Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa /* COM/2013/0853 final - 2013/0415 (COD) */
MEMORANDUM
TA’ SPJEGAZZJONI 1. Il-kuntest tal-proposta Billi tipproponi din
l-emenda għar-Regolament (KE) Nru 539/2001[1] kif l-aħħar emendat mir-Regolament
(KE) Nru 1211/2010[2],
il-Kummissjoni qed issegwi l-objettiv li taġġusta l-annessi mar-Regolament, billi
tikkunsidra l-progress li sar mir-Repubblika tal-Moldova fid-djalogu tagħha
dwar il-liberalizzazzjoni tal-viżi matul dawn l-aħħar tliet snin, u
tittrasferixxi dan il-pajjiż mill-Anness 1 (il-lista ta' pajjiżi terzi li
ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu
l-fruntieri esterni tal-Istati Membri) għall-Anness II (il-lista ta'
pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dan ir-rekwiżit)
mar-Regolament; dan it-trasferiment huwa konformi mal-impenn politiku li ħadet
l-Unjoni Ewropea fid-Dikjarazzjoni Konġunta approvata fis-Sammit tas-Sħubija
tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009, li tirfed
l-importanza tal-mobbiltà taċ-ċittadini u l-liberalizzazzjoni tal-viżi
f'ambjent sigur. L-UE ħadet l-impenn li timxi pass pass lejn liberalizzazzjoni tal-viżi
totali u fit-tul għal pajjiżi msieħba, sakemm il-kundizzjonijiet għal mobbiltà
ġestita tajjeb u sigura jkunu fis-seħħ. Fid-Dikjarazzjoni Konġunta
tal-21 ta' Diċembru 2009 fl-okkażjoni tal-Kunsill ta'
Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova, kien hemm qbil li jiġi
varat djalogu biex jeżamina l-kundizzjonijiet għal ivvjaġġar futur ħieles
mill-viża taċ-ċittadini tal-Moldova lejn l-UE. Kuntest ġenerali u raġunijiet
għall-proposta Fl-2001, b'konformità mal-Artikolu 62(2)(b)(i)
tat-Trattat li Jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-Kunsill adotta r-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini
tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni
(l-hekk imsejħa lista negattiva) u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati
minn dak ir-rekwiżit (l-hekk imsejħa lista pożittiva). L-Artikolu 61
tat-Trattat tal-KE jelenka dawk il-listi fost il-miżuri laterali li huma
direttament marbuta mal-moviment ħieles ta' persuni ġewwa żona ta' libertà,
sigurtà u ġustizzja. Kif huwa ddikjarat fil-Premessa 5
tar-Regolament 539/2001, "Id-determinazzjoni ta' dawk il-pajjiżi
terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għar-rekwiżit tal-viża, u dawk
eżentati minnha, hija rregolata minn kriterji meqjusa, bl-assessjar każ b'każ
tal-varjetà tal-kriterji li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, l-immigrazzjoni
illegali, il-politika u s-sigurtà pubblika, u r-relazzjonijiet esterni
tal-Unjoni Ewropea ma’ pajjiżi terzi, filwaqt li tingħata wkoll konsiderazzjoni
għall-implikazzjonijiet tal-koerenza reġjonali u r-reċiproċità".
