52013PC0776

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċerti prodotti agrikoli u industrijali u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1344/2011 /* COM/2013/0776 final - 2013/0384 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-Kummissjoni tipproponi regolament ġdid ta’ bażi dwar is-sospensjonijiet tariffarji awtonomi. Dan sar neċessarju minħabba li r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1344/2011 tad-19 ta’ Diċembru 2011 ġie emendat erba’ darbiet u l-prodotti tas-sajd ma baqgħux koperti b'dak ir-Regolament. Għaldaqstant, fl-interess tat-trasparenza, qed jiġi propost li jitħassar dan ir-Regolament u jiġi sostitwit bil-proposta attwali.

Il-produzzjoni fl-Unjoni tal-prodotti speċifikati f’dan ir-Regolament ma teżistix jew hija inadegwata u, għaldaqstant, jekk l-intrapriżi jitħallew jiksbu provvisti b'kost aktar baxx għal ċertu perjodu, ikun possibbli li l-attività ekonomika tiġi stimulata fl-Unjoni, sabiex tittejjeb il-kapaċità kompetittiva ta’ dawn l-intrapriżi u, b’mod partikolari, biex dawn tal-aħħar iżommu jew joħolqu l-impjiegi, jimmodernizzaw l-istrutturi tagħhom eċċ.

F'dan il-kuntest, għandu jiġi indikat li l-oġġetti importati skont l-arranġamenti dwar is-sospensjoni tariffarja jgawdu minn libertà ta' moviment fl-Unjoni kollha; għalhekk, ladarba tingħata sospensjoni tariffarja, kwalunkwe operatur fi kwalunkwe Stat Membru jkun eliġibbli li jibbenefika minnha.

Billi s-sospensjonijiet tariffarji awtonomi jikkostitwixxu eċċezzjoni għar-regola ġenerali rrappreżentata mit-Tariffa Doganali Komuni, iridu, bħal kull deroga oħra, ikunu ssorveljati u eżaminati mill-ġdid sistematikament fuq bażi regolari (mill-inqas kull ħames snin). Dan ma għandux jeskludi t-terminazzjoni aktar bikrija ta’ ċerti miżuri jekk ma jkunx aktar fl-interess tal-Unjoni li żżomm is-sospensjoni tad-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni, jew għax l-iżviluppi tekniċi tal-prodott u x-xejriet ekonomiċi fis-suq jiġġustifikawha, jew għax iċ-ċirkustanzi nbidlu. Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra, fuq il-bażi tar-rieżami, li sospensjoni għal ċertu prodott għandha tinbidel jew tiġi terminata, hi tissottometti proposta lill-Kunsill biex jemenda l-lista stabbilita fl-Anness I kif meħtieġ.

L-Anness 1 tal-proposta mehmuża fih prodotti li d-dazji tagħhom diġà ġew sospiżi skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1344/2011 kif emendat l-aħħar bir-Regolament (UE) Nru 626/2013, kif ukoll għadd ta' prodotti agrikoli u industrijali li ġew eżaminati mill-ġdid wara din l-aħħar emenda.

Għalhekk tqies li huwa meħtieġ li jiġi stipulat li mhux biss il-piż f’kilogrammi jew tunnellati iżda wkoll l-unitajiet supplimentari rilevanti għall-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti jiddaħħlu fid-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa. Għalhekk, l-Anness II tal-proposta mehmuża fih il-lista tal-kodiċijiet tal-prodotti bl-unitajiet supplimentari korrispondenti.

Il-Kummissjoni, megħjuna mill-Grupp dwar il-Kwistjonijiet ta' Ekonomija Tariffarja (Economic Tariff Questions Group - ETQG), eżaminat mill-ġdid it-talbiet ġodda kollha ppreżentati mill-Istati Membri għal sospensjoni temporanja tad-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni. Dawn it-talbiet ġodda għal sospensjoni ġew eżaminati fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward is-sospensjonijiet u l-kwoti tariffarji awtonomi (ara ĠU C 363, 13.12.2011, p. 6).

Il-proposta hija konformi mal-politiki tal-kummerċ, tal-intrapriżi, tal-iżvilupp u tar-relazzjonijiet esterni. B'mod speċjali, din il-proposta mhijiex se tkun ta' żvantaġġ għall-pajjiżi li qegħdin jibbenefikaw minn ftehim ta' kummerċ preferenzjali mal-UE (pereżempju l-SPĠ, ir-reġim tal-AKP, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali).

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Ġie kkonsultat l-ETQG li fih huma rappreżentati l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha. Is-sospensjonijiet kollha elenkati jikkorrispondu għal ftehimiet jew kompromessi milħuqa fid-diskussjonijiet tal-grupp.

Ma ssemmewx riskji potenzjalment serji b’konsegwenzi rriversibbli.

Din il-proposta ġiet soġġetta għal proċedura ta’ konsultazzjoni bejn is-servizzi u se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tagħha mill-Kunsill.

