Proposta għal OPINJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm ta' Sħubija Ekonomika tas-SLOVENJA /* COM/2013/0911 final - 2013/0396 (NLE) */
2013/0396 (NLE) Proposta għal OPINJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm ta' Sħubija Ekonomika tas-SLOVENJA
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidra r-Regolament (UE)
Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-21 ta' Mejju 2013[1] dwar
dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni
tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni
tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona
tal-euro, b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta
tal-Kummissjoni Ewropea, Billi: (1) Il-Patt ta'
Stabbiltà u Tkabbir (PST) għandu l-għan li jiżgura d-dixxiplina
baġitarja fl-Unjoni u jistabbilixxi l-qafas għall-prevenzjoni u
l-korrezzjoni tad-defiċits eċċessivi tal-gvern. Huwa bbażat
fuq l-objettiv ta' finanzi governattivi sodi bħala mezz biex
jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u
għal tkabbir sostenibbli b'saħħtu bbażat fuq l-istabbiltà
finanzjarja, u b'hekk jappoġġja l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni
għal tkabbir u impjiegi sostenibbli. (2) Ir-Regolament (UE)
Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni
għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani
baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit
eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro jistabbilixxi
dispożizzjonijiet għall-monitoraġġ imsaħħaħ
tal-politiki baġitarji fiż-żona tal-euro u
għall-iżgurar li l-baġits nazzjonali jkunu konsistenti mal-gwida
politika ekonomika maħruġa fil-kuntest tal-PST u tas-Semestru
Ewropew. Peress li miżuri purament baġitarji jistgħu ma jkunux
biżżejjed biex jiżguraw korrezzjoni dejjiema tad-defiċit
eċċessiv, jistgħu jkunu meħtieġa miżuri ta'
politika u riformi strutturali addizzjonali. (3) L-Artikolu 9
tar-Regolament (UE) Nru 473/2013 jistabbilixxi l-modalitajiet
għall-programmi ta' sħubija ekonomika, li għandhom jiġu
ppreżentati mill-Istati Membri taż-żona tal-euro taħt
Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. Billi jistabbilixxi pjan
direzzjonali ta' miżuri li jikkontribwixxu għal korrezzjoni effettiva
u dejjiema tad-defiċit eċċessiv, il-programm
ta' sħubija ekonomika għandu, b'mod
partikolari, jiddeskrivi fid-dettall ir-riformi fiskali strutturali ewlenin,
b'mod partikolari dawk li jirreferu għat-tassazzjoni, is-sistemi
tal-pensjonijiet u tas-saħħa u l-oqfsa baġitarji, li se jkunu
strumentali biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv
b'mod dejjiemi. (4) Fit-2 ta' Diċembru 2009,
il-Kunsill adotta deċiżjoni skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat,
fejn is-Slovenja tpoġġiet fi proċedura ta' defiċit
eċċessiv. Il-Kunsill adotta fil-21 ta' Ġunju 2013
rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat fil-kuntest
ta' defiċit eċċessiv li nfetħet qabel id-dħul
fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 473/2013. F'dan il-kuntest,
is-Slovenja ntalbet tippreżenta programm ta' sħubija ekonomika
sal-1 ta' Ottubru 2013, li jistabbilixxi r-riformi
fiskali-strutturali li jimmiraw li jiżguraw korrezzjoni effettiva u dejjiema
tad-defiċit eċċessiv. Il-programm ta' sħubija
ekonomika ppreżentat mis-Slovenja fl-1 ta' Ottubru jinkludi
miżuri mmirati biex isaħħu l-istrateġija baġitarja
għall-korrezzjoni dejjiema tad-defiċit eċċessiv
(Rakkomandazzjoni tal-Kunsill Speċifika għall-Pajjiż (minn hawn
'il quddiem RSP) 1), biex jappoġġjaw is-sostenibbiltà fit-tul
tas-sistema tal-pensjonijiet u jinkludu l-ispejjeż tat-tixjiħ (RSP2),
jirriformaw is-suq tax-xogħol (RSP3), jevalwaw il-kwalità tal-assi
fis-sistema bankarja (RSP4), itejbu l-qafas regolatorju u l-kapaċitajiet
superviżorji tal-banek (RSP5), jirriformaw il-professjonijiet regolati
