52013PC0914

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern fil-Kroazja /* COM/2013/0914 final - 2013/ () */


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern fil-Kroazja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni;

Billi:

(1)       Skont l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri għandhom jevitaw li jkollhom defiċits eċċessivi tal-gvern.

(2)       Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)       F'X Jannar 2014, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 126(6) tat-TFUE, li hemm defiċit eċċessiv fil-Kroazja.

(4)       Skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (PDE)[1], il-Kunsill huwa mitlub jindirizza rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru kkonċernat, bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fi żmien perjodu stabbilit. Ir-rakkomandazzjoni għandha tistabbilixxi żmien massimu ta' sitt xhur għal azzjoni effettiva li għandha tittieħed mill-Istat Membru kkonċernat biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv. Barra minn dan, f’rakkomandazzjoni biex jiġi kkoreġut defiċit eċċessiv, il-Kunsill għandu jitlob għall-kisba ta’ miri baġitarji annwali li, abbażi tat-tbassir li fuqu tissejjes ir-rakkomandazzjoni, jkunu konsistenti ma’ titjib minimu annwali fil-bilanċ strutturali, jiġifieri l-bilanċ aġġustat ċiklikament minbarra miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħrajn, ta’ mill-inqas 0.5 % tal-PDG bħala valur ta’ referenza. Minbarra dan, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 li jispeċifika r-rekwiżit taħt il-kriterju tad-dejn, il-mira baġitarja rakkomandata għall-aħħar sena tal-perjodu ta' korrezzjoni trid tiżgura li t-tnaqqis meħtieġ fid-differenzjal bejn il-livell ta' dejn u l-PDG u l-valur ta' referenza ta' 60 % tal-PDG  fit-Trattat iseħħ fi żmien is-sentejn li jsegwu l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni.

(5)       Skont it-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2013, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika mistenni jibqa' ogħla mill-valur ta' referenza ta' 3% tal-PDG  fil-perjodu 2013-2015, u l-bilanċ strutturali mistenni jkompli jmur lura matul il-perjodu ta' tbassir, minn madwar 4% tal-PDG fl-2013 għal kważi 6% tal-PDG fl-2015. Dawn l-iżviluppi jirriżultaw l-aktar minn żidiet fuq in-naħa tal-infiq bħal ma hu nfiq fuq l-interessi flimkien ma’ tnaqqis fid-dħul. It-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2013 ma nkludiex il-programm ta' konsolidazzjoni baġitarju mħabbar f'Settembru 2013, mar-rilaxx tal-Linjigwida tal-Politika Ekonomika u Fiskali, minħabba li l-informazzjoni dwar il-miżuri li huma fil-bażi ta' dan il-pakkett ta' konsolidazzjoni mħabbar kienet limitata ħafna. Il-miżuri ppreżentati fit-tieni reviżjoni tal-baġit tal-2013 u l-abbozz tal-baġit 2014 adottat mill-gvern fl-14 ta’ Novembru 2013 u mibgħuta lill-Parlament ma għandhomx impatt sostanzjali fuq ix-xejriet baġitarji. Tabilħaqq, it-tbassir għad-dħul u l-infiq tal-gvern u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika fit-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2013 aġġornat biex jirrifletti t-tagħrif ġdid li sar disponibbli wara l--pubblikazzjoni, juri bidliet żgħar ħafna. Il-previżjonijiet riveduti jikkostitwixxu l-linja bażi l-ġdida tal-Kummissjoni.

(6)       Dwar l-iżviluppi tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika, skont ir-reviżjoni tal-baġit tal-2013 u l-abbozz tal-baġit tal-2014, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-amministrazzjoni pubblika ppjanat fit-tmiem tal-2014 huwa mistenni li jilħaq it-62 % u jkompli jiżdied għal madwar 64 % u 64¾% fl-2015 u l-2016. It-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2013 jipproġetta li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern se jaqbeż il-valur ta’ referenza tat-Trattat fl-2014, u jilħaq qrib il-65 %, u jkompli jiżdied matul il-previżjoni. Aġġornament tat-tbassir tal-Ħarifa tal-2013, li għandu jinkorpora informazzjoni addizzjonali li saret disponibbli wara l-ħruġ tal-previżjoni, l-aktar il-ħruġ il-ġdid tal-bonds fid-denominazzjoni USD f’Novembru 2013, iġib il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika ogħla mil-limitu ta’ 60 % tal-PDG diġà fl-2013.