3.           L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Il-bażi ġuridika ta’ din il-Proposta għal Regolament hija l-Artikolu 31 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-propozjonalità għax dawn l-għadd ta’ miżuri huma konformi mal-prinċipji stipulati għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-operaturi involuti f'kummerċ barrani u skont il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward is-sospensjonijiet u l-kwoti tariffarji awtonomi (ĠU C 363, 13.12.2011, p. 6).

Bis-saħħa tal-Artikolu 31 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, is-sospensjonijiet u l-kwoti tariffarji awtonomi huma approvati mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq il-bażi ta' proposta tal-Kummissjoni, għaldaqstant regolament huwa l-istrument xieraq.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Id-dazji doganali li ma nġabrux jammontaw għal madwar EUR 86 miljun fis-sena. L-effett fuq ir-riżorsi proprji tradizzjonali tal-baġit huwa telf ta’ EUR 64,5 miljun fis-sena (75 % x EUR 86 miljun fis-sena).

2013/0384 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċerti prodotti agrikoli u industrijali u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1344/2011

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Il-produzzjoni fl-Unjoni tal-prodotti agrikoli u industrijali speċifikati fl-Anness I attwalment mhijiex adegwata jew hija ineżistenti, u għalhekk, il-ħtiġijiet tal-industriji utenti fl-Unjoni ma jistgħux jiġu ssodisfati.

(2)       Għaldaqstant huwa fl-interess tal-Unjoni li tissospendi b'mod parzjali jew totali d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni għal dawk il-prodotti.

(3)       Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1344/2011[1] ġie emendat bosta drabi. Barra minn hekk, fl-emenda mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1220/2012[2], il-prodotti tas-sajd tneħħew mill-kamp ta' applikazzjoni. Fl-interess tat-trasparenza, għandu għalhekk jiġi sostitwit fl-intier tiegħu.

(4)       Ir-Regolamenti li jissospendu d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċerti prodotti industrijali u agrikoli ġeddew fil-biċċa l-kbira l-miżuri preċedenti. Għalhekk, fl-interess tar-razzjonalizzazzjoni tal-implimentazjoni tal-miżuri kkonċernati, huwa xieraq li ma jkunx limitat il-perjodu tal-validità ta’ dan ir-Regolament billi l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu jista' jiġi adattat u l-prodotti jistgħu jiżdiedu jew jitneħħew mill-Anness ta’ dan ir-Regolament permezz ta’ regolament tal-Kunsill.

(5)       Fid-dawl tan-natura temporanja tagħhom, is-sospensjonijiet elenkati fl-Anness 1 ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid b'mod sistematiku, mhux aktar tard minn ħames snin wara l-applikazzjoni jew it-tiġdid tagħhom. Barra minn hekk, l-għeluq ta’ ċerti sospensjonijiet għandu jiġi awtorizzat fi kwalunkwe waqt, bħala riżultat ta’ proposta tal-Kummissjoni fuq il-bażi ta' rieżami mwettaq fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, jekk is-sospensjonijiet ma jkunx għadhom fl-interess tal-Unjoni li jinżammu jew minħabba żviluppi tekniċi tal-prodott jew minħabba li jkunu nbidlu ċ-ċirkostanzi jew minħabba x-xejriet ekonomiċi fis-suq.

(6)       L-istatistika għal ċerti prodotti elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament ta' spiss hija espressa f'biċċiet, metri kwadri (m2) jew unitajiet ta' kejl għajr il-piż. Madankollu, ma hemm l-ebda unitajiet supplimentari bħal dawn fin-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87[3]. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi stipulat li mhux biss il-piż f’kilogrammi jew tunnellati iżda wkoll l-unitajiet supplimentari rilevanti għall-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati jiddaħħlu fid-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa.

(7)       Billi huwa neċessarju li s-sospensjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament ikollhom effett mill-1 ta’ Jannar 2014, dan ir-Regolament għandu japplika mill-istess data u jidħol fis-seħħ minnufih mal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(8)       Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità u sabiex jintlaħqu l-għanijiet bażiċi, huwa meħtieġ u xieraq li tittejjeb il-kapaċità kompetittiva tal-industrija tal-Unjoni b'tali mod li l-industrija tkun tista' żżomm jew toħloq l-impjiegi u timmodernizza l-istrutturi tagħha, sabiex jiġu stabbiliti regoli dwar is-sospensjoni tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni għall-prodotti msemmija fl-Anness I. Skont l-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni għall-prodotti agrikoli u industrijali elenkati fl-Anness I jiġu sospiżi.

Artikolu 2

1. Il-Kummissjoni tista' f'kull waqt teżamina mill-ġdid is-sospensjonijiet għall-prodotti elenkati fl-Anness fil-każijiet li ġejjin:

(a) fuq inizjattiva tagħha;

(b) fuq talba mill-Istati Membri.

2. Il-Kummissjoni teżamina mill-ġdid is-sospensjonijiet fis-sena stabbilita fl-Anness I.

Artikolu 3

Meta dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa hija ppreżentata, fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM jew il-kodiċijiet TARIC elenkati fl-Anness II, l-unità supplimentari mogħtija f’dak l-Anness titniżżel fil-qasam rilevanti ta’ dik id-dikjarazzjoni.