B'konsiderazzjoni tal-kriterji ta' ordni pubbliku u immigrazzjoni illegali,
attenzjoni partikolari għandha tingħata anke lis-sigurtà ta' dokumenti
tal-ivvjaġġar maħruġin mill-pajjiżi terzi kkonċernati. Ladaraba l-kriterji stabbiliti fir-Regolament
(KE) Nru 539/2001 relatai ma' pajjiżi terzi jistgħu jevolvu maż-żmien, għandha
ssir reviżjoni tal-kompożizzjoni tal-lista negattiva u dik pożittiva meta jkun
xieraq. Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 ġie
emendat l-aħħar fl-2010 (darbtejn) biex jirrifletti, fuq in-naħa l-waħda, dak
li ħareġ mid-djalogi dwar il-liberalizzazzjoni tal-viżi mal-pajjiżi tal-Balkani
tal-Punent billi ġew trasferiti l-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina għall-Anness II
u, fuq in-naħa l-oħra, ir-reviżjoni regolari tal-listi tal-pajjiżi
bit-trasferiment tat-Taiwan għall-Anness II. F'Novembru 2012[3] il-Kummissjoni
pproponiet reviżjoni regolari oħra tal-lista tal-pajjiżi. Rigward din
il-proposta n-negozjati għadhom għaddejjin. Ir-reviżjoni regolari li jmiss hija
ppjanata għal kmieni fl-2014 u se tikkunsidra l-impatti ekonomiċi
tal-liberalizzazzjoni tal-viżi, kif imħabbar mill-Kummissjoni f'Novembru 2012
fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-viżi u t-tkabbir[4]. Ir-reviżjoni attwali tar-Regolament għandha
l-għan li tassigura li l-kompożizzjoni tal-listi ta' pajjiżi terzi tkun
tikkonforma mal-kriterji stabbiliti fil-Premessa (5) tar-Regolament
fid-dawl tal-progress miksub mir-Repubblika tal-Moldova fil-qafas tad-djalogu tagħha
dwar il-liberalizzazzjoni tal-viżi. 2. L-elementi tal-proposta Wara
t-taħdidiet ta' spjegazzjoni f'Chisinau fit-2 ta Marzu 2010,
fil-15 ta' Ġunju 2010 infetaħ formalment Djalogu dwar il-Viżi,
fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika
tal-Moldova fil-Lussemburgu. Matul Settembru 2010, saru żjarat minn
esperti fir-Repubblika tal-Moldova biex imexxu "analiżi tal-lakuni"
dettaljata li pprovdiet valutazzjoni komprensiva tas-sitwazzjoni f'kull modulu
ta' kwistjonijiet koperti mid-Djalogu dwar il-Viżi (Is-sigurtà tad-dokumenti,
inklużi l-bijometriċi; L-immigrazzjoi irregolari, inkluża r-riammissjoni;
L-ordni pubbliku u s-sigurtà; Ir-relazzjoinjiet esterni u d-drittijiet
fundamentali) u ġiet ippreżentata lill-Kunsill, fil-livell tal-gruppi ta'
ħidma, f'Ottubru 2010. B'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill
(Affarijiet Barranin) tal-25 ta' Ottubru 2010 dwar ir-Repubblika
tal-Moldova u dwar is-Sħubija tal-Lvant, ġie diskuss abbozz ta' Pjan ta'
Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viżi għar-Repubblika tal-Moldova (VLAP) u
ġie approvat mill-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2010. Fis-17 ta' Frar il-Gvern Moldovan
adotta l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali Annotat u ppreżentah fil-Laqgħa
tal-Uffiċjali Għolja fit-18 ta' Frar 2011. L-Ewwel Rapport ta’ Progress[5] dwar l-implimentazzjoni
mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viżi
ġie ppreżentat fis-16 ta’ Settembru 2011. It-Tieni Rapport ta’ Progress[6] dwar l-implimentazzjoni
mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża
nħareġ fid-9 ta’ Frar 2012. Fis-27 ta’ Frar 2012,
saret Laqgħa tal-Uffiċjali Għolja li matulha ġie ppreżentat it-Tieni Rapport
ta’ Progress u ġew diskussi l-passi li jmiss fil-proċess. It-Tielet Rapport ta’ Progress[7] dwar l-implimentazzjoni
mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni
tal-Viżi nħareġ fit-22 ta’ Ġunju 2012. Kien it-tielet u l-aħħar
rapport ta’ progress dwar l-ewwel fażi tal-VLAP u ppreżenta valutazzjoni konsolidata
mill-Kummissjoni dwar il-progress li sar mir-Repubblika tal-Moldova sabiex
tilħaq il-parametri referenzjarji tal-ewwel fażi tal-VLAP relatati
mal-istabbiliment ta’ qafas leġiżlattiv, politiku u istituzzjonali. Il-valutazzjoni usa' tal-impatti migratorji u
ta’ sigurtà li jista’ jkollha l-liberalizzazzjoni futura tal-viżi
għaċ-ċittadini tal-Moldova li jivvjaġġaw lejn l-UE nħarġet
fit-3 ta’ Awwissu 2012 mill-Kummissjoni bl-involviment
tal-aġenziji tal-UE u l-partijiet interessati relevanti.[8] Fid-19 ta’ Novembru 2012 il-Kunsill
adotta l-Konklużjonijiet skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni li r-Repubblika
tal-Moldova kienet tissodisfa l-parametri referenzjarji kollha skont l-ewwel
fażi tal-Pjan ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viżi. Il-qafas
leġiżlattiv, ta’ politika u istituzzjonali meħtieġ jinsab fis-seħħ.