(7)       Fl-isfond ta' inċertezzi kbar rigward l-iżviluppi ekonomiċi u baġitarji, il-mira baġitarja irrakkomandata għall-aħħar sena tal-perjodu ta' korrezzjoni għandha tkun stabbilita f'livell biċ-ċar taħt il-valur referenzjarju, sabiex tkun garantita konformità mal-punt ta’ riferiment għat-tnaqqis tad-dejn fl-aħħar sena tal-perjodu PDE.

(8)       Skont ir-Regolament 1467/97, il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, għandha titlesta fis-sena ta' wara l-identifikazzjoni tiegħu sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi speċjali. Sabiex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-iskadenza tal-2015 konsistenti ma’ dan l-approċċ u tiżgura konformità konġunta mal-valur ta’ referenza għat-tnaqqis tad-dejn, l-isforz strutturali meħtieġa jammonta għal mill-anqas 1.3 % tal-PDG kemm fl-2014 kif ukoll fl-2015. Dan jirriżulta f’telf ta’ produzzjoni sinifikanti u jiggrava riċessjoni fonda li diġà ħadet fit-tul. Jistgħu jiġu stabbiliti skadenzi itwal, b’mod partikolari fil-każ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq il-kriterju tad-dejn, meta d-defiċit tal-gvern mitlub li jikkonforma mal-kriterju tad-dejn ikun ferm inqas minn 3 % tal-PDG.

(9)       Fid-dawl ta’ dan, l-istabbiliment tad-data ta’ skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2016 huwa ġġustifikat. B’mod partikolari, pjan ta' aġġustament kredibbli u sostenibbli taħt dan il-limitu ta’ żmien estiż se jirrikjedi li l-Kroazja tilħaq il-mira ewlenija għall-amministrazzjoni pubblika ta’  4.6 % tal-PDG għall-2014, 3.5 % tal-PDG fl-2015 u 2.7 % tal-PDG fl-2016, li huwa konsistenti ma’ titjib annwali fil-bilanċ strutturali ta’ 0.5 % tal-PDG fl-2014, 0.9 % tal-PDG fl-2015 u 0.7 % tal-PDG fl-2016, fuq il-bażi tar-rrapurtar tax-xenarju tal-PDE. Ix-xenarju għall-pjan ta’ aġġustament inbena fuq it-tbassir tal-Ħarifa tal-Kummissjoni tal-2013 aġġornat biex jirrifletti informazzjoni ġdida, inkluż mir-reviżjoni tal-baġit tal-2013 u l-abbozz tal-baġit 2014, u estiż sal-2018 billi jiddependi fuq suppożizzjonijiet standard dwar l-għeluq tad-differenza fil-produzzjoni u s-sensittività tal-baġit għaċ-ċiklu. Dan il-pjan ta' aġġustament għandu jippermetti lid-defiċit nominali tal-gvern biex jinżel għal inqas mill-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG sal-2016 filwaqt li fl-istess ħin jiżgura li l-proporzjon tad-dejn mal-PDG javviċina l-valur ta' referenza ta' 60 % b'pass sodisfaċenti; u għalhekk jikkonforma mal-kriterju tad-dejn tal-gvern. Fuq il-bażi tax-xenarju tal-PDE, biex jintlaħqu l-miri strutturali msemmija hawn fuq, il-Kroazja tkun teħtieġ li tadotta miżuri ta’ konsolidament ta’ 2.3 % tal-PDG fl-2014, 1 % tal-PDG fl-2015 u l-2016. Dawn il-miri jikkunsidraw il-ħtieġa li jkun hemm kumpens għal effetti sekondarji negattivi ta’ konsolidazzjoni fiskali fuq il-finanzi pubbliċi, permezz tal-impatt tagħha fuq l-attività ekonomika.

