RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-każ għal terminu tal-kwalità fakultattiv “prodott tal-biedja tal-gżejjer” /* COM/2013/0888 final */
WERREJ 1........... Introduzzjoni................................................................................................................ 3 2........... Il-qagħda fir-rigward tal-biedja
tal-gżejjer................................................................... 3 2.1........ L-importanza
soċjoekonomika tal-biedja tal-gżejjer....................................... 5 2.2........ Il-produzzjoni
agrikola fil-gżejjer................................................................... 6 3........... Skemi ta’ ttikkettar eżistenti
fl-Istati Membri kollha.................................................... 7 4........... Il-każ għal terminu tal-kwalità
fakultattiv.................................................................... 9 4.1........ Karatteristiċi
"orizzontali" ta’ prodotti jew prattiki tal-biedja........................ 9 4.2........ Valur
miżjud................................................................................................. 10 4.3........ Id-dimensjoni
Ewropea................................................................................ 10 5........... Konklużjoni................................................................................................................ 10 RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-każ għal terminu tal-kwalità
fakultattiv “prodott tal-biedja tal-gżejjer” 1. Introduzzjoni L-Artikolu 32 tar-Regolament (UE)
Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti
tal-ikel[1]
jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u
lill-Kunsill, mhux aktar tard mill-4 ta’ Jannar 2014 u
akkumpanjat, jekk meħtieġ, bi proposti leġiżlattivi xierqa, dwar il-każ għal
terminu ġdid “prodott tal-biedja tal-gżejjer”. Skont l-Artikolu 32, it-terminu jista’
jintuża biss għall-prodotti: ·
maħsuba għall-konsum mill-bniedem u elenkati
fl-Anness I tat-Trattat; u ·
li l-materja prima tagħhom toriġina mill-gżejjer; u ·
fil-każ ta’ prodotti pproċessati, l-ipproċessar
għandu jsir fuq gżejjer fejn din taffettwa b’mod sostanzjali l-karatteristiċi
partikolari tal-prodott finali. Il-Kummissjoni ħadet għadd ta’ miżuri biex
tifhem aħjar il-biedja tal-gżejjer madwar l-Unjoni, tikkonsulta mal-Istati
Membri u mal-partijiet interessati[2]
u torganizza diskussjonijiet fil-fora rilevanti[3].
F’Ġunju 2013, organizzat workshop ta’ jumejn dwar il-Prodotti tal-Biedja
tal-Gżejjer u l-Industriji Alimentari[4].
Dawn l-attivitajiet u r-rapport xjentifiku u politiku tal-JRC[5] imħejji wara l-workshop
taw kontribut essenzjali għal dan ir-rapport. Dan ir-rapport jeżamina s-soċjoekonomija u
l-ispeċifiċitajiet tal-biedja tal-gżejjer, janalizza l-iskemi ta’ ttikkettar
eżistenti u jirrifletti fuq il-vantaġġi li jġib miegħu l-ħolqien ta' terminu
tal-kwalità fakultattiv (TKF) għal "prodott tal-biedja tal-gżejjer". 2. Il-qagħda fir-rigward
tal-biedja tal-gżejjer Għall-finijiet ta’ dan ir-rapport: –
“prodott tal-biedja tal-gżejjer” TKF huwa terminu
ġeneriku/orizzontali li jrid jidher fuq it-tikketta ta' prodott mingħajr ebda
referenza la għall-isem ta' gżira speċifika u lanqas għall-kontenut figurattiv
bħal logo. It-terminu jista’ jintuża biss biex jiddeskrivi prodotti: (1) maħsuba għall-konsum mill-bniedem; (2) elenkati fl-Anness I tat-Trattat;
u (3) li l-materja prima tagħhom toriġina mill-gżejjer. Għall-prodotti pproċessati,
l-ipproċessar għandu jsir fuq gżejjer fejn din taffettwa b’mod sostanzjali
l-karatteristiċi partikolari tal-prodott finali[6]. –
“biedja tal-ġżejjer” tfisser il-produzzjoni ta’
prodotti u oġġetti tal-ikel agrikoli fil-gżejjer; –
"prodott tal-ġżejjer" tfisser prodott jew
oġġett tal-ikel agrikolu li jkun ġie prodott fuq gżira. Għall-kuntrarju ta' ċerti kunċetti ġeografiċi
oħra, jidher li huwa faċli li tingħata definizzjoni għal "gżira":
hija biċċa art imdawra bl-ilma. Madankollu, ħafna drabi ntużaw definizzjonijiet
aktar preċiżi għal skopijiet speċifiċi, filwaqt li tqiesu kriterji addizzjonali
bħal dawn li ġejjin: ·
id-daqs (f’termini ta’ erja jew popolazzjoni); ·
l-eżistenza ta' kollegamenti fissi jew id-distanza
mill-kontinent; jew ·
l-eżistenza ta’ awtorità amministrattiva reġjonali.