Sussegwentement, tnediet il-valutazzjoni tal-parametri referenzjarji stabbiliti
skont it-tieni fażi. Fit-28 ta' Jannar 2013 saret
laqgħa tal-Uffiċjali Għolja li matulha ġew ippreżentati l-objettivi tat-tieni fażi
flimkien mat-tħejjija tal-missjonijiet ta' evalwazzjoni li jmiss. Bejn
it-18 ta' Frar u l-15 ta' Marzu 2013 ġew organizzati
missjonijiet ta' valutazzjoni rigward il-Moduli 1, 2, 3 u 4 tal-VLAP
Il-missjonijiet ta’ evalwazzjoni ma kellhomx paragun f’terminu ta’ ambitu u
dettalji tal-valutazzjoni – erba’ ġimgħat li kienu jinvolvu 12-il espert
mill-Istati Membri akkumpanjati minn uffiċjali tal-Kummissjoni u tal-SEAE.
L-għan ta' dawn il-missjonijiet tal-esperti kien li jivvalutaw safejn kienu
ntlaħqu l-parametri referenzjarji tat-tieni fażi tal-VLAP, kif ukoll jivvalutaw
safejn kienet waslet l-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv, ta' politika u
istituzzjonali, b’konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali.
Ir-rapporti tal-esperti ġew iffinalizzati f’Mejju 2013. Ir-Raba' Rapport
ta' Progress ħareġ fil-21 ta' Ġunju 2013[9] u ppreżenta safejn
kienu waslu l-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali,
il-funzjonament tal-istituzzjonijiet u l-livell ta’ koordinazzjoni bejn
l-aġenziji. Il-Ħames Rapport ta' Progress[10] adottat
fil-15 ta' Novembru 2013 jippreżenta safejn waslet
l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa fir-Raba' Rapport u
t-twettiq ġenerali tal-parametri referenzjarji tat-tieni fażi tal-VLAP.
Ingħatat attenzjoni speċjali għas-sostenibbiltà tar-riformi u r-riżultati
miksuba, inkluż permezz ta’ persunal relevanti, kapaċità u finanzjament.
