Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Polonja biex tintroduċi miżuri ta' deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud /* COM/2013/0831 final - 2013/0411 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Ir-raġunijiet għall-proposta u
l-objettivi tagħha Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 395
tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar
is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, il-Kunsill, li
jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil
kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali ta' deroga
mid-Direttiva sabiex jissimplifika l-proċedura ta' ħlas tat-taxxa jew
biex jipprevjeni ċertu tip ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa. Permezz tal-ittra rreġistrata
mal-Kummissjoni fit-18 ta' Ġunju 2013, il-Polonja talbet li
tingħata l-awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżuri ta' deroga
mill-ewwel paragrafu tal-punt (a) tal-Artikolu 26 u mill-Artikolu 168
tad-Direttiva 2006/112/KE, sabiex tillimita għal 50 % id-dritt ta'
tnaqqis fir-rigward tax-xiri, il-kiri jew il-lokazzjoni ta' ċerti tipi ta'
vetturi bil-mutur li mhumiex esklużivament użati għal skopijiet
ta' negozju u x-xiri ta' merkanzija u ta' servizzi relatati ma' dawk
il-vetturi, inkluż ix-xiri ta' fjuwil. B’konformità mat-tieni paragrafu
tal-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat
lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra datata
l-10 ta’ Ottubru 2013 bit-talba li għamlet il-Polonja.
Permezz ta’ ittra datata l-14 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni
nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa
biex tqis it-talba. Kuntest Ġenerali L-Artikolu 168
tad-Direttiva 2006/112/KE jistipula li persuna taxxabbli hija intitolata li
tnaqqas il-VAT imposta fuq dak li tkun xtrat għall-iskop
tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha. Il-paragrafu 1
tal-punt (a) tal-Artikolu 26 ta' din id-Direttiva, jistipula li
sabiex ix-xiri ta' merkanzija jkun eliġibbli għal tnaqqis tal-VAT,
l-użu ta' tali merkanzija, li tifforma parti mill-assi ta' negozju mhux
għal skopijiet ta' negozju, irid jikkostitwixxi provvista ta' servizzi bi
ħlas. Fil-każ ta' vetturi bil-mutur, jista'
jkun diffiċli li tiġi applikata din is-sistema għal diversi
raġunijiet, notevolment minħabba li mhux faċli li ssir
distinzjoni ċara bejn l-użu ta' negozju u dak mhux ta' negozju. Meta
jinżamm reġistru, jiżdied piż żejjed fuq in-negozju
kif ukoll fuq l-amministrazzjoni, minħabba ż-żamma u l-verifika
tiegħu. Minħabba l-għadd ta' vetturi kkonċernati,
saħansitra l-evażjoni individwali fuq skala żgħira hija
kapaċi tilħaq somom sinifikanti. Bħala alternattiva għas-sistema
stipulata fid-Direttiva, il-Polonja talbet li tingħata l-awtorizzazzjoni
biex tillimita t-tnaqqis inizjali għal perċentwali stabbilita, u
konsegwentement teħles lin-negozji mill-obbligu li jiddikjaraw il-VAT
marbuta mal-użu privat. Il-vantaġġ ta' dan huwa li s-sistema
tiġi ssimplifikata għal dawk kollha li jkunu kkonċernati,
filwaqt li jiġi żgurat li tinġabar perċentwali tat-taxxa,
li altrimenti kienet tiġi evaża. Il-limitu fil-perċentwali mitlub
mill-Polonja huwa ta' 50 %. Din iċ-ċifra hija bbażata fuq
il-valutazzjoni li għamlet il-Polonja stess u, skont il-kundizzjonijiet
tal-proposta, għandha tiġi eżaminata mill-ġdid fuq
kwalunkwe talba tal-Polonja għal estensjoni li tmur lil hinn mill-2016. Abbażi tad-Deċiżjoni ta'
Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 2010/581/UE[1], bħalissa
l-Polonja hija awtorizzata tillimita għal 60 % id-dritt
għat-tnaqqis tal-VAT dovuta fuq ix-xiri, l-akkwist intra-Komunitarju,
l-importazzjonijiet u l-kiri jew il-lokazzjoni ta' ċerti vetturi bil-mutur
minbarra l-karozzi tal-passiġġieri, sa ammont massimu ta'