Għal skopijiet ta’ statistika, l-Eurostat
stabbilixxa l-kriterji li ġejjin biex jiddefinixxi gżira: (i) erja
tas-superfiċje minima ta' 1 km2; (ii) distanza minima
ta' 1 km bejn il-gżira u l-kontinent; (iii) popolazzjoni
residenti ta' aktar minn 50; (iv) l-ebda
kollegament fiss mal-kontinent (eż. pont, mina, diga); u (v) mhux kapitali ta'
Stat Membru tal-UE. L-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji fil-kuntest
tat-tikkettar tal-prodotti agrikoli tqajjem xi diffikultajiet. Pereżempju,
il-gżejjer li huma konessi b’mod permanenti mal-kontinent, iżda ma jkunux
verament integrati ekonomikament, jiġu esklużi, kif jiġri għal ħafna gżejjer
b’popolazzjonijiet żgħar. Arċipelagu b’aktar minn 50 abitant iżda magħmul
minn diversi gżejjer fejn kull waħda għandha popolazzjoni inferjuri (dan
japplika għal bosta gżejjer Finlandiżi u Svediżi) ma jkunx kopert minkejja li
jiffaċċja diffikultajiet simili. Għall-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni[7], il-gżejjer huma
"Stati Membri gżejjer eliġibbli taħt il-Fond ta' Koeżjoni, u gżejjer oħra
ħlief dawk fejn tkun tinsab il-belt kapitali ta' Stat Membru jew li jkollhom
kollegament fiss mal-kontinent". B’differenza għad-definizzjoni
tal-Eurostat, dan jinkludi l-gżejjer żgħar u kostali kollha u żewġ Stati Membri
gżejjer (Malta u Ċipru), għalkemm mhux l-Irlanda jew ir-Renju Unit, u lanqas
ħafna gżejjer żgħar b’kollegament fiss mal-kontinent. Minħabba l-varjetà ta' definizzjonijiet, huwa
diffiċli li wieħed jgħid eżattament kemm hemm gżejjer fl-UE. L-istimi jvarjaw
minn madwar 300 bl-użu tal-aktar definizzjonijiet restrittivi (l-ebda
kollegament fiss, id-daqs minimu, eċċ.) għal aktar minn 300 000 (l-aktar
fil-Finlandja u fl-Isvezja) jekk jiġu applikati kriterji purament
ġeomorfoloġiċi[8].
Filwaqt li dawn
il-gżejjer huma differenti ħafna, f'termini ġeomorfoloġiċi, naturali,
demografiċi, kulturali u amministrattivi, jistgħu jiġu identifikati xi
karatteristiċi komuni wiesgħa: ·
bosta gżejjer huma muntanjużi; ·
il-klima tagħhom hija ta’ spiss naturalment
marittima; ·
il-lok tagħhom jinvolvi “l-periferiċità” u
aċċessibbiltà fqira; ·
il-kapital naturali tagħhom huwa uniku u fraġli; ·
id-demografija tagħhom hija normalment dinamika
(ħlief il-gżejjer iżgħar, li għandhom it-tendenza li jintlaqtu
mid-depopolazzjoni); ·
dawn għandhom identità kulturali b'saħħitha; u ·
f’ħafna każijiet, ikollhom amministrazzjoni
awtonoma. Id-definizzjoni
ta' "gżira" tiddependi fuq l-iskop għaliex hija meħtieġa
d-definizzjoni. Fir-rigward tat-tikkettar tal-prodotti tal-biedja tal-gżejjer,
jeħtieġ li nidentifikaw preċiżament xi trid tittrażmetti t-tikketta sabiex jiġi
deċiż liema definizzjoni trid tiġi applikata. 2.1. L-importanza soċjoekonomika
tal-biedja tal-gżejjer L-agrikoltura
u l-industriji alimentari huma setturi importanti għall-ekonomiji tal-gżejjer
tal-UE. L-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd jirrappreżentaw 2,7 %
tal-valur miżjud gross (GVA), meta mqabbel ma' 1,6 % tal-GVA totali
tal-UE-27. L-industrija alimentari tagħhom hija wkoll aktar importanti minn dik
tal-kontinent, u tirrappreżenta 19 % tal-impjiegi fl-industrija meta
