Proposta għal REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li jestendi d-dazju definittiv antidumping impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011 dwar l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ kkunsinjati mill-Indja u mill-Indoneżja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja kif ukoll jekk le /* COM/2013/0835 final - 2013/0412 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Ir-raġunijiet u l-objettivi
tal-proposta Din il-proposta tirrigwarda l-applikazzjoni
tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009
tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra
l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi
mhux membri tal-Komunità Ewropea[1]
("ir-Regolament bażiku") fl-investigazzjoni dwar il-possibbiltà
ta' evażjoni tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta'
Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011 dwar l-importazzjonijiet
ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri
tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari
taċ-Ċina ("ir-RPĊ")[2],
minn importazzjonijiet ikkunsinjati mill-Indja u l-Indoneżja. Kuntest Ġenerali Din il-proposta qed issir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hija r-riżultat ta' investigazzjoni li twettqet skont ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku u b’mod partikolari fl-Artikolu 13 tiegħu. Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Il-miżuri attwalment fis-seħħ kienu imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Bħala riżultat ta’ investigazzjonijiet preċedenti kontra l-evażjoni, il-miżuri ġew estiżi għall-Malasja fil-25 ta’ Lulju 2012[3] u għat-Tajwan u t-Tajlandja fis-17 ta’ Jannar 2013[4]. Konsistenza mal-politiki u mal-objettivi l-oħra tal-Unjoni. Mhux applikabbli. 2. IR-RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET
TAL-IMPATT Konsultazzjoni mal-partijiet interessati Il-partijiet interessati kkonċernati fil-proċediment kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. L-użu tal-għarfien espert u l-ġbir tiegħu Ma kienx hemm bżonn ta' għarfien espert estern. Valutazzjoni tal-impatt Din il-proposta hija r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix valutazzjoni ġenerali tal-impatt iżda fih lista eżawrjenti ta' kundizzjonijiet li jridu jiġu vvalutati. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Sommarju tal-azzjoni proposta Il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikolu 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku li fiha biżżejjed evidenza prima facie li l-miżuri antidumping fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ imposti mir-Regolament (UE) Nru 791/2011 kienu qed jiġu evitati permezz tat-trasbord li jseħħ fl-Indja u fl-Indoneżja. It-talba tressqet fil-25 ta’ Frar 2013 minn Saint Gobain Adfors CZ s.r.o., Tolnatext Fonalfeldolgozo es Muszakiszovet-gyarto Bt., Valmieras "Stikla Skiedra" AS u Vitrulan Technical Textiles GmbH, erba' produtturi fl-Unjoni ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, li jirrappreżentaw aktar minn 50% tal-industrija tal-Unjoni. Fl-10 ta' April 2013, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 322/2013[5], dwar il-possibbiltà ta' evażjoni tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (KE) Nru 791/2011 dwar importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ, permezz tal-importazzjonijiet ikkunsinjati mill-Indja u mill-Indoneżja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja u sew jekk le. Jidher li hemm evażjoni tal-miżuri fis-seħħ permezz tat-trasbord li jseħħ fl-Indja u fl-Indoneżja u/jew permezz ta' dikjarazzjoni falza tal-oriġini tal-prodotti Ċiniżi, meta qed jiġu ddikjarati bħala prodotti Indjani jew Indoneżjani. Il-prattiki ta’ evażjoni qed jiġu investigati wkoll mill-OLAF. Il-proposta mehmuża għal Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill hija bbażata fuq dak li ħareġ mill-investigazzjoni, li wassal għall-konferma li hemm evażjoni tal-miżuri fis-seħħ permezz tat-trasbord tal-prodott ikkonċernat li jseħħ fl-Indja u fl-Indoneżja jew b’dikjarazzjoni falza tal-oriġini tal-prodotti Ċiniżi. Il-kriterji l-oħra li jistabbilixxu każ ta’evażjoni kif stipulat fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku kollha qegħdin hemm. Huwa għalhekk propost li l-miżuri antidumping li hemm fis-seħħ għal ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-RPĊ jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinjat mill-Indja u mill-Indoneżja. Id-dazju jikkorrispondi għad-dazju li japplika għall-pajjiż kollu fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ (62.9%). Id-dazju jiġi impost mid-data tat-tnedija tal-investigazzjoni. Żewġ kumpaniji fl-Indja talbu eżenzjoni abbażi tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku. Waħda minn dawn il-kumpaniji biss tipproduċi l-prodott investigat, il-Montex Glass Fibre Industries Pvt.Ltd. L-investigazzjoni kkonfermat li din il-kumpanija hija produttur ġenwin u li mhijiex involuta fi prattiki ta’ evażjoni. Għalhekk qed jiġi propost li din il-kumpanija tiġi eżentata mid-dazji estiżi. Wara l-ftuħ tal-investigazzjoni, ma ppreżentat ruħha l-ebda kumpanija mill-Indoneżja, għaldaqstant ma hemm l-ebda talba għal eżenzjoni minn xi estensjoni possibbli tal-miżuri attwali fl-Indoneżja. Ir-Regolament tal-Kunsill relevanti għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mhux aktar tard mid-9 ta’ Jannar 2014. Bażi legali Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu. Prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa’ fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax. Prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin: Il-forma ta' azzjoni hi deskritta fir-Regolament imsemmi hawn fuq u ma tħalli l-ebda ambitu għal deċiżjoni nazzjonali. Ma tapplikax l-indikazzjoni ta’ kif għandu jiġi mnaqqas u proporzjonat il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa’ fuq l-Unjoni, fuq il-gvernijiet nazzjonali, fuq l-awtoritajiet reġjonali u lokali, fuq l-operaturi ekonomiċi u fuq iċ-ċittadini, sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-proposta. L-għażla tal-istrumenti: L-istrumenti proposti: Regolament. Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni li ġejja: Ir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq ma jipprevedix għażliet alternattivi. 4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA
Il-proposta ma għandha l-ebda
implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni. 2013/0412 (NLE) Proposta għal REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI
TAL-KUNSILL li jestendi d-dazju definittiv antidumping
impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011
dwar l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa
tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari
taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet
b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ kkunsinjati mill-Indja
u mill-Indoneżja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja u
mill-Indoneżja kif ukoll jekk le IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar
il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’
dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[6] ("ir-Regolament
bażiku"), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Billi: 1. PROĊEDURA 1.1 Il-miżuri eżistenti (1) Bir-Regolament
ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011[7],
("ir-Regolament oriġinali"), il-Kunsill impona dazju antidumping
definittiv ta' 62,9 % fuq importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet
b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw
mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ("ir-RPĊ") fuq
il-kumpaniji l-oħra kollha ħlief dawk imsemmija fl-Artikolu 1(2)
u fl-Anness 1 ta' dan ir-Regolament. Dawn
il-miżuri huma l-miżuri fis-seħħ u l-investigazzjoni li
wasslet għall-miżuri hija l-investigazzjoni oriġinali. (2) Qabel, il-miżuri
fis-seħħ kienu estiżi għall-Malasja, permezz tar-Regolament
ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 672/2012[8], u għat-Tajwan u
t-Tajlandja, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE)
Nru 21/2013[9]. 1.2 It-talba (3) Fl-25 ta' Frar 2013,
il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba skont l-Artikoli 13(3)
u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta’
evażjoni tal-miżuri antidumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’
ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ
li joriġinaw mir-RPĊ u biex l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet
b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkunsinjati mill-Indja
u l-Indoneżja, sew jekk ikunu ddikjarati li joriġinaw mill-Indja u
mill-Indoneżja kif ukoll jekk le, ikunu soġġetti
għar-reġistrazzjoni. (4) Din it-talba tressqet minn
Saint-Gobain Adfors CZ s.r.o., Tolnatext Fonalfeldolgozo es
Muszakiszovet-gyarto Bt., Valmieras "Stikla Skiedra" AS u Vitrulan
Technical Textiles GmbH, erba' produtturi fl-Unjoni ta' ċerti drappijiet
b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ. (5) It-talba kien fiha
biżżejjed evidenza prima facie għax wara li ġew
imposti l-miżuri fis-seħħ, kien hemm bidla sinifikanti fix-xejra
tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjonijiet mir-RPĊ, l-Indja u
l-Indoneżja lejn l-Unjoni, li għaliha ma kienx hemm raġuni
valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr
l-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ. Din il-bidla fix-xejra
tal-kummerċ allegatament nibtet mit-trasbord ta’ ċerti drappijiet
b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-RPĊ
li jseħħ fl-Indja u fl-Indoneżja u/jew minħabba dikjarazzjonijiet
foloż tal-oriġini tal-prodotti Ċiniżi. (6) Barra minn hekk, l-evidenza
enfasizzat il-fatt li l-effetti ta' rimedju tal-miżuri fis-seħħ
kienu qed jiġu mhedda kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll ta’ prezz.
L-evidenza wriet li dawn iż-żidiet fl-importazzjonijiet mill-Indja u
l-Indoneżja saru bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezz li ma jikkawżax
dannu stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali. (7) Fl-aħħar nett, kien
hemm evidenza li l-prezzijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa
tal-fibri tal-ħġieġ kkunsinjati mill-Indja u l-Indoneżja
kienu l-oġġett tad-dumping b’rabta mal-valur normali stabbilit
għal prodott simili matul l-investigazzjoni oriġinali. 1.3 Bidu (8) Wara
li l-Kummissjoni ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li
hemm biżżejjed evidenza prima facie biex tinbeda
investigazzjoni skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku,
hija bdiet investigazzjoni skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE)
Nru 322/2013[10] (“ir-Regolament li jagħti bidu”). Skont l-Artikoli 13(3) u
14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, skont ir-Regolament li
jagħti bidu, ordnat ukoll lill-awtoritajiet tad-dwana sabiex
jirreġistraw l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja
miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkunsinjati mill-Indja u
mill-Indoneżja. 1.4 Investigazzjoni (9) Il-Kummissjoni infurmat
uffiċjalment lill-awtoritajiet tar-RPĊ, l-Indja u l-Indoneżja,
lill-produtturi/esportaturi f’dawn il-pajjiżi, lill-importaturi fl-Unjoni
li taf li huma kkonċernati u lill-industrija tal-Unjoni, bil-bidu ta'
investigazzjoni. Intbagħtu kwestjonarji lill-produtturi/esportaturi
fir-RPĊ u fl-Indja u l-Indoneżja li taf bihom il-Kummissjoni jew li
preżentaw lilhom infushom qabel l-iskadenza stabbilita
fil-premessa 15 tar-Regolament li jagħti bidu. Il-kwestjonarji ntbagħtu
wkoll lill-importaturi fl-Unjoni. Il-partijiet interessati ngħataw
l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu
smigħ fiż-żmien kif stipulat fir-Regolament li jagħti bidu.