Ir-rapport jinkludi wkoll valutazzjoni dwar safejn twettqu
r-rakkomandazzjonijiet indirizzati lir-Repubblika tal-Moldova inklużi fir-Rapport
tal-Valutazzjoni tal-Impatti ta’ Awwissu 2012. Fir-rapport
il-Kummissjoni kkonkludiet li r-Repubblika tal-Moldova ssodisfat il-kriterji
kollha stabbiliti fl-erba’ moduli tat-tieni fażi tal-VLAP, u li r-Repubblika
tal-Moldova allokat riżorsi finanzjarji u umani adegwati biex tiżgura li
r-riformi jkunu sostenibbli. Sa mit-tnedija tad-Djalogu dwar il-Viżi bejn
l-UE u r-Repubblika tal-Moldova f'Ġunju 2010 u l-preżentazzjoni
lill-awtoritajiet Moldovani tal-pjan ta' azzjoni dwar il-liberalizzazzjoni
tal-viżi (VLAP) f'Jannar 2011, il-Kummissjoni kienet qed tirrapporta
regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li għamlet
ir-Repubblika tal-Moldova biex tissodisfa l-parametri referenzjarji
identifikati fl-erba' moduli tal-ewwel fażi tal-VLAP. Minbarra dan il-proċess estensiv ta’ rappurtar
relatat mal-VLAP, il-Kummissjoni kompliet timmonitorja wkoll il-progress li
għamlet ir-Repubblika tal-Moldova fl-oqsma rilevanti tal-VLAP permezz ta’: · il-Laqgħa tal-Uffiċjali Għolja rigward id-Djalogu dwar il-Viżi bejn
l-UE u r-Repubblika tal-Moldova; · is-Sottokumitat Konġunt Nru 3 bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova; · il-Laqgħa tal-Uffiċjali Għolja rigward is-Sħubija fil-Mobbiltà bejn
l-UE u r-Repubblika tal-Moldova; · id-Djalogu bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova dwar id-Drittijiet
tal-Bniedem · il-Kumitat Konġunt bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova
għar-Riammissjoni; · il-Kumitat Konġunt bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova
għall-Faċilitazzjoni tal-Viżi. F’kull wieħed minn dawn il-kumitati u djalogi,
l-istat tal-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova huwa indirizzat
regolarment. Matul l-aħħar Kumitati Konġunti dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viżi u
r-Riammissjoni li saru fit-12 ta’ Ġunju 2013 fi Brussell,
bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri, il-Kummissjoni rreġistrat
implimentazzjoni ġeneralment sodisfaċenti taż-żewġ ftehimiet. Il-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Viżi
oriġinali bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova daħal fis-seħħ
fl-1 ta' Jannar 2008. Huwa pprovda liċ-ċittadini tar-Repubblika
tal-Moldova (minn hawn il quddiem “iċ-ċittadini Moldovani”) bi tnaqqis
tat-tariffa tal-viża u proċeduri mħaffa tal-ħruġ kif ukoll lil kategoriji
speċifiċi Moldovani ta' applikanti b’eżenzjoni mit-tariffa tal-viża, il-ħruġ
usa' ta’ viżi għal dħul multiplu li jkollhom perjodu twil ta’ validità, u
rekwiżiti ssimplifikati għad-dokumenti ta’ sostenn li jevidenzjaw tal-għan
tal-ivvjaġġar. Kien fih ukoll eżenzjoni mill-viża għad-detenturi ta’ passaporti
diplomatiċi. Fl-1 ta' Lulju 2013, daħal fis-seħħ Ftehim aġġornat dwar
il-Faċilitazzjoni tal-Viżi mar-Repubblika tal-Moldova. Dan il-ftehim il-ġdid
joffri faċilitazzjonijiet addizzjonali u benefiċċji tanġibbli liċ-ċittadini