mqabbla ma' 13 % fil-livell tal-UE. Il-prominenza
nazzjonali tal-gżejjer fl-agrikoltura hija l-akbar fil-Greċja u fl-Italja,
b’mod partikolari minħabba t-tliet gżejjer kbar tagħhom (Sqallija, Sardinja u
Kreta). Sqallija u Sardinja jirrappreżentaw aktar min-nofs il-produzzjoni
tal-biedja tal-gżejjer fl-UE f'termini ta' valur; Kreta, l-Azores u Réunion
għal 5‑10 %. Fuq
il-bażi taċ-ċifra ta' 572 000 farm, skont l-Istħarriġ Strutturali
tal-Farms, fir-reġjuni insulari NUTS 2 fl-UE fl-2011, l-għadd totali ta’
farms tal-gżejjer jista’ jiġi stmat għal madwar 600 000. Il-produzzjoni
totali tal-farms ġiet stmata għal EUR 11,4 biljun fis-sena. Il-biedja
tal-gżejjer qed tiffaċċja dawn l-isfidi strutturali: ·
l-erja agrikola għal kull azjenda hija inqas
mill-medja tal-UE; ·
il-farms tal-gżejjer jirrikjedu inqas ħaddiema minn
dawk fil-kontinent; ·
l-iżolament jinvolvi spejjeż ogħla tat-trasport
(l-inputs jistgħu jiswew minn darbtejn sa tliet darbiet iżjed minn dawk
tal-kontinent); ·
l-għadd limitat ta’ abitanti jillimita d-diversità
tal-produzzjoni u għalhekk il-livell ta’ kompetizzjoni lokali; ·
id-depopolazzjoni tista’ twassal għat-telf ta’
know-how speċifiku; ·
il-produzzjoni hija ħafna drabi speċjalizzata u
għalhekk aktar sensittiva għal xokkijiet fl-ekonomija internazzjonali; ·
il-provvista tal-ilma u tal-enerġija kif ukoll
l-immaniġġjar tal-iskart jistgħu jħallu effett negattiv fuq l-agrikoltura
tal-gżira. Il-partijiet
interessati jsostnu li dawn l-isfidi fil-fatt għandhom impatt pożittiv fuq
il-kwalitajiet/il-karatteristiċi tal-prodotti tal-gżejjer u l-metodi ta'
produzzjoni lokali. Il-produzzjoni agrikola fil-gżejjer tisfrutta
l-karatteristiċi lokali li jiffavorixxu l-kwalità u hemm rabtiet mill-qrib bejn
il-produzzjoni primarja, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni, li jitwettqu
għal standard għoli ferm ibbażat fuq għarfien tradizzjonali. Barra minn
hekk, l-iżolament partikolari ta’ ċerti gżejjer ikkontribwixxa għal titjib
fit-tekniki tal-ipproċessar lokali. 2.2. Il-produzzjoni agrikola fil-gżejjer Żewġ
gruppi ta' prodotti ewlenin huma predominanti: il-frott u l-ħaxix, u
għelejjel speċjalizzati bħaż-żebbuġ u l-inbid. Il-valur tal-produzzjoni totali
ta' dawn iż-żewġ gruppi jirrappreżenta 4,7 % u 3,6 % tat-total tal-UE
fis-setturi rispettivi u qrib is-60 % tal-valur totali tal-produzzjoni
agrikola tal-gżejjer tal-UE, meta mqabbla ma 30 % biss fl-UE kollha kemm
hi. Il-farms
tal-gżejjer jispeċjalizzaw l-aktar fl-ortikoltura. B'xi eċċezzjonijiet
(eż. iċ-ċereali fi Sqallija u l-kannamiela f'xi gżejjer tropiċi),
iċ-ċereali u l-għelejjel mhumiex rappreżentati‑biżżejjed meta mqabbla mal-UE
inġenerali. Il-produzzjoni
tal-annimali fil-gżejjer hija kkaratterizzata mill-importanza ta' farms
speċjalizzati tan-nagħaġ u tal-mogħoż. Il-produzzjoni tal-laħam tan-ngħaġ u
tal-mogħoż f'termini ta' valur hija tliet darbiet aktar importanti fil-gżejjer
milli bħala medja fl-UE. Madankollu,
l-opinjonijiet tal-Istati Membri u tal-partijiet interessati huma maqsuma,
fir-rigward tal-ispeċifiċità tal-karatteristiċi tal-prodott tal-gżejjer.