Il-partijiet kollha kienu infurmati li n-nuqqas ta’
koperazzjoni tista’ twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18
tar-Regolament bażiku u għal sejbiet li jkunu bbażati fuq
il-fatti disponibbli. (10) Żewġ produtturi
esportaturi fl-Indja, u importatur mhux relatat fl-Unjoni ppreżentaw
ruħhom u bagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarji. Aktar tard
l-importatur tal-Unjoni informa lill-Kummissjoni li huwa importa prodotti
oħra u li fil-passat ma importa l-ebda prodott li qiegħed jiġi
investigat. L-ebda produttur esportatur fl-Indoneżja ma bagħat
tweġiba. Dawn il-produtturi esporaturi Indjani bagħtu tweġiba
għall-formola ta' eżenzjoni: –
Montex Glass Fibre Industries Pvt.Ltd.
("Montex"), –
u Urja Products Pvt.Ltd. (11) Sussegwentement, Urja Products
Pvt.Ltd. għarrfet lill-Kummissjoni li ma tipproduċix l-prodott investigat
u li l-prodotti tagħha għandhom karatteristiċi tekniċi
differenti kif ukoll użu differenti (filwaqt li jaqgħu taħt
kodiċi NM oħrajn). Għaldaqstant, żjara ta’ verifika saret
biss fil-bini ta’ Montex. 1.5 Il-perjodu tal-investigazzjoni (12) Il-perjodu tal-investigazzjoni
kien ikopri l-perjodu mill-1 ta’ April 2009
sal-31 ta’ Marzu 2013 (“il-PI”). Tul il-PI nġabret id-dejta
li kellha tiġi investigata, inter alia, l-allegata bidla fix-xejra
tal-kummerċ. Inġabret dejta aktar ddettaljata għall-perjodu
tar-rappurtar bejn l-1 ta’ April 2012 u
l-31 ta’ Marzu 2013 (“il-PR”) sabiex tiġi eżaminata
t-theddida possibbli għall-effett ta' rimedju tal-miżuri
fis-seħħ u l-eżistenza tad-dumping. 2. IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI 2.1 Kunsiderazzjonijiet
ġenerali (13) Skont l-Artikolu 13(1)
tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni ta' jekk hemmx evażjoni saret
billi suċċessivament twettqet analiżi dwar jekk kienx hemm
tibdil fix-xejra tal-kummenrċ bejn ir-RPĊ, l-Indja, l-Indonezja u
l-Unjoni; jekk dan it-tibdil ġiex minn prattika, proċess jew
xogħol li ma kienx hemm x'jikkawżahom b'mod suffiċjenti jew
x'jiġġustifikahom ekonomikament għajr l-impożizzjoni
tad-dazju, jekk kienx hemm evidenza ta' dannu jew jekk l-effetti ta' rimendju
tad-dazju kinux qed jiġu mminati b'rabta mal-prezzijiet u/jew
il-kwantitajiet tal-prodott investigat; u jekk kienx hemm evidenza ta' dumping
b'rabta mal-valuri normali preċedenti li kienu stabbiliti
għall-prodott inkwistjoni, skont id-dispożizzjonijiet, jekk ikun
meħtieġ, tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku. 2.2 Il-prodott ikkonċernat u
l-prodott investigat (14) Il-prodott ikkonċernat
huwa kif definit fl-investigazzjoni oriġinali: Drappijiet b'malja
miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, bid-daqs taċ-ċellula
ta' aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul u kif ukoll fil-wisa' u li jiżnu
aktar minn 35 g/m2, esklużi d-diski
tal-ħġieġ tal-fibra, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari
taċ-Ċina, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM
ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00. (15) Il-prodott investigat huwa
l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, iżda
jiġi kkunsinjat mill-Indja u l-Indoneżja, kemm jekk iddikjarat li
joriġina mill-Indja u l-Indoneżja kif ukoll jekk le. (16) L-investigazzjoni wriet li
d-drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, kif
definiti hawn fuq, esportati lejn l-Unjoni mir-RPĊ u dawk ikkunsinjati
lill-Unjoni mill-Indja u l-Indoneżja għandhom l-istess
karatteristiċi bażiċi fiżiċi u tekniċi u l-istess
użu, u għalhekk għandhom jitqiesu bħala prodotti simili fi
ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. 2.3 Livell ta’ kooperazzjoni 2.3.1 L-Indja (17) Kif iddikjarat
fil-premessa 10 ta' hawn fuq, żewġ kumpaniji Indjani biss
bagħtu tweġiba għall-formola ta' eżenzjoni. Billi
waħda minnhom, Urja Products Pvt.Ltd., instab li ma kinitx produttur tal-prodott
investigat, kien hemm biss kumpanija waħda li kkoperat, Montex.
