52013PC0910

Proposta għal OPINJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm tas-Sħubija Ekonomika tal-Pajjiżi l-Baxxi /* COM/2013/0910 final - 2013/0397 (NLE) */


2013/0397 (NLE)

Proposta għal

OPINJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm tas-Sħubija Ekonomika tal-Pajjiżi l-Baxxi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013[1] dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-Abbozzi tal-Pjani Baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-Żona tal-Euro, u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST) għandu l-għan li jiżgura dixxiplina baġitarja madwar l-Unjoni u jistabbilixxi l-qafas għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' defiċits eċċessivi tal-gvern. Huwa bbażat fuq l-objettiv ta' finanzi sodi tal-gvern bħala mezz ta' tisħiħ tal-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għat-tkabbir qawwi u sostenibbli bbażat fuq l-istabbiltà finanzjarja, u b'hekk jappoġġa l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi.

(2) Ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-Abbozzi tal-Pjani Baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-Żona tal-Euro jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-monitoraġġ miżjud tal-politiki baġitarji fiż-Żona tal-Euro u għall-iżgurar li l-baġits nazzjonali jkunu konsistenti mal-gwida dwar il-politika ekonomika maħruġa fil-kuntest tal-PST u s-Semestru Ewropew. Billi miżuri purament baġitarji jistgħu ma jkunux biżżejjed sabiex tiġi żgurata korrezzjoni fit-tul tad-defiċit eċċessiv, jistgħu jkunu meħtieġa miżuri ta' politika u riformi strutturali addizzjonali. 

(3) L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 473/2013 jistabbilixxi l-modalitajiet għall-Programmi ta' Sħubija Ekonomika, li għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri taż-Żona tal-Euro fi Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. Sabiex jistabbilixxi pjan ta' direzzjoni ta' miżuri li jikkontribwixxu għal korrezzjoni effettiva u fit-tul tad-defiċit eċċessiv, il-Programm ta' Sħubija Ekonomika għandu jippreżenta fid-dettall ir-riformi fiskali-strutturali ewlenin, b'mod partikolari dawk li jirreferu għat-taxxa, għas-sistemi tal-pensjonijiet u tas-saħħa u għall-oqfsa baġitarji, li se jkunu strumentali biex jiġi kkoreġut fit-tul id-defiċit eċċessiv.

(4) Fit-2 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill adotta deċiżjoni skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat, li permezz tagħha l-Pajjiżi l-Baxxi qegħdin jitqiegħdu fi proċedura ta' defiċit eċċessiv. Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) fil-21 ta' Ġunju 2013. F'dan il-kuntest, il-Pajjiżi l-Baxxi ntalbu sabiex jippreżentaw Programm ta' Sħubija Ekonomika sal-1 ta' Ottubru 2013.

(5) Fit-30 ta' Settembru 2013, u b'hekk fil-perjodu ta' żmien stabbilit mill-Artikolu 9(3) u 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 473/2013, il-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Programm ta' Sħubija Ekonomika, li b'mod partikolari jistabbilixxi riformi fiskali-strutturali li għandhom l-għan li jiżguraw korrezzjoni effettiva u dewwiema tad-defiċit eċċessiv (RSP 1). Il-Programm ta' Sħubija Ekonomika jinkludi wkoll miżuri mmirati biex jindirizzaw is-sett usa' ta' rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Pajjiżi l-Baxxi mill-Kunsill fid-9 ta' Lulju 2013: limitazzjoni tad-djun u riskji finanzjarji relatati fuq is-suq tax-xiri tad-djar; promozzjoni tal-attività fis-suq tax-xiri tad-djar, titjib fil-funzjonament u l-allokazzjoni tas-settur tal-kiri sussidjat; promozzjoni tas-settur tal-kiri privat (RSP 2); it-titjib tas-superviżjoni finanzjarja tal-fondi tal-pensjonijiet, li jippermetti bilanċ imtejjeb bejn ir-riskji u l-ambizzjoni, ukoll minn perspettiva interġenerazzjonali; tnaqqis tar-rata annwali tad-dovuti għall-pensjonijiet okkupazzjonali, teħid f'kunsiderazzjoni tal-perjodu ta' maturazzjoni itwal minħabba ż-żidiet fl-età tal-pensjoni; it-titjib tal-impjegabbiltà tal-impjegati akbar fl-età; rieżami tas-sistema tal-kura fit-tul (RSP 3); titjib tal-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol; u promozzjoni tat-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol (RSP 4). Minbarra l-miżuri addizzjonali ta' konsolidazzjoni għall-2014 u wara li ġew trażmessi fl-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tal-Pajjiżi l-Baxxi, miżuri ġodda fil-qasam tal-miżuri strutturali fiskali elenkati fil-Programm ta' Sħubija Ekonomika jikkonċernaw kopertura aktar stretta tar-regoli baġitarji għas-saffi sottonazzjonali tal-gvern. Il-miżuri attwali elenkati fil-Programm ta' Sħubija Ekonomika li jkopru r-RSP 2 sa 4 kienu fil-biċċa l-kbira diġà tnedew qabel ma ġiet rilaxxata l-aħħar serje ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

 (6) Il-miżuri fiskali strutturali li l-Pajjiżi l-Baxxi qed jippjanaw li jimplimentaw jappartjenu b'mod partikolari għall-kodifikazzjoni tar-regoli fiskali, akkumpanjata minn kopertura aktar stretta tal-gvernijiet sottonazzjonali li tappoġġa t-tisħiħ tal-qafas fiskali nazzjonali. Flimkien mal-miżuri addizzjonali ta' konsolidazzjoni fiskali adottati fl-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tal-2014, huma jistgħu jkunu mistennija li jsostnu korrezzjoni sostenibbli tad-defiċit eċċessiv u wkoll l-isforzi biex tintlaħaq il-mira għal terminu medju ta' bilanċ tal-baġit strutturali.