Moldovani b'mod partikolari, (1) aktar kategoriji ta' applikanti għall-viża
jibbenefikaw mill-faċilitazzjonijiet previsti fil-ftehim inizjali, (2)
id-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ ta' viżi għal dħul multiplu li jkollhom
perjodu twil ta’ validità għal ċerti kategoriji ta' vjaġġaturi bona fide
iħalli inqas diskezzjoni għall-konsli, (3) il-kooperazzjoni tal-Istati Membri
mal-fornituri tas-servizz estern hija suġġetta għal qafas legali ċar, u (4)
id-detenturi ta' passaporti ta' servizz bijometriċi huma eżentati mill-obbligu
tal-viża. Is-Sħubija għall-Mobbiltà mar-Repubblika tal-Moldova ġiet varata
uffiċjalment f'Settembru 2008 f'Chisinau. Din kienet tinvolvi 15-il Stat
Membru (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, Franza,
l-Italja, Ċipru, il-Latvja, l-Ungerija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija,
is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Isvezja) u żewġ aġenziji tal-UE (il-FRONTEX u
l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ), li ħadmu flimkien biex jippreżentaw approċċ
koerenti għal kooperazzjoni ma’ pajjiż imsieħeb. Hemm firxa wiesgħa ta'
inizjattivi implimentati fil-kuntest tas-Sħubija u dan jirrifletti l-erba'
dimensjonijiet tal-Approċċ Globali lejn il-Migrazzjoni u l-Mobbiltà (GAMM):
it-tisħiħ tal-migrazzjoni legali u l-iffaċilitar tal-mobbiltà, il-prevenzjoni u
l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin,
il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-migrazzjoni fuq l-iżvilupp, u l-promozzjoni
tal-protezzjoni internazzjonali. Is-soluzzjoni tal-kwistjoni tat-Transnistrja mhix kundizzjoni
għal-liberalizzazzjoni tal-viża taħt il-VLAP. Barra minn hekk, fil-VLAP ma hemm
l-ebda referenza għal applikazzjoni territorjali. Il-liberalizzazzjoni tal-viżi
se tkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini li huma detenturi ta’ passaport
bijometriku tar-Repubblika tal-Moldova. Din il-proposta tirrifletti r-riżultat
tal-proċessi msemmijin hawn fuq: filwaqt tikkunsidra wkoll li l-Ftehimiet dwar
il-Faċilitazzjoni tal-Viżi u r-Rijammissjoni mar-Repubblika tal-Moldova ġew
implimentati b'mod sodisfaċenti, il-Kummissjoni tipproponi li tittrasferixxi
lill-Moldova, li qed tilħaq il-parametri referenzjarji kollha tal-VLAP,
mil-lista negattiva għal dik pożittiva, madankollu b'limitu ta' din l-eżenzjoni
mill-viża għad-detenturi tal-passaporti bijometriċi maħruġa skont l-istandards
tal-ICAO. 3. Il-Passi li Jmiss Id-Djalogu bejn l-UE u r-Repubblika
tal-Moldova dwar il-Viża wera li hu għodda importanti u partikolarment
effettiva għall-avvanzament ta' riformi mifruxa u diffiċli mhux biss fil-qasam
tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, iżda anke lil hinn, b'impatt f'oqsma
bħall-istat tad-dritt u r-riforma ġudizzjarja, inkluż il-finanzjament b'saħħtu
tal-partiti politiċi, rieżami tal-immunitajiet u modernizzazzjoni
amminsitrattiva. Il-progress miksub mir-Repubblika tal-Moldova matul l-aħħar
tliet snin fl-oqsma kollha koperti mill-erba’ moduli ta’ VLAP huwa stabbli u effettiv.