PLN 6 000. Din id-Deċiżjoni tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2013. Il-limitu l-ġdid għad-dritt
għat-tnaqqis tal-VAT se jibda japplika
mill-1 ta' Jannar 2014 għall-vetturi bil-mutur użati
minn persuni taxxabbli għal skopijiet li mhumiex esklużivament ta'
negozju. Madankollu, ċerti tipi ta’ vetturi bil-mutur jkunu esklużi
minn dan il-limitu u għalhekk ikunu soġġetti għar-regoli
normali, jiġifieri kwalunkwe vettura b’iktar minn 9 postijiet
(inkluż dak tas-sewwieq) u b’piż massimu totali li jaqbeż
it-3 500 kilogramma. Dawn il-kundizzjonijiet prinċipalment jillimitaw
il-kamp ta' applikazzjoni għal karozzi tal-passiġġieri,
vannijiet, pick-ups u muturi. Dan il-limitu japplika wkoll għall-VAT
imposta fuq kwalunkwe nefqa, inkluż ix-xiri ta' fjuwil, relatata
mal-vetturi bil-mutur u li hija koperta minn din il-miżura speċjali,
sakemm din in-nefqa ma tkunx totalment relatata man-negozju tal-persuni
taxxabbli, kif inhuwa l-każ pereżempju tal-istallazzjoni
tat-tassimetri. Normalment, id-derogi jingħataw għal
żmien limitat bil-għan li jiġi vvalutat jekk il-miżura
speċjali tkunx xierqa u effikaċi. Għaldaqstant, kwalunkwe estensjoni
għandha tkun limitata fiż-żmien sabiex jiġi vvalutat jekk
il-kundizzjonijiet, li fuqhom tkun imsejsa d-deroga, ikunux għadhom
validi. Il-Polonja talbet l-awtorizzazzjoni li tibqa' tapplika l-miżura
speċjali, soġġetta għal din il-proposta, sal-31 ta' Diċembru 2018.
Madankollu l-prassi komuni hija li
f’każijiet simili jingħata perjodu ta’ tliet snin (ara pereż.
id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/232/UE[2] u 2013/191/UE[3]). Għalhekk, qed
jiġi propost li din id-deċiżjoni tiskadi sal-aħħar
tas-sena 2016 u li l-Polonja tintalab tippreżenta rapport
sal-1 ta’ April 2016 li jinkludi rieżami tal-limitu
tal-perċentwali applikat f'każ li jkun hemm il-ħsieb li
tingħata estensjoni ulterjuri wara l-2016. Id-dispożizzjonijiet eżistenti
fil-qasam tal-proposta L-Artikolu 176
tad-Direttiva 2006/112/KE jistipula li l-Kunsill jiddetermina n-nefqa li
ma tagħtix lok għad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT. Sakemm dan
iseħħ, l-Istati Membri huma awtorizzati li jkomplu japplikaw l-esklużjonijiet
li kienu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1979.
Għaldaqstant, hemm għadd ta' dispożizzjonijiet ta' "status
quo" li jillimitaw id-dritt għat-tnaqqis marbut mal-vetturi
bil-mutur. Fl-2004, il-Kummissjoni għamlet proposta
biex - inter alia - tistabbilixxi regoli li abbażi tagħhom
kategoriji tan-nefqa jkunu jistgħu jkunu soġġetti għal
limitu fuq id-dritt għat-tnaqqis (COM(2004) 728 final[4]). Il-Kunsill għadu
ma laħaqx ftehim dwar din il-proposta. Konsistenza
ma’ politiki u objettivi oħra tal-Unjoni Mhux applikabbli. 2. IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET
MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT Il-Konsultazzjoni mal-partijiet
interessati Mhux rilevanti. Il-ġbir u l-użu ta'
għarfien espert Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien
espert estern. Il-valutazzjoni tal-impatt Il-proposta hija mfassla biex
tiġġieled kontra l-evażjoni tal-VAT u biex tissimplifika
l-proċedura tal-impożizzjoni tat-taxxa, u għaldaqstant
għandha impatt potenzjalment pożittiv fuq in-negozji kif ukoll fuq
l-amministrazzjonijiet. Il-Polonja identifikat din il-miżura bħala
adegwata, u hija komparabbli għal derogi oħrajn tal-imgħoddi u
ta’ llum. 3. L-ELEMENTI
ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA Sommarju tal-azzjoni proposta Il-proposta għandha l-għan li
tawtorizza lill-Polonja tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 168
tad-Direttiva 2006/112/KE, sabiex tillimita d-dritt ta' persuna taxxabbli
li tnaqqas il-VAT imposta fuq ix-xiri, il-kiri jew il-lokazzjoni ta' ċerti
vetturi tat-triq motorizzati u fuq in-nefqa marbuta magħhom, meta
l-vetturi inkwistjoni ma jkunux esklużivament użati għal