(RSP6), inaqqsu t-tul tal-proċeduri ġudizzjarji (RSP7),
isaħħu l-governanza korporattiva tal-SOEs u l-privatizzazzjoni (RSP8)
u jirristrutturaw il-kumpaniji u jtejbu l-ambjent tan-negozju (RSP9). (6) Il-miżuri
fiskali-strutturali u r-riformi li s-Slovenja qed tippjana li timplimenta
jikkonċernaw dan li ġej: (i) is-sistema tat-taxxa u l-konformità
tat-taxxa; (ii) il-qafas fiskali; (iii) is-sistema tal-pensjonijiet, u (iv)
l-kura fit-tul. Is-sett ta' miżuri huwa parzjalment adegwat u jista' jkun
mistenni li jikkontribwixxi għall-korrezzjoni effettiva u dejjiema
tas-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv. Madankollu,
jeħtieġu aktar sforzi u implimentazzjoni aċċellerata
f'ċerti oqsma. (7) Il-miżuri strutturali
riċenti li jżidu d-dħul, b'mod partikolari rati tal-VAT
ogħla u taxxa ġdida fuq il-proprjetà, huma previsti li
jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli (madwar 1,3 % tal-PDG)
għall-konsolidament tal-finanzi pubbliċi. Dawn l-azzjonijiet mhumiex
ikkumplimentati b'miżuri strutturali tan-naħa tan-nefqa li huma wkoll
essenzjali sabiex tinkiseb il-pożizzjoni ta' bilanċ/surplus
tal-baġit. Abbażi tal-informazzjoni attwali huwa prematur li
jiġu evalwati l-bosta miżuri amministrattivi biex
tissaħħaħ il-konformità tat-taxxa, madankollu jekk dawn ikunu
effiċjenti, ikomplu jsaħħu s-sostenibbiltà tal-finanzi
pubbliċi. (8) L-awtoritajiet qed
iħejju riforma tal-leġiżlazzjoni li fuqha huwa bbażat
il-qafas fiskali b'konformità mat-Trattat ta' Stabbiltà, Koordinazzjoni u
Governanza fl-UME (TSKG) u r-rekwiżiti legali tal-UE. Ir-regola
kostituzzjonali approvata tal-bilanċ/surplus tal-baġit u l-atti
legali previsti li jispeċifikaw l-implimentazzjoni tagħha, b'mod
partikolari l-Att ġdid dwar ir-Regoli Fiskali u l-Att dwar il-Finanzi
Pubbliċi emendat, għandhom jgħinu biex jankraw id-dixxiplina fiskali
fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. (9) Bħala
riżultat tal-implimentazzjoni tar-riforma tal-pensjonijiet f'Diċembru
2012, in-numri ta' pensjonanti anzjani ġodda kull xahar jindikaw
moderazzjoni fit-tkabbir tagħhom. Madankollu, il-valutazzjoni
tal-implimentazzjoni tat-tieni rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar
it-tisħiħ tas-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjoni tkun
prematura. Grupp ta' ħidma magħmul minn membri mill-akkademja u
l-amministrazzjoni pubblika qed jevalwa l-implikazzjonijiet tar-riforma.
Abbażi tas-sejbiet tiegħu, il-gvern bi ħsiebu jistabbilixxi
proposti għal aktar adattamenti tas-sistema tal-pensjonijiet biex
jiżgura s-sostenibbiltà tagħha wara l-2020. (10) Sabiex ikompli
jindirizza l-ispejjeż marbuta mal-anzjani li dejjem jiżdiedu,
il-gvern approva pjan għal att dwar il-kura fit-tul u l-assistenza
personali li jintroduċi sistema ġdida bbażata fuq
l-assigurazzjoni. L-adozzjoni tal-att il-ġdid hija prevista fl-ewwel nofs
tal-2014. Il-finanzjament tas-sistema obbligatorja bbażata fuq
l-assigurazzjoni għandu jiġi ċċarat, iżda x'aktarx se
jkun ibbażat fuq kontribuzzjonijiet obbligatorji mill-popolazzjoni attiva
u inattiva u m'għandux iżid ir-rata tal-kontribuzzjonijiet
ġenerali tas-sigurtà soċjali. (11) Matul
l-aħħar xhur, is-Slovenja żiedet ir-ritmu tar-riformi
strutturali mhux fiskali rilevanti għall-aġġustament
tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Qiegħed jinkiseb progress
kruċjali fil-qasam tas-settur bankarju. Madankollu, ir-riformi ewlenin li
jappoġġjaw l-aġġustament u t-tkabbir għadhom
qegħdin jitħejjew u huma sostanzjalment tard, b'mod partikolari
r-ristrutturar tal-kumpaniji barra mill-qorti u l-adozzjoni
tal-klassifikazzjoni tal-assi statali. (12) L-implimentazzjoni
ta' miżuri biex jistabbilizzaw is-settur bankarju għadha
għaddejja, b'mod partikolari Eżami bir-reqqa tal-Kwalità tal-Assi u
Simulazzjonijiet ta' Kriżi li jkopru kważi 70 % tas-settur
bankarju qed jitwettqu u għandhom jitlestew qabel tmiem l-2013.
