Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra /* COM/2013/0925 final - 2013/0441 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI F’Novembru 2004, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex
tinnegozja Ftehimiet Qafas Individwali ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK)
mat-Tajlandja, l-Indoneżja, Singapor, il-Filippini, il-Malażja u
l-Brunej. In-negozjati mal-Filippini bdew fi Frar 2009 u ġew
konklużi f’Ġunju 2010. Wara l-approvazzjoni tal-Coreper,
iż-żewġ naħat iffirmaw il-FSK
fil-25 ta' Ġunju 2010. Fl-okkażjoni tal-laqgħa
ministerjali tal-Forum Reġjonali ASEAN, ġie ffirmat il-FSK fi Phnom Penh fil-11 ta’ Lulju 2012. Il-FSK mal-Filippini huwa l-ewwel ftehim
bilaterali mal-Filippini u jissostitwixxi l-qafas legali ta' bħalissa
tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni tal-1980 bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u
l-pajjiżi membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tal-Asja tax-Xlokk
(ASEAN). Politikament, il-FSK mal-Filippini jimmarka pass importanti lejn
it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali u r-rwol tal-UE fl-Asja
tax-Xlokk, ibbażati fuq valuri universali kondiviżi
bħad-demokraziija u d-drittijiet tal-bniedem. Dan iwitti t-triq sabiex
tittejjeb il-kooperazzjoni politika, reġjonali u globali. Il-FSK jinkludi impenji li huma ċentrali
għall-politika barranija tal-UE, kif ukoll dispożizzjonijiet dwar
id-drittijiet tal-bniedem, in-nonproliferazzjoni, il-ġlieda kontra
t-terroriżmu u l-Qorti Kriminali Internazzjonali. Jinkludi wkoll oqsma ta'
interess attwali bħalma huma l-proċess tal-paċi u
l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri. Il-FSK isaħħaħ il-kooperazzjoni
settorjali fuq firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, bħalma huma
l-migrazzjoni, it-tassazzjoni, l-ambjent, l-enerġija, ix-xjenza u
t-teknoloġija, it-trasport marittimu u bl-ajru, it-turiżmu,
il-kultura, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu,
id-drogi illeċiti, il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. Il-FSK jwessa’ b’mod konsiderevoli l-kamp ta'
applikazzjoni tal-impenn reċiproku fil-qasam ekonomiku u kummerċjali.
Dan għandu taqsima importanti dwar il-kooperazzjoni kummerċjali, li
għandha taġevola n-negozjati dwar il-ftehim ta’ kummerċ
ħieles (FKĦ). Il-konklużjoni tal-FSK hija konformi mal-objettiv
tal-UE li toħloq qafas ekonomiku u politiku komprensiv u koerenti
għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi tal-ASEAN. Barra minn hekk,
il-FSK għandu komponent tal-iżvilupp importanti, li jinkludi
dispożizzjonijiet stretti dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji
tal-UE. Il-Kummissjoni tosserva li
d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2012/272/UE dwar l-iffirmar tal-FSK
mal-Filippini hija s-suġġett tal-Kawża tal-Qorti C-377/12:
il-Kummissjoni talbet lill-Qorti sabiex tħassar id-Deċiżjoni
msemmija hawn fuq minħabba li l-Kunsill żied il-bażi legali
fir-rigward tat-trasport (Artikoli 91 u 100 TFUE), tar-riammissjoni
(Artikolu 79(3) TFUE) u tal-ambjent (Artikolu 191(4) TFUE).
Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti sabiex iżżomm fis-seħħ
l-effetti tad-Deċiżjoni kkontestata. Skont kif tinqata' s-sentenza
tal-Qorti fil-Kawża 377/12, din il-proposta għal Deċiżjoni
tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-FSK hija bbażata fuq
l-Artikoli 207, 209 u 218(6). Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni
tal-Kunsill dwar il-premessa fil-Ftehim li għandha x'taqsam
mal-pożizzjoni speċifika tar-Renju Unit, tal-Irlanda u tad-Danimarka
abbażi tal-Protokolli 21 u 22 tat-Trattati. Iż-żieda ta’
din il-premessa hija minħabba l-ħolqien ta’ dan it-test biss. Skont
ir-riżultat tal-Kawża C-377/12 li attwalment tinsab quddiem il-Qorti
tal-Ġustizzja, din il-premessa tista' titneħħa jew tinkiteb
mill-ġdid fi stadju aktar tard. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, sakemm
din il-kawża għadha pendenti, il-proċedura għall-konklużjoni
ta’ dan il-Ftehim ma tistax tiġi ffinalizzata. 2013/0441 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas ta'
Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri
tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa
l-oħra IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 207 u
209, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament
Ewropew, Billi: (1) F'konformità
mad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2012/272/UE[1], il-Ftehim Qafas ta'
Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri
tagħha minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini min-naħa
l-oħra, ġie ffirmat fil-11 ta’ Lulju 2012, u huwa
suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. (2) Il-Ftehim għandu
jiġi approvat f’isem l-Unjoni Ewropea. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-Ftehim Qafas ta' Sħubija u
Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn
naħa, u r-Repubblika tal-Filippini min-naħa l-oħra, huwa b’hekk
approvat f’isem l-Unjoni. It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din
id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni
għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà jippresjedi l-Kumitat
Konġunt previst fl-Artikolu 48 tal-Ftehim. L-Unjoni jew, kif jista’ jkun il-każ,
l-Unjoni u l-Istati Membri, jkunu rrappreżentati fil-Kumitat Konġunt
skont is-suġġett. Artikolu 3 Il-President tal-Kunsill jinnomina
lill-persuna li għandha s-setgħa tagħti, f’isem l-Unjoni
Ewropea, in-notifika prevista fl-Artikolu 57(1) tal-Ftehim. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni tidħol
fis-seħħ dakinhar tal-adozzjoni tagħha. Tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 134, 24.5.2012, p. 3.