skopijiet ta' negozju u n-nefqa ma tkunx relatata totalment man-negozju
tal-persuna taxxabbli. Meta d-dritt għat-tnaqqis jiġi limitat,
id-deroga mill-punt (a) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 26
tad-Direttiva 2006/112/KE, se teħles lill-persuna taxxabbli mill-obbligu
li tiddikjara t-taxxa fuq l-użu mhux għan-negozju tal-vettura
inkwistjoni. Il-miżura hija ristretta għall-vetturi li għandhom
ċertu għadd massimu ta' postijiet u li għandhom ċertu
piż totali. Ir-restrizzjoni hija stipulata b’rata fissa
ta’ 50 %. Din ir-rata u l-ħtieġa għall-miżuri ta’
deroga għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid mill-Polonja u
għandha tagħmel rapport dwarhom fi kwalunkwe talba għal
estensjoni. Id-Deċiżjoni se tibqa' tapplika sad-data speċifikata
fid-Deċiżjoni jew sad-data meta daħlu fis-seħħ
r-regoli tal-Unjoni li jirregolaw il-limiti fuq id-dritt għat-tnaqqis
f'dan il-qasam, skont liema waħda minnhom tiġi l-ewwel. Il-bażi ġuridika L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill
2006/112/KE. Il-prinċipju ta' sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza
esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju ta'
sussidjarjetà ma japplikax. Il-prinċipju ta' proporzjonalità Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipju
ta' proporzjonalità minħabba li din id-Deċiżjoni
tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq it-talba
tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu. Jekk wieħed iqis l-firxa limitata
tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan
mixtieq. L-għażla tal-istrumenti L-istrument li qed jiġi propost:
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. Mezzi oħra ma jkunux adattati
għar-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin: Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva
tal-Kunsill 2006/112/KE, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli
biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jkun qiegħed jaġixxi b'mod
unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni. L-aktar strument xieraq huwa
Deċiżjoni ta' Implementazzjoni tal-Kunsill peress li din tista'
tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali. 4. L-IMPLIKAZZJONI
BAĠITARJA Il-proposta mhux se jkollha impatt negattiv
fuq ir-riżorzi proprji tal-Unjoni Ewropea li jakkumulaw mill-VAT. 5. L-ELEMENTI FAKULTATTIVI Il-proposta tinkludi klawżola ta’
rieżami u klawżola ta' estinzjoni. 2013/0411 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI
TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Polonja biex
tintroduċi miżuri ta' deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168
tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur
miżjud IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill
2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta'
taxxa fuq il-valur miżjud[5],
u b’mod partikolari l-Artikolu 395 tagħha, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Permezz tal-ittra
rreġistrata mal-Kummissjoni fit-18 ta' Ġunju 2013,
il-Polonja talbet li tingħata l-awtorizzazzjoni biex tintroduċi
miżuri speċjali li jirrigwardaw ċerti vetturi tat-triq
motorizzati u n-nefqa marbuta magħhom, bħala deroga
mid-dispożizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw
id-dritt ta’ persuna taxxabbli li tnaqqas il-VAT imħallsa fuq ix-xiri ta’
merkanzija u servizzi u mid-dispożizzjonijiet li jirrikjedu li ssir
id-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq l-assi ta' negozju li ma jintużawx
għal skopijiet ta' negozju. (2) F’konformità mat-tieni
subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 395 tad-Direttiva
2006/112/KE, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba
li għamlet il-Polonja permezz ta' ittra ddatata
l-10 ta’ Ottubru 2013. Permezz ta’ ittra ddatata
l-14 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li
kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba
tagħha. (3) L-Artikolu 168
tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxi d-dritt ta' persuna taxxabbli li
tnaqqas il-VAT imposta fuq il-provvisti ta' merkanzija u servizzi li tkun
irċeviet għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli
tagħha. Il-punt (a) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 26 ta’ din
id-Direttiva fih rekwiżit li tiġi ddikjarata l-VAT meta xi assi ta’
negozju jintuża għal skopijiet privati tal-persuna taxxabbli jew
tal-persunal tagħha jew, b’mod iktar ġenerali, jintuża għal
skopijiet mhux marbuta man-negozju tagħha. (4) Il-miżura mitluba
min-naħa tal-Polonja, tiddevja minn dawn id-dispożizzjonijiet sabiex
jiġi limitat id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT imposta fuq ix-xiri,
il-kiri jew il-lokazzjoni ta' ċerti vetturi tat-triq motorizzati u fuq
in-nefqa marbuta magħhom u biex il-persuna taxxabbli teħles
mill-obbligu li tiddikjara l-VAT fuq l-użu mhux għan-negozju
tal-vetturi koperti minn dan il-limitu. (5) Huwa diffiċli li
jiġi identifikat preċiżament l-użu mhux għan-negozju
tal-vetturi bil-mutur, u anki meta dan ikun possibbli, il-mekkaniżmu
meħtieġ spiss joħloq piż kbir. Skont il-miżuri
mitluba, l-ammont ta' VAT fuq in-nefqa eliġibbli għat-tnaqqis
fir-rigward tal-vetturi bil-mutur, li ma jintużawx esklużivament
għal skopijiet ta' negozju, għandu jkun stabbilit b'rata
perċentwali fissa, b'xi ftit eċċezzjonijiet. Abbażi
tal-informazzjoni disponibbli bħalissa, il-Polonja temmen li rata ta'
50 % hija ġustifikabbli. Fl-istess ħin, sabiex tkun evitata
t-taxxa doppja, għandu jiġi sospiż ir-rekwiżit li tiġi
ddikjarata l-VAT imposta fuq l-użu mhux għan-negozju ta' vettura
bil-mutur, meta din tkun soġġetta għal dan il-limitu. Dawn
il-miżuri jistgħu jkunu ġġustifikati mill-ħtieġa
li tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-impożizzjoni
tal-VAT u li tiġi evitata l-evażjoni tat-taxxa permezz ta' żamma
skorretta ta' rekords u dikjarazzjonijiet foloz tat-taxxa. (6) Il-limitu tad-dritt
għat-tnaqqis skont il-miżuri speċjali għandha tapplika
għall-VAT imħallsa fuq ix-xiri, l-akkwist intra-Komunitarju,
l-importazzjoni, il-kiri jew il-lokazzjoni ta' vetturi tat-triq motorizzati
speċifikati u fuq in-nefqa marbuta magħhom, inkluż ix-xiri ta'
fjuwil. (7) Ċerti tipi ta’ vetturi
bil-mutur għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni
tal-miżuri speċjali, peress li, minħabba n-natura tagħhom
jew it-tip ta' negozju li għalih jintużaw, kwalunkwe użu mhux għan-negozju
jitqies negliġibbli. Għaldaqstant, il-miżuri speċjali ma
għandhomx japplikaw għall-vetturi b'iktar minn 9 postijiet
(inkluż dak tas-sewwieq) u b’piż massimu totali li jaqbeż
it-3 500 kilogramma. Barra minn hekk, il-limitu tad-dritt
għat-tnaqqis ma japplikax għall-VAT imposta fuq kwalunkwe nefqa li
hija kompletament relatata man-negozju tal-persuna taxxabbli. (8) Jaqbel illi dawn
il-miżuri ta' deroga jkollhom limitu ta' żmien sabiex ikun possibbli
li ssir evalwazzjoni tal-effikaċja tagħhom u tal-perċentwali
adattati, peress li l-perċentwali proposta hija msejsa fuq is-sejbiet
inizjali dwar l-użu marbut man-negozju. (9) F'każ li l-Polonja tqis
li jkun hemm bżonn ta' estensjoni ulterjuri tal-miżuri ta' deroga lil
hinn mill-2016, hija għandha tippreżenta, flimkien mat-talba
għall-estensjoni, rapport lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni
tal-miżuri inkwistjoni li jkun jinkludi rieżami tal-perċentwali
applikata, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2016. (10) Fid-29 ta’ Ottubru 2004,
il-Kummissjoni adottat proposta[6]
għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE, issa
d-Direttiva 2006/112/KE, li tinkludi l-armonizzazzjoni tal-kategoriji ta’
spejjeż li għalihom jistgħu japplikaw l-esklużjonijiet