Xi wħud jemmnu li
l-prodotti tal-gżejjer għandhom karatteristiċi speċifiċi minħabba: ·
know-how tradizzjonali; ·
il-kundizzjonijiet klimatiċi partikolari li
jinfluwenzaw il-maturazzjoni, l-ipproċessar u t-trasport; kif ukoll ·
in-natura tal-materja prima miksuba lokalment. Dawn
il-karatteristiċi speċifiċi jitqiesu bħala marbuta direttament ma’
tradizzjonijiet, għarfien espert u riċetti li għaddew minn ġenerazzjoni
għall-oħra u l-kundizzjonijiet uniċi li japplikaw għall-kultivazzjoni lokali u
t-trobbija ta’ razez indiġeni. Oħrajn isostnu li huwa diffiċli li tintwera l-ispeċifiċità tal-prodotti tal-gżejjer meta
mqabbla ma’ prodotti minn żoni kostali fil-kontinent,
u jsostnu li ma għandhom l-ebda karatteristika partikolari li tiddependi
fuq l-ipproċessar fuq gżira apparti l-oriġini per se. Ma hemm l-ebda
eżempju ta’ pproċessar li jrid isir neċessarjament fil-gżira u jista’
saħansitra jkun żbaljat li ċerti stadji tal-produzzjoni, bħal fumigazzjoni jew
tnixxif, jitqiesu bħala uniċi minħabba l-klima tal-gżira, billi din tista’ ma
tkunx differenti minn dik fil-kosta qrib il-kontinent. Bħala konklużjoni dwar is-sejbiet indikati hawn
fuq:
L-agrikoltura
tal-gżejjer għandha xi fatturi komuni, iżda dawn huma relatati
prinċipalment ma' sfidi strutturali aktar milli ma' speċifiċitajiet
riflessi fil-prodotti. Dawn l-isfidi diġà huma soġġetti għal miżuri varji
bħalma huma l-Fondi Strutturali, il-programmi ta’ żvilupp rurali, l-iskemi
ta’ għajnuna diretta skont il-politika agrikola komuni, il-politika
tat-trasport, il-programmi ta’ riċerka, l-istrateġiji għall-iżvilupp
lokali, eċċ.
L-isfidi
strutturali jistgħu jitqiesu li għandhom impatt pożittiv fuq il-kwalitajiet/karatteristiċi
ta’ prodotti tal-gżejjer u fuq il-metodi ta’ produzzjoni (eż. billi
jinżammu l-kwalità, in-know how u l-materja prima, u jitjiebu t-tekniki
tal-ipproċessar lokali).
Filwaqt
li kombinazzjonijiet ta’ fatturi naturali u umani jistgħu jirriżultaw
f’karatteristiċi partikolari fil-prodotti tal-gżejjer, dawn normalment
ikunu speċifiċi għal gżira partikolari. Billi l-gżejjer huma
diversi ħafna, ma jkunx realistiku li jiġu identifikati karatteristiċi
speċifiċi komuni għall-prodotti kollha tagħhom, jew tal-anqas
għall-prodotti tal-Anness I maħsuba għall-konsum mill-bniedem.
3. Skemi ta’ ttikkettar eżistenti
fl-Istati Membri kollha Bħalissa ma hemm l-ebda strument legali
fil-livell tal-UE jew nazzjonali speċifikament maħsub biex jipproteġi prodotti
li joriġinaw minn prodotti tal-gżejjer jew biedja tal-gżejjer bħala tali. Dawn li ġejjin ikopru
indirettament il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-biedja tal-gżejjer u
jipproteġuhom kontra l-użu ħażin u l-prattiki inġusti jew qarrieqa: ·
L-iskemi tal-kwalità tal-UE, b’mod partikolari: -
id-denominazzjonijiet protetti ta' oriġini (DPO) u
l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP); kif ukoll -
ir-Regolamenti POSEI dwar l-agrikoltura fir-reġjuni
ultraperiferiċi[9],
li jkopru prinċipalment it-territorji tal-gżejjer u jipprevedu skema
tal-kwalità uffiċjali tal-UE (minn issa 'l quddiem tissejjaħ “logo RUP”[10]); ·
ir-regoli dwar “id-dritt komuni”,
jiġifieri s-sistemi tal-marka kummerċjali tal-Istati Membri u tal-UE,
ir-regoli dwar il-kompetizzjoni inġusta u l-protezzjoni ġenerali tal-konsumatur
kif ukoll ir-Regolamenti dwar l-informazzjoni tal-ikel għall-konsumaturi
fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri; · kombinazzjoni ta’ strumenti bħalma huma s-sistemi reġjonali tal-marki
kummerċjali kollettivi jew ta’ ċertifikazzjoni marbuta mal-iskemi ta’ kwalità
tal-UE (il-logo RUP, DPO/IĠP jew il-biedja organika). Numru ta’ eżempji ta’
prodotti agrikoli jew tal-ikel ittikkettati b’referenza għall-insularità nġabru
f'inventarju mhux eżawrjenti ta’ każijiet ibbażati fuq ·
il-prattiki identifikati minn bażijiet ta' dejta
tal-marki kummerċjali OHMI u WIPO; ·
it-tikketti li jinsabu fis-suq; ·
l-iskemi tal-kwalità tal-UE; u · l-inizjattivi u l-marki reġjonali kollettivi. Hija biss parti żgħira mit-tikketti li fihom u
jirreferu għat-terminu ġeneriku/orizzontali ta' “gżira” u/jew traduzzjonijiet
tagħha. Mit-8 400 marka kummerċjali miġbura dwar prodotti agroalimentari u
tax-xorb, il-biċċa l-kbira tal-każijiet jinkludu l-isem ta' gżira speċifika u
madwar 1 360 biss jinkludu t-terminu “gżira” bħala tali jew it-traduzzjoni
tagħha, 16 % tal-marki kummerċjali kollha miġbura. Xi wħud minn dawn,
normalment akkumpanjati minn terminu ġeografiku aktar preċiż li jidentifika
territorju ta' gżira speċifika, huma ġenwinament għal prodotti tal-biedja
tal-gżejjer, iżda 80 % (ismijiet immaġinarji, marki kummerċjali, eċċ.)
