52013PC0904

Proposta għal OPINJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm ta' Sħubija Ekonomika ta' Franza /* COM/2013/0904 final - 2013/0394 (NLE) */


2013/0394 (NLE)

Proposta għal

OPINJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm ta' Sħubija Ekonomika ta' Franza

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013[1] dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro, b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST) jimmira li jiżgura d-dixxiplina baġitarja fl-Unjoni u jistabbilixxi l-qafas għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni tad-defiċits eċċessivi tal-gvern. Huwa bbażat fuq l-objettiv ta' finanzi governattivi sodi bħala mezz sabiex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b'saħħtu bbażat fuq stabbiltà finanzjarja, u b'hekk tiġi appoġġjata l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni għal tkabbir sostenibbli u impjiegi.

(2)       Ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-monitoraġġ imsaħħaħ tal-politiki baġitarji fiż-żona tal-euro u għall-iżgurar li l-baġits nazzjonali jkunu konsistenti mal-gwida politika ekonomika maħruġa fil-kuntest tal-PST u s-Semestru Ewropew. Peress li miżuri purament baġitarji jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw korrezzjoni dejjiema tad-defiċit eċċessiv, jistgħu jkunu meħtieġa miżuri addizzjonali ta' politika u riformi strutturali. 

(3)       L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 473/2013 jistabbilixxi l-modalitajiet kif l-Istati Membri taż-żona tal-euro jistgħu jippreżentaw programmi ta' sħubija ekonomika taħt Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. Il-programm ta' sħubija ekonomika għandu jistabbilixxi pjan direzzjonali ta' miżuri biex jikkontribwixxi għal korrezzjoni effettiva u dejjiema tad-defiċit eċċessiv, u għandu jiddeskrivi fid-dettall, b'mod partikolari r-riformi fiskali strutturali ewlenin, speċjalment dawk li jirreferu għat-tassazzjoni, is-sistemi tal-pensjonijiet u tas-saħħa u l-oqfsa baġitarji, li se jkun strumentali biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv b'mod dejjiemi.

(4)       Fis-27 ta' April 2009, il-Kunsill adotta deċiżjoni skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), fejn Franza titqiegħed fi Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. Fil-21 ta' Ġunju 2013, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fil-kuntest ta' defiċit eċċessiv li nfetħet qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 473/2013. F'dan il-kuntest. Franza ntalbet tippreżenta programm ta' sħubija ekonomika sal-1 ta' Ottubru 2013.

(5)       Fl-1 ta' Ottubru 2013, u b'hekk fiż-żmien stabbilit bl-Artikolu 9(3) u 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 473/2013, Franza ppreżentat Programm ta' Sħubija Ekonomika lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, li jistabbilixxi b'mod partikolari r-riformi fiskali-strutturali li jimmiraw li jiżguraw korrezzjoni effettiva u dejjiema tad-defiċit eċċessiv. Il-Programm ta' Sħubija Ekonomika jinkludi miżuri intiżi sabiex jimplementaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (RSP) indirizzati lil Franza mill-Kunsill fid-9 ta' Lulju 2013. (i ) l-iżgurar tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi (RSP 1) filwaqt li tiġi simplifikata s-sistema tat-taxxa (RSP 5), (ii) ir-restawr tal-kompetittività permezz ta' miżuri biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-produzzjoni (RSP 2) , it-titjib tal-ambjent tan-negozju (RSP 3) u ż-żieda fil-kompetizzjoni (RSP 4) kif ukoll (iii ) il-ġlieda kontra l-qgħad u l-inugwaljanza fis-suq tax-xogħol (RSP 6).

(6)       Il-Programm ta' Sħubija Ekonomika jiffoka fuq miżuri li, bi ftit eċċezzjonijiet, diġà ġew implimentati jew qegħdin fil-proċess tal-adozzjoni. Huwa jipprovdi informazzjoni limitata dwar l-istrateġija tal-politika tal-gvern għall-perjodu sal-2015, li hija l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. Ir-riformi fiskali-strutturali meħuda jew ippjanati minn Franza huma dawn li ġejjin: (i) miżuri biex jitnaqqas id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika, b'mod partikolari permezz ta' sforzi li jrażżnu ż-żieda fin-nefqa, (ii) il-ħolqien ta' kunsill fiskali indipendenti, (iii) ir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet, (iv) is-simplifikazzjoni tas-sistema tat-taxxa (v) it-tnaqqis fil-kost tax-xogħol. Riformi strutturali addizzjonali li għandhom effett fuq it-tkabbir u l-kompetittività, u għalhekk impatt indirett fuq it-tnaqqis tad-defiċit jinkludu: (i) l-appoġġ għall-innovazzjoni u kapaċità ta' esportazzjoni tal-kumpaniji, (ii) miżuri li jtejbu l-kompetizzjoni u l-effiċjenza fl-industriji tan-netwerk u f'ċerti setturi regolati, (iii) ir-riforma tas-suq tax-xogħol, u (iv) l-appoġġ għall-impjieg għaż-żgħażagħ.