mid-dritt għat-tnaqqis. Skont dik il-proposta, l-esklużjonijiet
mid-dritt għat-tnaqqis jistgħu jiġu applikati għall-vetturi
tat-triq motorizzati. Il-miżuri ta’ deroga previsti f’din
id-Deċiżjoni għandhom jiskadu fid-data tad-dħul
fis-seħħ ta’ tali Direttiva emendatorja, jekk din id-data tiġi
qabel id-data ta’ skadenza prevista f’din id-Deċiżjoni. (11) Id-deroga se jkollha biss
effett negliġibbli fuq l-ammont globali ta’ taxxa miġbur fl-istadju
tal-konsum finali u mhux se jkollha effetti negattivi fuq ir-riżorsi
proprji tal-Unjoni Ewropea li jakkumulaw mill-VAT, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 B'deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva
2006/112/KE, il-Polonja qed tingħata l-awtorizzazzjoni biex tillimita sa
50 % id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT imposta fuq ix-xiri, l-akkwist
intra-Komunitarju, l-importazzjoni, il-kiri jew il-lokazzjoni ta' vetturi
tat-triq motorizzati kif ukoll fuq in-nefqa marbuta magħhom, meta dawn
il-vetturi ma jintużawx kompletament għal skopijiet ta' negozju. Il-limitu stabbilit fl-ewwel subparagrafu ma
japplikax għall-vetturi bil-mutur li jkollhom piż massimu totali li
jaqbeż it-3 500 kilogramma jew li jkollhom iktar minn disa’
postijiet, inkluż dak tas-sewwieq. Il-limitu stabbilit fl-ewwel subparagrafu ma
japplikax għall-VAT imposta fuq kwalunkwe nefqa li hija kompletament
relatata man-negozju tal-persuna taxxabbli. Artikolu 2 B'deroga mill-punt (a)
tal-paragrafu 1 tal-Artikolu (26) tad-Direttiva 2006/112/KE,
il-Polonja hija awtorizzata ma tqisx bħala provvista ta' servizzi bi
ħlas, l-użu privat minn persuna taxxabbli jew mill-persunal tagħha
jew b'mod aktar ġenerali l-użu għal skopijiet mhux marbuta
man-negozju tagħha, ta' vettura li għaliha japplika l-limitu msemmi
fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni. Artikolu 3 1. Din id-Deċiżjoni ssir effettiva
fil-jum tan-notifika tagħha. Din id-Deċiżjoni tibda tapplika
mill-1 ta’ Jannar 2014. Din id-Deċiżjoni tiskadi
fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regoli tal-Unjoni li
jiddeterminaw in-nefqa marbuta mal-vetturi tat-triq motorizzati li ma tkunx
eliġibbli għal tnaqqis sħiħ tal-VAT, jew
fil-31 ta' Diċembru 2016, skont liema data minnhom
tiġi l-ewwel. 2. Kwalunkwe talba għal estensjoni
tal-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni trid titressaq quddiem
il-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta' April 2016. Talba
bħal din għandha tiġi akkumpanjata minn rapport li jkun jinkludi
rieżami tal-limitu tal-perċentwali applikat fuq id-dritt
għat-tnaqqis tal-VAT abbażi ta’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata
lir-Repubblika tal-Polonja. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill
tas- 27 ta’ Settembru 2010 li tawtorizza lir-Repubblika
tal-Polonja biex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga
mill-Artikolu 26(1)(a) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar
is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 256,
30.9.2010, p. 24 [2] Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill
tas- 26 ta' April 2012 li tawtorizza lir-Rumanija biex tapplika
miżuri ta' deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u l-Artikolu 168
tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur
miżjud, ĠU L 117, 1.5.2012, p. 7 [3] Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill
tat-22 ta’ April 2013 li tawtorizza lil-Latvja biex
iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a)
tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE
dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 113,
25.4.2013, p. 11 [4] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/site/en/com/2004/com2004_0728en01.pdf [5] ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1. [6] COM(2004) 728 final (ĠU C 24, 29.1.2005,
p. 10)