Dan juri l-impenn u l-isforzi kostanti magħmula mill-gvernijiet suċċessivi
Moldovani u l-istituzzjonijiet kollha tal-Istat billi għamlu t-twettiq
tal-parametri referenzjarji tal-VLAP prijorità ewlenija nazzjonali. Huwa relevanti li wieħed jiftakar li r-riformi
f'diversi oqsma ewlenin koperti mill-VLAP inkisbu fl-ewwel nofs tal-2013
minkejja sitwazzjoni politika instabbli li damet għaddeja għal ħafna xhur, u
dan jindika livell xieraq ta' governanza tajba u maturità tal-amministrazzjoni
pubblika. Emendi imminenti
għar-regoli tal-viża tal-UE jintroduċu mekkaniżmu ġdid ta’ sospensjoni
tal-eżenzjoni tal-viża, li jikkontribwixxi biex tinżamm l-integrità tal-proċess
ta’ liberalizzazzjoni tal-viżi u jiżgura bħala l-aħħar miżura li l-ivvjaġġar
ħieles mill-viża mhux se jwassal għal irregolaritajiet jew abbuż. Il-Kummissjoni tqis li minn Ġunju li għadda 'l
hawnir-Repubblika tal-Moldova għamlet il-progress meħtieġ biex tiżgura l-implimentazzjoni
effettiva u sostenibbli tar-riformi li kellha twettaq sabiex tilaq il-parametri
referenzjarji tal-VLAP. L-azzjonijiet kollha meħtieġa wara r-raba' rapport ta'
progress dwar il-VLAP ġew imwettqa. Il-funzjonament tal-qafas leġiżlattiv u ta'
politika, l-istabbiliment tal-prinċipji u l-proċeduri istituzzjonali u
organizzattivi, u l-implimentazzjoni tal-proċeduri matul l-erba' moduli huwa
konformi mal-istandards relevanti Ewropej u internazzjonali. Filwaqt li tibni fuq il-valutazzjoni preżenti,
u tirreferi għar-riżultati tal-monitoraġġ u rappurtar kontinwu li sar
mit-tnedija tad-Djalogu bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-Viża,
il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika
tal-Moldova tissodisfa l-parametri referenzjarji
kollha fl-erba’ moduli tat-tieni fażi tal-VLAP. Filwaqt li tikkunsidra
r-relazzjonijiet ġenerali bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova u d-dinamiki
tagħhom, il-Kummissjoni għaldaqstant tippreżenta l-proposta leġiżlattiva
meħtieġa biex temenda r-Regolament KE 539/2001, b'konformità mal-metodoloġija
maqbula skont il-VLAP.[11]
F’dan il-kuntest, tajjeb li wieħed jikkunsidra
d-dejta statistika disponibbli. Fl-aħħar tal-2012 madwar 230 000 ċittadin
Moldovan kienu qed jirrisjedu legalment fl-UE[12],
skont dejta dwar il-permessi validi ta' residenza. Dejta statistika turi li
r-riskju ta' migrazzjoni irregolari lejn l-UE minn ċittadini Moldovani naqset
f'dawn l-aħħar snin: mill-2008, meta nqabdu 6 830 immigrant irregolari
Moldovan, l-għadd ta' dawk li nqabdu baqa nieżel kull sena, biex laħaq
it-3 070 fl-2012, jiġifieri tnaqqis ta' 55 %. L-applikazzjonijiet għall-asil
ukoll naqsu bin-nofs (-48 %) fuq l-istess perjodu. Fl-2012 kien hemm 435
applikazzjoni għall-asil minn ċittadini Moldovani, tnaqqis mit-837 fl-2008.