Artikolu 4

Ir-Regolament (UE) Nru 1344/2011 huwa mħassar.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦALL-PROPOSTI LI GĦANDHOM IMPATT BAĠITARJU ESKLUŻIVAMENT LIMITAT GĦAD-DĦUL

1.           ISEM IL-PROPOSTA:

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċerti prodotti agrikoli u industrijali

2.           LINJI BAĠITARJI:

Kapitolu u Artikolu: Kapitolu 12, Artikolu 120

Ammont ibbaġitjat għas-sena 2014: EUR 18 086 400 000 (DB 2014)

3.           IMPATT FINANZJARJU:

¨      Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja.

X       Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul; l-effett huwa kif ġej:

Linja baġitarja || Dħul[4] || || [Sena: 2014 – 2018]

Artikolu 120 || L-impatt fuq ir-riżorsi proprji || || - 64 500 000 (fis-sena)

4.           MIŻURI KONTRA L-FRODI

Se jitwettqu kontrolli fuq l-użu aħħari ta' xi prodotti koperti b'dan ir-Regolament tal-Kunsill skont l-Artikoli 291 sa 300 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju.

5.           RIMARKI OĦRA

Dan ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1344/2011 eżistenti. L-Anness tar-Regolament eżistenti għandu 1792 linja ta’ prodotti u jirriżulta f'ammont stmat ta' dazji doganali mhux miġbura li jilħqu ammont totali ta' EUR 1040 miljun għas-sena 2013 fuq il-bażi taċ-ċifri reali għall-2013/S1. Din iċ-ċifra hija miksuba fuq il-bażi tad-dejta tal-Eurostat Comext dwar il-valur totali tal-importazzjonijiet ta’ prodotti li jaqgħu taħt is-sospensjonijiet tariffarji awtonomi fl-2013, mmultiplikata bir-rata tad-dazju ad valorem rispettiva tat-Tariffa Doganali Komuni għal-linji tariffarji speċifiċi. L-ammont totali ta’ hawn fuq diġà jeskludi d-dazji mhux miġbura għall-prodotti li mhux se jibqgħu sospiżi wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u t-tħassir tar-Regolament (UE) Nru 1344/2011.

Minbarra l-linji ta’ prodotti sospiżi diġà msemmija, din il-proposta fiha 130 linja ta’ prodotti ġodda li għandhom jiġu sospiżi. Id-dazji mhux miġbura li jikkorrespondu għal dawn is-sospensjonijiet, ikkalkulati fuq il-bażi tat-tbassir tal-Istat Membru rikjedenti jammontaw għal EUR 48 miljun fis-sena. Fuq il-bażi tal-istatistika eżistenti għas-snin preċedenti, jidher, madankollu, li dan l-ammont jeħtieġ li jiżdied b’fattur medju, li huwa stmat għal 1,8, sabiex jitqiesu l-importazzjonijiet fi Stati Membri oħra li jużaw l-istess sospensjonijiet. Dan ifisser dazji mhux miġbura ta’ madwar EUR 86 miljun fis-sena.

Għalhekk id-dazji mhux miġbura li jikkorrispondu għas-sospensjonijiet elenkati fl-Anness ta’ din il-proposta, ikkalkulati fuq il-bażi tal-importazzjonijiet previsti ġewwa l-Istat Membru rikjedenti għall-2014 sal-2018, jammontaw għal EUR 1 126 miljun fis-sena.

Kost stmat ta' din l-operazzjoni

L-impatt fuq it-telf ta’ dħul fir-riżorsi proprji tradizzjonali li jirriżulta minn dan ir-Regolament jista’ jiġi stmat (wara t-tnaqqis tal-kosti tal-ġbir) għal 86 x 75 % = EUR 64,5 miljun fis-sena għall-perjodu bejn l-01.01.2014 u l-31.12.2018.

It-telf ta' dħul fir-riżorsi proprji tradizzjonali għandu jiġi kkumpensat mill-kontribuzzjonjiet tal-Istati Membri abbażi tal-ING.

[1]               Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1344/2011 tad-19 ta' Diċembru 2011 li jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċerti prodotti agrikoli, tas-sajd u industrijali (ĠU L 349, 31.12.2011, p. 1)

[2]               Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1220/2012 tat-3 ta’ Diċembru 2012 dwar miżuri relatati mal-kummerċ sabiex tkun garantita l-provvista ta’ ċerti prodotti tas-sajd lill-proċessuri tal-Unjoni mill-2013 sal-2015, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 104/2000 u (UE) Nru 1344/2011 (ĠU L 349, 19.12.2012, p. 4).

[3]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

[4]               Fir-rigward tar-riżorsi proprji tradizzjonali (dazji agrikoli, imposti fuq iz-zokkor, dazji doganali) l-ammonti indikati jridu jkunu ammonti netti, jiġifieri ammonti grossi wara t-tnaqqis ta’ 25 % tal-kosti tal-ġbir.