(7) Il-miżuri għat-titjib tal-funzjonament tas-suq tad-djar jistgħu jkunu mistennija li jnaqqsu gradwalment is-sussidji għall-finanzjament bid-dejn tax-xiri ta' djar u r-riskji ta' inadempjenza li l-gvern huwa espost għalihom permezz tal-iskema nazzjonali ta' garanziji għas-self b'ipoteka. It-tnaqqis tat-taxxa tat-trasferiment huwa għali f'termini ta' dħul fiskali mitluf, iżda huwa mistenni li jtejjeb il-bilanċ tad-domanda u l-provvista u l-allokazzjoni tal-kapital fis-suq tad-djar. L-aktar importanti minn dawn il-miżuri kienu diġà ssemmew fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma. B'mod ġenerali, il-miżuri jidhru li mexjin fid-direzzjoni t-tajba iżda jeħtieġ li jkunu segwiti u possibbilment adattati biex tkun żgurata s-suffiċjenza tagħhom b'reazzjoni għar-rakkomandazzjoni rilevanti speċifika għall-pajjiżi (RSP 2).

(8) Il-miżuri għat-titjib tal-funzjonament tal-fondi tal-pensjonijiet jistgħu jkunu mistennija li jnaqqsu s-sussidji fiskali għas-sistema waqt li fl-istess ħin jappoġġaw l-impjegabbiltà tal-ħaddiema akbar fl-età. Il-miżuri jistgħu jkunu mistennija li jtejbu l-effiċjenza tas-sistema tal-kura fit-tul jekk ir-riżultati jimmaterjalizzaw kif previst, u b'hekk jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fiskali. Madankollu, baqa' riskji rigward id-dettalji tal-implimentazzjoni u l-effetti ekonomiċi u baġitarji tagħhom, kif ukoll rigward l-impatt fuq kontribuzzjonijiet tal-pensjoni attwali. Peress li l-miżuri għadu qed isir ix-xogħol fuqhom, se tkun meħtieġa analiżi ulterjuri tal-impatt tal-pjanijiet tal-politika u l-kontribut tagħhom għall-indirizzar tal-isfida tas-sostenibbiltà fiskali.

(9) Il-miżuri għat-titjib tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol jinkludu bidliet għat-trasferibbiltà tal-krediti tat-taxxa u riformi ta' għadd ta' allowances u benefiċċji tal-qgħad. B'mod ġenerali, dawn il-miżuri jistgħu jkunu wkoll mistennija li jkollhom impatt pożittiv fuq il-bilanċ baġitarju. Madankollu, il-miżuri huma ppjanati li jiġu introdotti gradwalment, bħala riżultat ukoll tal-ftehimiet mal-imsieħba soċjali li jirregolaw l-implimentazzjoni tagħhom. L-aktar importanti minn dawn il-miżuri kienu diġà ssemmew fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma. Implimentazzjoni aktar mgħaġġla tipprovdi funzjonament aħjar tas-suq tax-xogħol u tappoġġa t-tkabbir ekonomiku,

ADOTTA DIN L-OPINJONI:

Il-Programm ta' Sħubija Ekonomika tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fit-30 ta' Settembru 2013 jinkludi sett ta' riformi fiskali-strutturali ġeneralment adegwati, li jkunu ta' appoġġ għal korrezzjoni effettiva u fit-tul tad-defiċit eċċessiv. Speċifikament, il-Programm ta' Sħubija Ekonomika jtenni l-impenn favur ir-riformi kif mogħti fl-aħħar Programm Nazzjonali ta' Riforma, u jipprovdi xi dettalji oħra dwar l-implimentazzjoni ta' wħud minn dawn il-miżuri fiż-żmien minn meta ġie ppreżentat, u dwar l-iskadenzi għas-segwitu. L-iskeda tal-miżuri ppjanati biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż dwar is-suq tax-xogħol b'mod partikolari tidher li ttawwal iż-żmien li fih se jsiru r-riformi maġġuri f'dan il-qasam. Għalkemm hija mogħtija informazzjoni dettaljata dwar il-miżuri kollha, il-Programm ta' Sħubija Ekonomika ma fihx biżżejjed informazzjoni dwar l-isfidi u r-riskji speċifiċi matul l-implimentazzjoni tagħhom. Il-Pajjiżi l-Baxxi huma għalhekk mistiedna fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma u Stabbiltà biex jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar l-implimentazzjoni tar-riformi ppjanati u biex jiżguraw il-progress lejn l-ilħuq tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fis-Semestru Ewropew. Il-Kummissjoni u l-Kunsill se jissorveljaw l-implimentazzjoni tar-riformi fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]       ĠU L 140, 27.5.2013 p. 11.