mhumiex. Aktar minn 85 % tat-tikketti inklużi
f’inventarju jirreferu għal territorju ta' gżira speċifika, kif ukoll
għall-oriġini tal-prodott minn dan it-territorju ta' gżira speċifika jew
arċipelagu, pereżempju Sardinja, l-Azores, Madeira jew Martinique. Id-detenturi
tal-marki kummerċjali huma aktar interessati li jindikaw l-oriġini preċiża u definita
sewwa milli jagħmlu referenza ġenerika għall-prodotti tagħhom li ġejjin minn
gżira. Ħafna marki territorjali kienu
rreġistrati għal prodotti tal-gżejjer tal-UE[11].
Bosta gżejjer u/jew arċipelagi għandhom waħda jew diversi marki kollettivi li,
fl-istess ħin, jagħmluha diffiċli għall-konsumatur biex jifhem. Dawn il-marki
huma bbażati fuq marki kummerċjali kollettivi jew ta’ ċertifikazzjoni li huma
proprjetà ta' gruppi ta’ partijiet interessati privati jew sħubijiet pubbliċi u
privati u kollha huma marki kummerjċjali semifigurattivi (jiġifieri b'isem
u simbolu). Il-logo RUP jintuża biex jippromwovi
prodotti ta’ kwalità speċifiċi ħafna mir-reġjuni ultraperiferiċi fl-UE. Dawn
il-prodotti huma soġġetti għal rekwiżiti fir-rigward tal-kwalità,
il-kultivazzjoni, it-tekniki tal-produzzjoni jew tal-manifattura, jew
il-preżentazzjoni u l-imballaġġ. Il-logo jintuża l-aktar għall-banana
mill-Gwadelup, Martinique, il-Gżejjer Kanarji u Madeira, iżda wkoll għal frott
ieħor (eż. l-ananas u l-bettieħ u dulliegħ) u ħaxix, fjuri u nbid minn
dawn ir-reġjuni. Id-DPO/l-IĠP insulari
jirrappreżentaw madwar 10 % tal-indikazzjonijiet ġeografiċi agroalimentari
kollha rreġistrati fl-UE: fl-1 ta' Ottubru 2013, 118 minn
1 158 prodott bid-DPO/bl-IĠP ġew prodotti fil-gżejjer. Ħamsin (50)
isem ta' nbejjed tal-gżejjer huma protetti wkoll skont l-iskemi tal-kwalità
tal-UE. Għaldaqstant, total ta’ 168 prodott bid-DPO/bl-IĠP irreġistrati
joriġinaw minn gżejjer tal-UE. Il-prodotti bid-DPO/bl-IĠP jirrappreżentaw
madwar 5 % tal-valur totali tal-produzzjoni agrikola tal-gżejjer tal-UE
(ir-rapport tal-JRC). L-ismijiet ġeografiċi primarjament jirreferu
għall-isem tal-gżira inkwistjoni (52 % tal-każijiet, l-aktar Griegi,
flimkien ma’ Sardinja, Korsika u l-Gżejjer Kanarji jew il-Gżejjer Baleariċi), kultant
b'ismijiet addizzjonali (partikolarment fil-każ ta’ denominazzjonijiet minn
Kreta, li ġeneralment jagħtu aktar dettalji dwar il-parti tal-gżira minn fejn
huwa l-prodott). F'każijiet oħra (32 %), id-denominazzjoni tirreferi għal
lokalità fi gżira. Dan huwa l-każ għall-biċċa l-kbira tad-denominazzjonijiet
Sqallin, iżda wkoll għal oħrajn bħal Stornoway fl-Outer Hebrides, eċċ. Fi ftit
każijiet (8 %), ir-referenza hija għall-isem tal-arċipelagu
(eż. l-Azores, Shetlands, Orkneys u l-Gżejjer Kanarji). L-opinjonijiet miġbura tal-Istati
Membri/partijiet interessati u l-istħarriġ tal-logos DOP/IĠP juru li: ·
il-gruppi tal-produtturi ma jikkomunikawx
sistematikament l-oriġini tal-gżira fil-logos tagħhom. Il-logos normalment ma
jiffokawx fuq il-gżira rispettiva. Ħafna drabi, jintużaw logos immaġinarji; ·
L-iskemi tad-DPO/tal-IĠP huma l-mezz preferut biex
jitwasslu l-ispeċifiċità, il-karatteristiċi partikolari u l-kwalità
tal-prodotti tal-gżejjer. Ħafna drabi ssir referenza għall-isem tal-gżira
speċifika inkwistjoni, il-lokalità jew ir-reġjun ta’ oriġini; ·
hemm ftit eżempji tal-użu tat-terminu ġeneriku
"prodotti tal-ġżejjer" bħala tali: -