Valutazzjoni bħal din hija mistennija li tiġi segwita minn
strateġija komprensiva ta' ristrutturar, konsolidazzjoni u rikapitalizzazzjoni
tas-settur bankarju, li tkun tinkludi wkoll pjanijiet
għad-diżinvestiment tal-parteċipazzjonijiet fis-settur pubbliku
diretti u indiretti fil-banek domestiċi. Dawn għandhom inaqqsu b'mod
sinifikanti r-riskju li jerġgħu jitfaċċaw l-obbligazzjonijiet
kontinġenti fis-snin li ġejjin. (13) Ir-riforma
tal-Liġi Slovena dwar il-Holdings Sovrani li qed tiġi diskussa
bħalissa, jekk tkun imfassla u implimentata sewwa, inkluż il-progress
rapidu tal-privatizzazzjoni ta' ċerti SOEs, tista', minn naħa, tiġġenera
d-dħul u tnaqqas l-obbligazzjonijiet kontinġenti tal-gvern
ġenerali u, min-naħa l-oħra, tikkontribwixxi għal
ġestjoni strateġika mtejba u ġestjoni ta' assi statali aktar
effiċjenti, b'mod partikolari rigward il-possibilitajiet li jiġu
attirati investituri barranin, ADOTTA DIN L-OPINJONI: Il-Programm ta' Sħubija Ekonomika
tas-Slovenja ppreżentat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill
fl-1 ta' Ottubru 2013 jinkludi sett ta' riformi strutturali
fiskali li huwa parzjalment adegwat biex jappoġġja korrezzjoni effettiva
u dejjiema tad-defiċit eċċessiv u jeħtieġ li jiġi
implimentat kif suppost u b'mod komprensiv biex iwassal ir-riżultati
mistennija. B'mod speċifiku, il-programm ta' sħubija ekonomika juri
xi progress fl-ilħuq tal-impenji mill-Programm Sloven ta' Stabbiltà u
l-Programm Nazzjonali Sloven ta' Riforma dwar ir-riforma tat-taxxa,
it-tisħiħ tal-konformità tat-taxxa u tal-governanza fiskali kif ukoll
it-tiswija tas-settur bankarju. Ir-ristrutturar tas-settur bankarju u
korporattiv u l-istrateġija ta' konsolidazzjoni wara l-ħruġ
tar-Reviżjonijiet ta' Kwalità tal-Assi u s-Simulazzjonijiet ta' Kriżi
għall-banek huma ewlenin biex tissaħħaħ il-kunfidenza u
jiġu attirati investituri barranin fis-Slovenja, inklużi fil-bonds
sovrani. Ix-xogħol fuq adattamenti ulterjuri possibbli tas-sistema
tal-pensjonijiet m'ilux li beda u l-informazzjoni dwar il-miżuri konkreti
u l-iskedi previsti f'dan il-qasam mhix disponibbli. B'mod ġenerali,
kważi r-riformi kollha għadha għaddejja l-ħidma fuqhom u
b'hekk l-adozzjoni rapida u l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom
huma ta' importanza kbira. Għalhekk, is-Slovenja hija mistiedna
tiddeskrivi fid-dettall u tipprovdi informazzjoni addizzjonali fuq ir-riformi
previsti fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà li
jmiss, li l-valutazzjoni sħiħa tagħhom se ssir mill-Kummissjoni
u l-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Magħmul fi Brussel, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU
L 140, 27.5.2013 p. 11.