Il-kumpanija kienet tirrappreżenta biss 1 % tal-esportazzjonijiet
mill-Indja lejn l-Unjoni fil-PR tal-2012/2013, meta mqabbla
mal-esportazzjonijiet kollha mill-Indja. Dan wassal għall-applikazzjoni
tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, u s-sejbiet rigward l-Indja
kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli. 2.3.2 L-Indoneżja (18) Kif iddikjarat
fil-premessa 10, l-ebda kumpanija Indoneżjana ma bagħtet
tweġiba għall-kwestjonarju. Ma kienx hemm kooperazzjoni
mill-kumpaniji Indoneżjani. Dan wassal għall-applikazzjoni
tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, u s-sejbiet rigward
l-Indoneżja kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli. 2.3.3 Ir-RPĊ (19) Il-produtturi esportaturi
Ċiniżi ma kkooperawx. Dan wassal għall-applikazzjoni
tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, u s-sejbiet rigward
ir-RPĊ kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli. 2.4 Il-bidla fix-xejra
tal-kummerċ (20) Sabiex jiġi ddeterminat
jekk kienx hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ, l-importazzjonijiet lejn
l-Unjoni mill-Indja u mill-Indoneżja tal-prodott investigat, u
l-esportazzjonijiet tal-prodott investigat mir-RPĊ lejn l-Indja u
l-Indoneżja kienu vvalutati. Dawn l-importazzjonijiet kienu stabbiliti
abbażi tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament
bażiku minħabba li l-kumpaniji Indjani, Indoneżjani u
Ċiniżi ftit li xejn ikkooperaw jew ma kkooperawx (ara
t-Taqsima 2.3 ta’ hawn fuq). (21) Għal dan l-għan
ntużaw għall-analiżi l-istatistika COMEXT[11], statistika
tal-kummerċ mill-Indja u l-Indoneżja li waslet mingħand
l-awtoritajiet nazzjonali rispettivi, kif ukoll l-istatistika tal-Global Trade
Information Services[12].
Is-snin finanzjarji li jibdew mill-1 ta’ April u jispiċċaw
fil-31 ta’ Marzu sabiex jintużaw perjodi ta' 12-il xahar. (22) Il-volum ta’ importazzjonijiet
irreġistrati fl-istatistika tal-COMEXT ikopri grupp akbar ta’ prodotti
mill-prodott ikkonċernat u mill-prodott investigat. Madankollu,
abbażi tal-istimi pprovduti mill-industrija tal-Unjoni, seta’ jiġi stabbilit
li parti sinifikanti ta’ dan il-volum importat kopriet il-prodott
ikkonċernat u l-prodott investigat. Għaldaqstant, din id-dejta
setgħet tintuża biex tiġi stabbilita bidla fix-xejra
tal-kummerċ. 2.4.1 Importazzjonijiet fl-Unjoni (23) L-istatistika COMEXT turi
bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ matul il-PI (ara t-Tabella 1
ta' hawn taħt). Tabella 1 Volumi ta’ importazzjoni (f'miljuni ta' m2)[13] || April 2009 Marzu 2010 || April 2010 Marzu 2011 || April 2011 Marzu 2012 || April 2012 Marzu 2013 Ir-RPĊ || 288,40 || 385,85 || 110,30 || 85,93 L-Indja || 0,35 || 0,28 || 0,89 || 13,13 L-Indoneżja || 0,004 || 0,16 || 3,22 || 33,31 Sors: L-istatistika
COMEXT Importazzjonijiet mir-RPĊ (24) Skont l-istatistika ta'
COMEXT, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ lejn
l-Unjoni naqsu b’mod drammatiku wara l-impożizzjoni tal-miżuri
proviżorji fi Frar 2011[14]
u tal-miżuri definittivi f’Awwissu 2011[15]. It-tabella 1 ta'
hawn fuq turi li bejn l-2010/2011 u l-2011/2012 l-importazzjonijiet lejn
l-Unjoni mir-RPĊ niżlu minn 385,85 miljun m² għal 110,30 miljun
m² (b’madwar 70 %), u bejn l-2010/2011 u l-2012/2013 komplew jinżlu
għal 85,9 miljun m² (b’madwar 80 %). Importazzjonijiet
mill-Indja (25) Skont l-istatistika COMEXT,
fis-sena finanzjarja 2009/2010 il-kwantitajiet importati mill-Indja lejn
l-Unjoni kienu ta' 0,35 miljun m², fis-sena finanzjarja 2010/2011 kienu ta'
0,28 miljun m² u żdiedu drastikament bejn l-2011/2012 u l-2012/2013, sakemm
laħqu 13,13-il miljun m² fis-sena finanzjarja 2012/2013. (26) Kif iddikjarat
fil-premessa 17 ta' hawn fuq, il-kumpanija Montex esportat kwantità
żgħira ħafna tal-prodott investigat lejn l-Unjoni matul il-PI, –
meta mqabbel mal-esportazzjonijiet kollha mill-Indja dan jirrappreżenta
1 % tal-esportazzjonijiet mill-Indja lejn l-Unjoni fil-perjodu 2012/2013.