Id-Danimarka (għasel minn naħal kannella mill-gżira
ta' Læsø, tuffieħ mill-gżira Fejø fin-Nofsinhar tal-pajjiż); -
Il-Finlandja ("in-nagħaġ Åland" jew
"il-prodott tal-arċipelagu"); u -
il-Pajjiżi l-Baxxi (‘Waddengoud’); jew tal-logos reġjonali
kollettivi maħluqa mill-awtoritajiet reġjonali f’Madeira (“il-prodott ta’
Madeira”) u l-Gżejjer Kanarji (“Tenerife Rural”, “Gran Canaria
Calidad”, “Alimentos del Hierro”). Il-partijiet interessati wkoll jipprovdu
evidenza ta’ prattiki ta' ttikkettar qarrieqa jew prodotti agrikoli tal-gżejjer
"frawdolenti" (imitazzjonijiet irħas offruti lit-turisti) u
enfasizzaw il-ħtieġa li tkun protetta l-awtentiċità tal-prodotti tal-biedja
tal-gżejjer tal-UE. Fil-qosor, hemm ħafna DPO/IĠP irreġistrati
għall-prodotti minn gżejjer tal-UE iżda dawn ma jkoprux proporzjon
konsiderevolment ogħla ta’ prodotti mill-medja fl-UE. Hemm ukoll għadd kbir ta’
tikketti privati li jirreferu għal oriġini ta' gżira bil-maġġoranza jirreferu
għat-territorju tal-gżira speċifika. 4. Il-każ għal terminu tal-kwalità
fakultattiv It-TKF huma stabbiliti
skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 biex jgħinu lill-produtturi
jikkomunikaw il-karatteristiċi tal-valur miżjud jew l-attributi tal-prodotti
agrikoli tagħhom. Dawn huma definiti fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament
bħala: -
marbuta mal-karatteristiċi "orizzontali"
ta' kategorija waħda jew aktar ta’ prodotti jew għal attribut tal-biedja jew
tal-ipproċessar li jkun japplika f’żona speċifika; -
valur miżjud għal prodott meta mqabbel ma' oħrajn
simili; u -
li jkollhom dimensjoni Ewropea. 4.1. Karatteristiċi
"orizzontali" ta’ prodotti jew prattiki tal-biedja Il-ġeografija differenti
tal-gżejjer tal-UE tagħti lok għal produzzjoni sinifikanti u differenti
tal-prodotti agrikoli u tal-ikel, b’mod partikolari l-għelejjel speċjalizzati
(frott, ħxejjex, patata, żejt taż-żebbuġa u nbid), iżda wkoll prodotti
tal-annimali (laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż u, sa ċertu punt, prodotti
tal-ħalib u baqar). Is-settur agroalimentari
għandu rwol ferm akbar fl-ekonomiji tal-gżejjer tal-UE mill-medja tal-UE u
ħafna drabi jibqa' marbut mill-qrib mal-attività ekonomika ewlenija:
it-turiżmu. Bosta gżejjer għandhom strateġiji ta’ żvilupp li jinvolvu
“speċjalizzazzjoni intelliġenti” biex jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn
it-turiżmu u s-settur agroalimentari lokali. L-għarfien espert lokali,
it-tradizzjonijiet, il-ġid tal-kapital naturali u l-bijodiversità lokali
f'termini ta' varjetajiet ta' pjanti speċifiċi u t-tnissil tal-annimali
indiġeni kollha jpoġġu s-settur agrolimentari fost l-ixpruni tat-tkabbir
għall-gżejjer tal-UE, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' prodotti
"niċċa" b'‑valur‑għoli miżjud. Għalkemm huma komuni
għall-prattiki tal-biedja fil-gżejjer b’mod ġenerali, madankollu, dawn
l-elementi huma riflessi b’mod differenti fi prodotti speċifiċi għal kull gżira
u għalhekk mhux neċessarjament isarrfu f'karatteristiċi "orizzontali"
komuni għall-prodotti kollha tal-gżejjer bħala kategorija. 4.2. Valur miżjud Għalkemm il-gżejjer kollha tal-UE jaqsmu
karatteristiċi li jistgħu potenzjalment jiġu trażmessi permezz ta’ terminu
tat-tikkettar ġeneriku bħal ‘prodott tal-biedja tal-gżejjer”, l-opinjonijiet