(7) Rigward il-finanzi pubbliċi, il-miżuri meħuda jimmiraw li jikkonformaw mal-miri tad-defiċit nominali stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013, bi sforzi speċifiċi biex irażżnu ż-żieda fin-nefqa, inkluż fil-kura tas-saħħa. Għal dak l-għan, twettqu numru ta' valutazzjonijiet ta' politika pubblika bħala parti mir-rieżami li għadu għaddej tal-infiq u dawn irriżultaw fi proposti speċifiċi iżda l-iffrankar mistenni għadu ma ġiex ikkwantifikat b'mod sistematiku. Barra minn hekk, parti mill-miżuri mħabbra s'issa jikkonsistu fil-limitazzjoni u/jew it-tneħħija tal-eżenzjonijiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali, li fil-fatt se jgħollu l-piż tat-taxxa minflok ibaxxu n-nefqa. B'mod aktar ġenerali, wieħed għad irid jara sa liema punt ir-rieżami tal-infiq se jirriżulta fil-fatt f'riformi maġġuri tal-politiki tal-gvern, u jkopri l-attivitajiet fis-settur pubbliku u l-modi ta' twassil tas-servizzi pubbliċi. Il-gvern nieda wkoll riforma ta' deċentralizzazzjoni mmirata li tiċċara r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet lokali u tal-gvern ċentrali sabiex tiżdied l-effiċjenza tan-nefqa tal-gvern lokali. Madankollu, mhuwiex ċar f'dan l-istadju jekk dan il-proċess hux se jikkontribwixxi fil-fatt għar-razzjonalizzazzjoni tal-infiq lokali u l-iffrankar mistenni għadu ma ġiex ikkwantifikat. Lil hinn mill-ammont sinifikanti ta' ffrankar immirat għall-2014, il-Programm ta' Sħubija Ekonomika jipprovdi ftit informazzjoni dwar il-miżuri biex titjieb il-kost-effettività tal-infiq fuq il-kura tas-saħħa fit-terminu medju u dak twil, inkluż fil-qasam tal-farmaċewtiċi, fid-dawl taż-żieda mbassra f'dan l-infiq.

(8)       It-tmexxija tal-finanzi pubbliċi ġiet imsaħħa b'mod partikolari permezz tal-ħolqien ta' Kunsill Għoli għall-Finanzi Pubbliċi. Bħala awtorità indipendenti bil-liġi, il-Kunsill Għoli jipprovdi opinjoni dwar ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma bbażati l-abbozzi tal-baġit u l-programmi ta' stabbiltà u dwar il-konsistenza tal-miri fiskali annwali mal-istrateġija baġitarja pluriennali. Kif xieraq, il-kunsill ipprovda opinjoni dwar il-Programm ta' Stabbiltà ppreżentat minn Franza fit-30 ta' April 2013 kif ukoll dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju.

(9)       Ir-riforma ppjanata tal-pensjonijiet tista' tkun mistennija li tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet. Il-miżuri meħuda sal-2020 jiffokaw prinċipalment fuq in-naħa tad-dħul, b'mod partikolari b'żieda fil-kontribuzzjonijiet soċjali kemm għall-impjegati kif ukoll għal min iħaddem, miżura li l-Kunsill kien wissa kontriha. Il-gvern impenja ruħu biex itaffi l-impatt tar-riforma ppjanata tal-pensjonijiet fuq il-kost tax-xogħol fl-2014 permezz ta' tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tal-familja. Mill-2020, il-perjodu ta' kontribuzzjoni għal pensjoni sħiħa se jiżdied b'mod gradwali għal 43 sena fl-2035. Ir-riforma ppjanata ma tindirizzax b'mod sħiħ ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill minħabba li l-miżuri kkunsidrati huma mistennija li jnaqqsu biss bin-nofs id-differenza ta' finanzjament fis-sistema tal-pensjonijiet sal-2020. F'dan ir-rigward, l-ambitu u r-regoli speċifiċi tal-iskemi tal-ħaddiema tas-settur pubbliku ma ġewx rieżaminati. Barra minn hekk, jista' jkun li l-lakuna finanzjarja tas-sistema tal-pensjonijiet sal-2020 tkun saħansitra ikbar milli mistenni jekk ix-xenarju makroekonomiku li fuqu hija bbażata r-riforma jispiċċa jkun ottimist iżżejjed, sitwazzjoni li ma tistax tiġi kompletament eskluża abbażi tal-iżviluppi ekonomiċi attwali. Il-kost baġitarju tal-miżuri ppjanati biex jittieħed iżjed kont tal-attivitajiet ta' strapazz huwa soġġett għal inċertezza sinifikanti u huwa riskju ieħor għall-prospetti finanzjarji tas-sistema tal-pensjonijiet.