Barra minn hekk instab li Montex tesporta l-prodott investigat taħt
kodiċi NM ħażin – 70 19 52. Għaldaqstant l-esportazzjonijiet
tagħha kellhom jiżdiedu mal-istatistika COMEXT kif muri
fit-Tabella 1 ta' hawn fuq. Importazzjonijiet mill-Indoneżja (27) Skont l-istatistika COMEXT,
fis-sena finanzjarja 2009/2010 il-kwantitajiet importati mill-Indoneżja
lejn is-suq tal-Unjoni kienu ta' 0,004 miljun m², fl-2010/2011 kienu jammontaw
għal 0,16 miljun m² u żdiedu drastikament bejn l-2011/2012 u
l-2012/2013, minn 3,22 miljuni m² għal 33,31 miljun m² rispettivament. 2.4.2 L-esportazzjonijiet
mir-RPĊ għall-Indja u l-Indoneżja (28) Matul l-istess perjodu,
wieħed jista' wkoll josserva żieda drammatika fl-esportazzjonijiet
mir-RPĊ lejn l-Indja u l-Indoneżja. Tabella 2 Volumi ta’ importazzjoni (f'miljuni ta' m2) || April 2009/ Marzu 2010 || April 2010/ Marzu 2011 || April 2011/ Marzu 2012 || April 2012/ Marzu 2013 L-Indja || 4,80 || 16,35 || 18,38 || 29,28 L-Indoneżja || 5,78 || 4,01 || 8,94 || 11,54 Sors: L-istatistika
doganali taċ-Ċina L-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn
l-Indja (29) Skont l-istatistika tad-dwana
Ċiniża, l-importazzjonijiet lejn l-Indja mir-RPĊ tal-prodott
investigat żdiedu minn 4,8 miljuni m² fis-sena finanzjarja 2009/2010
għal 29,3 miljun m² fis-sena finanzjarja 2012/2013. L-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn
l-Indoneżja (30) Skont l-istatistika tad-dwana
Ċiniża, l-importazzjonijiet lejn l-Indoneżja mir-RPĊ
tal-prodott investigat żdiedu minn 5,78 miljuni m² fis-sena finanzjarja
2009/2010 għal 11,54-il miljun m² fis-sena finanzjarja 2012/2013. 2.4.3 Il-konklużjoni dwar
il-bidla fix-xejra tal-kummerċ (31) It-tnaqqis ġenerali
fl-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni u ż-żieda parallela
tal-esportazzjonijiet kemm mill-Indja u l-Indoneżja lejn l-Unjoni kif
ukoll tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Indja u l-Indoneżja, wara
l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji fi Frar 2011 u
tal-miżuri definittivi f'Awwissu 2011 jikkostitwixxu minn naħa
bidla fix-xejra kummerċjali bejn il-pajjiżi msemmija hawn fuq, u
min-naħa l-oħra bidla fl-esportazzjonijiet ta' dawn il-pajjiżi
lejn l-Unjoni. 2.5 In-natura tal-prattika ta’
evażjoni (32) L-Artikolu 13(1)
tar-Regolament bażiku jitlob li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ tinbet
minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx
raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti
għajr l-impożizzjoni tad-dazju. Il-prattika, l-proċess jew
il-ħidma tinkludi, inter alia, il-kunsinna tal-prodott
suġġett għall-miżuri fis-seħħ permezz ta’
pajjiżi terzi skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. (33) Matul l-investigazzjoni
nstabet evidenza dwar prattiki ta’ trasbord li jseħħ
fl-Indoneżja u fl-Indja u/jew ċertifikati ta’ oriġini mhux
korretti. Pereżempju, xi uħud mill-importazzjonijiet tal-prodott
ikkonċernat lejn l-Unjoni kienu trasbordati minn Dubai jew Singapor
b'ċertifikati tal-oriġini tal-Indoneżja/tal-Indja, u parti
tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni kienu trasbordati minn kumanija Indjana li
ma kkooperatx fl-investigazzjoni. In-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn kull
wieħed mill-produtturi tal-prodott investigat, ħlief għal
Montex, huwa wkoll indikazzjoni li m’hemmx produzzjoni ġenwina
fl-Indoneżja u l-Indja li tista’ tiġġustifika l-livelli
tal-esportazzjoni mill-Indoneżja u mill-Indja lejn l-Unjoni. Jekk hemm
produtturi ġenwini, huwa raġonevoli li wieħed jistenna li dawn
se jippruvaw jiddistingwu lilhom infushom minn prattiki ta’ evażjoni billi
l-ewwel ħaġa li jagħmlu jieħdu sehem f’din
l-investigazzjoni. Barra minn hekk, ħlief għal Montex,
mill-investigazzjoni ma ħarġitx evidenza ta’ produzzjoni ġenwina
fiż-żewġ pajjiżi kkonċernati. Barra minn hekk,
iż-żieda qawwija f’daqqa ta’ importazzjonijiet minn dawn iż-żewġ
pajjiżi tindika li l-prodotti Ċiniżi huma trasbordati lejn l-Unjoni
mill-Indja u mill-Indoneżja u/jew b'ċertifikati ta’ oriġini mhux
korretti. (34) L-eżistenza ta’ trasbord ta’ prodotti ta’ oriġini
Ċiniża mill-Indja u mill-Indoneżja hija għalhekk
ikkonfermata. 2.6 In-nuqqas ta’ raġuni
valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr
l-impożizzjoni ta' dazju antidumping (35) L-investigazzjoni ma
żvelat l-ebda raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika
oħra għat-trasbord ħlief l-evażjoni tal-miżuri
fis-seħħ tal-prodott ikkonċernat. Ma nstab l-ebda element,
għajr għad-dazju, li seta’ jitqies bħala kumpens
għall-ispejjeż tat-trasbord, partikolarment fir-rigward tat-trasport
u t-tagħbija mill-ġdid, ta’ ċerti drappijiet b’malja
miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw fir-RPĊ
u li jiġu mir-RPĊ billi jgħaddu mill-Indja u
mill-Indoneżja. 2.7 L-imminar tal-effett ta'
rimedju tad-dazju antidumping (36) Imbagħad, ġie
eżaminat jekk l-importazzjonijiet tal-prodott investigat lejn l-Unjoni
kinux imminaw l-effetti ta' rimedju tal-miżuri fis-seħħ b'rabta
mal-kwantitajiet u l-prezzijiet. Intużat d-dejta tal-COMEXT bħala
l-aħjar dejta disponibbli dwar il-kwantitajiet u l-prezzijiet esportati
mill-kumpaniji fl-Indja u l-Indonesja li ma kkoperawx. Il-prezzijiet previsti
tqabblu mal-livell li jelimina d-dannu stabbilit għall-industrija
tal-Unjoni fil-premessa 74 tar-Regolament oriġinali. (37) Iż-żieda
fl-importazzjonijiet mill-Indja lejn l-Unjoni minn 0,35 miljun m2
fl-2009/2010 għal 13,10-il miljun m2 fil-PR tal-2012/2013
kienet sinifikanti f'dak li għandu x'jaqsam ma' kwantitajiet, meta
titqabbel mal-volumi ta' importazzjonijiet (baxxi ħafna) mill-Indja qabel
l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji fl-2009/2010. Barra minn
hekk, iż-żieda fl-importazzjonijiet mill-Indoneżja lejn l-Unjoni
minn 0,04 m2fl-2009/2010 għal 33,31-il miljun m2
fil-PR tal-2012/2013 tqieset sostanzjali f'dak li għandu x'jaqsam ma'
kwantitajiet, meta titqabbel mal-volumi ta' importazzjonijiet (baxxi
ħafna) mill-Indoneżja qabel l-impożizzjoni tal-miżuri
proviżorji fl-2009/2010. (38) Biex jiġi vvalutat jekk
l-effetti ta' rimedju tal-miżuri fis-seħħ humiex bħala
prezzijiet imminati, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja u
l-Indja ġew imqabbla mal-livell li jelimina d-dannu kif stabbilit
fir-Regolament oriġinali. Il-livell li jelimina d-dannu stabbilit fir-Regolament
oriġinali kien aġġustat għall-inflazzjoni. Il-prezz
tal-esportazzjoni medju peżat tal-esportazzjonijiet mill-Indja u
mill-Indonesja ġie aġġustat għall-ispejjeż ta’ wara
l-importazzjoni u għall-aġġustamenti tal-kwalità stabbiliti
fl-investigazzjoni oriġinali għal importazzjonijiet mir-RPĊ.
Il-paragun wera prezzijiet tal-esportazzjoni konsiderevolment orħos
għal esportazzjonijiet mill-pajjiżi involuti lejn l-Unjoni.
Għaldaqstant ġie konkluż li l-effetti rimedjali tal-miżuri
fis-seħħ qed jiġu mminati wkoll kemm f’termini ta’ kwantitajiet
kif ukoll ta’ prezzijiet. 2.8 Evidenza ta’ dumping (39) Fl-aħħar nett, skont
l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk
kienx hemm evidenza ta’ dumping. (40) Fir-Regolament oriġinali,
il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet fil-Kanada, li
f’dik l-investigazzjoni nstab li kien pajjiż b’ekonomija tas-suq adegwata
li hija analoga għar-RPĊ. Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament
bażiku, intuża l-valur normali kif stabbilit fl-investigazzjoni
oriġinali. (41) Il-prezzijiet
tal-esportazzjoni mill-Indja u mill-Indoneżja kienu bbażati fuq
il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
Il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz medju tal-esportazzjoni ta’ ċerti
drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ minn kull
wieħed miż-żewġ pajjiżi kkonċernati matul il-PR
kif irrappurtat fil-COMEXT. L-esportazzjonijiet tal-kumpanija Indjana Montex ma
ġewx riflessi fl-istatistika minħabba l-klassifikazzjoni
ħażina tal-prodotti tagħhom (ara l-premessa 25 ta' hawn fuq), u
ma kinux użati għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping. (42) Biex jiġi żgurat
tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret
konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti
għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità
tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.
Għalhekk, saru aġġustamenti għal differenzi fit-trasport,
fl-assigurazzjoni, u fl-ispejjeż tal-imballaġġ. Minħabba li
d-dejta disponibbli ma ppermettietx li jiġi stabbilit il-livell ta'
aġġustamenti li għandu jkun hemm, l-aġġustamenti
kellhom jiġu stabbiliti abbażi tal-aħjar fatti disponibbli.
