukoll
b'Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 349 TFUE hija
mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni
dwar l-estensjoni ta’ din il-miżura skont ir-regoli dwar l-għajnuna
mill-Istat. Fit-28 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni
adottat Linji Gwida ġodda dwar l-għajnuna reġjonali
għall-perjodu 2014-2020. Dawn il-Linji Gwida huma parti minn
strateġija usa’ biex jiġi mmodernizzat il-kontroll tal-għajnuna
mill-Istat, bil-għan li jitrawwem it-tkabbir fis-Suq Uniku billi jiġu
mħeġġa miżuri ta' għajnuna aktar effettivi u
l-infurzar tal-Kummissjoni jkun iffokat fuq il-każijiet li għandhom
l-ikbar impatt fuq il-kompetizzjoni. Meta wieħed jikkunsidra li dawn il-Linji
Gwida ser jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2014,
jidher iġġustifikat li l-perjodu ta' applikazzjoni
tad-Deċiżjoni 2009/831/KE, jiġi estiż għal sitt
xhur, biex b’hekk id-data tal-iskadenza tkun tikkoinċidi mad-data ta'
skadenza tal-Linji Gwida attwali. 2. IR-RIŻULTATI TA’
KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT Hekk kif il-proposta preżenti tipproponi
biss li testendi l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni eżistenti
tal-Kunsill għal perjodu limitat ta’ żmien (sitt xhur), bl-istess
kundizzjonijiet, ma jidhirx li hija meħtieġa valutazzjoni tal-impatt. 3. L-ELEMENTI LEGALI
TAL-PROPOSTA Sommarju tal-miżuri proposti Li jiġi estiż il-perjodu ta’
applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2009/831/KE, li tawtorizza
lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa fir-reġjun
awtonomu tal-Madejra fuq rum u likuri prodotti u kkonsmati lokalment u
fir-reġjun awtonomu tal-Ażores fuq likuri u eaux-de-vie prodotti u
kkonsmati lokalment. Bażi legali L-Artikolu 349 TFUE Il-Prinċipju tas-sussidjarità Huwa biss il-Kunsill li għandu
s-setgħa li jadotta, abbażi tal-Artikolu 349 TFUE, miżuri
speċifiċi favur ir-reġjuni ultraperiferiċi
għall-adattament tal-applikazzjoni tat-Trattati għal dawk
ir-reġjuni, inklużi l-politiki komuni, minħabba d-diffikultajiet
permanenti li għandhom impatt fuq il-kundizzjonijiet ekonomiċi u
soċjali tar-reġjuni ultraperiferiċi. Il-proposta għalhekk tikkonforma
mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju
tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin. L-għan tagħha huwa li testendi
l-perjodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2009/831/KE, għal
sitt xhur, u b’hekk id-data tal-iskadenza tkun tikkoinċidi mad-data
tad-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna
reġjonali mill-Istat għall-2014-2020. L-għażla ta’ strument L-istrument propost: Deċiżjoni
tal-Kunsill Strumenti oħrajn ma jkunux adegwati
minħabba r-raġuni li ġejja: It-test li huwa s-suġġett tal-emenda
huwa fih innifsu Deċiżjoni tal-Kunsill, adottata fuq l-istess
bażi ġuridika (l-Artikolu 349 tat-TFUE, li qabel kien
l-Artikolu 299(2) tat-Trattat tal-KE). 4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq
il-baġit tal-Unjoni Ewropea. 2013/0446 (CNS) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni 2009/831/KE
fir-rigward tal-perjodu ta' applikazzjoni tagħha IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 349
tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att
leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament
Ewropew[3], Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma'
proċedura leġiżlattiva speċjali, Billi: (1) Permezz
tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/831/KE
tal-10 ta' Novembru 2009, adottata fuq il-bażi
tal-Artikolu 299 tat-Trattat tal-KE, il-Portugall ġie awtorrizzat