(10)     Saru aktar sforzi biex tiġi simplifikata s-sistema tat-taxxa u tiżdied l-effiċjenza tagħha permezz ta' tnaqqis ulterjuri fin-nefqa tat-taxxa u proposti biex tiżdied it-tassazzjoni ambjentali. Min-naħa l-oħra, minbarra l-miżura li diġà ġiet adottata fl-2013 u li l-impatt tagħha se jiżdied fl-2014, l-ebda miżuri m'huma meqjusa fl-Abbozz ta' Pjan Baġitarju biex jitkompla jitnaqqas il-preġudizzju tad-dejn fit-tassazzjoni korporattiva. Emendi għall-Abbozz ta' Pjan Baġitarju wara li dan ġie ppreżentat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill se jirriżultaw f'rata statutorja de facto ogħla ta' taxxa fuq id-dħul korporattiv għall-kumpaniji kbar, kontra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex jitnaqqsu r-rati statutorji filwaqt li titwessa' l-bażi fiskali. Barra minn hekk, filwaqt li r-rati tat-taxxa b'valur miżjud se jinbidlu minn Jannar 2014, kif deċiż f'Diċembru 2012, il-Programm ta' Sħubija Ekonomika ma jinkludix informazzjoni dwar il-miżuri intiżi biex ir-rati mnaqqsa jinġiebu eqreb ir-rata standard kif rakkomandat mill-Kunsill. Is-sospensjoni ta' taxxa ekoloġika fuq vetturi b'merkanzija tqila mħabbra mill-gvern fid-29 ta' Ottubru tidher f'kontradizzjoni mal-isforzi ppreżentati fil-Programm ta' Sħubija Ekonomika biex tiżdied it-tassazzjoni ambjentali.

(11)     Il-miżuri meħuda mill-gvern biex jappoġġja l-kost kompetittività jistgħu jkunu mistennija li jtaffu ż-żieda fil-kost tax-xogħol marbuta mal-miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali adottati mill-2010. B'mod partikolari, ir-ribass tat-taxxa għall-kompetittività u l-impjiegi adottat f'Diċembru 2012 inaqqas b'mod sinifikanti l-kost tax-xogħol għall-pagi li huma inqas minn 2.5 darbiet il-paga minima. Minbarra l-impenn biex jittaffa l-impatt tar-riforma tal-pensjoni ppjanata fl-2014 il-gvern ħabbar riforma fil-futur tal-finanzjament tas-sigurtà soċjali sabiex jiġu diversifikati r-rikavati u jitnaqqas l-impatt tagħhom fuq il-kost tax-xogħol. Madankollu, ftit informazzjoni hija disponibbli f'dan l-istadju fuq l-ispeċifiċitajiet ta' din ir-riforma.

(12)     Il-Programm ta' Sħubija Ekonomika jressaq numru ta' riformi strutturali meħuda biex jiżdiedu t-tkabbir u l-kompetittività u għall-ġlieda kontra l-qgħad. Sabiex jappoġġja l-kompetittività, il-gvern ħa miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi għal proġetti innovattivi u jappoġġjaw il-kumpaniji ta' esportazzjoni. Ġew imnedija inizjattivi li jissimplifikaw l-interazzjonijiet bejn il-kumpaniji u l-amministrazzjoni. Barra minn hekk, il-Programm ta' Sħubija Ekonomika jsemmi miżuri mmirati biex tiżdied il-kompetizzjoni f'xi setturi regolati (pereżempju n-nutara, il-kontabilisti) iżda dawn il-miżuri ma jindirizzawx b'mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li appellaw għal riforma ambizzjuża fis-settur tas-servizzi. Ġiet ippreżentata wkoll riforma tas-sistema ferrovjarja fil-Programm ta' Sħubija Ekonomika. Filwaqt li din ir-riforma tfittex li ttejjeb l-effiċjenza tas-sistema, ma tipprevedix il-ftuħ tat-trasport domestiku tal-passiġġieri għall-kompetizzjoni, kif hemm mitlub fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Il-Programm ta' Sħubija Ekonomika jippreżenta wkoll miżuri sinifikanti adottati għall-ġlieda kontra l-qgħad, għalkemm ħafna minnhom kienu magħrufa fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-liġi tal-14 ta' Ġunju 2013 dwar l-iżgurar tal-impjiegi, il-miżuri speċifiċi li jappoġġjaw l-impjieg taż-żgħażagħ u ta' ħaddiema akbar fl-età, kif ukoll ir-riforma li jmiss ta' taħriġ vokazzjonali u apprendistat huma passi pożittivi biex jitjieb il-funzjonament tas-suq tax-xogħol u b'hekk jiżdied il-potenzjal ta' tkabbir fi Franza. B'kuntrast, in-negozjati dwar is-sistema ta' benefiċċji tal-qgħad ġew posposti għall-2014,