B'hekk, l-aġġustament għal dawn il-konċessjonijiet kien
ibbażat fuq perċentwal ikkalkulat bħala l-proporzjon
tal-ispejjeż totali tat-trasport, tal-assigurazzjoni u
tal-imballaġġ fuq il-valur tat-tranżazzjonijiet tal-bejgħ
fl-Unjoni b'termini ta' konsenja CIF, ipprovduti mill-produtturi esportaturi
Ċiniżi tal-investigazzjoni oriġinali li kkooperaw. (43) Skont l-Artikoli 2(11) u
2(12) tar-Regolament bażiku, id-dumping ġie kkalkulat billi tqabbel
il-valur normali medju peżat kif stabbilit fir-Regolament oriġinali u
l-prezzijiet medji peżati tal-esportazzjoni korrispondenti
taż-żewġ pajjiżi kkonċernati matul il-PR ta’ din
l-investigazzjoni, espress bħala perċentwal tal-prezz CIF f'dazju
mhux imħallas fil-fruntiera tal-Unjoni. (44) It-tqabbil bejn il-valur
normali medju peżat u l-prezzijiet medji peżati tal-esportazzjonijiet
kif stabbiliti wera dumping. 3. MIŻURI (45) Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn
fuq, ġie konkluż li d-dazju antidumping definittiv impost fuq
l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri
tal-ħġieġ li joriġinaw mir-RPĊ ġie evitat permezz
tat-trasbord li jseħħ fl-Indja u fl-Indoneżja, skont
l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. (46) Skont l-ewwel sentenza
tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri
fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat
għandhom jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-istess
prodott li iżda jiġu kkonsenjati mill-Indja u l-Indoneżja, sew
jekk ikun iddikjarat li joriġinaw mill-Indja u l-Indoneżja u sew jekk
le. (47) Il-miżuri li
għandhom jiġu estiżi għandhom ikunu dawk stabbiliti
fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 791/2011,
għall-"kumpaniji l-oħra kollha", jiġifieri dazju
antidumping definittiv ta’ 62,9 % applikabbli għall-prezz nett
ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju. (48) Skont l-Artikoli 13(3) u
14(5) tar-Regolament bażiku, li jistipula li kull miżura estiża
għandha tapplika għall-importazzjonijiet li jkunu daħlu
fl-Unjoni skont ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament li jagħti
bidu, għandhom jinġabru dazji fuq dawk l-importazzjonijiet
irreġistrati ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ
ikkunsinjati mill-Indja u mill-Indoneżja. 4. TALBIET GĦAL EŻENZJONI 4.1 L-Indja (49) Kif iddikjarat fil-premessa
(10), żewġ esportaturi produtturi ppreżentaw ruħhom wara li
nbdiet l-investigazzjoni, u ssottomettew tweġibiet għall-kwestjonarju
u talbu eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku –
Montex u Urja Products. (50) Kif ddikjarat
fil-premessa (11), instab li waħda miż-żewġ
kumpanniji, Urja Products ma tipproduċix il-prodott investigat.
L-eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku mhijiex
applikabbli għal din il-kumpanija. (51) Montex nstabet li ma kinitx
involuta fil-prattiki ta’ evażjoni li jaqgħu taħt din
l-investigazzjoni. Il-kumpanija uriet li hija produttur ġenwin li
l-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha taqbeż il-volum ta’
esportazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat lejn l-Unjoni.
Il-kumpanija ssottomettiet sett sħiħ ta’ dejta li ġie vverifikat
fuq il-post. Id-dejta vverifikata li għandha x'taqsam mat-twaqqif
tal-kumpanija, ix-xiri ta’ makkinarju, il-proċess tal-produzzjoni,
il-kapaċità, il-ħażniet, ix-xiri ta’ materja prima u
l-ispiża tal-produzzjoni jsostnu il-konklużjoni. Barra minn hekk, dan
il-produttur seta' juri li mhuwa relatat mal-ebda produttur/esportatur
Ċiniż soġġett għall-miżuri eżistenti jew ma'
kumpaniji involuti fi prattiki ta’ evażjoni. Għalhekk, din
il-kumpannija setgħet tingħata eżenzjoni mill-miżuri
estiżi. 4.2 L-Indoneżja (52) Kif iddikjarat
fil-premessa (10), l-ebda produttur esportatur fl-Indoneżja ma ressaq
talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament
bażiku. L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda produttur ġenwin
tal-prodott investigat, fl-Indoneżja. 4.3 Parteċipanti ġodda (53) Il-produtturi fl-Indja u
fl-Indoneżja li ma pparteċipawx f’din l-investigazzjoni u/jew ma
esportawx il-prodott investigat lejn l-Unjoni fil-PR, jistgħu jitolbu
eżenzjoni mid-dazju antidumping estiż skont l-Artikoli 11(3),
11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku. Huma se jintalbu jimlew kwestjonarju
sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi jekk hemmx lok għal din
l-eżenzjoni. Din l-eżenzjoni tista’ tingħata wara l-valutazzjoni
tal-qagħda tas-suq għall-prodott ikkonċernat, il-kapaċità
ta’ produzzjoni u l-użu tal-kapaċità, l-akkwist u l-bejgħ, u
l-probabbiltà li l-prattiki li għalihom ma hemmx raġuni valida
jitkomplew, jew minħabba ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti u
l-evidenza ta’ dumping. Il-Kummissjoni normalment twettaq ukoll żjara ta’
verifika fuq il-post. It-talba għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni,
bl-informazzjoni kollha rilevanti, b'mod partikolari kull modifika fl-attivitajiet
tal-kumpanija li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ. (54) Meta eżenzjoni tkun
ġustifikata, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,
tipproponi l-emenda tal-miżuri estiżi fis-seħħ skont dan.