dwar il-valur miżjud ta’ dawn it-tikketti jidhru li huma varji. Meta jikkummerċjalizzaw il-prodotti tal-ikel
tagħhom, il-maġġoranza vasta tal-produtturi jwasslu l-kunċett tal-insularità
billi jirreferu għal gżira speċifika jew arċipelagu. Ma nstab l-ebda
eżempju ta’ marka jew skema ta’ kwalità li tkopri l-gżejjer kollha
irrispettivament mill-post preċiż tagħhom. It-tikketti "orizzontali"
jintużaw għal gruppi ta’ gżejjer żgħar bħal diversi gżejjer żgħar Daniżi jew
għall-"prodotti tal-arċipelagu" (il-Finlandja), iżda dan għadu 'l
bogħod minn skema tat-tikettar ġenerika u orizzontali tal-biedja tal-gżejjer. Barra minn hekk, f’xi każijiet il-gżejjer huma
f’kompetizzjoni ma’ xulxin u r-referenza għal gżira speċifika hija importanti
għall-produtturi li jixtiequ jispikkaw fis-suq. 4.3. Id-dimensjoni Ewropea Il-gżejjer tal-UE jaqsmu
karatteristiċi komuni f’termini ta’ ġeografija, kapital naturali, uman u
soċjali, u dipendenza ekonomika u politika fil-kontinent. Skont ix-xejriet kummerċjali
fil-"matriċijiet ta’ kontabbiltà soċjali" reġjonali tal-JRC-IPTS
għall-2005[12],
medja ta' madwar 60 % tal-produzzjoni agrikola tal-gżejjer tal-UE
f'termini ta' valur u 35 % tal-produzzjoni tal-industriji alimentari
tagħhom huwa "esportat", l-aktar lejn il-kontinent tal-Istat Membru
rispettiv. Bejn 7 % u 18 % biss (il-gżejjer Kanarji) tal-produzzjoni
agroalimentari tagħhom tmur għal Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi, iżda dawn
il-prodotti diġà jibbenefikaw minn skema tal-UE (il-logo RUP). 5. Konklużjoni Il-biċċa l-kbira
tad-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-gżejjer tal-UE u s-setturi tal-biedja
tagħhom huma strutturali u jeħtieġu primarjament soluzzjonijiet
strutturali u reazzjonijiet politiċi, li diġà huma parzjalment fis-seħħ permezz
ta' politika reġjonali u miżuri ta' żvilupp rurali minn naħa waħda u sussidji
li jikkumpensaw għal żvantaġġi speċifiċi min-naħa l-oħra. Mhux il-prodotti
agroalimentari kollha tal-gżejjer jibbenefikaw minn skemi eżistenti u
inizjattivi pubbliċi jew privati biex titjieb il-kwalità u jiżdied il-valur
fis-suq. Pereżempju, madwar 5 % biss (f’termini ta’
valur) huma koperti minn DPO/IĠP u l-logo RUP, filwaqt li jintuża, jimmira lejn
prodotti speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi li jissodisfaw ċerti rekwiżiti. Min-naħa l-oħra, ġew implimentati bosta standards privati
li jirreferu ta' spiss għal oriġini ġeografika speċifika. Madankollu, jidher li
s-sitwazzjoni hija diverġenti bejn il-gżejjer mal-UE kollha. L-argumenti favur TKF
“prodott tal-biedja tal-gżejjer” huma li: Ø
bħala strument volontarju li jimponi
piż amministrattiv, ta' kontroll u baġitarju relattivament ħafif, TKF jista’
jkun adattat għal xi produtturi fuq skala‑żgħira, b’mod
partikolari fi gżejjer żgħar li ma jibbenefikawx minn skala suffiċjenti biex
jinvolvu ruħhom f’għodod ta' kummerċjalizzazzjoni oħra (bħal marki kollettivi,
ta' ċertifikazzjoni u territorjali, DPO/IĠP u l-logo RUP). Dan ikun rilevanti
biss għal parti żgħira tal-prodotti tal-gżejjer. Ø
minbarra li jaħdem bħala għodda ta’
komunikazzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni, it-TKF jista' jżid il-valur għal
xi prodotti tal-biedja tal-gżejjer, b’mod partikolari jekk l-Istati Membri
kellhom jiżguraw li huwa integrat jew marbut ma’ miżuri oħra; u Min-naħa l-oħra: Ø