sal-31 ta' Diċembru 2013 biex japplika rati mnaqqsa
tad-dazju tas-sisa fir-reġjun awtonomu tal-Madejra fir-rigward ta' rum u
likuri prodotti u kkonsmati lokalment u fir-reġjun awtonomu
tal-Ażores fir-rigward ta' likuri u eaux-de-vie prodotti u kkonsmati
lokalment. L-Artikolu 2 ta’ dik id-Deċiżjoni jikkonfina d-deroga
msemmija hawn fuq għal prodotti speċifiċi. Il-Portugall jista'
japplika għal dawn il-prodotti, rata tad-dazju tas-sisa baxxa aktar
mir-rata massima imposta fuq l-alkoħol kif stipulata fl-Artikolu 3
tad-Direttiva 92/84/KE, u baxxa aktar mir-rata minima tad-dazju tas-sisa
fuq l-alkoħol kif ġiet stipulata minn din id-Direttiva iżda li
mhijiex iktar minn 75% tar-rata tad-dazju tas-sisa normali nazzjonali fuq
l-alkoħol. (2) L-applikazzjoni ta' rata
tad-dazju tas-sisa iktar baxxa tistabbilixxi tassazzjoni differenzjata, li
tibbenefika l-produzzjoni lokali ta’ ċerti prodotti. Din tikkostitwixxi
għajnuna mill-Istat li teħtieġ l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. (3) Il-Kummissjoni tikkonferma li
t-tnaqqis fir-rata tad-dazju tas-sisa għandha tibqa’ tkun awtorizzata biex
b’hekk tingħata l-għajnuna biex tpatti
għall-iżvantaġġ kompetittiv li qiegħed iħabbat
wiċċu miegħu ix-xorb alkoħoliku ddistillat prodott
fil-Madejra u fl-Ażores bħala riżultat ta’ spejjeż ta’
produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ogħla. (4) Fit-28 ta’ Ġunju 2013
il-Kummissjoni adottat il-Linji Gwida tagħha dwar l-għajnuna
reġjonali mill-Istat għall-perjodu 2014-2020[4], li jispjegaw kif
l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna lill-kumpaniji sabiex
jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ reġjuni
żvantaġġati fl-Ewropa bejn l-2014 u l-2020. Dawn il-Linji Gwida,
li se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2014,
jiffurmaw parti minn strateġija usa’ biex jiġi mmodernizzat
il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, bil-għan li jitrawwem it-tkabbir
fis-Suq Uniku billi jiġu nkoraġġiti miżuri ta'
għajnuna aktar effettivi u l-infurzar tal-Kummissjoni jkun iffokat fuq
il-każijiet li għandhom l-ikbar impatt fuq il-kompetizzjoni. (5) Huwa ġustifikat li
jiġi estiż il-perjodu tal-applikazzjoni
tad-Deċiżjoni 2009/831/KE, għal sitt xhur, u b’hekk id-data
tal-iskadenza tkun tikkoinċidi mad-data tad-dħul fis-seħħ
tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat
għall-2014-2020. (6) Għandu jiġi
żgurat li l-Portugall jista' japplika t-tnaqqis ikkonċernat hekk kif
tiskadi l-awtorizzazzjoni analoga mogħtija permezz tad-Deċiżjoni
2009/831/KE. L-awtorizzazzjoni l-ġdida mitluba għandha għalhekk
tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Fl-Artikolu 5
tad-Deċiżjoni 2009/831/KE, id-data "31 ta' Diċembru 2013"
għandha tiġi sostitwita bid-data
"30 ta' Ġunju 2014". Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha
tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha u għandha
tapplika sal-1 ta' Jannar 2014. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata
lir-Repubblika Portugiża. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill
tal-10 ta' Novembru 2009 li tawtorizza lill-Portugall japplika
rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fir-reġjun awtonomu tal-Madejra fuq rum u
likuri prodotti u kkonsmati lokalment u fir-reġjun awtonomu
tal-Ażores fuq likuri u eaux-de-vie prodotti u kkonsmati lokalment
(ĠU L 197, 13.11.2009, p.9). [2] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE
tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati
tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU
L 316, 31.10.1992, p.29). [3] ĠU C , , p. . [4] C (2013) 3769, 28.6.2013.