(10)     Il-miżuri ta’ konsolidament tal-baġit għandhom iwasslu għal titjib durabbli fil-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika, filwaqt li jkunu mmirati lejn it-titjib tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi. B’mod partikolari, miżuri biex jipprijoritizzaw in-nefqa li ttejjeb it-tkabbir u investimenti inkluż permezz tal-użu tal-fondi ta' koeżjoni u tal-fondi strutturali tal-UE, it-titjib tal-konformità fiskali, u t-tisħiħ tal-qafas fiskali jkunu ta’ appoġġ f’dan ir-rigward.

(11)     Sabiex jiġi żgurat riżultat li l-aktar iwassal l-aktar għal prosperità ekonomika fuq perjodu ta’ żmien medju kif ukoll għat-tul, il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv għandha tibbenefika minn riformi makrostrutturali ta’ akkumpanjament. Dawn il-miżuri għandu jkollhom l-għan li jissaħħu l-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomija billi joħolqu suq tax-xogħol aktar flessibbli, itejbu l-kwalità tal-ambjent tan-negozju u jżidu l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

(1) Il-Kroazja għandha ġġib fi tmiemha l-qagħda preżenti ta’ defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2016.

(2) Il-Kroazja għandha tilħaq il-miri nominali ta’ defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 4.6 % tal-PDG għall-2014, 3.5 % tal-PDG fl-2015 u 2.7 % tal-PDG fl-2016, li huwa konsistenti ma’ titjib annwali fil-bilanċ strutturali ta’ 0.5 % tal-PDG fl-2014, 0.9 % tal-PDG fl-2015 u 0.7 % tal-PDG fl-2016.

(3) Il-Kroazja għandha tispeċifika u timplimenta b'mod rigoruż il-miżuri li huma meħtieġa biex tinkiseb il-korrezzjoni tad-defiċit  eċċessiv sal-2016, u tuża kull qligħ mhux mistenni għal tnaqqis tad-defiċit.

(4) Il-Kunsill jistabbilixxi l-iskadenza tat-30 ta' April 2014 għall-Kroazja biex tieħu azzjoni effettiva u, skont l-Artikolu 3(4a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, biex tirrapporta b'mod dettaljat l-istrateġija ta' konsolidament maħsuba sabiex tilħaq il-miri, u minn hawn 'il quddiem l-awtoritajiet għandhom jirrappurtaw dwar il-progress li jsir fl-implimentazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet mill-inqas kull sitt xhur, sakemm tkun seħħet il-korrezzjoni sħiħa tad-defiċit eċċessiv.  

Barra minn dan, il-Kunsill jistieden lill-awtoritajiet Kroati biex (i) iwettqu reviżjoni tal-infiq bir-reqqa bil-għan li jirrazzjonalizzaw il-pagi, s-sigurtà soċjali u l-infiq f'sussidji u biex jipprovdu biżżejjed spazju fiskali għall-implimentazzjoni ta' nefqa li ttejjeb it-tkabbir inkluż kofinanzjament ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE; (ii) ikomplu jtejbu l-konformità fiskali u jżidu l-effiċjenza tal-amministrazzjoni tat-taxxa u (iii) itejbu l-qafas istituzzjonali tal-finanzi pubbliċi, inkluż permezz tat-titjib l-ipprogrammar baġitarju pluriennali, li jsaħħaħ ir-rwol u l-indipendenza tal-Kumitat tal-Politika Fiskali, u li jiżgura l-konformità ma’ regoli fiskali. Barra minn hekk, il-Kunsill jistieden lill-awtoritajiet Kroati biex jimplimentaw riformi strutturali, l-aktar fir-rigward tal-indirizzar tar-riġiditajiet tas-suq tax-xogħol u ambjent ta’ negozju negattiv u biex itejbu l-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika, bil-għan li jgħollu l-potenzjal għat-tkabbir tal-PDG.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.