ADOTTA DIN L-OPINJONI:

Il-Programm ta' Sħubija Ekonomika ta' Franza ppreżenta sett ta' riformi fiskali-strutturali lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fl-1 ta' Ottubru 2013, li huwa parzjalment adegwat biex jappoġġja korrezzjoni effettiva u dejjiema tad-defiċit eċċessiv. Il-Programm ta' Sħubija Ekonomika jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-miżuri adottati qabel ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju. Dan jinkludi wkoll informazzjoni dwar ir-riformi addizzjonali mnedija sal-ħin meta l-Programm ta' Sħubija Ekonomika ġie ppreżentat. Madankollu, dawn mhux se jkunu biżżejjed biex jindirizzaw l-iżbilanċi fiskali u strutturali u ġie pprovdut ftit dettall dwar ir-riformi addizzjonali ppjanati bħala tweġiba għar-rakkomandazzjoni. Il-proposta tal-gvern għal riforma tal-pensjonijiet se tnaqqas id-defiċit tas-sistema tal-pensjonijiet imma mhix biżżejjed biex dan jiġi eliminat sal-2020, b'mod partikolari minħabba skemi għall-uffiċjali tal-gvern statali u impjegati li jaħdmu f'għadd ta' kumpaniji kkontrollati mill-istat mistennija li jkollhom defiċits sinifikanti sa dak iż-żmien u x-xenarju makroekonomiku sottostanti jidher wisq ottimist. Ir-rieżami tal-infiq li għaddej wassal biss riżultati limitati s'issa u wieħed għad irid jara sa liema punt se jirriżulta f'iffrankar imdaqqas. Barra minn hekk mhux ċar ukoll jekk ir-riforma ta' deċentralizzazzjoni ppjanata hix se ttejjeb il-koordinazzjoni bejn il-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali u twassal iffrankar sinifikanti għall-amministrazzjoni pubblika kollha. Il-Programm ta' Sħubija Ekonomika jipprovdi ftit informazzjoni dwar il-miżuri li jindirizzaw iż-żieda prevista fil-perjodu medju jew fit-tul fin-nefqa pubblika fuq il-kura tas-saħħa. Barra minn hekk, deċiżjonijiet riċenti meħuda mill-gvern fil-qasam tat-tassazzjoni jidhru li jmorru kontra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill u joħolqu inċertezza dwar l-istrateġija tal-gvern. Fl-aħħar nett, jeħtieġ li l-miżuri li jsostnu l-impenn tal-gvern biex inaqqas il-kost tax-xogħol jiġu speċifikati aktar. B'mod ġenerali, filwaqt li r-riformi li diġà kienu leġiżlati huma passi pożittivi, xorta jeħtieġu aktar sforzi biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi fiskali u strutturali biex tiġi appoġġjata b'mod effettiv korrezzjoni dejjiema tad-defiċit eċċessiv u s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Għalhekk, Franza hija mistiedna tippreżenta informazzjoni addizzjonali fil-Programm tar-Riformi Nazzjonali u fil-Programm ta' Stabbiltà li jmiss fuq l-isforzi ta' riforma biex tiżdied l-effiċjenza tal-infiq pubbliku fis-subsetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika u b'mod partikolari biex tinkiseb koordinazzjoni aħjar u ffrankar addizzjonali bejn il-livelli ċentrali u lokali tal-gvern. Hija meħtieġ aktar spjegazzjoni fuq miżuri biex tiżdied il-kost-effettività tan-nefqa fuq il-kura tas-saħħa u biex jiġi evitat li d-defiċits previsti tal-iskemi tal-pensjonijiet tal-ħaddiema fis-settur pubbliku jkunu ta' piż fuq id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika. Hija meħtieġa wkoll aktar informazzjoni fuq l-azzjonijiet ippjanati biex ikomplu jnaqqsu l-kost tax-xogħol u b'mod aktar ġenerali dwar ir-riformi strutturali ulterjuri previsti biex tiżdied il-kapaċità ta' aġġustament tal-ekonomija u biex jissaħħaħ it-tkabbir potenzjali. Il-Kummissjoni u l-Kunsill se jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tar-riformi fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]       ĠU L 140, 27.5.2013 p. 11.