Sussegwentement, kull eżenzjoni mogħtija se tkun immonitorjata sabiex
l-osservanza tal-kundizzjonijiet tiġi żgurata. 5. DIVULGAZZJONI (55) Il-partijiet kollha
interessati ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali
li wasslu għall-konklużjonijiet imsemmija, u ġew mistiedna biex
jikkummentaw. Kienu kkunsidrati l-kummenti bil-fomm u bil-miktub li tressqu
mill-partijiet. L-ebda wieħed mill-argumenti ppreżentati ma ta lok
biex is-sejbiet definittivi jiġu mmodifikati, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 1. Id-dazju antidumping definittiv applikabbli
għall-"kumpaniji l-oħrajn kollha" impost permezz
tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 791/2011 fuq
importazzjonijiet ta' drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri
tal-ħġieġ, ta’ daqs taċ-ċellula ta’ iktar minn
1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa' u li jiżnu aktar minn
35 g/m2, esklużi d-diski tal-ħġieġ
tal-fibra, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huwa
b'dan estiż għall-importazzjonijiet ta' drappijiet b'malja
miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ta' daqs taċ-ċellula
ta’ iktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa' u li jiżnu
aktar minn 35 g/m2, esklużi diski tal-ħġieġ
tal-fibra, ikkunsinjati mill-Indja u l-Indoneżja, sew jekk iddikjarati
bħala li joriġinaw mill-Indja u l-Indoneżja u sew jekk le, u li
bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM
ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00 (il-kodiċijiet
TARIC 7019 51 00 14, 7019 51 00 15,
7019 59 00 14 u 7019 59 00 15),
bl-eċċezzjoni ta' dawk prodotti minn Montex Glass Fibre Industries
Pvt.Ltd. (Il-kodiċi TARIC B942 addizzjonali). 2. L-applikazzjoni tal-eżenzjoni
mogħtija lil Montex Glass Fibre Industries Pvt. Ltd. sseћћ
bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata fattura kummerċjali valida
lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li tkun konformi
mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II ta' dan ir-Regolament. Jekk din
il-fattura ma tiġix ippreżentata, jiġi applikat id-dazju
antidumping kif stipulat mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. 3. Id-dazju estiż permezz
tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jinġabar
għall-importazzjonijiet ikkunsinjati mill-Indja u l-Indoneżja, kemm
jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja u l-Indoneżja kif ukoll jekk
le, irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru
322/2013 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (KE)
Nru 1225/2009. 4. Sakemm ma jkunx speċifikat mod
ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar
id-dazji doganali. Artikolu 2 1. It-talbiet għal eżenzjoni
mid-dazju estiż skont l-Artikolu 1, isiru bil-miktub f’waħda
mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jkunu ffirmati minn
persuna awtorizzata li tirrappreżenta lill-entità li qed titlob
l-eżenzjoni. It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej: European
Commission
Directorate-General for Trade
Directorate H
Office: N-105 8/20
1049 Brussels Belgium
Faks (32 2) 295 65 05 2. F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament
(KE) Nru 1225/2009, il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta mal-Kumitat
Konsultattiv, tawtorizza b'deċiżjoni li l-importazzjonijiet minn
kumpaniji li ma jevadux il-miżuri tal-antidumping imposti
mir-Regolament (UE) Nru 791/2011 jiġu eżentati mid-dazju
estiż, permezz tal-Artikolu 1. Artikolu 3 L-awtoritajiet doganali huma b'dan mitluba
jwaqqfu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbiliti skont
l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 322/2013. Artikolu 4 Dan ir-Regolament jidħol
fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament jorbot fl-intier
tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L188, 18.7.2009, p.93. [2] ĠU L204, 9.8.2011, p.1. [3] Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE)
Nru 672/2012 tas-16 ta’ Lulju 2012, ĠU L196
tal-24 ta’ Lulju 2012, p.1. [4] Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE)
Nru 21/2013 tal-10 ta’ Jannar 2013, ĠU L11
tas-16 ta’ Jannar 2013, p.1. [5] ĠU L101, 10.4.2013, p.1. [6] ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51. [7] ĠU L 204, 9.8.2011, p. 1. [8] ĠU L196, 24.7. 2012, p.1. [9] ĠU L11, 16.1. 2013, p.1. [10] ĠU L 101, 10.4.2013, p. 1. [11] Comext hija bażi tad-dejta ġestita mill-Eurostat
li tħaddan statistika dwar il-kummerċ barrani. [12] Il-Global Trade Information Services huma statistika
kummerċjali minn fornitur kummerċjali li għandu bażi
tad-dejta kummerċjali. [13] Il-volum f'Comext huwa muri f'tunnellati metriċi li
huma maqluba għal metri kwadri skont ir-rati ta' konverżjoni
tal-Industija tal-Unjoni; jiġifieri għan-NM 70195100: 1 m² =
0,05 kg, għan-NM 70195900: 1 m² = 0,14 kg. [14] ĠU L 43, 17.2.2011, p. 9. [15] ĠU L 204, 9.8.2011, p. 1.