Il-proporzjon ta' ritorn effettwat meta mqabbel mal-għadd ta' deċiżjonijiet ta'
ritorn jinħarġu qed jitjieb u laħaq it-73 % fl-2012, meta mqabbel ma'
madwar 50 % matul l-erba' snin ta' qabel. Fl-aħħar nett, filwaqt li
l-għadd ta' applikazzjonijiet għal viżi Schengen għal soġġorn qasir baqa'
stabbli matul dawn l-aħħar tliet snin (tiela u nieżel bejn 50 000 u
55 000), ir-rata ta' applikazzjonijiet rifjutati naqset drastikament minn
11,4 % fl-2010 għal 6,5 % fl-2012. B’kollox din id-dejta tikkonferma
li r-riskju migratorju li jirrappreżentaw iċ-ċittadini Moldovani naqas
sostanzjalment. L-emendi għar-regoli tal-viża tal-UE se jintroduċu mekkaniżmu
ġdid ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni tal-viża fir-Regolament 539/2001, li
jikkontribwixxi biex tinżamm l-integrità tal-proċess ta’ liberalizzazzjoni
tal-viżi u jiżgura bħala l-aħħar miżura li l-ivvjaġġar ħieles mill-viża mhux
se jwassal għal irregolaritajiet jew abbuż. Il-Kummissjoni se tkompli
b’mod attiv timmonitorja l-implimentazzjoni kontinwa mir-Repubblika tal-Moldova
tal-parametri referenzjarji
kollha taħt l-erba’ moduli tal-VLAP fil-qafas tal-istrutturi u d-djalogi ta’
Sħubija u Kooperazzjoni attwali, u, jekk ikun meħtieġ, permezz ta’ mekkaniżmi
ta’ segwitu ad hoc. Hekk kif kien il-każ tat-trasferimenti
tal-pajjiżi Balkani tal-Punent għar-reġim ħieles mill-viża, ma hemm l-ebda
raġuni li l-implimentazzjoni tal-eżenzjoni mill-viża għar-Repubblika
tal-Moldova tkun suġġetta għall-konklużjoni ta’ ftehim tal-eżenzjoni mill-viża
mal-UE, meta wieħed jikkunsidra l-fatt li r-Repubblika tal-Moldova diġà eżentat
liċ-ċittadini kollha tal-UE mir-rekwiżit tal-viża u li, jekk ir-reġim ħieles mill-viżi
jiġi abbużat, il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni għandu jipprovdi soluzzjoni
effettiva. 4. L-organizzazzjonijiet/esperti
ewlenin ikkonsultati L-Istati Membri ġew ikkonsultati. 5. Valutazzjoni tal-impatt Mhux neċessarja. 6. Bażi legali Skont it-TFUE, din il-proposta tikkostitwixxi
żvilupp tal-politika komuni tal-viża f'konformita' mal-Artikolu 77(2)(a)
tat-TFUE. 7. Il-prinċipji ta'
propozjonalità u sussidjaretà Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001
jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess
tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni (lista negattiva) u dawk iċ-ċittadini
li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (il-lista pożittiva). Id-deċiżjoni biex jinbidlu l-listi, biex
pajjiżi jiġu trasferiti mil-lista negattiva għal dik pożittiva jew viċe versa,
taqa’ fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea skont
l-Artikolu 77(2)(a) tat-TFUE. 8. Għażla tal-istrumenti: Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa
emendat b’Regolament. 9. Implikazzjoni baġitarja Il-proposta ta' emenda ma għandha l-ebda
effett fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea. 2013/0415 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru
539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom
viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li
huma eżentati minn dik il-ħtieġa IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari
l-Artikolu 77(2)(a) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta
mill-Kummissjoni Ewropea, Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat
lill-parlamenti nazzjonali, Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja
leġiżlattiva, Billi: (1) Il-kompożizzjoni tal-listi ta’ pajjiżi terzi
fl-Annessi I u II mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001[13] għandha tkun, u
għandha tibqa’, konsistenti mal-kriterji stipulati fih. Pajjiżi terzi li
għalihom inbidlet is-sitwazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kriterji, għandhom ikunu
trasferiti minn Anness għall-ieħor. (2) B'konformità
mad-Dikjarazzjoni Konġunta approvata fis-Sammit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi
Praga fis-7 ta' Mejju 2009, u t-twettiq tal-Pjan ta' Azzjoni
dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viżi mir-Repubblika tal-Moldova, il-Kummissjoni
tikkunsidra li r-Repubblika tal-Moldova tissodisfa l-parametri referenzjarji
kollha stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Liberalizzazzjoni tal-Viżi. (3) Billi tissodisfa l-parametri referenzjarji
kollha, ir-Repubblika tal-Moldova għandha tiġi trasferita għall-Anness II
tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Din l-eżenzjoni mill-viża għandha
tapplika għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi maħruġa mir-Repubblika
tal-Moldova f’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali
tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO). (4) Fir-rigward tal-Islanda u
n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet
tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni
Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar
l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u
l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[14],
li jaqa' fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt (B), tad-Deċiżjoni
tal-Kunsill 1999/437/KE tas- 17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti
arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim[15]. (5) Fir-rigward tal-Isvizzera,
dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta'
Schengen, fit-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità
Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni
Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta'
Schengen[16],
li jaqgħu fiż-żona msemmija fl-Artikolu 1(B) u (C) tad-Deċiżjoni
tal-Kunsill 1999/437/KE meħud flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni
tal-Kunsill 2008/146/KE[17]. (6) Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament
jikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, kif
previst mill-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea,
il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni
tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità
Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni
Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis
ta’ Schengen[18],
li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1(A) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill
1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999, meħud flimkien
mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE[19]. (7) Dan ir-Regolament jikkostitwixxi
żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma
jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE
tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran
Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu sehem f’xi wħud
mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[20],
ir-Renju Unit għaldaqstant mhux se jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex
marbut bih u lanqas ma hu suġġett għall-applikazzjoni tiegħu. (8) Dan ir-Regolament
jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih
l-Irlanda ma tiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE
tat- 28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu
sehem f’xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[21], l-Irlanda
għaldaqstant mhux se tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhix marbuta bih u
lanqas ma hi suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. (9) Fir-rigward ta’ Ċipru, dan
ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen, jew
li hu b’xi mod ieħor relatat miegħu, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att
ta’ Adeżjoni tal-2003. (10) Fir-rigward tal-Bulgarija u
r-Rumanija, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis
ta' Schengen, jew li hu b’xi mod ieħor relatat miegħu, fis-sens
tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005. (11) Fir-rigward tal-Kroazja, dan
ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen, jew
li hu b’xi mod ieħor relatat miegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-Att
ta’ Adeżjoni tal-2011. ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament
(KE) Nru 539/2001 huwa emendat kif ġej: 1. fl-Anness I Parti 1, ir-referenza għall-Moldova
titħassar. 2. fl-Anness 2,
Parti 1 jiddaħħal dan li ġej: "Moldova, ir-Repubblika tal-* ______________ * L-eżenzjoni
tal-viża ser tkun limitata għad-detenturi ta' passaporti bijometriċi maħruġa
f’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni
Ċivili (ICAO)." Artikolu 2 Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin
jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni
Ewropea. Dan ir-Regolament
jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri, skond
it-Trattati. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament
Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1. [2] ĠU L 339, 22.12.2010, p. 6. [3] COM(2012) 650 finali. [4] COM(2012) 649 finali. [5] SEC(2011) 1075 finali [6] SWD(2012) 12 finali. [7] COM(2012) 348 finali. [8] COM(2012) 443 finali [9] COM(2013) 459 finali [10] Għadu ma ġiex ippubblikat, ir-referenza tiżdied fi
stadju aktar tard [11] (*) It-test tal-Ħames Rapport ta’ Progress bħalissa
huwa s-suġġett ta' konsultazzjoni bejn is-servizzi, jekk it-test
tal-konklużjonijiet jinbidel, it-test ikollu jiġi allinjat skont dan [12] Id-dejta ppreżentata f'din it-taqsima tkopri l-pajjiżi
kollha tal-UE ħlief ir-Renju Unit, l-Irlanda u l-Kroazja; u tinkludi dejta
wkoll mill-Isvizzera, in-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein. Id-dejta kollha
hija mill-Eurostat, ħlief id-dejta dwar l-applikazzjonijiet għall-viża u
rifjuti, miġbura mid-DĠ HOME. [13] Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001
tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini
tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri
esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dak ir-rekwiżit (ĠU
L 81, 21.3.2001, p. 1). [14] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36. [15] ĠU L176, 10.7.1999, p. 31. [16] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52. [17] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1. [18] ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21. [19] ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19. [20] ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43. [21] ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.