it-TKF “prodott tal-biedja tal-gżejjer” jista' jippenalizza
l-produtturi li diġà huma involuti fi skemi tal-kwalità billi jpoġġihom
f’kompetizzjoni. Hemm riskju ta’ dilwizzjoni tal-inizjattivi eżistenti
(marki territorjali, DPO/IĠP, eċċ.) li huma suġġetti għal kontroll aktar strett
u/jew ċertifikazzjoni u għalhekk għal spejjeż żejda; Ø
il-fatt li bħalissa ma teżisti l-ebda tikketta
ġenerika għall-prodotti tal-gżejjer (it-tikkettar u l-promozzjoni jirreferu
għal gżejjer speċifiċi) huwa indikazzjoni li l-kunċett ta' “gżira” ma
jitqiesx biżżejjed b'saħħtu jew xieraq biex jittrażmetti messaġġi partikolari
lill-konsumaturi. L-uniku eżempju li joqrob lejn it-trażmissjoni ta' messaġġ
bħal dan, il-logo RUP, għandu kamp ta' applikazzjoni limitat. TKF jista' jkollu
impatt negattiv fuq dawn l-iskemi eżistenti; Ø
billi l-biċċa l-kbira tal-prodotti ma jiġux
esportati iżda mibjugħa lokalment jew fil-kontinent tal-Istat Membru
inkwistjoni, wieħed jista’ jsostni li r-regolamentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet
fuq it-tikketti tista' tiġi indirizzata aħjar fil-livell tal-Istati Membri; Ø
il-firxa ta’ prodotti potenzjalment
eliġibbli għal TKF x’aktarx li tkun limitata ħafna mill-obbligi previsti
fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 fejn għandhom x'jaqsmu l-ksib tas-sorsi
tal-materja prima, ir-rekwiżiti tal-ipproċessar u l-limitazzjoni għall-prodotti
tal-Anness I. Ø il-problemi strutturali li jiffaċċjaw il-gżejjer jistgħu jiġu
indirizzati permezz ta’ strumenti strutturali eżistenti. Dan ir-rapport jimmira li jipprovdi analiżi
fattwali biex jippermetti dibattitu dwar jekk jiġi riżervat TKF ġdid
"prodott tal-biedja tal-gżejjer" huwiex l-aħjar mod biex il-produtturi
tal-gżejjer jiġu megħjuna biex jikkomunikaw aħjar il-karatteristiċi li jżidu
l-valur tal-prodotti tagħhom. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew
u lill-Kunsill sabiex jiddiskutu dan ir-rapport u tilqa’ l-opinjoni tagħhom. [1] Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi
tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343,
14.12.2012, p. 1). [2] Il-kwestjonarji lill-Istati Membri u lill-partijiet
interessati (28 ta’ Jannar 2013 u
6 ta’ Ġunju 2013). [3] Il-grupp ta’ konsulenza dwar il-politika tal-kwalità u
l-grupp ta’ esperti għas-sostenibbiltà u l-kwalità tal-agrikoltura u l-iżvilupp
rurali. [4] Sivilja, 13 u 14 ta’ Ġunju 2013. [5] Santini F., Guri, F., et al. (2013), EU island
farming and the labelling of its products, Ir-Rapporti Xjentifiċi u
Politiċi tal-JRC, JRC84949 [6] L-Artikolu 32 tar-Regolament (UE)
Nru 1151/2012. [7] L-Artikolu 52 tar-Regolament (KE)
Nru 1083/2006 tal-Kunsill li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali
dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond
ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210,
31.7.2006, p. 25). [8] http://www.scb.se/Pages/PressRelease____275646.aspx.
[9] Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 793/2006. [10] Li ġejja minn régions ultra-périphériques
bil-Franċiż. [11] Bosta gżejjer u/jew arċipelagi għandhom waħda jew diversi
marki kollettivi, li jistgħu joħolqu konfużjoni għalll-konsumaturi. [12] Mueller, M. u Ferrari, E. (2012), Social Accounting
Matrices and Satellite Accounts for EU‑27 on NUTS 2 Level
(SAMNUTS2), Rapporti Xjentifiċi u Politiċi tal-JRC, EUR 25687 EN.